Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0575

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/575 tas- 17 ta' Diċembru 2014 dwar l-iffirmar, fl-isem tal-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni

    ĠU L 96, 11.4.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/575/oj

    Related international agreement

    11.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 96/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/575

    tas-17 ta' Diċembru 2014

    dwar l-iffirmar, fl-isem tal-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Ġunju 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1), dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni (il-“Protokoll”),

    (2)

    In-negozjati ġew konklużi.

    (3)

    L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lir-Repubblika tat-Tuneżija tipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit mill-Protokoll jikkostitwixxi miżura ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika li tippermetti li l-aċċess għall-għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, jiġi pprovdut mill-Unjoni skont dawk il-programmi tal-Unjoni. Dak il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali rilevanti kostituttivi jipprevedu l-possibbiltà ta' parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali segwiti mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

    (4)

    Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw it-Trattat f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja minn meta jiġi ffirmat, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fi kwalunkwe programm partikolari tal-Unjoni, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas. Il-Kummissjoni għandha żżomm aġġornat il-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. L. GALLETTI


    (1)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.


    Top