EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2443

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2443 tal-11 ta' Diċembru 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, rigward it-Titolu V ta' dak il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

ĠU L 336, 23.12.2015, p. 56–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2443/oj

23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/56


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2443

tal-11 ta' Diċembru 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, rigward it-Titolu V ta' dak il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 464(3) u (4) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra (1), (“il-Ftehim”) jipprovdu għall-applikazzjoni provviżorja ta' parti mill-Ftehim.

(2)

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (2) jispeċifika l-partijiet tal-Ftehim li jridu jiġu applikati b'mod provviżorju,.

(3)

L-Artikolu 462 tal-Ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim fir-rigward ta' dawk iż-żoni tar-Repubblika tal-Moldova li l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova ma jeżerċitax kontroll effettiv fuqhom għandha tibda meta r-Repubblika tal-Moldova tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V fit-territorju kollu tagħha.

(4)

L-Artikolu 462 tal-Ftehim jipprovdi wkoll li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar meta jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

(5)

Ir-Repubblika tal-Moldova infurmat lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tagħha sa mill-1 ta' Jannar 2016.

(6)

Huwa meħtieġ li tiġi mmonitorjata u rieżaminata regolarment l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim f'relazzjoni mat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

(7)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi ddeterminata l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 434 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, b'rabta mal-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ u dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubbika tal-Moldova għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Korrezzjonijiet tekniċi minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni jista' jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mingħajr ebda deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Fi żmien tmien xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u darba kull sena wara dan, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fuq it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova. Jekk ir-Repubblika tal-Moldova ma tkunx għadha tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V tal-Ftehim fir-rigward ta' dawk iż-żoni tar-Repubblika tal-Moldova li fuqhom ma teżerċitax kontroll effettiv, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu jitolbu lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, skont deċiżjoni li għandha tittieħed f'konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat, biex jikkunsidra t-tkomplija tal-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim fiż-żoni kkonċernati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BAUSCH


(1)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

tal-… 2015

dwar l-applikazzjoni tat-Titolu V tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 462 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), partijiet tal-Ftehim ġew applikati fuq bażi provviżorja mill-1 ta' Settembru 2014.

(2)

Ir-Repubblika tal-Moldova infurmat lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim fit-territorju kollu tagħha mill-1 ta' Jannar 2016.

(3)

Huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni regolarment jirrieżamina l-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova.

(4)

Huwa xieraq li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jimmonitorja l-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova u jirrapporta regolarment lill-Kunsill ta' Assoċjazjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   It-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, għandu japplika għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova mill-1 ta' Jannar 2016.

2.   Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jirrieżamina l-applikazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova fi żmien 10 xhur mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u darba fis-sena minn hemm 'il quddiem.

3.   Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ għandu jissorvelja l-applikazzjoni tat-Titolu V Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1. Huwa għandu jirrapporta lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni darba fis-sena u skont ma jeħtieġu ċ-ċirkostanzi.

4.   It-Titolu VII (Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali) tal-Ftehim għandu japplika sal-punt li huwa applikat fir-rigward tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) tal-Ftehim.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-Presidenza


(1)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.


Top