EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0893

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/893 tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar miżuri biex l-Anoplophora glabripennis (Motschulsky) ma jiddaħħalx fl-Unjoni u ma jinxteridx fi ħdanha (notifikata bid-dokument C(2015) 3772)

C/2015/3772

ĠU L 146, 11.6.2015, p. 16–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/893/oj

11.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/893

tad-9 ta' Ġunju 2015

dwar miżuri biex l-Anoplophora glabripennis (Motschulsky) ma jiddaħħalx fl-Unjoni u ma jinxteridx fi ħdanha

(notifikata bid-dokument C(2015) 3772)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anoplophora glabripennis (Motschulsky), minn hawn 'il quddiem “l-organiżmu speċifikat”, huwa organiżmu li jagħmel il-ħsara, elenkat fil-punt 4.1 tal-punt (a) tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE bħala organiżmu mhux magħruf li jinstab fl-Unjoni.

(2)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/829/KE (2) għadd ta' tifqigħat u sejbiet tal-organiżmu speċifikat ġew irrappurtati bi frekwenza li qiegħda tiżdied mill-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands u r-Renju Unit. B'hekk jixraq li jiġu adottati miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-organiżmu speċifiku fl-Unjoni u t-tixrid tiegħu fi ħdanha.

(3)

Minħabba x-xebh bejn l-organiżmu speċifikat u l-Anoplophora chinensis (Forster), jixraq li jiġu stabbiliti miżuri simili għal dawk stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/138/UE (3) għajr meta l-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat teħtieġ approċċ differenti. B'mod partikolari, peress li l-organiżmu speċifikat x'aktarx li jinfesta l-parti tal-pjanti li tintuża biex jinkiseb l-injam, ir-rekwiżiti għall-injam u għall-materjal tal-imballaġġar tal-injam għandhom jiġu stabbiliti.

(4)

Barra minn hekk, l-għarfien xjentifiku ta' bħalissa jippermetti l-identifikazzjoni tal-pjanti li x'aktarx jospitaw l-organiżmu speċifikat. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza, jixraq li jiġu speċifikati l-pjanti ospitanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni.

(5)

Fl-interess taċ-ċarezza, jixraq ukoll li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jinqatgħux il-pjanti speċifikati ta' madwar il-pjanti infestati.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pjanti speċifikati” tfisser il-pjanti għat-tħawwil li għandhom dijametru taz-zokk ta' ċentimetru jew iktar fl-eħxen punt tagħhom, ħlief iż-żrieragħ, tal-ispeċijiet Acer spp., Aesculus spp., Alnus spp., Betula spp., Carpinus spp., Cercidiphyllum spp., Corylus spp., Fagus spp., Fraxinus spp., Koelreuteria spp., Platanus spp., Populus spp., Salix spp., Tilia spp. u Ulmus spp.;

(b)

“injam speċifikat” tfisser injam, miksub kollu jew parti minnu mill-pjanti speċifikati, li jissodisfa kull wieħed mill-punti li ġejjin:

(i)

huwa l-injam skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/29/KE, ħlief il-materjal tal-imballaġġar tal-injam, inkluż l-injam li jkun għad għandu l-wiċċ tond naturali tiegħu u

(ii)

huwa mniżżel fost id-deskrizzjonijiet li ġejjin stipulati fl-Anness I, Parti tnejn tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4), kif kien fl-1 ta' Jannar 2015:

Il-kodiċi tan-NM

Id-deskrizzjoni

4401 10 00

Ħatab fl-għamla ta' zkuk, zkuk ħoxnin, friegħi żgħar, qatet ta' għesieleġ jew għamliet simili

4401 22 00

Injam mhux tad-debbus, fl-għamla ta' laqx jew partiċelli

ex 4401 39 80

Fdal u skrapp ieħor tal-injam, mhux mgħaqqad fi zkuk, f'mattunelli, fi pritkuni jew f'għamliet simili

4403 10 00

Injam mhux maħdum, trattat biż-żebgħa, b'likwidi għat-tlewwin tal-injam, bil-kreożot jew b'konservanti oħra, sew jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija u sew jekk le, jew f'għamla bejn wieħed u ieħor kwadra jew le

4403 92

Injam tal-fagu (Fagus spp.) mhux maħdum, sew jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija u sew jekk le, jew f'għamla bejn wieħed u ieħor kwadra jew le

ex 4403 99

Injam mhux tad-debbus (għajr, tal-fagu (Fagus spp.), tal-luq (Populus spp.) jew tal-betula (Betula spp.)), mhux maħdum, sew jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija u sew jekk le, jew f'għamla bejn wieħed u ieħor kwadra jew le

4403 99 10

Injam tal-luq (Populus spp.) mhux maħdum, sew jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija u sew jekk le, jew f'għamla bejn wieħed u ieħor kwadra jew le

4403 99 51

Zkuk għall-qtugħ tal-betula (Betula spp.) mhux maħdumin, sew jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija u sew jekk le, jew f'għamla bejn wieħed u ieħor kwadra jew le

4403 99 59

Injam tal-betula (Betula spp.) mhux maħdum, sew jekk bil-qoxra jew bl-ilbieba mneħħija u sew jekk le, jew f'għamla bejn wieħed u ieħor kwadra jew le, għajr iz-zkuk għall-qtugħ

ex 4404 20 00

Lasti maqsuma mhux tad-debbus; puntali, serratizzi u arbli tal-injam, ippuntati iżda mhux isserrati għat-tul

