Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0508

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/508 tal- 1 ta' Ottubru 2014 dwar l-allegata għajnuna infrastrutturali tal-Ġermanja lil Propapier PM2 GmbH – Għajnuna mill-istat SA.36147 (C 30/10) (ex NN 45/10; ex CP 327/08) (notifikata bid-dokument C(2014) 6847) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 89, 1.4.2015, pp. 72–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/508/oj

1.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/72


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/508

tal-1 ta' Ottubru 2014

dwar l-allegata għajnuna infrastrutturali tal-Ġermanja lil Propapier PM2 GmbH – Għajnuna mill-istat SA.36147 (C 30/10) (ex NN 45/10; ex CP 327/08)

(notifikata bid-dokument C(2014) 6847)

(it-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 108(2)(1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu kummenti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija (2) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2008, il-Grupp Smurfit Kappa (iktar ‘il quddiem “Smurfit Kappa” jew l-“ilmentatur”) ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni, li Propapier PM2 GmbH kienet irċiviet għajnuna infrastrutturali. L-ilment ġie rreġistrat bin-numru ta’ referenza CP 327/08, u trasferit (bin-numru ta’ referenza NN 45/10) lir-reġistru għall-għajnuna illegali.

(2)

B’ittra tas-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-għajnuna allegata.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati jressqu kummenti dwar l-allegata għajnuna.

(4)

B’ittra tat-28 ta’ Jannar 2011, il-Ġermanja ssottomettiet kummenti (il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn il-kummenti waslet fil-31 ta’ Jannar 2011). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-partijiet interessati segwenti: fil-11 ta’ Frar 2011, opinjoni konġunta mingħand Deutschen Städtetag (l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Ibliet Ġermaniżi), Deutschen Landkreistag (l-Assoċjazzjoni Ġermaniża ta’ Distretti Rurali) u Deutschen Städte- und Gemeindebund (l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Ibliet u l-Muniċipalitajiet) kif ukoll mingħand l-Assoċjazzjoni ta’ Kumpaniji Muniċipali (Verband kommunaler Unternehmen - VKU) u fl-14 ta’ Frar 2011, kummenti mingħand l-ilmentatur (il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn il-kummenti waslet fl-1 ta’ Marzu 2011). Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Ġermaniżi, sabiex tagħtihom opportunità jressqu osservazzjonijiet; il-kummenti tal-Ġermanja dwar dan waslu għand il-Kummissjoni fit-13 ta’ April 2011 (il-verżjoni mhux kunfidenzjali waslet fis-26 ta’ April 2011).

(5)

Fis-17 ta’ Jannar 2013 saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-Ġermanja. B’ittra tal-25 ta’ Frar 2013, il-Ġermanja bagħtet informazzjoni addizzjonali. B’ittra tas-26 ta’ April 2013, li għaliha l-Ġermanja wieġbet permezz tal-ittra tal-14 ta’ Mejju 2013, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu għal aktar informazzjoni.

(6)

Bil-posta elettronika tat-23 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni, li l-Ġermanja bagħtet permezz tal-posta elettronika tal-24 ta’ Mejju 2013, is-27 ta’ Mejju 2013 u t-28 ta’ Mejju 2013.

(7)

Wara laqgħa fis-6 ta’ Ġunju 2013 bejn rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni, tal-Ġermanja u tal-kumpanija benefiċjarja kif ukoll esperti, il-Ġermanja nnotifikat sottomissjonijiet bil-miktub addizzjonali possibbli. Fuq talba oħra għal informazzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2013, il-Ġermanja ressqet iktar kummenti estensivi permezz tal-posta elettronika tal-4 ta’ Novembru 2013, tat-13 ta’ Diċembru 2013, tat-18 ta’ Diċembru 2013, tas-6 ta’ Jannar 2014 u tal-24 ta’ April 2014.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

(8)

Propapier PM2 Gmbh (iktar ‘il quddiem “Propapier”) tifforma parti minn Progroup AG (iktar ‘il quddiem “Progroup”). Progroup jipproduċi u jbigħ materjal ikkorrugat għall-kontenituri u kartun ikkorrugat permezz tas-sussidjarji tiegħu. L-ilmentatur, Smurfit Kappa, huwa wieħed mill-akbar produtturi tal-karti fl-Unjoni Ewropea.

