Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0084

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/84 tal- 21 ta' Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja

    ĠU L 15, 22.1.2015, p. 54–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/04/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/84/oj

    22.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 15/54


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/84

    tal-21 ta' Jannar 2015

    li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet dumped minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri proviżorji

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet mit-22 ta' Awwissu 2014 dazju anti-dumping proviżorju fuq importazzjonijiet ta' glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja bir-Regolament (UE) Nru 904/2014 (2) (“ir-Regolament proviżorju”).

    (2)

    Il-proċediment inbeda fid-29 ta' Novembru 2013 wara lment ippreżentat fis-16 ta' Ottubru 2013 minn Ajinomoto Foods Europe S.A.S. (“il-kwerelant”), l-uniku produttur tal-Unjoni tal-glutamat tal-monosodju, li għalhekk jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' glutamat tal-monosodju.

    (3)

    Kif stipulat fil-premessa 20 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2012 sat-30 ta' Settembru 2013 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2010 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    2.   Proċedura sussegwenti

    (4)

    Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju antidumping proviżorju (“d-divulgazzjoni proviżorja”), għadd ta' partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    (5)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti verbali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati, u fejn xieraq, immodifikat is-sejbiet proviżorji skont dan.

    (6)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja u tiġbor b'mod definittiv l-ammonti garantiti permezz ta' dazju proviżorju (id-“divulgazzjoni definittiva”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu l-kummenti tagħom dwar il-konklużjonijiet definittivi.

    (7)

    Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu, fejn xierqa.

    3.   Kampjunar

    (8)

    Fin-nuqqas ta' xi kummenti rigward il-metodu tal-kampjunar ta' importaturi mhux relatati, is-sejbiet proviżorji tal-premessi 7 sa 19 tar-Regolament proviżorju huma b'dan ikkonfermati.

    B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    (9)

    Bħal ma hu stipulat fil-premessa 21 tar-Regolament proviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa l-glutamat tal-monosodju (“MSG”) li joriġina mill-Indoneżja, li attwalment jaqa' fil-kodiċi NM ex 2922 42 00 (“il-prodott ikkonċernat”). L-MSG huwa addittiv tal-ikel u jintuża prinċipalment biex itejjeb it-togħma tas-sopop, tal-brodijiet, tal-platti bil-ħut u bil-laħam, taħlitiet ta' ħwawar u ta' ikel lest biex jittiekel. Huwa ppreżentat f'forma ta' kristalli bojod, mingħajr riħa ta' diversi daqsijiet. L-MSG huwa wkoll użat fl-industrija kimika għal applikazzjonijiet mhux tal-ikel bħal deterġenti. L-MSG huwa disponibbli f'diversi daqsijiet ta' ppakkjar, li jvarjaw minn pakketti għall-konsumaturi ta' 0,5 g għal basktijiet għal kwantitajiet kbar li jiżnu 1 000 kg. Daqsijiet iżgħar tal-ippakkjar jinbiegħu permezz tal-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi privati, filwaqt li d-daqsijiet akbar ta' 20 kg u aktar huma ddestinati għall-utenti industrijali. Barra minn hekk, jeżistu gradi differenti ta' purità. Madankollu, mhemm l-ebda differenza fil-karatteristiċi tal-glutamat tal-monosodju bbażata fuq id-daqs tal-pakkett jew il-grad ta' purità.

    (10)

    Fin-nuqqas ta' xi kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet li waslu għalihom fil-premessi 21 sa 25 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    C.   DUMPING

    1.   Valur normali

    (11)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra rigward il-valur normali, il-premessi 26 sa 31 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    2.   Prezz tal-esportazzjoni

    (12)

    Iż-żewġ produtturi esportaturi Indoneżjani li kkooperaw tennew id-dikjarazzjonijiet tagħhom li l-prezzijiet tal-bejgħ lill-kumpaniji relatati tagħhom kienu normali u li d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għandha għalhekk tkun ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ bejn il-produttur esportatur fl-Indoneżja u l-ewwel klijent relatat, iktar milli fuq il-prezz tal-esportazzjoni kostrutt.

    (13)

    B'appoġġ għal din id-dikjarazzjoni, iż-żewġ produtturi esportaturi argumentaw li ma kien hemm ebda evidenza dwar kumpens trasversali bejn prodotti jew spejjeż oħra imġarrba bejn il-kumpanija prinċipali fl-Indoneżja u l-kumpanniji relatati tagħhom. Il-konklużjonijiet fil-premessa 37 tar-Regolament proviżorju għalhekk ma kellhomx jibbażaw fuq dawn l-elementi.

    (14)

    Produttur esportatur wieħed sostna barra minn hekk, li l-kumpanija relatata tiegħu fl-Unjoni ma kinetx importatur imma intermedjarju li kien jerġa' jbigħ il-prodott fl-Unjoni qabel l-approvazzjoni doganali. Dan il-produttur esportatur argumenta li fuq il-bażi ta' dan, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessa 37 tar-Regolament proviżorju, jiġifieri li l-prezz ta' trasferiment bejn kumpaniji relatati ma kienx f'livell li seta' jippermetti lill-importaturi relatati sabiex jagħmlu profitt raġonevoli fl-Unjoni, għaldaqstant ma jkunux applikabbli.

    (15)

    Mill-bidu, għandu jiġi nnutat li s-sempliċi fatt ta' assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur huwa biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista' tittratta l-prezzijiet proprji tal-esportazzjoni bħala mhux affidabbli minħabba li l-eżistenza ta' assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur huwa wieħed minn numru ta' raġunijiet li għalihom il-prezzijiet tal-esportazzjoni attwali jista' jitqies bħala mhux affidabbli. Minħabba l-assoċjazzjoni bejn il-fornitur u l-importatur, il-prezzijiet mitluba minn fornitur lill-kumpanija relatata tiegħu fl-Unjoni huma prezzijiet ta' trasferiment li mhumiex ir-riżultat ta' negozjati distakkati li normalment jipprevalu bejn kumpaniji indipendenti. Barra minn hekk, huwa ċar li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' kumpanija relatata u marġni ta' profitt li tikseb tali kumpannija effettivament inaqqas l-ammont riċevut mill-produttur esportatur bl-istess mod daqskemm normalment jiġġarrab mill-importatur.

    (16)

    Barra minn hekk, fil-każ attwali l-investigazzjoni ddivulgat li dawn il-kumpaniji relatati ma jirrealizzawx marġni ta' profitt sostenibbli fl-Unjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel innotat li marġni ta' profitt ta' importatur mhux relatat li kkoopera ma setax jintuża għax kien kunfidenzjali u għalhekk ma setax jiġi divulgat lill-kompetituri. Għalhekk, intuża (3) bħala parametru referenzjarju marġni ta' profitt li ntuża fi proċedura preċedenti dwar prodotti kimiċi oħra manifatturati minn kumpanija simili tal-industrija u importati fl-Unjoni taħt ċirkostanzi simili bħal f'dan il-każ. Dan il-marġni ta' profitt huwa l-aktar bażi oġġettiva disponibbli biex wieħed jasal għal stima sodisfaċenti ta' tal-prezz tal-esportazzjoni distakkat. Dan il-marġni raġonevoli ta' profitt użat kien ta' 5 %. Peress li l-profitt miksub minn kumpaniji relatati fl-Unjoni huwa ħafna inqas minn dan il-limitu, u fid-dawl tan-natura mhux sostenibbli ta' tali profitt, il-prezz tat-trasferiment ma setax jitqies bħala affidabbli.

    (17)

    Barra minn hekk, mhemmx neċessarjament bżonn ta' evidenza pożittiva li kumpens reċiproku jew ċerti spejjeż imġarrba u normalment merfugħa minn importatur imma mħallsa minn kwalunkwe parti effettivament ikunu seħħew bejn kumpaniji relatati. Kif imsemmi hawn fuq, dawn l-ispejjeż huma dejjem magħmula minn kumpanija relatata hekk kif tali kumpannija twettaq funzjonijiet ta' bejgħ u importazzjoni. Bħala konsegwenza tal-assoċjazzjoni bejn kumpaniji relatati, l-eżistenza ta' kumpens reċiproku permezz ta' prodotti oħra jew spejjeż bħal dawn ma jistgħux jiġu esklużi u għalhekk il-prezzijiet tat-trasferiment mhumiex affidabbli.