4406

Strixxi tal-injam li jitqegħdu orizzontalment bħala rfid għal-linji tal-ferrovija jew tat-tramm

4407 92 00

Injam tal-fagu (Fagus spp.), isserrat jew imlaqqax għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf jew le, ta' ħxuna li tiżboq is-sitt millimetri

4407 93

Injam tal-aġġru (Acer spp.), isserrat jew imlaqqax għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf jew le, ta' ħxuna li tiżboq is-sitt millimetri

4407 95

Injam tal-fraxxnu (Fraxinus spp.), isserrat jew imlaqqax għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf jew le, ta' ħxuna li tiżboq is-sitt millimetri

ex 4407 99

Injam mhux tad-debbus (għajr tal-fagu (Fagus spp.), tal-aġġru (Acer spp.), tal-fraxxnu (Fraxinus spp.) jew tal-luq (Populus spp.)), isserrat jew imlaqqax għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf jew le, ta' ħxuna li tiżboq is-sitt millimetri

4407 99 91

Injam tal-luq (Populus spp.), isserrat jew imlaqqax għat-tul, imfettet jew imqaxxar, sew jekk inċanat, xkatlat jew imġannat mit-truf jew le, ta' ħxuna li tiżboq is-sitt millimetri

9406 00 20

Binjiet mibnija minn qabel tal-injam

(c)

“materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat” tfisser materjal tal-imballaġġar miksub kollu jew parti minnu mill-pjanti speċifikati;

(d)

“post tal-produzzjoni” tfisser il-post tal-produzzjoni kif definit fl-Istandard Internazzjonali tal-FAO għal Miżuri Fitosanitarji (minn issa 'l quddiem “ISPM”) Nru 5 (5);

(e)

“organiżmu speċifikat” tfisser Anoplophora glabripennis (Motschulsky);

(f)

“pjanti ospitanti” tfisser pjanti li jagħmlu parti mill-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness I.

Artikolu 2

L-importazzjoni tal-pjanti speċifikati

Dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, il-pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni, kif stipulat fil-punt 1 tas-Sezzjoni 1(A) tal-Anness II;

(b)

malli jidħlu fl-Unjoni, jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt 2 tas-Sezzjoni 1(A) tal-Anness II għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali ta' dak l-organiżmu.

Artikolu 3

L-importazzjoni tal-injam speċifikat

Dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, l-injam speċifikat jista' jiġi introdott fl-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni kif stipulat fil-punt 1 u 2 tas-Sezzjoni 1(B) tal-Anness II;

(b)

malli jidħol fl-Unjoni, jiġi spezzjonat mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt 3 tas-Sezzjoni 1(B) tal-Anness II għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u ma jkunu nstabu l-ebda sinjali ta' dak l-organiżmu.

Artikolu 4

Iċ-ċaqliq tal-pjanti speċifikati fi ħdan l-Unjoni

Il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn żoni demarkati stabbiliti skont l-Artikolu 7 jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1 tas-Sezzjoni 2(A) tal-Anness II.

Il-pjanti speċifikati li ma tkabbrux f'żoni demarkati iżda li ġew introdotti fit-tali żoni, jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 2 tas-Sezzjoni 2(A) tal-Anness II.

Il-pjanti speċifikati importati skont l-Artikolu 2 minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3 tas-Sezzjoni 2(A) tal-Anness II.

Artikolu 5

Iċ-ċaqliq tal-injam speċifikat u tal-materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat fi ħdan l-Unjoni

L-injam speċifikat li joriġina minn żoni demarkati stabbiliti skont l-Artikolu 7 jista' jiġi mċaqlaq fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 1, 2 u 3 tas-Sezzjoni 2(B) tal-Anness II.

L-injam speċifikat li jkun għad għandu l-wiċċ tond sħiħ tiegħu jew parti minnu li ma joriġinax minn żoni demarkati stabbiliti iżda li ġie introdott fit-tali żoni, jista' jiġi mċaqlaq fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet rispettivi stipulati fil-punti 1 u 3 tas-Sezzjoni 2(B) tal-Anness II.

Il-materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat li joriġina minn żoni demarkati stabbiliti skont l-Artikolu 7 jista' jiġi mċaqlaq fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fis-Sezzjoni 2(C) tal-Anness II.

Artikolu 6

L-istħarriġiet għall-organiżmu speċifikat

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet uffiċjali kull sena għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat u għall-evidenza ta' infestazzjoni minn dak l-organiżmu fuq il-pjanti ospitanti fit-territorju tagħhom.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati ta' dawk l-istħarriġiet sat-30 ta' April ta' kull sena.

Artikolu 7

Iż-żoni demarkati

1.   Meta r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) jikkonfermaw il-preżenza tal-organiżmu speċifikat f'żona, jew ikun hemm evidenza tal-preżenza ta' dak l-organiżmu b'mezzi oħra, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi żona demarkata, mingħajr dewmien, li għandha tikkonsisti minn żona infestata u minn żona ta' lqugħ, skont is-Sezzjoni 1 tal-Anness III.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jistabbilixxu żoni demarkati, kif previst fil-paragrafu 1, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1 tas-Sezzjoni 2 tal-Anness III. Fit-tali każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kif stipulati fil-punt 2 ta' dik is-Sezzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri fiż-żoni demarkati, kif stipulat fis-Sezzjoni 3 tal-Anness III.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodi taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 8

Ir-rapportar dwar il-miżuri

1.   Sat-30 ta' April ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, li jkun jinkludi lista aġġornata taż-żoni demarkati kollha stabbiliti skont l-Artikolu 7, li jkun jinkludi tagħrif dwar id-deskrizzjoni tagħhom u fejn jinsabu, b'mapep li juru d-delimitazzjoni tagħhom, kif ukoll miżuri li l-Istati Membri jkunu ħadu jew ikunu biħsiebhom jieħdu.