(9)

Fit-2 ta’ April 2008, il-Kummissjoni approvat (4) għajnuna reġjonali għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika tal-karti għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri u impjant tal-enerġija relatat magħha minn Propapier f’żona ta’ estensjoni ġdida żviluppata taż-żona industrijali eżistenti mal-Kanal Oder-Spree f’Eisenhüttenstadt, fil-Land ta’ Bradenburg – din iż-żona f’dak iż-żmien kienet tirriżulta eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

(10)

L-ilmentatur saħaq li ċerti proġetti infrastrutturali ffinanzjati permezz tar-riżorsi tal-Istat fiż-żona ta’ estensjoni tal-qasam industrijali fejn tinsab il-fabbrika l-ġdida ta’ Propapier, huma maħsuba biss għall-fabbrika tal-karti u b’hekk għandhom jiġu kklassifikati bħala infrastruttura ddedikata u għajnuna mill-Istat lil Propapier.

(11)

L-ilmentatur isemmi wkoll il-proġetti infrastrutturali segwenti (ara t-Taqsima 2.1): Il-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-ilma mormi, il-kostruzzjoni ta’ parkeġġ u l-bini ta’ triq ta’ aċċess ġdida kif ukoll it-twessigħ u l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree.

(12)

Barra minn hekk, l-ilmentatur jallega li t-tariffi għall-użu tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi li jagħmel minnu Proprapier huma stabbiliti għal livell baxx wisq (ara t-Taqsima 2.2).

2.1.   GĦAJNUNA GĦALL-KOSTRUZZJONI TA’ IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAL-ILMA MORMI U INFRASTRUTTURA OĦRA

(13)

F’Lulju 2008, il-Land ta’ Brandenburg tat għotja diretta li tammonta għal EUR 33 808 200 (5) mir-riżorsi tal-programm għall-estensjoni tal-infrastruttura ekonomika muniċipali taħt l-iskema konġunta tal-Gvern Federali u tal-Länder (GA) għat-“Titjib tal-Istrutturi Ekonomiċi Reġjonali” (iktar ‘il quddiem l-“iskema GA” (6)), għall-kostruzzjoni ta’ impjant ġdid għat-trattament tal-ilma mormi f’żona ta’ estensjoni tal-qasam industrijali mal-Kanal ta’ Oder-Spree f’Eisenhüttenstadt. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li l-iskema GA għall-finanzjament tal-kostruzzjoni jew l-estensjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi kienet is-suġġett tal-każ dwar l-għajnuna N 644e/02 (7), li fih il-Kummissjoni fl-2003 stabbiliet li, għall-perjodu ta’ programm 2004-2006, l-għajnuna mogħtija fil-qafas ta’ din l-iskema ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE lis-sid u l-operatur tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi.

(14)

F’din id-deċiżjoni tal-2003, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-għotjiet mill-verżjoni applikabbli tal-iskema tal-2004 sal-2006 għandhom jiġu kkunsidrati bħala trasferiment intern ta’ riżorsi tal-Istat u ma jirrappreżentawx għajnuna mill-Istat favur is-sid u l-operatur, peress li l-benefiċjarji mhumiex entità ekonomika u fis-servizz huwa involut kompitu klassiku ta’ servizzi pubbliċi, li huwa r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet muniċipali. Skont id-dispożizzjonijiet tal-iskema, il-benefiċjarju dejjem irid ikun awtorità lokali jew assoċjazzjoni għal skop speċjali (“Zweckverband”), taħt il-kontroll tal-awtoritajiet superviżorji muniċipali. B’hekk l-għajnuna hija possibbli biss meta ma jkun hemm l-ebda konnessjoni legali, personali jew ekonomika bejn il-benefiċjarju tal-miżura, jiġifieri l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi, u l-utent tal-impjant.

(15)

L-għotja kienet tammonta għal 80 % tal-ispejjeż totali eliġibbli ta’ EUR 42 260 340. Il-benefiċjarju tal-għotja hija l-assoċjazzjoni muniċipali għall-ilma tax-xorb u l-ilma mormi (Trinkwasser- und Abwasserzweckverband) Oderaue Eisenhüttenstadt (iktar ‘il quddiem “TAZV”), assoċjazzjoni interkomunali taħt id-dritt pubbliku, li tieħu ħsieb il-preparazzjoni tal-ilma tax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi. It-TAZV hija kemm is-sid kif ukoll l-operatur tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi. Din ġarrbet l-20 % tal-ispejjeż ta’ investiment pubbliku totali li kien fadal.