    (18)

    Lanqas ma huwa rilevanti jekk il-kumpanija relatata fl-Unjoni hix qed twettaq il-funzjonijiet kollha ta' importatur jew tabilħaqq xi funzjonijiet oħra. Il-kwistjoni relevanti hi jekk il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Komunità huwiex affidabbli. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 15, l-investigazzjoni preżenti ddivulgat li l-livelli ta' prezz bejn kumpaniji relatati ma jippermettix li kumpaniji relatati fl-Unjoni li jirrealizzaw marġni raġonevoli ta' profitt. L-ebda wieħed mill-esporaturi ma pprovdew l-ebda evidenza għaliex dan il-marġni ta' profitt ma jkunx xieraq u għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li saru f'dan ir-rigward għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjati. L-argument li waħda minn dawn il-kumpaniji relatati ma wettqitx il-funzjonijiet ta' importatur fl-Unjoni ma kienx meħtieġ minħabba li, kif imsemmi hawn fuq, il-funzjonijiet preċiżi l-kumpanija wettqet fl-Unjoni huma irrelevanti. Barra minn hekk, il-fatt li l-kumpanija wettqet biss ċerti funzjonijiet ta' importatur huwa neċessarjament rifless fl-ammont ta' bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) tal-kumpaniji relatati iżda ċertament mhux fil-marġni ta' profitt użat. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-fatt li ċertu attivitajiet jitwettqu minn kumpanija relatata qabel l-importazzjoni ma jfissirx li l-prezz tal-esportazzjoni ma jistax jinbena fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti bid-dispożizzjonijiet neċessarji li saru skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

    (19)

    Wara d-divulgazzjoni finali, iż-żewġ produtturi esportaturi Indoneżjani li kkooperaw tennew l-argumenti tagħhom rigward id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Produttur esportatur wieħed ikkontesta l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa 15 li s-sempliċi fatt ta' assoċjazzjoni bejn l-esportatur u l-importatur huwa biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista' tittratta l-prezzijiet proprji tal-esportazzjoni bħala mhux affidabbli u stqarr li dan imur kontra l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-istess produttur esportatur iddikjara li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessa 17 li ċerti spejjeż imġarrba minn kumpanija relatati hekk kif it-tali kumpannija twettaq funzjonijiet ta' bejgħ jew importazzjoni ma kinitx ibbażata fuq il-fatti tal-każ. Finalment, dan il-produttur esportatur sostna li l-Kummissjoni ma indirizzatx il-fatt li l-livelli tal-prezzijiet li l-kumpanija relatata u dawk lil klijenti indipendenti fl-Unjoni kienu simili.

    (20)

    Il-produttur esportatur l-ieħor sostna t-talba tiegħu li l-prezz tal-esportazzjoni tiegħu lejn l-ewwel klijent indipendenti fuq il-fruntiera tal-Unjoni għandu jitqies għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni waqt li jenfasizza li l-kumpanija relatata kienet aġixxiet biss bħala intermedjarju u li fost oħrajn, l-approvazzjoni doganali kienet saret mill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni.

    (21)

    Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, ta' min jinnota li skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fuq il-bażi tal-fatti tal-każ, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom ikunu mibnija skont l-assoċjazzjoni bejn l-esportaturi u partijiet relatati. Tabilħaqq, l-investigazzjoni wriet li dawn il-partijiet relatati ma kisbux marġni ta' profitt sostenibbli fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. F'dan ir-rigward, il-funzjoni tal-kumpanija relatata fl-Unjoni mhijiex rilevanti meta jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni f'dan il-każ għandhom jiġu mibnija. Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa 18 hawn fuq, il-fatt li l-kumpaniji relatati jwettqu biss ċerti funzjonijiet ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku iżda huwa rifless f'ammont aktar baxx ta' SG&A li għandu jitnaqqas mill-prezz li bih il-prodott ikkonċernat huwa mibjugħ mill-ġdid lill-ewwel xerrej indipendenti. Fl-aħħar nett, ta' min jinnota wkoll li l-produtturi esportaturi ma pprovdew l-ebda prova fattwali ġdida li tista' treġġa' lura dawn il-konklużjonijiet. Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni dwar il-livell simili tal-prezz għal klijenti indipendenti relatati fl-Unjoni, ta' min jinnota li din id-dikjarazzjoni ġiet indirizzata fil-premessa 37 tar-Regolament provviżorju. L-investigazzjoni sabet li minkejja livelli simili tal-prezzijiet mal-konsumaturi indipendenti, il-prezzijiet ta' trasferiment bejn kumpaniji relatati ma kinux f'livell li jista' jippermetti lill-importaturi relatati jagħmlu profitt sostenibbli fl-Unjoni. Għalhekk, dawn l-argumenti ma għandhomx jiġu aċċettati.

    (22)

    L-argumenti li jikkonċernaw l-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mibnija fl-investigazzjoni preżenti għandu għalhekk ma għandux jiġi aċċettat.

    (23)

    L-istess żewġ produtturi esportaturi qalu li, jekk il-prezzijiet tal-esportazzjoni jkunu mibnija minkejja l-argumenti tagħhom imsemmija fil-premessi 12 sa 14, il-marġni ta' profitt raġonevoli ta' 5 % użat għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni kien sopravvalutat u li l-marġni ta' profitt reali ta' kumpaniji relatati tagħhom għandhom jintużaw minflok peress li l-prezzijiet bejn il-partijiet relatati kienu fl-istess livell bħal dawk tal-klijenti indipendenti.

    (24)

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 15 sa 18 dwar l-affidabbiltà tal-prezzijiet ta' trasferiment u l-marġni tal-profitti tal-kumpanniji relatati fl-Unjoni, dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat. Fi kwalunkwe każ, l-allowances għal spejjeż imġarrba skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku kienu bbażati fuq l-ispejjeż SG &a tal-kumpanija stess u għalhekk irriflettew l-attivitajiet ta' dawn il-kumpaniji, tkun xi tkun il-funzjoni tagħhom. Gћaldaqstant dan l-argument ma għandux jintlaqa'.

    (25)

    Wieħed mill-produtturi esportaturi t'hawn fuq allega li, għal tranżazzjonijiet speċifiċi ma' kumpannija li mhix relatata mal-produttur esportatur, il-prezz tal-esportazzjoni kellu jiġi bbażat fuq il-prezz li fil-fatt tħallas jew jista' jitħallas skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni sabet, madankollu, li l-bejgħ ikkonċernat ma kienx bejgħ b'esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, it-tranżazzjonijiet ikkonċernati kienu esklużi mid-determinazzjoni tal-prezz ta' esportazzjoni. Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur ikkontesta din l-esklużjoni fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-bejgħ kollu tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni prodott mill-produttur esportatur. Madankollu, il-bejgħ kollu lill-klijent indipendenti kkonċernati tqies għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Kwalunkwe tranżazzjoni sussegwenti minn dan klijent indipendenti għandha tiġi injorata għaliex l-ewwel ma humiex bejgħ tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(8) u (9) tar-Regolament bażiku u t-tieni, hemm riskju ta' għadd doppju ta' dan il-bejgħ. Fuq din il-bażi, l-argument tal-produttur esportaturma ġiex aċċettat.

    (26)

    Fin-nuqqas ta' xi kummenti oħra rigward id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi 32 sa 38 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    3.   Tqabbil

    (27)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, iż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw ikkontestaw li l-ispejjeż imġarrba għall-ġarr tal-oġġetti mill-fabbrika għall-maħżen jitqiesu bħala spejjeż loġistiċi interni u b'hekk ma jaffettwax il-komparabbiltà tal-prezzijiet.

    (28)

    Wieħed mill-produtturi esportaturi kellhom diversi mħażen tad-distribuzzjoni fis-suq domestiku li minnhom intbgħat l-MSG lill-klijenti finali. Dan il-produttur esportatur saħaq li l-ispejjeż tat-trasport mill-fabbrika lejn l-imħażen għandhom jitqiesu bħala spejjeż domestiċi tal-merkanzija u jitnaqqsu mill-valur normali peress li l-ebda spejjeż bħala dawn ma jiġġarrbu fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-produttur esportatur l-ieħor sostna li f'xi każijiet l-ispiża biex tinġarr il-merkanzija lejn il-maħżen tista' tintrabat ma' fattura speċifika u għalhekk hija spiża diretta tal-bejgħ u din l-ispiża hija inkluża fil-prezz mitlub lill-klijenti, li taffettwa l-komparabilità tal-prezzijiet. Għalhekk għandha titnaqqas mill-valur normali.

    (29)

    L-imħażen huma kkunsidrati bħala parti mill-bini ta' produttur esportatur u biss mill-mument li prodott jiġi fil-maħżen huwa lest għall-bejgħ. Id-distanza tal-maħżen mill-fabbrika huwa irrilevanti, kif ukoll il-fatt jekk it-trasport mill-fabbrika fil-maħżen jistax jintrabat ma' tranżazzjoni speċifika ta' bejgħ domestiku peress li dawn huma spejjeż li normalment jiġġarrbu qabel il-bejgħ u għalhekk mhux spiża diretta tal-bejgħ li għandha effett fuq il-kumparabbiltà tal-prezz. Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku, id-dikjarazzjonijiet f'dan ir-rigward ma għandhomx jiġu aċċettati.

