This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1969
Council Decision (EU) 2015/1969 of 22 October 2015 establishing the position to be taken on behalf of the European Union within the Committee on Government Procurement on the accession of Ukraine to the Revised Agreement on Government Procurement
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1969 tat-22 ta' Ottubru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1969 tat-22 ta' Ottubru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi
ĠU L 288, 4.11.2015, pp. 14–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
4.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 288/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1969
tat-22 ta' Ottubru 2015
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi mill-Gvern dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-13 ta' Diċembru 2012, l-Ukrajna applikat għall-adeżjoni għal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-GPA Rivedut”). |
|
(2) |
L-impenji tal-Ukrajna dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tagħha, kif ippreżentati lill-Partijiet għall-GPA Rivedut fid-29 ta' Ġunju 2015. |
|
(3) |
L-offerta finali tal-Ukrajna tipprevedi kopertura estensiva ta' entitajiet ċentrali u subċentrali u ta' entitajiet oħrajn li joperaw fis-setturi tal-utilitajiet, tal-prodotti, tas-servizzi tal-kostruzzjoni u ta' servizzi oħrajn. Għalhekk, hija sodisfaċenti u aċċettabbli. It-termini tal-adeżjoni tal-Ukrajna, kif riflessi fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, ser ikunu riflessi fid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Kumitat tal-GPA”) dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna. |
|
(4) |
L-adeżjoni tal-Ukrajna għall-GPA Rivedut hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv għal ftuħ ulterjuri tas-swieq tal-akkwisti pubbliċi fil-livell internazzjonali. |
|
(5) |
L-Artikolu XXII(2) tal-GPA Rivedut jipprevedi li kull Membru tad-WTO jista' jaderixxi mal-GPA Rivedut fuq termini li għandhom jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, u tali termini għandhom jiġu indikati f'deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA. |
|
(6) |
Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GPA, fir-rigward tal-adeżjoni tal-Ukrajna, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tal-Ukrajna għall-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwisti Pubbliċi, soġġett għal termini speċifiċi ta' adeżjoni stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. ETGEN
ANNESS
TERMINI TAL-UE DWAR L-ADEŻJONI TAL-UKRAJNA MAL-GPA RIVEDUT (1)
Mal-adeżjoni tal-Ukrajna għall-GPA rivedut, il-punt 2 tat-taqsima 2 (“L-awtoritajiet kontraenti tal-Gvern Ċentrali tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 għall-Appendiċi I għall-Unjoni Ewropea għandu jaqra kif ġej:
|
“2. |
Għall-prodotti, servizzi, fornituri u provdituri ta' servizzi ta' Iżrael, tal-Montenegro, tar-Repubblika tal-Moldova, u tal-Ukrajna, l-akkwisti mill-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali li ġejjin.” |
(1) In-numerazzjoni tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut inbidlet mis-segretarjat tad-WTO bi qbil mal-Partijiet għall-GPA Rivedut. In-numerazzjoni użata f'dan l-Anness tikkorrispondi man-numerazzjoni tal-aħħar kopja ċertifikata bħala awtentika tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut, li ntbagħtet mid-WTO lill-Partijiet għall-GPA permezz ta' notifika uffiċjali li tinsab disponibbli hawn http://www.wto.org/english/tratop_e/gproc_e/gp_app_agree_e.htm#revisedGPA. In-numerazzjoni tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut ippubblikata fil-ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2 ma għadhiex tintuża.