2.   F'każijiet fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jistabbilixxux żona demarkata skont l-Artikolu 7(2), ir-rapport għandu jinkludi dejta u raġunijiet ta' ġustifikazzjoni.

3.   Meta Stat Membru jiddeċiedi, skont il-punt 2 tas-Sezzjoni 3 tal-Anness III, li japplika miżuri ta' trażżin minflok miżuri ta' eradikazzjoni, għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra minnufih b'dik id-deċiżjoni filwaqt li jispjega r-raġunijiet għaliha.

Artikolu 9

Il-konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u, jekk meħtieġ, għandhom jemendaw il-miżuri li jkunu adottaw sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid tal-organiżmu speċifikat b'tali mod li dawk il-miżuri jkunu jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri.

Artikolu 10

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/829/KE tal-24 ta' Novembru 2005 li tħassar id-Deċiżjonijiet 1999/355/KE u 2001/219/KE (ĠU L 311, 26.11.2005, p. 39).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/138/UE tal-1 ta' Marzu 2012 fir-rigward tal-miżuri ta' emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-Anoplophora chinensis (Forster) (ĠU L 64, 3.3.2012, p. 38).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(5)  Glossarju ta' Termini Fitosanitarji — Standard ta' Referenza tal-ISPM Nru 5 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma, 2013.


ANNESS I

SPEĊIJIET TA' PJANTI OSPITANTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(f)

 

Acer spp.

 

Aesculus spp.

 

Albizia spp.

 

Alnus spp.

 

Betula spp.

 

Buddleja spp.

 

Carpinus spp.

 

Celtis spp.

 

Cercidiphyllum spp.

 

Corylus spp.

 

Elaeagnus spp.

 

Fagus spp.

 

Fraxinus spp.

 

Hibiscus spp.

 

Koelreuteria spp.

 

Malus spp.

 

Melia spp.

 

Morus spp.

 

Platanus spp.

 

Populus spp.

 

Prunus spp.

 

Pyrus spp.

 

Quercus rubra

 

Robinia spp.

 

Salix spp.

 

Sophora spp.

 

Sorbus spp.

 

Tilia spp.

 

Ulmus spp.


ANNESS II

1.   IR-REKWIŻITI SPEĊIFIĊI DWAR L-IMPORTAZZJONI

A.   Il-pjanti speċifikati

(1)

Il-pjanti speċifikati li joriġinaw minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, għandhom ikollhom ċertifikat magħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE li fit-taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jiddikjara:

(a)

li l-pjanti, tul ħajjithom kollha, tkabbru f'post tal-produzzjoni li huwa rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini u li jinsabu f'żona ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara li tkun ġiet stabbilita minn dik l-organizzazzjoni skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji. L-isem taż-żona ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara għandu jissemma fit-taqsima “post ta' oriġini”; jew

(b)

li l-pjanti tkabbru għal perjodu ta' mill-inqas sentejn qabel l-esportazzjoni, jew fil-każ ta' pjanti li jkunu iżgħar minn sentejn, li tkabbru tul ħajjithom kollha, f'post tal-produzzjoni stabbilit bħala ħieles mill-organiżmu speċifikat skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji:

(i)

li jkun irreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż tal-oriġini; u

(ii)

li kull sena jkun ġie soġġett għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru bir-reqqa, għal kwalunkwe sinjal tal-organiżmu speċifikat, u li twettqu fi żmien xieraq fejn ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; u

(iii)

fejn il-pjanti jkunu tkabbru f'sit:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat, jew

bl-applikazzjoni ta' trattamenti preventivi xierqa u mdawwra b'żona ta' lqugħ b'raġġ ta' mill-inqas żewġ kilometri, fejn darba fis-sena u fi żmien xieraq jitwettqu l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew għas-sinjali tal-organiżmu speċifikat. Fil-każ li tinstab il-preżenza tal-organiżmu speċifikat jew jinstabu sinjali tiegħu, minnufih jittieħdu miżuri ta' eradikazzjoni biex iż-żona ta' lqugħ tkun mill-ġdid ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara; kif ukoll

(iv)

fejn, immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-kunsinni tal-pjanti jkunu soġġetti għal spezzjoni uffiċjali li ssir bir-reqqa, għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat, b'mod partikolari fiz-zkuk u fil-friegħi tal-pjanti. Din l-ispezzjoni għandha tinkludi t-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni. Fejn il-kunsinni jinkludu l-pjanti li joriġinaw minn siti li fil-mument tal-produzzjoni tagħhom kienu jinsabu f'żona ta' lqugħ fejn instabet il-preżenza tal-organiżmu speċifikat jew instabu sinjali tiegħu, għandu jitwettaq it-teħid distruttiv ta' kampjuni mill-pjanti ta' dik il-kunsinna fil-livell indikat fit-tabella li ġejja:

In-numru ta' pjanti fil-lott

Il-livell tat-teħid distruttiv ta' kampjuni (in-numru ta' pjanti li għandhom jinqerdu)

1 sa 4 500

10 % tad-daqs tal-lott

> 4 500

450

jew

(c)

li l-pjanti tkabbru minn riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt (b), imlaqqma bi brokki li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

fil-mument tal-esportazzjoni, il-brokki mlaqqma ma jkunux ta' dijametru akbar minn ċentimetru fl-eħxen punt tagħhom;

(ii)

il-pjanti mlaqqma jkunu ġew spezzjonati skont il-punt (b)(iv).