    (30)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-produttur esportatur li kkoopera li esporta l-MSG permezz ta' kumpannija relatata barra l-Unjoni ddikjara li l-esportazzjoni tiegħu ma għandhiex tiġi aġġustata skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, billi l-kumpanija relatata barra l-Unjoni ma aġixxietx bħala aġent u li ma ħadmitx fuq bażi ta' kummissjoni. Il-produttur esportatur iddikjara wkoll iż-żieda fuq il-prezz tal-kumpanija relatata inkwistjoni, li servet bħala bażi għall-aġġustament li sar, ma taffetwax il-komparabilità tal-prezz minħabba li hi u tiffissal-prezz ta' esportazzjoni, il-Kummissjoni diġà kienet naqqset marġni raġonevoli ta' profitt fil-livell ta' kumpanija relatata fl-Unjoni li jkun ikopri kull marġni ta' profitt relatat ma' tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji kollha. Il-produttur esportatur iddikjara wkoll li jekk xejn, huma biss l-ispejjeż SG&A tal-kumpanija relatata barra l-Unjoni li għandhom jitnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni ffissat.

    (31)

    L-investigazzjoni stabbiliet li l-kumpanija relatata li tinsab barra l-Unjoni żammet żieda fuq il-prezz għal kull bejgħ ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni. Iż-żieda fuq il-prezz affettwat il-kumparabbiltà tal-prezzijiet, peress li nżammet biss fuq il-bejgħ ta' esportazzjoni u mhux fuq il-bejgħ fis-suq domestiku. Id-dikjarazzjoni li l-marġni tal-profitt tal-kumpannija relatata kien diġà kontabilizzat meta ġie ffissat il-prezz ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma setgħetx tiġi aċċettata. Dan huwa minħabba li l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) u l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku għandhom għanijiet differenti, huma separati u distinti minn xulxin u rregolati b'regoli sustantivi differenti. L-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għandu l-għan li jistabbilixxi prezz ta' esportazzjoni affidabbli filwaqt li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku għandu l-għan li jiżgura komparabbiltà tal-prezz ta' esportazzjoni u l-valur normali. Ladarba l-prezz tal-esportazzjoni jkun ġie debitament stabbilit skont il-paragrafi (8) jew (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, kwalunkwe aġġustament ulterjuri skont l-Artikolu 2(10) tagħha ma jibqax jikkonċerna l-prezz tal-esportazzjoni u bħala tali bl-ebda mod ma hu maħsub biex jiddetermina il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni bħala tali. Għalhekk, il-produttur esportatur li kkoopera ma jarax l-iskop tal-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, li huwa li jagħmel il-prezz paragunabbli mal-valur normali u ma jiddeterminax il-prezz tal-esportazzjoni bħala tali. Għalhekk, il-marġni ta' profitt raġonevoli mnaqqas skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jkoprix kwalunkwe żieda fuq il-prezz irrealizzata fl-istess kanal tal-bejgħ. Fir-rigward tal-ammont li għandu jiġi aġġustat, l-aġġustament li sar jirrifletti ż-żieda fuq il-prezz realment imposta bejn kumpaniji relatati, u b'hekk fil-fatt jaffettwaw il-prezzijiet u il-kumparabbiltà tal-prezzijiet. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni li jinbidel b'ammont teoretiku ieħor. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija intitolata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kumpannija relatata li tinsab barra l-Unjoni qed tirċievi ħlas (fil-forma ta' żieda fuq il-prezz miżmuma mill-kumpanija relatata fuq bejgħ fatturat lill-klijenti fl-Unjoni). Għal kumpanija relatata li tikkwalifika bħala impriża suġġetta għal taxxa korporattiva fil-pajjiż li jinsab barra l-Unjoni (li jkollu rata tat-taxxa korporattiva konsiderevolment anqas mill-Indoneżja) fuq dawk il-pagamenti, għandha tkun qed tiżvolġi attività ekonomika ġenwina hemmhekk. Bħala tali, il-produttur esportatur Indoneżjan ma jistax simultanjament ifittex li jiżgura trattament fiskali favorevoli li hu jikseb mill-preżenza tal-kumpanija relatata fil-pajjiż barra l-Unjoni u l-attività ekonomika ta' din tal-aħħar f'dik il-ġurisdizzjoni filwaqt li fl-istess ħin jikkontestata fil-kuntest ta' proċedimenti ta' anti-dumping li l-kumpanija relatata ma twettaq l-ebda attivitajiet ekonomiċi. Għalhekk, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu rifjutati.

    (32)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur tenna d-dikjarazzjonijiet tiegħu rigward l-aġġustament taż-żieda fuq il-prezz tal-kumpanija relatata tiegħu u kkontesta li l-kunsiderazzjonijiet tat-taxxa għandhom jitqiegħdu fil-kuntest ta' investigazzjoni antidumping. Il-produttur esportatur idd-ikjara wkoll li filwaqt li ma jikkontestax li l-kumpanija relatata tiegħu kellha attivitajiet kummerċjali fil-pajjiż terz ikkonċernat, dawn kienu limitati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, ġie sostnut li l-attivitajiet tal-kumpanija relatata kienu manifestament differenti minn dawk ta' aġent u ma kienet tirċievi ebda kummissjoni mill-produttur esportatur fir-rigward tal-bejgħ lejn l-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur tenna li meta kien qed jiġi ffissat il-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kient diġà naqqset il-marġni ta' profitt raġjonevoli fil-livell tal-kumpanija relatata fl-Unjoni li tkun tkopri kull marġini ta' profitti relatat ma' tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji kollha. F'dan ir-rigward, il-produttur esportatur allega li fil-każ ta' bejgħ suċċessiv bejn kumpaniji relatati, tkun tabilħaqq il-prattika tal-Kummissjoni li tnaqqas biss il-marġni ta' profitt tal-kumpanija relatata li tbigħ direttament lill-klijent indipendenti fl-Unjoni iżda mhux il-marġini ta' qligħ mill-kumpaniji relatati oħrajn fuq l-istess kanal tal-bejgħ.

    (33)

    Ta' min jinnota li, f'dan il-każ, l-eżistenza ta' entità separata tat-taxxa tista' sservi bħala indikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi sinifikanti li jsiru mill-parti relatata li tinsab barra mill-Unjoni peress li attivitajiet bħal dawn huma meħtieġa taħt liġi tat-taxxa domestika. F'dan il-każ, u kif ġie spjegat fil-premessa 31 il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li l-produttur esportatur ikkonċernat għandu parti relatata barra l-Unjoni b'attività ekonomika sinifikanti u l-fatt li l-parti relatata barra l-Unjoni naqqset iż-żieda fuq il-prezz għal kull tranżazzjoni ta' bejgħ tal-prodott ikkonċernat bejn partijiet relatati, u għalhekk affettwat il-paragonabilità tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-MSG lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, kif issemma fil-premessa 31 l-ammont li fuqu kien ibbażat l-aġġustament irrifletta ż-żieda attwali ivverifikata fuq il-prezz imposta bejn kumpaniji relatati, u għalhekk ukoll irriflettiet b'mod preċiż l-attivitajiet tal-kumpanija relatata. Għalhekk, dawn l-argumenti ma għandhomx jiġu aċċettati.

    (34)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-istess produttur esportatur oġġezzjona għall-aġġustament li sar għal kummissjonijiet imħallsa fuq il-prezz tal-esportazzjoni fejn iddikjara li dawn ma kinux spejjeż ta' bejgħ dirett, iżda mħallsa fuq bażi ta' darba fix-xahar, u b'hekk mhumiex marbuta ma' tranżazzjoni ta' bejgħ speċifiku u ma jaffettwawx il-komparabilità tal-prezzijiet. Dan il-produttur esportatur allega li kummissjonijiet imħallsa kellhom effett biss bejn kumpaniji relatati, u li għalhekk l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma jkunx applikabbli. Il-prodottur esportatur argumenta wkoll li, ibbażat fuq is-suppożizzjoni li dawn kienu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda mal-kumpanija relatata tiegħu, kwalunkwe trasferiment ta' flus fi ħdan din l-entità ekonomika ma jkunx spiża jew dħul għal din l-entità ekonomika.

    (35)

    L-investigazzjoni stabbilixxiet li skont “ftehim ta' kummissjonijiet” bejn il-produttur esportatur u l-kumpanija relatata tiegħu, meta l-produttur esportatur fl-Indoneżja biegħ direttament lil klijenti indipendenti fis-suq tal-Unjoni (minflok permezz tal-kumpanija relatata tiegħu), ġew dovuti kummissjonijiet. Il-kummissjoni li tħallset kienet marbuta direttament mal-valur nett tal-bejgħ. Bħala riżultat, ir-relazzjoni diretta bejn il-bejgħ u l-kummissjoni mħallsa affettwat il-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

    (36)

    Fl-aħħar nett, is-suppożizzjoni li l-kumpaniji relatati kienu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda mhijiex eżatta. L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-produttur esportatur stess kellu dipartiment tal-esportazzjoni kompletament funzjonali u ma hemm l-ebda duplikazzjoni ta' kompiti relatati mal-esportazzjoni bejn il-produttur esportatur u l-importatur relatat. Għalhekk il-kumpanija relatata ma tistax titqies bħala dipartiment ta' bejgħ intern u dawn l-argumenti ma għandhomx jiġu aċċettati.

