This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D2358
Council Decision (EU) 2015/2358 of 10 December 2015 authorising certain Member States to accept, in the interest of the European Union, the accession of Armenia to the 1980 Hague Convention on the Civil Aspects of International Child Abduction
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2358 tal-10 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2358 tal-10 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
ĠU L 331, 17.12.2015, p. 23–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
17.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2358
tal-10 ta' Diċembru 2015
li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3) flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma illegali tagħhom huma parti essenzjali ta' dik il-politika. |
(2) |
Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (ir-“Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn minnufih tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess u d-drittijiet tal-kustodja. |
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jikkumplimenta u jirrinfurza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li jkun żgurat ir-ritorn minnufih ta' tfal li ttieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu. |
(4) |
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
(5) |
L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat. |
(6) |
Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri. |
(7) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u tali Stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. |
(8) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti. |
(9) |
Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. |
(10) |
L-Armenja ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-1 ta' Marzu 2007. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Armenja fl-1 ta' Ġunju 2007. |
(11) |
Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Armenja wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Armenja jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Armenja taħt it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
(12) |
L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Armenja għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Armenja fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja li diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 m'għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi taħt id-dritt internazzjonali pubbliku. |
(13) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(14) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.
2. L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard mill-11 ta' Diċembru 2016, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:
“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2358”
3. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tiegħu tal-adeżjoni tal-Armenja u jikkommunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.
Artikolu 2
Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni m'għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. BAUSCH
(1) L-Opinjoni tal-11 ta' Frar 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) No 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).