(16)

L-għajnuna ngħatat soġġetta għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti b’mod verifikabbli r-rekwiżiti legali u finanzjarji għall-istabbiliment ta’ investitur ewlieni (f’dan il-każ Propapier) sal-15 ta’ Awwissu 2008. Il-kostruzzjoni tal-impjant bdiet f’Ottubru tal-2008 u dan beda jopera f’Marzu tal-2010.

(17)

L-ilmentatur kien tal-fehma li l-impjant tat-TAZV jirrappreżenta infrastruttura ddedikata, peress li prattikament il-kapaċità kollha għat-trattament tal-ilma mormi tal-impjant jintuża minn Propapier. Huwa jsostni li l-impjant mill-bidu nett kien maħsub bħala impjant għat-trattament tal-ilma mormi għal Propapier u jikkostitwixxi prerekwiżit essenzjali għall-istabbiliment ta’ fabbrika tal-karti fir-reġjun (peress li għall-manifattura tal-karti huma meħtieġa volumi kbar ta’ ilma).

(18)

Fil-fehma tal-ilmentatur, il-proġetti infrastrutturali l-oħrajn – il-kostruzzjoni ta’ parkeġġ viċin is-sit tal-fabbrika ta’ Propapier u triq ġdida li tgħaqqad il-qasam industrijali mal-awtostrada federali 112 kif ukoll it-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree – ukoll jikkostitwixxu miżuri infrastrutturali ddedikati għal Propapier. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li dawn ma jikkostitwixxu l-ebda vantaġġ selettiv għal Propapier u b’hekk lanqas ma kellhom jitqiesu bħala infrastruttura ddedikata. Minkejja dan, stiednet lil partijiet terzi jikkummentaw dwar dawn il-miżuri.

2.2.   TARIFFI MNAQQSA GĦALL-UŻU TAL-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAL-ILMA MORMI

(19)

Oġġezzjoni oħra b’rabta mal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tikkonċerna l-fatt li t-tariffi li għandhom jitħallsu minn Propapier għall-użu tal-impjant, ta’ EUR 0.95 għal kull metru kubu, huma inqas mit-tariffa li investitur privat ikollu jħallas għal tali servizz.

(20)

L-ammont tat-tariffi għall-użu jirriżulta mil-liġi rilevanti, il-Liġi dwar it-Tariffi Lokali ta’ Bradenburg (8) (Kommunalabgabengesetz) (iktar ‘il quddiem “KAG Bradenburg”). Skont § 6 tal-KAG Bradenburg, il-kalkolu tat-tariffa għandu jsir b’tali mod li l-ispejjeż ikkalkulati kollha tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi kkonċernat (kostijiet ta’ kostruzzjoni, żamma, manutenzjoni, operat, persunal kif ukoll tal-amministrazzjoni tat-tariffi), l-interessi imputati u d-deprezzament imputat ikunu rkuprati, iżda ma jinqabżux. Madankollu, is-sussidji li l-muniċipalità tirċievi minn sorsi oħrajn pubbliċi (f’dan il-każ għotja ta’ EUR 33,8 miljun mill-iskema GA), ma għandhomx (9) jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-interessi imputati fuq il-kapital investit. L-ilmentatur huwa tal-fehma li s-sussidji li t-TAZV irċeviet mill-iskema GA ġew ittrasferiti mill-benefiċjarja (TAZV) lill-utent tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi fil-forma ta’ tariffi mnaqqsa għall-ilma mormi.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA (10)

(21)

Il-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: i) Il-miżura trid tkun għajnuna mill-Istat jew għajnuna mogħtija minn riżorsi tal-Istat, ii) minn din għandu jirriżulta vantaġġ ekonomiku għall-impriża, iii) il-vantaġġ għandu jkun selettiv, u iv) il-miżura għandha tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u tippreġudika l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Tkun teżisti għajnuna mill-Istat meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv.

(22)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ ma hemm l-ebda dubju li l-miżuri kollha jikkonċernaw l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u li possibbilment dawn jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern.

(23)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li għandha ssir distinzjoni bejn 1) allegata għajnuna mill-Istat favur it-TAZV għall-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-ilma mormi u 2) allegata għajnuna għal Propapier fl-għamla ta’ tariffi mnaqqsa għat-trattament tal-ilma mormi.