    (37)

    Alternattivament, fil-każ li l-prezzijiet tal-esportazzjoni jkunu aġġustati skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, il-produttur esportatur iddikjara li l-ammont tal-kummissjonijiet imħallsa għandu jiġi eskluż mill-ispejjeż SG&A tal-kumpanija relatata li kienu tnaqqsu mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Madankollu, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, meta jiġi stabbilit prezz affidabbli għall-esportazzjoni l-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid għandhom jitnaqqsu mill-prezz ta' bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni u ma hemm ebda bażi legali biex jiġu kkumpensati dawn l-ispejjeż minn kwalunkwe dħul kif mitlub mill-produttur esportatur. Barra minn hekk, l-ispejjeż SG&A ta' kumpanija relatata fl-Unjoni kienu jappartjenu għal kanal differenti ta' bejgħ (jiġifieri permezz tal-klijent relatat) mid-dħul minn kummissjoni li kienet marbuta mal-kanal ta' bejgħ lil klijenti mhux relatati. Fl-aħħar nett, l-aġġustament għal żieda fuq il-prezz skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont il-paragrafi (8) jew (9) tal-istess Artikolu 2 għandhom għanijiet differenti u jirrappreżentaw żewġ stadji differenti ta' analiżi ta' dumping.

    (38)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur tenna d-dikjarazzjoniijiet tiegħu rigward il-Kummissjoni deskritti fil-premessa 35 u argumenta li tkun ħaġa inkonsistenti li wieħed jikkunsidra l-prezzijiet tat-trasferiment bejn il-partijiet relatati bħala mhux affidabbli min-naħa waħda u li jiġi aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni abbażi ta' ftehim bejn il-partijiet relatati tal-Kummissjoni min-naħa l-oħra. Il-produttur esportatur kompla jikkontesta s-sejbiet stipulati fil-premessa 35 li l-kummissjoni li tħallset kienet direttament marbuta mal-valur nett tal-bejgħ u li għaldaqstant kien hemm relazzjoni diretta bejn il-bejgħ u l-kummissjoni mħallsa u b'hekk ġiet affettwata l-komparabilità tal-prezz, peress li kienet titħallas darba fix-xahar u d-dettalji tal-kalkolu tal-kummissjoni ma ġewx żvelati bejn il-partijiet.

    (39)

    Il-produttur esportatur la ssostanzja ulterjorment id-dikjarazzjonijiet u lanqas ipprovda xi informazzjoni fattwali li tappoġġja d-dikjarazzjoni tiegħu li tista' treġġa' lura l-konklużjonijiet imsemmijin hawn fuq. Għalhekk, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi 35 sa 37 huma kkonfermati.

    (40)

    Wara divulgazzjoni proviżorja, produttur li jesporta wieħed qal li għandu jsir aġġustament fuq il-valur normali għall-ispejjeż ta' promozzjoni u ta' inċentiv. Il-produttur esportatur argumenta li dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni filwaqt li kellhom impatt dirett fuq il-prezz ta' bejgħ domestiku. B'sostenn ta' dan l-argument, il-produttur esportatur iddikjara li, għall-inqas f'ċerti każijiet, dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu ttraċċati għal tranżazzjonijiet ta' bejgħ domestiku speċifiku. Fl-aħħar nett, dan il-produttur esportatur argumenta li l-ispejjeż promozzjonali u ta' inċentiv kienu jirriflettu l-livelli differenti ta' kummerċ fis-suq domestiku (fejn l-MSG jinbiegħ direttament lil bejjiegħa bl-imnut) fuq naħa waħda u l-bejgħ lejn l-Unjoni (li saru lil negozjanti u distributuri) min-naħa l-oħra.

    (41)

    L-investigazzjoni wriet li l-ispejjeż promozzjonali u ta' inċentiv kienu fil-biċċa l-kbira marbuta ma' kontijiet tal-klijenti u mhux ma' tranżazzjonijiet speċifiċi ta' bejgħ. Spejjeż promozzjonali u ta' inċentivi jiġġarrbu irrispettivament jekk il-prodott jinbiegħx jew le finalment. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-ispejjeż iddikjarati li huma marbuta ma' tranżazzjoni speċifika ta' bejgħ fil-fatt ma kinux riflessi fil-prezz. Fuq din il-bażi ġie konkluż li l-ispejjeż promozzjonali u ta' inċentivi ma għandhomx jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbità tal-prezz u li din id-dikjarazzjoni tiġi rrifjutata.

    (42)

    Produttur esportatur wieħed iddikjara li l-MSG ta' kristalli kbar (Id-daqs tal-malja) kellu karatteristiċi fiżiċi differenti u kien jinbiegħ f'livell differenti ta' kummerċ meta mqabbel mal-MSG esportat lejn l-Unjoni. Il-produttur esportatur argumenta għalhekk li l-MSG ta' kristalli kbar għandu jiġi eskluż mid-determinazzjoni tal-valur normali.

    (43)

    L-investigazzjoni stabbilixxiet li jrżistu diversi daqsijiet ta' malji: trab, fin, żgħir, regolari, u kbir. Id-daqsijiet kollha tal-malji huma inklużi fl-ambitu tal-prodott, peress li għandhom l-istess karatteristiċi, użu aħħari u huma interkambjabbli. Għalhekk, it-tipi ta' prodotti għandhom jiġu inklużi fid-determinazzjoni tal-valur normali. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbiliet li d-daqsijiet tal-malji differenti ma kinux fatturi ta' spiża.

    (44)

    L-investigazzjoni wriet ukoll li l-klijenti fis-suq domestiku li xtraw malji kbar tal-MSG xtraw ukoll daqsijiet oħra tal-malji. Ma kien hemm l-ebda evidenza li d-differenza fil-prezz osservata għal maljikbar tal-MSG kienet marbut mal-karatteristiċi fiżiċi jew mal-livell ta' kummerċ peress li kien possibbli li ssir rabta bejn din id-differenza fil-prezzijiet ma' elementi oħrajn bħal konsumaturi u l-volumi mixtrija. Barra minn hekk, il-produttur esportatur ma kkwantifikax l-allegata differenza fil-karatteristiċi fiżiċi. Għaldaqstant, f'dan ir-rigward, l-argumenti satu għadhom jiġu rifjutati.

    (45)

    Fl-assenza ta' kwalukwe kummenti oħrajn rigward il-paragun, il-konklużjonijiet milħuqa fi premessi 39 sa 46 tar-Regolament proviżorju qed jiġu hawnhekk ikkonfermati.

    4.   Marġni ta' dumping

    (46)

    Fl-assenza ta' kummenti, il-metodoloġija ġenerali użata għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping, kif stabbilit fil-premessi 47 sa 48 tar-Regolament proviżorju, huma kkonfermati.

    (47)

    Filwaqt li jitqiesu l-esklużjoni ta' ċerti tranżazzjonijiet mid-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta' produttur esportatur wieħed kif deskritt fil-premessa 25, u fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-marġni ta' dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF (kost, assigurazzjoni u merkanzija) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni ta' dumping

    PT. Cheil Jedang Indonesia

    7,2 %

    PT. Miwon Indonesia

    13,3 %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    28,4 %

    D.   ĦSARA

    1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

    (48)

    Partijiet interessati tennew li l-Kummissjoni għandha teskludi lill-produttur tal-Unjoni li kkoopera mill-industrija tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' produttur esportatur fl-Indoneżja relatat miegħu. Kien argumentat li l-istampa tal-ħsara tista' tintlaqat minn din ir-relazzjoni.

    (49)

    Il-partijiet ikkonċernati ma ppreżentaw ebda informazzjoni jew evidenza ġdida f'dan ir-rigward. B'mod partikolari, huma ma ssostanzjawx id-dikjarazzjoni tagħhom fir-rigward ta' sa fejn l-istampa tal-ħsara setgħet kienet affettwata. Kif stipulat fil-premessa 53 tar-Regolament proviżorju, f'dan il-każ, ma hemmx bżonn li jiġi eskluż il-produttur tal-Unjoni li kkoopera mill-industrija tal-Unjoni minkejja r-relazzjoni tiegħu ma' produtturi esportaturi li ma kkoperawx fl-Indoneaja minħabba dan l-uniku produttur tal-Unjoni kkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni u kien suġġett għal verifika sħiħa. Għalhekk, in-nuqqas tal-produttur esportatur Indoneżjan li jikkoopera fl-investigazzjoni ma kellu ebda impatt fuq il-mod kif tiżvolġi l-investigazzjoni. Gћaldaqstant dan l-argument ma għandux jintlaqa'.