(2)

Il-pjanti speċifikati importati skont il-punt 1 għandhom jiġu spezzjonati uffiċjalment bir-reqqa fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stipulati skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1). Il-metodi ta' spezzjoni li jiġu applikati għandhom jiżguraw is-sejba ta' kwalunkwe sinjal tal-organiżmu speċifikat, b'mod partikolari fiz-zkuk u fil-friegħi tal-pjanti. Din l-ispezzjoni għandha tinkludi t-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni, fejn xieraq.

B.   L-injam speċifikat

(1)

L-injam speċifikat għajr dak fl-għamla ta' laqx, partiċelli, ċana, fdal tal-injam u skrapp li joriġina minn pajjiżi terzi, fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, għandu jkollu ċertifikat miegħu kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE li fit-taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jiddikjara:

(a)

li l-injam joriġina minn żoni ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara, stabbiliti mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż ta' oriġini skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji, magħrufa li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat. L-isem taż-żona ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara għandu jissemma fit-taqsima “post ta' oriġini”; jew

(b)

li l-injam tkun tneħħietlu l-qoxra u jkun sarlu trattament xieraq bis-sħana biex tinkiseb temperatura minima ta' 56 °C għal tul minimu ta' 30 minuta kontinwa fuq il-profil kollu tal-injam (inkluż fil-qalba tiegħu).

F'każ li (b) huwa applikabbli, għandu jkun hemm evidenza ta' dan permezz ta' marka “HT” li titpoġġa fuq l-injam jew fuq kwalunkwe tqartis skont l-użu kurrenti.

(2)

L-injam speċifikat fl-għamla ta' laqx, partiċelli, ċana, fdal tal-injam u skrapp li joriġina minn pajjiżi terzi, fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, għandu jkollu ċertifikat miegħu kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE li fit-taqsima “Dikjarazzjoni Addizzjonali” jiddikjara:

(a)

li l-injam joriġina minn żoni ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara, stabbiliti mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti fil-pajjiż ta' oriġini skont l-Istandards Internazzjonali rilevanti għall-Miżuri Fitosanitarji, magħrufa li huma ħielsa mill-organiżmu speċifikat. L-isem taż-żona ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara għandu jissemma fit-taqsima “post ta' oriġini”; jew

(b)

li l-injam tkun tneħħietlu l-qoxra u jkun sarlu trattament xieraq bis-sħana biex tinkiseb temperatura minima ta' 56 °C għal tul minimu ta' 30 minuta kontinwa fuq il-profil kollu tal-injam (inkluż fil-qalba tiegħu); jew

(c)

li l-injam ikun ġie pproċessat f'biċċiet bi ħxuna u wisa' ta' mhux iktar minn żewġ ċentimetri u nofs.

(3)

L-injam speċifikat importat skont il-punti 1 u 2 għandhom jiġu spezzjonati uffiċjalment bir-reqqa fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stipulati skont id-Direttiva 2004/103/KE.

2.   IL-KUNDIZZJONIJIET GĦAĊ-ĊAQLIQ

A.   Il-pjanti speċifikati

(1)

Il-pjanti speċifikati li joriġinaw (2) minn żoni demarkati fl-Unjoni jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan l-Unjoni jekk ikollhom passaport tal-pjanti magħhom biss, li jkun imħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (3) u tkabbru għal perjodu ta' mill-inqas sentejn qabel iċ-ċaqliq, jew fil-każ ta' pjanti li jkunu iżgħar minn sentejn, tkabbru tul ħajjithom kollha, f'post tal-produzzjoni:

(a)

li huwa rreġistrat skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE (4); u

(b)

li kull sena jkun ġie soġġett għal mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali li jkunu saru bir-reqqa, għal kwalunkwe sinjal tal-organiżmu speċifikat, u li twettqu fi żmien xieraq fejn ma jkunu nstabu l-ebda sinjali tal-organiżmu; fejn xieraq, din l-ispezzjoni għandha tinkludi t-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni taz-zkuk u tal-friegħi tal-pjanti; kif ukoll

(c)

fejn il-pjanti jkunu tkabbru f'sit:

bi protezzjoni fiżika sħiħa kontra l-introduzzjoni tal-organiżmu speċifikat, jew

bl-applikazzjoni ta' trattamenti preventivi xierqa jew fejn jitwettaq it-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni għal kull lott ta' pjanti speċifikati qabel iċ-ċaqliq fil-livell indikat fit-tabella ta' hawn taħt u, f'kwalunkwe każ, fejn kull sena jitwettqu l-istħarriġiet uffiċjali għall-preżenza jew għal sinjali tal-organiżmu speċifikat f'raġġ ta' mill-inqas kilometru madwar is-sit f'mumenti xierqa u ma jinstab l-ebda organiżmu speċifikat jew sinjali tiegħu.