(24)

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-ftuħ teżamina jekk jirriżultax vantaġġ selettiv għall-impriża Propapier, minħabba

i.

l-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi

kif ukoll minħabba l-proġetti infrastrutturali oħrajn fiż-żona ta’ estensjoni tal-qasam industrijali fejn jinsab is-sit tal-fabbrika l-ġdida ta’ Propapier, u wkoll

ii.

il-parkeġġ il-ġdid,

iii.

it-triq il-ġdida u

iv.

it-twessigħ/l-approfondiment tal-kanal Oder-Spree,

jew jekk permezz ta’ dawn hijiex involuta infrastruttura ddedikata għal Propapier. (11) Peress li miżura skont l-Artikolu 107(1) tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat biss jekk tkun selettiva (jiġifieri meta tittratta b’mod differenti impriżi li fir-rigward tal-għan segwit permezz tal-miżura jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli), il-Kummissjoni trid teżamina jekk jirriżultax vantaġġ selettiv għal Propapier minħabba dawn il-miżuri.

(25)

Il-Kummissjoni diġà approvat għajnuna għall-investiment reġjonali għal Propapier. Peress li l-miżuri għall-proġetti infrastrutturali l-oħrajn ġew implimentati f’żona megħjuna, li hija eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, u dawn il-miżuri allegatament huma marbuta mill-qrib u ddedikati għal proġett ta’ investiment, li jiġi megħjun permezz ta’ għajnuna reġjonali, il-Kummissjoni adottat l-opinjoni preliminari li l-miżuri, meta jkun evidenti li dawn huma favur Propapier b’mod selettiv, jikkostitwixxu parti minn proġett ta’ investiment ta’ Propapier, u b’hekk ikun meħtieġ li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali 2007-2013 (12) (iktar ‘il quddiem “Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali). Il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment fl-għamla ta’ infrastruttura ddedikata, b’mod partikolari b’rabta mal-osservazzjoni tal-intensità massima tal-għajnuna u l-effett ta’ inċentiv.

(26)

Skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali, l-impriżi li jingħataw għajnuna għall-investiment għandhom jirċievu wkoll għajnuna operattiva. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern madankollu trid tiġi eżaminata indipendentement mill-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment, soġġetta għall-kriterji tat-Taqsima 5 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’każ li tkun ingħatat għajnuna operattiva għal Proprapier fl-għamla ta’ tariffi mnaqqsa għat-trattament tal-ilma mormi, li ma tkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq, din l-għajnuna operattiva tkun ikklassifikata bħala mhux kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali u l-proċedura tal-għoti ta’ approvazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni b’rabta mal-għajnuna operattiva. Is-sit tal-benefiċjarju tal-għajnuna kien tassew jinsab f’reġjun eliġibbli għall-għajnuna operattiva (reġjun megħjun skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE), madankollu il-kundizzjonijiet importanti l-oħrajn għall-kompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern mhumiex sodisfatti. B’hekk ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-għajnuna operattiva kienet iġġustifikata jew minħabba n-natura tagħha jew fir-rigward tal-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali, jew li l-ammont tagħha kien proporzjonali mal-iżvantaġġi li kellhom jiġu indirizzati. Barra minn hekk l-għajnuna operattiva la hija temporanja u lanqas ma titnaqqas biż-żmien. B’hekk il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ġenerali tal-għajnuna operattiva fl-għamla ta’ tariffi mnaqqsa mas-suq intern.

3.1.   SUSSIDJI GĦAL PROĠETTI TA’ INVESTIMENT MEGĦJUNA MILL-FONDI PUBBLIĊI INKLUŻ L-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAL-ILMA MORMI

3.1.1.   Parkeġġ, it-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree, triq ġdida

(27)

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġie kkonstatat li l-kapaċità tal-parkeġġ ma taqbilx mad-deskrizzjoni tal-ilmentatur u li l-parkeġġ ma jinsabx fil-viċinità immedjata tas-sit tal-fabbrika ta’ Propapier. Ġie ddeterminat ukoll li l-ispazji għall-parkeġġ huma aċċessibbli b’mod ġenerali u jservu mhux biss għall-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree, iżda wkoll għas-siti industrijali l-oħrajn ġewwa l-belt, u li l-għadd ta’ spazji għandu jippermetti lill-muniċipalità tagħlaq spazji għall-parkeġġ tat-trakkijiet ġewwa l-belt. Barra minn hekk Propapier bniet ukoll l-ispazji proprji tagħha, li wkoll huma aċċessibbli għat-trakkijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li probabbilment ma rriżulta l-ebda vantaġġ selettiv għal Propier permezz tal-bini tal-parkeġġ.