    (50)

    Wara d-divulgazzjoni, il-partijiet ikkonċernati tennew l-argument li l-produttur tal-Unjoni li kkoopera għandu jiġi eskluż mill-industrija tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni ta' produttur esportatur fl-Indoneżja relatat miegħu. Dawn il-partijiet argumentaw li n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa ta' dan il-produttur esportatur relatat fl-Indoneżja seta' jaffettwa l-istampa tal-ħsara tal-industrija tal-Unjoni. Fis-sustanza, huma argumentaw li l-prezzijiet tal-MSG kellhom jiġu negozjati fuq bażi globali dinjija u li minħabba r-relazzjoni kien hemm riskju ta' kontro kumpens li jikkonsisti f'li jitbaxxew il-prezzijiet lill-klijenti fis-suq tal-Unjoni u li jintalbu prezzijiet ogħla f'suq ta' pajjiż terz. Billi ma jikkooperax mal-investigazzjoni, dan il-produttur esportatur relatat fl-Indoneżja jċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tivverifika jekk il-kontro kumpens seħħx.

    (51)

    Il-partijiet ikkonċernati illimitaw ruħhom għal li jqajmu l-argument iżda mingħajr ma jissostanzjawh b'ebda evidenza attwali. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-prezzijiet mitluba mill-produttur tal-Unjoni lill-klijenti tagħha fis-suq tal-Unjoni, li kienu vverifikati matul l-investigazzjoni, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li dawn il-prezzijiet tbaxxew għal raġunijiet ta' kontro kumpens. Għall-kuntrarju, kif imsemmi fil-premessa 100 tar-Regolament provviżorju, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja naqsu bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat, fatt li eżerċita pressjoni fis-suq tal-Unjoni b'tali mod li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet tagħha b'konformità maż-żieda fl-ispejjeż tagħha. Għalhekk l-industrija tal-Unjoni bħala entità sħiħa ġiet sfurzata biex tbaxxi l-prezzijiet tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. Għaldaqstant l-argument ġie rifjutat.

    (52)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi 50 sa (51) tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.   Konsum tal-Unjoni

    (53)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, parti interessata waħda ddikjarat li d-deskrizzjoni tal-iżvilupp tal-konsum tal-Unjoni fil-premessa 55 tar-Regolament proviżorju ma kinitx kompluta. Partikolarment, din il-parti argumentat li t-tnaqqis fil-konsum minn FY2010/2011 sa FY2011/2012 kien minħabba l-fatt li l-importazzjonijiet mill-Vjetnam ġew sostitwiti b'importazzjonijiet irħas mill-Indoneżja u li għalhekk, il-klijenti fl-Unjoni, li allura ma kinux qed jistennew żidiet fil-prezzijiet, biegħu l-istokkijiet akkumulati tagħhom bil-konsegwenza li l-bejgħ b'mod ġenerali fl-Unjoni naqas.

    (54)

    Iċ-ċirkostanzi deskritti mill-parti interessata kkonċernata ma kkontradixxewx bħala tali l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa 55 tar-Regolament proviżorju li t-tnaqqis fil-konsum bejn FY2010/2011 u u FY2011/2012 kien dovut l-aktar għal tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. B'mod speċifiku, bejn FY2010/2011 u FY2011/2012, kemm il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi naqsu. Madankollu, filwaqt li l-importazzjonijiet totali naqsu biss bi 2 % (ara l-premessa 107 tar-Regolament proviżorju), il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b'16 % (premessa 72 tar-Regolament proviżorju). It-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni ħabat mat-tnaqqis tal-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif muri fit-tabella fil-premessa 68 tar-Regolament proviżorju.

    (55)

    Madankollu, kif muri fit-tabella fil-premessa 104 tar-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet mill-Vjetnam bejn FY2010/2011 u FY2011/2012 żdiedu, b'kuntrast ma' dak li ddikjarat il-parti interessata kkonċernata, filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, bħall-Brażil naqsu bi kważi 60 % matul l-istess perjodu. Is-suppożizzjoni li l-importazzjonijiet mill-Vjetnam ġew sostitwiti minn importazzjonijiet mill-Indoneżja għalhekk mhix ikkonfermata mis-sejbiet.

    (56)

    Barra minn hekk, il-parti interessata ma ssostansjatx id-dikjarazzjoni tagħha li l-utenti kellhom stokkijiet akkumulati qabel il-perjodu kkunsidrat u li huma biegħu dawn fi kwantitajiet miżjuda meta żdiedu l-importazzjonijiet mill-Indoneżja. Dawn l-allegazzjonijiet lanqas ma setgħu jiġu kkonfermati matul l-investigazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-parti interessata f'dan ir-rigward m'għandhomx jintlaqgħu.

    (57)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi 52 sa 55 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    (58)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi 56 sa 66 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    (59)

    Parti interessata minnhom iddikjarat li minkejja li l-volum tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqsu matul il-perjodu kkunsidrat, dan kien biss bħala konsegwenza ta' żieda sostanzjali qabel dan il-perjodu. Din il-parti ddikjarat li, għaldaqstant, it-tnaqqis fil-perjodu kkunsidrat ma kellux jiġi kkunsidrat bħala żvilupp negattiv u ma kienx se juri ħsara. Madankollu, huma biss it-tendenzi stabbiliti matul il-perjodu kkunsidrat li normalment jiġu kkunsidrati meta jiġi vvalutat l-iżvilupp tal-indikaturi tal-ħsara. F'dan il-każ ma kien hemm l-ebda raġuni valida biex wieħed jiżvija minn din il-prattika u biex jivvaluta l-iżviluppi tal-indikaturi tal-ħsara fuq perjodu estiż. Għalhekk, dan l-argument ma għandux jintlaqa'.

    (60)

    L-istess parti interessata allegat li l-inklużjoni possibbli ta' prodotti sekondarji setgħet żiedet b'mod artifiċjali l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni li wkoll kien ikollha impatt fuq il-profittabbiltà. L-allegazzjoni kienet skorretta. L-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, inklużi l-prodotti sekondarji kienu soġġetti għal verifika u l-kompletezza u l-korrettezza tal-ispejjeż ġew stabbiliti b'mod sodisfaċenti. Għalhekk din id-dikjarazzjoni m'għandhiex tintlaqa'.

    (61)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar l-iżvilupp tal-indikaturi tal-ħsara, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi 67 sa 93 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    5.   Konklużjoni dwar il-ħsara

    (62)

    Parti interessata minnhom iddikjarat li mhux l-indikaturi kollha tal-ħsara wrew xejra negattiva u li l-eżistenza ta' tendenza negattiva fi ftit indikaturi tal-ħsara biss mhijiex suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni sofriet ħsara materjali.

    (63)

    Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku mhux l-indikaturi kollha għandu jkollhom tendenza negattiva sabiex wieħed jasal għal konklużjoni dwar l-eżistenza tal-ħsara. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni kienet skorretta peress li l-investigazzjoni wriet li kważi l-indikaturi kollha tal-ħsara wrew tendenza negattiva matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk dawn id-dikjarazzjonijiet m'għandhomx jintlaqgħu.

    (64)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi 94 sa 96 tar-Regolament proviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku kienu kkonfermati.

    E.   KAWŻALITÀ

    1.   Effett tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping

    (65)

    Parti waħda sostniet li minħabba s-sejbiet stabbiliti fil-premessa 66 tar-Regolament proviżorju, jiġifieri li l-medja peżata tal-marġni ta' twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja kien bejn 0 % u 5 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni, dawn l-importazzjonijiet ma setgħux ikkawżaw il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni minħabba li ma setax kellhom effett ta' pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni.

    (66)

    Din l-allegazzjoni ma kinitx appoġġjata mill-fatti tal-investigazzjoni. Kif spjegat fil-premessi 99 u 100 tar-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping mill-Indoneżja żdiedu b'mod sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat, kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini ta' sehem mis-suq. Din iż-żieda ħabtet ma' tnaqqis fil-volum tal-bejgħ u s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet ta' tali kwantitajiet sostanzjali sfurzaw lill-industrija tal-Unjoni tbaxxi l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha sabiex jiġu allinjati mal-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indoneżjani. B'riżultat ta' dan, il-marġnijiet ta' twaqqigħ tal-prezzijiet li nstabu kienu tabilħaqq baxxi. Madankollu, fl-istess ħin, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha skont iż-żieda fl-ispejjeż li jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-profitti tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. Dan huwa kkonfermat mid-daqs tal-marġni ta' ħsara misjuba b'firxa ta' bejn l-24,9 % u s-47,0 % kif imsemmi fil-premessa 125. Gћaldaqstant dan l-argument ma għandux jintlaqa'.

    (67)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-effetti tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi 98 sa 101 tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    2.   Effett ta' fatturi oħrajn

    2.1.   Effett ta' importazzjonijiet miċ-Ċina

    (68)

    Żewġ partijiet interessati allegaw li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa 103 tar-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom effett negattiv fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u kkontribwixxew għalhekk għal-ħsara materjali.

    (69)

    F'termini assoluti, il-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu f'livelli baxxi matul il-perjodu kkunsidrat kif imsemmi fil-premessa 102 tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, meta jittieħdu f'konsiderazzjoni d-dazji anti-dumping, il-prezzijiet ta' importazzjoni kienu f'livelli ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u ogħla wkoll mill-prezzijiet tal-importazzjoni Indoneżjani. L-allegazzjoni li l-importazzjonijiet Ċiniżi kkontribwixxew għal-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni, fid-dawl tal-volumi tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-importazzjoni li oriġinaw miċ-Ċina, ma ntlaqgħetx.