In-numru ta' pjanti fil-lott

Il-livell tat-teħid distruttiv ta' kampjuni (in-numru ta' pjanti li għandhom jinqerdu)

1 sa 4 500

10 % tad-daqs tal-lott

> 4 500

450

Ir-riżomi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu ta' dan il-punt jistgħu jitlaqqmu bil-brokki li ma jkunux tkabbru taħt dawn il-kundizzjonijiet, iżda li ma jkunux ta' dijametru akbar minn ċentimetru fl-eħxen punt tagħhom.

(2)

Il-pjanti speċifikati li ma joriġinawx minn żoni demarkati, iżda jiġu introdotti f'post tal-produzzjoni fit-tali żoni, jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan l-Unjoni bil-kundizzjoni li dan il-post tal-produzzjoni jkun jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-punt 1(c) u jekk il-pjanti jkollhom passaport tal-pjanti magħhom biss, li jkun imħejji u maħruġ skont id-Direttiva 92/105/KEE.

(3)

Skont is-Sezzjoni 1(A), il-pjanti speċifikati li jkunu importati minn pajjiżi terzi fejn ikun magħruf li l-organiżmu speċifikat huwa preżenti, jistgħu jiġu mċaqalqa fi ħdan l-Unjoni jekk ikollhom passaport tal-pjanti magħhom biss, li jkun imħejji u maħruġ skont id-Direttiva 92/105/KEE.

B.   L-injam speċifikat

(1)

L-injam speċifikat għajr dak fl-għamla ta' laqx, partiċelli, ċana, fdal tal-injam u skrapp li joriġina minn żoni demarkati jew l-injam speċifikat li jkun għad għandu l-wiċċ tond sħiħ tiegħu jew parti minnu, li ma joriġinax minn dawk iż-żoni iżda jkun introdott fihom, jista' jiġi mċaqlaq fi ħdan l-Unjoni jekk ikollu passaport tal-pjanti miegħu biss, li jkun imħejji u maħruġ skont id-Direttiva 92/105/KEE. Dak il-passaport tal-pjanti għandu jinħareġ biss jekk ir-rekwiżiti kollha li ġejjin ikunu ssodisfati mill-injam ikkonċernat:

(a)

tkun tneħħietlu l-qoxra; u

(b)

jkun sarlu trattament xieraq bis-sħana biex tinkiseb temperatura minima ta' 56 °C għal tul minimu ta' 30 minuta kontinwa fuq il-profil kollu tal-injam (inkluż fil-qalba tiegħu). Għandu jkun hemm evidenza ta' dan permezz ta' marka “HT” li titpoġġa fuq l-injam jew fuq kwalunkwe tqartis skont l-użu kurrenti.

(2)

L-injam speċifikat għajr dak fl-għamla ta' laqx, partiċelli, ċana, fdal tal-injam u skrapp li joriġina minn żoni demarkati jista' jiġi mċaqlaq fi ħdan l-Unjoni jekk ikollu passaport tal-pjanti miegħu biss, li jkun imħejji u maħruġ skont id-Direttiva 92/105/KEE u jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun tneħħietlu l-qoxra u jkun sarlu trattament xieraq bis-sħana biex tinkiseb temperatura minima ta' 56 °C għal tul minimu ta' 30 minuta kontinwa fuq il-profil kollu tal-injam (inkluż fil-qalba tiegħu); jew

(b)

ikun ġie pproċessat f'biċċiet bi ħxuna u wisa' ta' mhux iktar minn żewġ ċentimetri u nofs.

(3)

Fil-każ tal-punti (1) jew (2), jekk l-ebda faċilità tat-trattament jew tal-ipproċessar ma tkun disponibbli fi ħdan iż-żona demarkata, l-injam speċifikat jista' jiġi mċaqlaq taħt kontroll uffiċjali, u taħt kundizzjonijiet magħluqa b'tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jistax jinxtered, lejn l-eqreb faċilità 'l barra miż-żona demarkata biex ikun żgurat it-trattament immedjat jew l-ipproċessar skont dawk il-punti.

Il-materjal ta' skart li jirriżulta mit-twettiq tal-punti (1) u (2) għandu jintrema b'tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jkunx jista' jinxtered 'il barra minn żona demarkata.

Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jwettaq monitoraġġ intensiv fil-mumenti xierqa għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat permezz ta' spezzjonijiet fuq il-pjanti ospitanti fi ħdan raġġ ta' mill-inqas kilometru ta' dik il-faċilità tat-trattament jew tal-ipproċessar.

Ċ.   Il-materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat

Il-materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat li joriġina minn żoni demarkati jista' jiġi mċaqlaq fi ħdan l-Unjoni biss jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jkun ġie soġġett għal wieħed mit-trattamenti approvati kif speċifikat fl-Anness I tal-Istandard Internazzjonali tal-FAO għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 (5) dwar ir-Regolamentazzjoni tal-materjal tal-imballaġġar tal-injam fil-kummerċ internazzjonali; u

(b)

juri marka kif speċifikat fl-Anness II ta' dak l-Istandard Internazzjonali, li tindika li l-materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat ikun ġie soġġett għal trattament fitosanitarju approvat skont dan l-istess standard.

Jekk l-ebda faċilità tat-trattament ma tkun disponibbli fi ħdan iż-żona demarkata, il-materjal tal-imballaġġar tal-injam speċifikat jista' jiġi mċaqlaq taħt kontroll uffiċjali, u taħt kundizzjonijiet magħluqa b'tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jistax jinxtered, lejn l-eqreb faċilità tat-trattament 'il barra miż-żona demarkata biex jkun żgurat it-trattament immedjat u l-immarkar skont (a) u (b).