(28)

Fir-rigward tat-triq ta’ aċċess ġdida bejn il-qasam industrijali u l-awtostrada federali 112, il-Kummissjoni kkonstatat li permezz tal-bini tat-triq tnaqqas il-volum tat-traffiku u t-tniġġis tal-arja fiċ-ċentru ta’ Eisenhüttenstadt, peress li t-trakkijiet, fi triqithom lejn il-qasam industrijali, jistgħu jevitaw iċ-ċentru tal-belt u l-ħin tal-ivvjaġġar għall-eqreb ċentru reġjonali tnaqqas. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li probabbilment ma rriżulta l-ebda vantaġġ selettiv għal Propier permezz tal-bini tat-triq il-ġdida.

(29)

Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ twessigħ u ta’ approfondiment fil-Kanal Oder-Spree, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn ma twettqux sabiex jinħoloq vantaġġ selettiv għal Propapier, iżda li huma parti mix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni regolari meħtieġa tal-passaġġi fuq l-ilma. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li probabbilment ma rriżulta l-ebda vantaġġ selettiv għal Propier permezz tat-twessigħ u l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree.

(30)

F’dak iż-żmien il-Kummissjoni madankollu ma setgħetx teskludi għalkollox li dawn il-miżuri infrastrutturali kienu aktar ta’ benefiċċju għal Propapier milli għal impriżi oħrajn.

(31)

B’hekk il-Kummissjoni talbet lil partijiet terzi jissottomettu kummenti, qabel ma tagħti opinjoni definittiva dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ dawn il-miżuri. Fl-istess ħin il-Ġermanja dak iż-żmien talbet li tintbagħat aktar informazzjoni dwar il-bini tal-parkeġġ u t-triq il-ġdida kif ukoll dwar it-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

3.1.2.   Sussidju għall-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-ilma mormi

(32)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’każ li l-iskema ta’ għajnuna N 644e/02 sadanittant għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna minħabba l-iżvilupp tas-suq intern, din tkun meqjusa bħala għajnuna eżistenti għat-TAZV.

(33)

Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-fatt li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi jikkostitwixxi infrastruttura ddedikata. F’dan ir-rigward ġie ddeterminat li minbarra Propapier hemm biss żewġ utenti oħrajn tal-impjant: il-fornitur fotovoltajku Kanadiż 5N PV u l-fornitur tal-enerġija EnBW. Barra minn hekk ma kienx magħruf liema parti mill-kapaċitajiet tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi kienu jibbenefikaw minnha dawn iż-żewġ klijenti. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan il-mument tal-investigazzjoni, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tevalwa jekk il-bini tal-impjant il-ġdid għat-trattament tal-ilma mormi kienx neċessarju fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ impriżi biss. Barra minn hekk, wieħed minn dawn iż-żewġ utenti l-oħrajn, jiġifieri l-impjant tal-enerġija operat minn EnBW, kien involut direttament fil-proġett ta’ Propapier, peress li l-impjant tal-enerġija jipprovdi l-elettriku għall-proċess ta’ produzzjoni tal-fabbrika tal-karti. (13)

(34)

Jekk Propapier attwalment tuża 90 % mill-kapaċità tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi, kif allegat mill-ilmentatur, b’hekk fil-fehma tal-Kummissjoni tqum il-mistoqsija jekk dan il-fatt fih innifsu kienx diġà jikkostitwixxi evidenza suffiċjenti li l-impjant huwa maħsub esklussivament jew mill-inqas primarjament biex jintuża minn Propapier (u b’hekk huwa ddedikat għal Propapier). Sussegwentement kellu jiġi investigat ulterjorment l-argument tal-Ġermanja, li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi fil-futur għandu jintuża minn utenti oħrajn.