    (70)

    Il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi 102 u 103 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.2.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

    (71)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment dwar l-effett tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi 104 sa 108 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.3.   Żvilupp tal-konsum tal-Unjoni

    (72)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja proviżorju, parti interessata waħda saħqet li t-tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni seħħ fl-istess waqt tat-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni li għalhekk kien il-kawża prinċipali tal-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

    (73)

    Kif stabbilit fil-premessa 109 tar-Regolament proviżorju, it-tnaqqis fil-konsum kien biss ta' 2 % filwaqt li t-tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien ta' 17 % matul il-perjodu kkunsidrat. Għaldaqstant, it-tnaqqis fil-konsum ħafna ma jistax jispjega t-tnaqqis ħafna ogħla fil-volum tal-bejgħ. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu minkejja li l-konsum kien dejjem qed jonqos. Għalhekk din id-dikjarazzjoni m'għandhiex tiġi milqugħha.

    (74)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa 109 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.4.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (75)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment rigward l-effett tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi 110 sa 112 kienu kkonfermati.

    2.5.   Ineffiċjenzi allegati fl-industrija tal-Unjoni

    (76)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, żewġ partijiet tennew li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kien minħabba l-allegati ineffiċjenzi inerenti fil-proċess tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni inkluż l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi mill-industrija tal-Unjoni.

    (77)

    Dawn il-partijiet ma jispeċifikawx in-natura tal-allegati ineffiċjenzi. Kif stabbilit fil-premessa 113 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ma xeħtet dawl fuq l-ebda ineffiċjenza potenzjali tal-industrija tal-Unjoni u d-dikjarazzjonijiet f'dan ir-rigward ma ntlaqgħux.

    (78)

    Wara l-iżvelar, parti interessata tenniet id-dikjarazzjonijiet tagħha rigward l-ineffiċjenzi tal-industrija tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, il-parti kkonċernata allegat li l-għeluq għall-manutenzjoni, l-integrazzjoni ta' kumpanija preċedenti affiljata tagħha, iż-żieda fl-ispiża tax-xogħol u investimenti importanti futuri u l-effett fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni ma ġewx investigati.

    (79)

    B'kuntrast ma' dak li ntqal, il-fatturi msemmija hawn fuq kienu tabilħaqq analizzati mill-Kummissjoni kif stabbilit fil-premessi 94 sa 96 (għeluq għall-manutenzjoni), 89 u 90 (integrazzjoni tal-kumpanija preċedenti affiljata), 91 kostijiet lavorattivi u 82 u 83 (investimenti) hawn taħt iżda ma ġiet indikata l-ebda ineffiċjenza potenzjali tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan l-argument ma ġiex aċċettat.

    (80)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn rigward dan ta' hawn fuq, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa 113 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.6.   Kriżi finanzjarja

    (81)

    Fin-nuqqas ta' xi kummenti rigward l-effett tal-kriżi finanzjarja, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa 114 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.7.   Investimenti u rekwiżiti ta' sikurezza regolatorja tal-UE

    (82)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, parti interessata waħda ddikjarat li l-livell għoli ta' investimenti magħmula mill-industrija tal-Unjoni kkawżaw il-ħsara. Din il-parti argumentat li huwa irrelevanti jekk l-investimenti kinux meħtieġa, peress li għandu jiġi analizzat biss l-effett tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u b'mod partikolari l-effett tagħhom fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

    (83)

    Din il-parti ma spjegatx sa liema punt l-investimenti magħmula mill-industrija tal-Unjoni seta' kellhom impatt fuq il-profitt tagħhom. Kif deskritt fil-premessa 116 tar-Regolament proviżorju l-investimenti lisaru mill-industrija tal-Unjoni kienu bbażati fuq deċiżjonijiet kummerċjali raġonevoli li ma setgħux jitqiesu bħala mhux dovuti. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-investiment matul iż-żmien ikunu deprezzati u bħala tali ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-parti interessata f'dan ir-rigward ma ntlaqgħux.

    (84)

    Wara d-divulgazzjoni, din il-parti interessata tenniet id-dikjarazzjonijiet tagħha li l-ħsara kienet ikkawżata minn rekwiżiti regolatorji ta' sikurezza u l-livell għoli ta' investimenti magħmula mill-industrija tal-Unjoni biex tindirizza dawk ir-rekwiżiti. Huma tennew ukoll li huwa irrelevanti jekk dawn id-deċiżjonijiet kienux deċiżjonijiet raġonevoli kummerċjali u li l-analiżi kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effett fuq il-profitabbiltà. F'dan ir-rigward, fl-aħħar nett ġie ddikjarat li l-fatt li l-ispejjeż marbuta mal-investimenti ġew deprezzati matul iż-żmien kienet irrilevanti.

    (85)

    B'kuntrast ma' dak li ntqal, il-valutazzjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-effett tal-investimenti li jsiru fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni. Id-deprezzament tal-ispejjeż tal-investiment huwa fattur ta' spiża li huwa rilevanti fl-istabbiliment ta' profittabbiltà u għalhekk kellu jiġui kkunsidrat. Għaldaqstant, dan l-argument ġie rifjutat.

    (86)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-effetti tal-investimenti u r-rekwiziti regolatorji tal-UE dwar is-sikurezza, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi 115 sa 116 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.8.   Spejjeż tal-materja prima u spejjeż oħra

    2.8.1.   L-ispejjeż tal-produzzjoni

    (87)

    Waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-profitabbiltà naqset minħabba ż-żieda parallela fl-ispiża tal-produzzjoni b'mod ġenerali. Għaldaqstant il-ħsara hija kkawżata minn din iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni u mhux mill-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    (88)

    Kif stipulat fil-premessa 100 tar-Regolament proviżorju, ż-żieda tal-ispiża ta' produzzjoni ma setgħetx tiġi riflessa fil-prezz tal-bejgħ minħabba l-pressjoni tal-prezz eżerċitata mill-importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja. Għalhekk in-nuqqas tal-profitabbiltà hu dovut għaż-żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat.

    2.8.2.   L-integrazzjoni ta' ex kumpanija affiljata

    (89)

    L-istess parti interessata ddikjarat li l-effetti tal-integrazzjoni ta' ex kumpanija affiljata fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ma kinux analizzati. Din il-parti allegat li din l-integrazzjoni kellha impatt negattiv fuq il-profittabilità u għalhekk ikkawżat il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

    (90)

    Il-Kummissjoni investigat ulterjormet l-effetti tal-integrazzjoni tal-ex kumpanija affiljata fuq l-indikaturi tal-ħsara rilevanti bħall-ispiża tal-produzzjoni, l-impjiegi, l-investiment u l-profitabilità. Ta' min jinnota li l-kumpanija affiljata inkwistjoni kienet involuta biss fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Instab li l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tagħmel profitt matul is-sena finanzjarja li fiha saret l-integrazzjoni (FY2011/2012). Is-sena finanzjarja sussegwenti (FY2012/2013), il-profitabbiltà marret fin-negattiv. Madakollu dan ħabat fl-istess żmien maż-żieda tal-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja li fil-fatt rduppjaw matul l-istess sena. Fuq din il-bażi, l-analiżi ma kkonfermatx li l-integrazzjoni tal-ex kumpanija affiljata kellha impatt negattiv sinifikanti fuq il-profittabbiltà u l-istqarrijiet magħmula f'dan ir-rigward m'għandhomx jintlaqgħu.

    2.8.3.   Il-kostijiet lavorattivi

    (91)

    Bosta partijiet iddikjaraw li ż-żieda fl-ispejjeż tax-xogħol ikkawżat il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li ż-żieda fl-ispejjeż totali kienet dovuta wkoll għaż-żieda fil-kost lavorattiv matul il-perjodu kkunsidrat, l-investigazzjoni wriet li l-impatt taż-żieda fil-kostlavorattiv fuq il-kost totali tal-produzzjoni ma kienx sinifikanti (iċ-ċifra preċiża ma tistax tingħata għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità). Fuq din il-bażi ż-żieda fil-kost lavorattiv ma setgħetx titqies responsabbli għall-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u l-istqarrijiet magħmula f'dan ir-rigward magħandhomx jintlaqgħu.

    (92)

    Wara d-divulgazzjoni, parti interessata ddikjarat li l-kost lavorattiv m'għandux jiġi vvalutat b'mod iżolat, iżda l-impatt taż-żieda ta' diversi elementi ta' spejjeż meta teħodhom f'salt kellu jiġi kkunsisdrat.

    (93)

    Kif imsemmi fil-premessi 87 u 88, iż-żieda tal-ispiża tal-produzzjoni kollha kemm hi ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni u għalhekk l-argument f'dan ir-rigward ma ġiex aċċettat.