Il-materjal ta' skart li jirriżulta mit-twettiq ta' dan il-punt għandu jintrema b'tali mod li jkun żgurat li l-organiżmu speċifikat ma jkunx jista' jinxtered 'il barra minn żona demarkata.

Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jwettaq monitoraġġ intensiv fil-mumenti xierqa għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat permezz ta' spezzjonijiet fuq il-pjanti ospitanti mill-inqas fi ħdan raġġ ta' kilometru tal-faċilità tat-trattament.


(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).

(2)  Glossarju ta' Termini Fitosanitarji — Standard ta' Referenza tal-ISPM Nru 5 u ċertifikati Fitosanitarji — Standard ta' Referenza tal-ISPM Nru 12 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma, 2013.

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta' Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta' standardizzazzjoni għal passaporti ta' pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta' ċerti pjanti, prodotti ta' pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta' passaporti simili u l-kundizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom (ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/90/KEE tat-3 ta' Novembru 1992 li twaqqaf l-obbligi li għalihom produtturi u importaturi ta' pjanti, prodotti ta' pjanti u oġġetti oħra huma soġġetti u li twaqqaf dettalji għar-reġistrazzjoni tagħhom (ĠU L 344, 26.11.1992, p. 38).

(5)  Ir-Regolamentazzjoni tal-materjal tal-imballaġġar tal-injam fil-kummerċ internazzjonali — Standard ta' Referenza tal-ISPM Nru 15 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma, 2009.


ANNESS III

L-ISTIPULAR TA' ŻONI DEMARKATI U MIŻURI, KIF PREVIST FL-ARTIKOLU 7

1.   L-ISTIPULAR TA' ŻONI DEMARKATI

(1)

Iż-żoni demarkati għandhom jikkonsistu miż-żoni li ġejjin:

(a)

żona infestata li hija ż-żona fejn tkun ġiet ikkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat, u li tinkludi l-pjanti kollha li jkunu juru sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifikat; u

(b)

żona ta' lqugħ b'raġġ ta' mill-inqas żewġ kilometri lil hinn mill-konfini taż-żona infestata.

(2)

Id-delimitazzjoni eżatta taż-żoni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi sodi, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat, il-livell ta' infestazzjoni, id-distribuzzjoni partikolari tal-pjanti ospitanti fiż-żona kkonċernata u l-evidenza li turi li l-organiżmu speċifikat stabbilixxa ruħu. F'każijiet fejn il-korp uffiċjali responsabbli jikkonkludi li l-eradikazzjoni tal-organiżmu speċifikat hija possibbli, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi tat-tifqigħa, ir-riżultati tal-investigazzjoni speċifika jew l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri ta' eradikazzjoni, ir-raġġ taż-żona ta' lqugħ jista' jitnaqqas għal mhux inqas minn kilometru lil hinn mill-konfini taż-żona infestata. F'każijiet fejn l-eradikazzjoni tal-organiżmu speċifikat ma tkunx possibbli iktar, ir-raġġ ma jistax jitnaqqas għal inqas minn żewġ kilometri.

(3)

Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat 'il barra miż-żona infestata, id-delimitazzjoni taż-żona infestata u taż-żona ta' lqugħ għandha tiġi eżaminata mill-ġdid u mibdula kif xieraq.

(4)

Fejn f'żona demarkata, abbażi tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u tal-monitoraġġ imsemmi fil-punt 1(h) tas-Sezzjoni 3 tal-Anness III, l-organiżmu speċifikat ma jinstabx għal perjodu li jinkludi mill-inqas ċiklu tal-ħajja u sena addizzjonali iżda f'kwalunkwe każ mhux inqas minn erba' snin wara xulxin, din id-demarkazzjoni tista' titneħħa. It-tul eżatt ta' ċiklu tal-ħajja jiddependi fuq l-evidenza li hija disponibbli għaż-żona kkonċernata jew għal żona klimatika simili.

(5)

Id-demarkazzjoni tista' titneħħa wkoll f'każijiet fejn, wara investigazzjoni ulterjuri, il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1 tas-Sezzjoni 2 jinstabu li jkunu ġew issodisfati.

2.   IL-KUNDIZZJONIJIET LI SKONTHOM MA HEMMX BŻONN LI TIĠI STIPULATA L-EBDA ŻONA DEMARKATA

(1)

Skont l-Artikolu 7(2), l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jistabbilixxu żona demarkata, kif previst fl-Artikolu 7(1), fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

hemm evidenza jew li l-organiżmu speċifikat ikun ġie introdott fiż-żona mal-pjanti jew mal-injam li nstab fuqhom u hemm indikazzjoni li dak l-injam jew dawk il-pjanti kien/u infestat/i qabel l-introduzzjoni tagħhom fiż-żona kkonċernata, jew inkella li hija sejba iżolata, immedjatament assoċjata ma' injam speċifikat jew ma' pjanta speċifikata, li mhux mistenni/ja li jwassal/twassal biex l-organiżmu jistabbilixxi ruħu; u

(b)

huwa aċċertat li l-organiżmu speċifikat ma stabbilixxiex ruħu u li t-tixrid u t-tgħammir b'suċċess tal-organiżmu speċifikat mhumiex possibbli minħabba l-bijoloġija tiegħu u billi jitqiesu r-riżultati ta' investigazzjoni speċifika u l-miżuri ta' eradikazzjoni li jistgħu jikkonsistu fil-qtugħ u l-iskart tal-pjanti speċifikati, bħala prekawzjoni, wara li jkunu ġew eżaminati.