(35)

Barra minn hekk ġie ddeterminat li għandu jiġi kkunsidrat in-numru massimu ta’ investituri li jistgħu jistabbilixxu ruħhom fil-qasam industrijali viċin il-Kanal Oder-Spree u liema kapaċitajiet tal-impjant jintużaw minnhom bħala medja. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja ntalbet tagħmel disponibbli informazzjoni ddettaljata dwar il-pjan globali tal-iżvilupp tal-qasam industrijali u dwar il-kapaċitajiet li għad fadal tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi li jistgħu jiġu allokati lill-utenti potenzjali. Il-Ġermanja kellha tippreżenta wkoll informazzjoni ulterjuri dwar il-fattibilità teknika tal-approċċ modulari għall-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi. (14)

(36)

Kif diġà ġie spjegat, il-Kummissjoni adottat l-opinjoni preliminari li l-miżuri għall-proġett infrastrutturali jkunu jikkostitwixxu parti mill-proġett ta’ investiment ta’ Propapier jekk jirriżulta li jkunu selettivi, biex b’hekk għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet b’rabta mal-intensità massima tal-għajnuna u l-effett ta’ inċentiv.

3.2.   TARIFFI MNAQQSA GĦALL-UŻU TAL-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAL-ILMA MORMI

(37)

Il-Ġermanja, bħal fil-każ tal-miżura għall-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi, hija tal-fehma li sakemm it-tariffa li għandha titħallas minn Propapier kienet tinkludi elementi ta’ għajnuna, din tkun tinvolvi għajnuna eżistenti. Fil-fehma tal-Ġermanja, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 644e/02, li permezz tagħha ġiet approvata l-iskema GA, tkopri wkoll l-effetti indiretti tal-iskema.

(38)

Madankollu, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna possibbli fl-għamla ta’ tariffi mnaqqsa għat-trattament tal-ilma mormi mhijiex koperta mid-Deċiżjoni N 644e/02 u li b’dan il-mod, sa fejn it-tariffi jiġu kklassifikati bħala għajnuna, tkun ikkonċernata għajnuna ġdida.

(39)

Fil-kuntest tal-valutazzjoni dwar jekk jirriżultax vantaġġ ekonomiku għal Propapier permezz tat-tariffi, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, esprimiet dubji dwar jekk it-tariffi mitluba mit-TAZV jirriflettux l-ispejjeż kollha u jekk investitur privat kienx jistabbilixxi t-tariffi għall-istess ammont.

(40)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tariffa li għandha titħallas minn Propapier ma tkoprix għalkollox l-ispejjeż għat-trattament tal-ilma mormi, peress li l-Ġermanja stess ikkonċediet li dawn it-tariffi jkopru biss 20 % mill-interessi imputati fuq il-kapital investit, peress li s-sussidju ta’ 80 %, li l-muniċipalità ngħatat minn riżorsi oħrajn tal-Istat għall-kostruzzjoni tal-impjant, ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-interessi imputati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stabbiliet fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, li kemm id-Direttiva 2000/60/KE (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma”) (15) kif ukoll il-KAG Bradenburg jipprovdu li t-tariffi għall-użu ta’ impjant għat-trattament tal-ilma mormi jridu jkopru l-ispejjeż kollha. (16) Fid-deċiżjoni tal-ftuħ saret ukoll referenza għall-każijiet InfraLeuna (17) u Kimberly-Clark/Scott (18), li fihom il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tariffi fl-ammont tal-ispejjeż kollha jikkorrispondu għall-ispejjeż li normalment ikollha ġġarrab impriża.

(41)

L-ilmentatur jargumenta li biex jiġi stabbilit li jeżisti l-vantaġġ, l-ammont tat-tariffi mħallsa attwalment minn Propapier għandu jitqabbel mal-ammont tat-tariffi li investitur privat jitlob minflok it-TAZV.

(42)

Il-Ġermanja ssuġġeriet li t-tariffi mħallsa minn Propapier jitqabblu mat-tariffi medji li għandhom jiġu rreġistrati fis-settur, u ssemmi studju, li skontu t-tariffa medja hija ta’ bejn EUR 0,24 u EUR 1 għal kull metru kubu. (19)

(43)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni nnotat li l-prinċipju tal-investitur privat jidher applikabbli għal dan il-każ. Madankollu kellha dubji dwar jekk l-applikazzjoni ta’ tali valur ta’ referenza teskludix l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, speċjalment peress li saret distorsjoni manifesta tad-dejta. Anki jekk it-tariffi msemmija ta’ muniċipalitajiet oħrajn jirriflettu l-ispejjeż kollha, it-tariffi differenti jirriżultaw manifestament minn ċirkostanzi lokali differenti, li jiġġustifikaw ammonti ta’ tariffi differenti għal investutur privat. B’hekk il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ esprimiet dubji dwar il-fatt li l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Propapier tista’ tiġi eskluża abbażi ta’ din id-dejta.