    2.8.4.   Għeluq għall-manutenzjoni

    (94)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja waħda mill-partijiet interessati ddikjarat li t-tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ kien dovut għall-għeluq għall-manutenzjoni tal-industrija tal-Unjoni li, min-naħa tiegħu, ikkawża tnaqqis fil-volum tal-bejgħ. Għalhekk it-tnaqqis fil-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ma għandux jiġi attribwit lill-importazzjonijiet mill-Indoneżja.

    (95)

    L-investigazzjoni wriet li t-tnaqqis fil-produzzjoni bejn FY2012/2013 u l-perjodu ta' investigazzjoni tabilħaqq ħabat fl-istess żmien mal-għeluq imtawwal għall-manutenzjoni tal-produzzjoni, li madankollu kien imwettaq biss f'tentattiv biex titnaqqas ir-rata għolja ta' inventarji kkawżati mit-tnaqqis tal-bejgħ għas-snin preċedenti fil-perjodu kkunsidrat.

    (96)

    Għalhekk, it-tnaqqis fil-produzzjoni u l-bejgħ kien konsegwenza taż-żieda tal-importazzjonijiet tal-MSG oġġett ta' dumping mill-Indoneżja u dan l-argument ma għandux jintlaqa'.

    (97)

    Wara d-divulgazzjoni, parti interessata oħra tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li d-dannu kien dovut għall-għeluq għall-manutenzjoni u li kien irrelevanti jekk tali għeluq kienx meħtieġ jew le. Il-parti argumentat li huwa biss l-impatt ta' dan l-għeluq fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni li kellu jiġi kkunsidrat.

    (98)

    Kif imsemmi fil-premessi 95 u 96, l-għeluq għall-manutenzjoni kienu l-konsegwenza ta' tnaqqis fil-bejgħ li huma stess kienu konsegwenza taż-żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-Indoneżja. Għalhekk, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja jkunu tabilħaqq il-kawża tal-għeluq għall-manutenzjoni li għalhekk ma jistgħux jiġu evalwati b'mod awtonomu u ma jistgħux ikunu kkunsidrati li kisru r-rabta kawżali bejn dawn l-importazzjonijiet u l-ħsara li ġiet imġarrba. L-argument tal-parti interessata kkonċernata għalhekk ma ġiex aċċettat.

    2.8.5.   Deprezzament tar-Rupiah Indoneżjan

    (99)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja waħda mill-partijiet interessati ddikjarat li d-deprezzament r-Rupiah Indoneżjan bejn Jannar 2012 u Jannar 2014 ta lill-produtturi esportaturi vantaġġ komparattiv mhux relatat mad-deċiżjonijiet tal-ipprezzar tagħhom. Din il-parti ddikjarat li l-impatt ta' dan il-fattur għandu jiġi investigat.

    (100)

    F'dan il-kuntest, huwa mfakkar li l-effett probabbli tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni huwa essenzjalment eżaminat billi jkun stabbilit it-twaqqigħ tal-prezz, id-dipressjoni tal-prezzijiet u t-trażżin tal-prezzijiet. Għal dan l-iskop, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ta' prodotti li huma l-oġġett ta' dumping u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni huma mqabbla, u l-prezzijiet tal-esportazzjoni użati għall-kalkoli tal-ħsara jista' xi kultant ikollhom jinqalbu f'munita oħra sabiex ikun hemm bażi komparabbli. Konsegwentement, l-użu tar-rati tal-kambju f'dan il-kuntest jiżgura biss li d-differenza fil-prezz tkun stabbilita fuq bażi komparabbli. Minn dan, jidher ċar li f'dan il-każ ir-rata tal-kambju ma tistax titqies bħala fattur li jikkawż l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni għaliex hija inseparabbli minn l-importazzjonijiet infushom. L-argument għalhekk għandu jiġi rifjutat.

    2.8.6.   Konklużjonijiet

    (101)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor rigward l-effett tal-ispejjeż tal-materja prima u spejjeż oħra, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi 117 sa 120 tar-Regolament provviżorju kienu kkonfermati.

    3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (102)

    Fl-assenza ta' kwalukwe kummenti oħrajn rigward il-kawżalità, il-konklużjonijiet milħuqa fi premessi 121 sa 125 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    F.   INTERESS TAL-UNJONI

    1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

    (103)

    Fin-nuqqas ta' xi kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi minn 127 sa 129 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.   Interess ta' importaturi/operaturi tas-suq

    (104)

    Fin-nuqqas ta' xi kummenti rigward l-interess ta' importaturi u operaturi tas-suq mhux relatati, il-premessi 130 sa 132 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    3.   Interess tal-utenti

    (105)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, utent wieħed temm d-dikjarazzjoni tiegħu, deskritta fil-premessa 140 tar-Regolament proviżorju, li skontha l-konsum tal-Unjoni tal-MSG huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti, b'mod partikolari minħabba l-projbizzjoni tal-UE fuq il-fosfati u komposti oħra tal-fosfru li allegatament ikunu sostitwiti mill-MSG użati biex jipproduċu ż-żejt fis-settur mhux tal-ikel. Dan l-utent argumenta wkoll li l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni ma tkunx suffiċjenti biex tissodisfa d-domanda dejjem ikbar fis-suq tal-Unjoni. Din il-parti ddikjarat ukoll li żieda fil-konsum tkun ta' benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni billi din se tkun kapaċi żżid il-volumi tal-bejgħ tagħha. L-istess utent tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li ma jkunx hemm biżżejjed sorsi alternattivi ta' forniment, b'mod partikolari għaliex il-produtturi f'pajjiżi terzi oħra kienu wkoll parti mill-istess grupp ta' kumpanniji bħall-industrija tal-Unjoni u għalhekk makinux qed ifornu s-suq tal-Unjoni.

    (106)

    Kif spjegat fil-premessa 141 tar-Regolament proviżorju, huwa diffiċli li wieħed ibassar kif il-qafas regolatorju l-ġdid fl-Unjoni dwar il-projbizzjoni tal-fosfati u komposti tal-fosfru se jkollu impatt fuq l-industrija tal-Unjoni. B'mod partikolari, li l-parti kkonċernata ma pprovdiet ebda informazzjoni jew evidenza li turi jekk u sa liema punt dan l-avveniment se jagħti spinta lid-domanda tal-MSG fl-Unjoni.

    (107)

    L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni kellha kapaċità żejda disponibbli u kienet f'pożizzjoni li żżid il-volum tal-produzzjoni tagħha u tipprovdi żieda fid-domanda tal-inqas parzjali fis-suq tal-Unjoni. Il-kapaċità totali tal-unjoni qabżet il-konsum totali fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

    (108)

    Fir-rigward ta' sorsi alternattivi ta' provvista, u kif diġà ssemma fil-premessa 147 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ddivulgat li kien hemm produzzjoni tal-MSG f'diversi pajjiżi terzi. Fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, jiġifieri FY2010/2011, is-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (pereżempju l-Brażil, il-Vjetnam u l-Korea) kien sostanzjali u naqas biss meta l-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi mill-Indoneżja żdiedu. L-investigazzjoni ddivulgat ukoll li diversi pajjiżi terzi kienu fornituri li ma jappartjenux għall-istess grupp bħall-industrija tal-Unjoni. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra jistgħu jerġgħu jibdew jekk jiġu rranġati l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni.

    (109)

    Id-dikjarazzjonijiet li saru f'dan ir-rigward ma għanhomx jiġu aċċettati.

    (110)

    Wara d-divulgazzjoni finali, l-istess parti interessata tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li d-domanda tal-MSG kienet tiżdied b'mod sinifikanti fl-Unjoni minħabba l-projbizzjoni futura ta' fosfati u li l-industrija tal-Unjoni mhux se tkun kapaċi tipprovdi din id-domanda dejjem tiżdied fl-Unjoni. Madankollu, il-parti kkonċernata ma pprovdiet ebda informazzjoni jew evidenza ġdida u għalhekk din id-dikjarazzjoni ma ġietx aċċettata.

    (111)

    L-istess parti interessata argumentat ukoll wara d-divulgazzjoni finali li l-Kummissjoni ma qisitx il-persentaġġ li l-MSG jirrapreżenta fl-ispejjeż totali tad-deterġenti. Madankollu, il-parti kkonċernata ma ppreżentat l-ebda element ġdid li kien jikkontradixxu s-sejbiet espressi fil-premessi 138 u 139 tar-Regolament provviżorju li skontu l-impatt possibbli tal-miżuri fuq din il-kumpanija jkunu limitati. Għaldaqstant l-argument ma ġiex aċċettat.

    (112)

    L-istess parti interessata finalment argumentat li l-ispejjeż addizzjonali għal industrija mhux tal-ikel u l-utenti ta' prodotti li mhumiex tal-ikel ġew injorati. Madankollu ma pprovdiet ebda informazzjoni jew evidenza ġdida u għalhekk din id-dikjarazzjoni ma ġietx aċċettata.

    (113)

    Utent ieħor iddikjara li l-impatt fuq l-utenti tal-miżuri kontra l-Indoneżja u ċ-Ċina għandhom jiġu vvalutati b'mod kollettiv.