(2)

Meta l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1 jiġu ssodisfati, l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jistabbilixxu żoni demarkati, diment li jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

miżuri immedjati sabiex tiġi żgurata l-eradikazzjoni fil-pront tal-organiżmu speċifikat u sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li jinxtered;

(b)

il-monitoraġġ matul il-perjodu li jkopri mill-inqas ċiklu tal-ħajja tal-organiżmu speċifikat u sena addizzjonali inkluż il-monitoraġġ mill-inqas f'erba' snin wara xulxin, f'raġġ ta' mill-inqas kilometru madwar il-pjanti infestati, l-injam infestat jew il-post fejn instab l-organiżmu speċifikat; għall-inqas għall-ewwel sena l-monitoraġġ għandu jkun regolari u intensiv;

(c)

il-qerda ta' kwalunkwe materjal infestat tal-pjanti jew tal-injam infestat;

(d)

it-traċċar b'lura għall-oriġini tal-infestazzjoni u t-traċċar tal-injam jew tal-pjanti assoċjat/i mal-każ tal-infestazzjoni kkonċernata sa fejn huwa possibbli u l-eżaminazzjoni tagħhom għal kwalunkwe sinjal ta' infestazzjoni; l-eżaminazzjoni għandha tinkludi t-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni;

(e)

attivitajiet li jrawwmu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-theddida li jġib miegħu dak l-organiżmu;

(f)

kwalunkwe miżura oħra, li tista' tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-organiżmu speċifikat, billi jitqies l-ISPM Nru 9 (1) u bl-applikazzjoni ta' approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM Nru 14 (2).

Il-miżuri msemmija fil-punti minn (a) sa (f) għandhom jiġu ppreżentati taħt forma ta' rapport imsemmi fl-Artikolu 8.

3.   IL-MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU FIŻ-ŻONI DEMARKATI

(1)

Fiż-żoni demarkati, l-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin sabiex jeradikaw l-organiżmu speċifikat:

(a)

il-qtugħ immedjat tal-pjanti infestati u tal-pjanti b'sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifikat, u t-tneħħija sħiħa tal-għeruq tagħhom jekk l-organiżmu speċifikat jinsab li jkun bejjet 'l isfel mill-għonq tal-għerq tal-pjanta infestata; f'każijiet fejn il-pjanti infestati ma nstabux fil-perjodu tat-tajran tal-organiżmu speċifikat, dawn għandhom jinqatgħu u jitneħħew qabel ma jibda l-perjodu li jkun imiss;

(b)

il-qtugħ tal-pjanti speċifikati kollha fi ħdan raġġ ta' 100 m madwar il-pjanti infestati u l-eżaminazzjoni ta' dawk il-pjanti speċifikati għal kwalunkwe sinjal ta' infestazzjoni; f'każijiet eċċezzjonali fejn korp uffiċjali responsabbli jikkonkludi li dan il-qtugħ ma jkunx xieraq, minħabba l-valur soċjali, kulturali jew ambjentali partikolari tagħhom, l-eżaminazzjoni dettaljata individwali u regolari għal kwalunkwe sinjal ta' infestazzjoni ta' dawn il-pjanti speċifikati kollha fi ħdan dak ir-raġġ li ma jkunux se jiġu maqtugħa, u l-applikazzjoni ta' miżuri ekwivalenti għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe tixrid possibbli tal-organiżmu speċifikat minn dawk il-pjanti; ir-raġunijiet għal dik il-konklużjoni u d-deskrizzjoni tal-miżura għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8;

(c)

it-tneħħija, l-eżaminazzjoni u l-iskart tal-pjanti maqtugħa skont il-punti (a) u (b) u tal-għeruq tagħhom fejn meħtieġ; bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat matul u wara l-qtugħ;

(d)

il-prevenzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq ta' materjal potenzjalment infestat 'il barra miż-żona demarkata;

(e)

it-traċċar b'lura għall-oriġini tal-infestazzjoni u t-traċċar tal-injam u tal-pjanti assoċjat/i mal-każ tal-infestazzjoni kkonċernata sa fejn huwa possibbli u l-eżaminazzjoni tagħhom għal kwalunkwe sinjal ta' infestazzjoni; l-eżaminazzjoni għandha tinkludi t-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni;

(f)

fejn xieraq, it-tibdil tal-pjanti speċifikati bi pjanti oħra;

(g)

il-projbizzjoni li jitħawwlu pjanti speċifikati ġodda fil-beraħ f'żona msemmija fil-punt 1(b) tas-Sezzjoni 3 tal-Anness III, għajr għall-postijiet tal-produzzjoni msemmija fis-Sezzjoni 2 tal-Anness II;

(h)

il-monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fuq il-pjanti ospitanti, b'attenzjoni speċifika fuq iż-żona ta' lqugħ, li għandu jinkludi mill-inqas spezzjoni kull sena bl-użu ta' tekniki li jkunu kapaċi jsibu l-infestazzjoni fil-livell ta' fuq wiċċ il-ħamrija. Fejn xieraq, it-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni għandu jitwettaq mill-korp uffiċjali responsabbli. In-numru ta' kampjuni għandu jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8;