    (114)

    L-impatt taż-żewġ miżuri fuq l-utenti ġie analizzat b'mod partikolari fil-kuntest ta' disponibilità ta' sorsi alternattivi ta' provvista fil-premessa 147 tar-Regolament proviżorju. Kif imsemmi fil-premessa 108 din l-analiżi wriet li għadd ta' pajjiżi terzi kellhom il-potenzjal li jesportaw l-MSG lejn l-Unjoni. Dawn il-pajjiżi terzi kienu preżenti fis-suq tal-Unjoni qabel ma l-importazzjonijiet mill-Indoneżja li kienu oġġett ta' dumping, daħlu fl-Unjoni fi kwantitajiet akbar.

    (115)

    Ġie ddikjarat li l-utenti ma jkunux jistgħu jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali ta' dazju anti-dumping lill-konsumatur finali, minħabba l-livell għoli ta' kompetittività fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti alimentari lesti.

    (116)

    Kif imsemmi fil-premessi 135 sa 137 tar-Regolament proviżorju, rigward is-settur tal-ikel u tax-xorb, l-MSG jien jirrappreżenta biss madwar 5 % tal-ispiża totali tal-prodotti li jinkorporaw l-MSG mill-kumpaniji li kkooperaw. Dawn il-kumpaniji nstabu li kienu qed jagħmlu profitt. Il-parti interessata ma pprovdiet l-ebda tagħrif li seta' jikkontradixxi dawn ir-riżultati. Għalhekk, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa 136 tar-Regolament proviżorju, li l-miżuri kien se jkollhom biss impatt limitat fuq dawn il-kumpaniji kienu kkonfermati u d-dikjarazzjoni li saret f'dan ir-rigward ma għandhiex tiġi aċċettata.

    4.   Interess ta' fornituri ta' materja prima

    (117)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, żewġ fornituri kkontestaw il-konklużjoni deskritta fil-premessa 143 tar-Regolament proviżorju fejn sostnew li l-għajbien tal-industrija tal-Unjoni kien ikollha impatt sinifikanti fuq l-attività ta' negozju tagħhom. Dawn il-fornituri argumentaw li l-effett ta' waqfien potenzjali l-produzzjoni tal-MSG tal-industrija tal-Unjoni kien ikollu effett detrimentali fuq in-negozju totali tagħhom, peress li l-impjanti taz-zokkor ma jkunux jistgħu jevitaw milli jipproduċu ċertu volum ta' ġulepp taz-zokkor u ġulepp magħqud, li l-industrija tal-Unjoni hija x-xerrej ewlieni tagħhom. Jekk iz-zokkor f'dawn il-forom jibqa' mhux mibjugħ, dan jaffettwa l-effiċjenza ġenerali tal-impjant in kwistjoni.

    (118)

    Madankollu, dawn id-dikjarazzjoni ma kinux issostanzjati u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati.

    5.   Argumenti oħrajn

    (119)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja, parti interessata waħda tenniet il-kummenti tagħha dwar l-allegata pożizzjoni dominanti tal-industrija tal-Unjoni, fejn sostniet li bl-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-MSG, l-industrija tal-Unjoni jkollha vantaġġ komparattiv fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, ma tressqet l-ebda evidenza ġdida biex issostni dawn id-dikjarazzjonijiet. Għalhekk, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessa 145 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati u d-dikjarazzjoni li saret f'dan ir-rigward ma għanhiex tiġi aċċettata.

    6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (120)

    Fl-assenza ta' kwalukwe kummenti oħrajn rigward l-interess tal-Unjoni, il-konklużjonijiet milħuqa fi premessi 126 sa 148 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    G.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

    1.   Livell ta' eliminazzjoni ta' ħsara (Marġni ta' ħsara)

    (121)

    Wara d-divulgazzjoni proviżorja parti interessata minnhom ikkontestat il-profitt fil-mira użat sabiex jiġi stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fil-premessa 151 tar-Regolament proviżorju. Din il-parti argumentat li marġni ta' profitt ta' qabel it-taxxa ta' 3 % — 5 % ikun livell ta' profitt raġonevoli u relatat mas-suq fuq il-bażi tal-marġni ta' profitt nett qabel it-taxxa tal-produtturi tal-MSG f'żewġ pajjiżi Asjatiċi li saru fl-2013.

    (122)

    Il-marġni ta' profitt użat biex jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara jikkorrispondi mal-marġni ta' profitt li l-industrija tal-Unjoni setgħet b'mod raġonevoli tistenna li tikseb fil-kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni. Kif imsemmi fil-premessa 151 tar-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet mill-Indoneżja li kienu oġġett ta' dumping bdiet biss tipproduċi effetti matul it-tielet sena tal-perjodu kkunsidrat. Għalhekk kien ikkunsidrat raġonevoli li wieħed jistabbilixxi l-marġni ta' profitt b'referenza għall-ewwel sentejn tal-perjodu kkunsidrat.

    (123)

    Fl-assenza ta' kwalukwe kummenti oħrajn rigward il-livell tal-eleiminazzjoni tal-ħsara, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi 150 sa 152 tar-Regolament proviżorju kienu kkonfermati.

    2.   Miżuri definittivi

    (124)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqin rigward id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell tal-marġni tad-dumping, skont ir-regola tad-dazju inferjuri. F'dan il-każ ir-rata ta' dazju individwali ta' produttur esportatur wieħed ġiet riveduta wara d-dispożizzjoni proviżorja, peress li ċerti tranżazzjonijiet kienu esklużi mid-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

    (125)

    Fuq il-bażi ta' hawn fuq, ir-rata li biha se jiġu imposti dawn id-dazji hija stabbilita kif ġej:

    Il-pajjiż

    Kumpanija

    Marġni ta' dumping

    (%)

    Marġni ta' ħsara

    (%)

    Dazju anti-dumping definittiv

    (%)

    L-Indoneżja

    PT. Cheil Jedang Indonesia

    7,2

    [24,9-40,2]

    7,2

    L-Indoneżja

    PT. Miwon Indonesia

    13,3

    [27,9-43,6]

    13,3

    L-Indoneżja

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    28,4

    [31,4-47,0]

    28,4

    (126)

    Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta' din l-investigazzoni. Gћaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda ta' dawn il-kumpaniji li nstabet matul din l-investigazzjoni. Dawn l-iskali ta' dazju huma esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u li hu manifatturat mill-entitajiet legali specifici msemmija. Il-prodotti importati magħmulin minn xi kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija b'isimha u l-indirizz tagħha fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Huma ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda rata ta' dazju antidumping individwali.

    (127)

    Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (4). It-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li wieħed juri li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika minn rata ta' dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpannija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika minn rata ta' dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat avviz ta' informazzjoni dwar il-bidla fl-isem f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (128)

    Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta' ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tkun żgurata l-applikazzjoni ta' dazji antidumping individwali. Kumpaniji b'dazji individwali tal-antidumping għandhomu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. L-importazzjoni li ma tkunx akkumpanjata minn dik il-fattura se tkun soġġetta għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-'kumpaniji l-oħrajn kollha'.

    (129)

    Sabiex ikun żgurat l-infurzar xieraq tad-dazji antidumping, id-dazju antidumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha se japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma jikkooperawx f'din l-investigazzjoni, iżda għal dawk il-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

    3.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

    (130)

    Fid-dawl tal-marġni ta' dumping misjuba u minħabba l-livell ta' ħsara kkważata lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping proviżorju impost bir-Regolament proviżorju għandhom jinġabru definittivament,

    (131)

    Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku ma tax opinjoni.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju definittiv ta' antidumping huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta' glutamat tal-monosodju, li attwalment jaqgħu fil-kodiċi NM ex 2922 42 00 (kodiċi TARIC 2922420010) u li joriġinaw mill-Indoneżja.

    2.   Ir-rati tad-dazju definittiv tal-antidumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkati fit-tabella jkunu kif ġej:

    Kumpanija

    Dazju anti-dumping definittiv %

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    PT. Cheil Jedang Indonesia

    7,2

    B961

    PT. Miwon Indonesia

    13,3

    B962

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    28,4

    B999

    3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju antidumping speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 tkun skont il-preżentazzjoni ta' fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-“Kumpaniji l-oħrajn kollha”.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    L-ammonti garantiti bħala dazji ta' anti-dumping proviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 904/2014 għandhom jinġabru definittivament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 904/2014 tal-20 ta' Awwissu 2014 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja, ĠU L 246, 21.8.2014, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1036/2010 tal-15 ta' Novembru 2010 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' żeolit li joriġina mill-Bożnja Ħerzegovina (ĠU L 298, 16.11.2010, p. 27).

    (4)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussel/Bruxelles, BELGIQUE/BELGIË.


    ANNESS

    Għandha tidher dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

    L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali;

    Id-dikjarazzjoni li ġejja:

    “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) tal-glutamat tal-monosodju mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fl-Indoneżja. Niddikjara li t-tagħrif provdut f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

    Data u firma


    Top