(i)

attivitajiet li jrawwmu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddid li jġib miegħu dak l-organiżmu u l-miżuri adottati biex dan ma jiddaħħalx fl-Unjoni u ma jinxteridx fi ħdanha, inklużi l-kundizzjonijiet dwar iċ-ċaqliq tal-pjanti speċifikati u tal-injam speċifikat miż-żona demarkata, stipulati skont l-Artikolu 7;

(j)

fejn meħtieġ, miżuri speċifiċi li jindirizzaw kwalunkwe partikolarità jew kumplikazzjoni li raġonevolment tista' tkun mistennija li timpedixxi, ixxekkel, jew iddewwem l-eradikazzjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-aċċessibbiltà u l-eradikazzjoni adegwata tal-pjanti kollha li jkunu infestati jew li jkun hemm suspett li jkunu infestati, ikunu fejn ikunu, ikunux tal-pubbliku jew tal-privat, jew tkun min tkun il-persuna jew l-entità li tkun responsabbli għalihom;

(k)

kwalunkwe miżura oħra, li tista' tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-organiżmu speċifikat, billi jitqies l-ISPM Nru 9 u bl-applikazzjoni ta' approċċ integrat skont il-prinċipji stipulati fl-ISPM Nru 14.

Il-miżuri msemmija fil-punti minn (a) sa (k) għandhom jiġu ppreżentati taħt forma ta' rapport imsemmi fl-Artikolu 8.

(2)

Meta r-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 6 matul iktar minn erba' snin wara xulxin ikunu kkonfermaw il-preżenza tal-organiżmu speċifikat f'żona u f'każ li jkun hemm evidenza li l-organiżmu speċifikat ma jistax jiġi eradikat iktar, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-miżuri biex l-organiżmu speċifikat jinżamm fi ħdan dik iż-żona. Miżuri bħal dawn għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-qtugħ tal-pjanti infestati u tal-pjanti b'sintomi kkawżati mill-organiżmu speċifikat, u t-tneħħija sħiħa tal-għeruq tagħhom jekk l-organiżmu speċifikat jinsab li jkun bejjet 'l isfel mill-għonq tal-għerq tal-pjanta infestata; l-attivitajiet ta' qtugħ għandhom jibdew minnufih, iżda f'każijiet fejn il-pjanti infestati ma nstabux fil-perjodu tat-tajran tal-organiżmu speċifikat, dawn għandhom jinqatgħu u jitneħħew qabel ma jibda l-perjodu li jkun imiss;

(b)

it-tneħħija, l-eżaminazzjoni u l-iskart tal-pjanti maqtugħa u tal-għeruq tagħhom fejn meħtieġ; bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi evitat it-tixrid tal-organiżmu speċifikat wara l-qtugħ;

(c)

il-prevenzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq ta' materjal potenzjalment infestat 'il barra miż-żona demarkata;

(d)

fejn xieraq, it-tibdil tal-pjanti speċifikati bi pjanti oħra;

(e)

il-projbizzjoni li jitħawwlu pjanti speċifikati ġodda fil-beraħ f'żona infestata msemmija fil-punt 1(a) tas-Sezzjoni 1 tal-Anness III, għajr għall-postijiet tal-produzzjoni msemmija fis-Sezzjoni 2 tal-Anness II;

(f)

il-monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fuq il-pjanti ospitanti, b'attenzjoni speċifika fuq iż-żona ta' lqugħ, li għandu jinkludi mill-inqas spezzjoni kull sena bl-użu ta' tekniki li jkunu kapaċi jsibu l-infestazzjoni fil-livell ta' fuq wiċċ il-ħamrija. Fejn xieraq, it-teħid distruttiv immirat ta' kampjuni għandu jitwettaq mill-korp uffiċjali responsabbli. In-numru ta' kampjuni għandu jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8;

(g)

attivitajiet li jrawwmu s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar it-theddid li jġib miegħu l-organiżmu speċifikat u l-miżuri adottati biex dan ma jiddaħħalx fl-Unjoni u ma jinxteridx fi ħdanha, inklużi l-kundizzjonijiet dwar iċ-ċaqliq tal-pjanti speċifikati u tal-injam speċifikat miż-żona demarkata, stipulati skont l-Artikolu 7;

(h)

fejn meħtieġ, miżuri speċifiċi li jindirizzaw kwalunkwe partikolarità jew kumplikazzjoni li b'mod raġonevoli tista' tkun mistennija li timpedixxi, ixxekkel, jew iddewwem it-trażżin, b'mod partikolari dawk marbuta mal-aċċessibbiltà u l-eradikazzjoni adegwata tal-pjanti kollha li jkunu infestati jew li jkun hemm suspett li jkunu infestati, ikunu fejn ikunu, ikunux tal-pubbliku jew tal-privat, jew tkun min tkun il-persuna jew l-entità li tkun responsabbli għalihom;

(i)

kwalunkwe miżura oħra, li tista' tikkontribwixxi għat-trażżin tal-organiżmu speċifikat;

Il-miżuri msemmija fil-punti minn (a) sa (i) għandhom jiġu ppreżentati taħt forma ta' rapport imsemmi fl-Artikolu 8.


(1)  Linji gwida għall-programmi ta' eradikazzjoni tal-organiżmi ta' ħsara — Standard ta' Referenza tal-ISPM Nru 9 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma, 1998.

(2)  L-użu ta' miżuri integrati f'approċċ sistematiku għall-kontroll tar-riskju tal-organiżmi ta' ħsara — Standard ta' Referenza tal-ISPM Nru 14 mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti, Ruma, 2002.


Top