(44)

Kif spjegat fil-premessa 26, sa fejn il-miżura tassew tirrappreżenta għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 107(1)TFUE, il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Jekk jirriżulta li t-tariffa tikkostitwixxi għajnuna operattiva reġjonali, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern tkun dubjuża, peress li din l-għajnuna la hija temporanja, la titnaqqas maż-żmien u lanqas mhija diretta biex ittaffi ċerti żvantaġġi (mhux evidenti) tar-reġjun.

4.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA U L-KUMMENTI TA’ PARTIJIET TERZI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

4.1.   IL-PROĠETTI INFRASTRUTTURALI FFINANZJATI MINN RIŻORSI PUBBLIĊI HUMA INFRASTRUTTURA DDEDIKATA GĦAL PROPAPIER?

4.1.1.   Parkeġġ

Il-kummenti tal-ilmentatur

(45)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx l-għadd ta’ spazji għall-ipparkjar iddikjarat mill-ilmentatur. Skont l-ilmentatur, l-informazzjoni li ngħatat (spazji għal 186 karozza u 71 trakk) ġejja mill-pjan ta’ żvilupp preliminari kkummissjonat minn Eisenhüttenstadt.

(46)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur, il-pjanijiet tal-bini oriġinali ta’ Propapier ma jipprevedux il-bini ta’ parkeġġ privat, u anki meta Propapier bniet il-parkeġġ proprju tagħha, l-hekk imsejjaħ parkeġġ pubbliku xorta kienet tibbenefika minnu primarjament Propapier: Hemm sinjal li jindika l-ispazji għat-trakkijiet għall-impjant tal-enerġija u għall-fabbrika tal-karti. Barra minn hekk, il-parkeġġ jinsab fil-prossimità immedjata tas-sit tal-fabbrika ta’ Propapier (dan jestendi sal-konfini tal-fabbrika tal-karti u jinsab maġenb l-impjant tal-enerġija, li għall-ewwel kien parti mill-proġett ta’ Propapier). Il-parkeġġ ma joffri l-ebda faċilitajiet ta’ mistrieħ, li normalment huma mistennija minn tali parkeġġ pubbliku.

(47)

L-ilmentatur jallega li l-pożizzjoni tal-parkeġġ mhijiex waħda vantaġġjuża u li dan jinsab ‘il bogħod wisq sabiex ikun jista’ jintuża għal industriji oħrajn ġewwa l-belt u jwassal sabiex il-belt tkun tista’ tagħlaq spazji għat-trakkijiet ġewwa l-belt.

Il-kummenti tal-Ġermanja

(48)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, il-parkeġġ ma joħloq l-ebda vantaġġ selettiv għal Propapier. Dan huwa aċċessibbli b’mod ġenerali u ma jservix biss għall-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree. Barra minn hekk, Propapier tagħmel użu mill-ispazji tagħha stess (213 għall-karozzi u 27 għat-trakkijiet), u diġà nħareġ permess biex jinbnew spazji addizzjonali għal 120 karozza.

(49)

Il-Ġermanja tikkontradixxi l-fehma espressa mill-ilmentatur, li l-parkeġġ primarjament tibbenefika minnu Propapier u li l-pożizzjoni tal-parkeġġ mhijiex waħda favorevoli u li jinsab ‘il bogħod wisq sabiex dan ikun jista’ jservi għal siti industrijali oħrajn ġewwa l-belt ta’ Eisenhüttenstadt.

(50)

Skont il-Ġermanja, is-sinjal tat-traffiku msemmi mill-ilmentatur, li kien jindika l-ispazji għat-trakkijiet għall-impjant tal-enerġija, kien temporanju u jista’ jiġi attribwit għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-impjant tal-enerġija. Dawn ix-xogħlijiet tlestew fl-aħħar ta’ Marzu 2011. Fit-triq il-ġdida hemm sinjali li jindikaw l-aċċess għall-parkeġġ, u s-sinjalar ma jirreferix għal impriża speċifika jew għal impjant speċifiku.

4.1.2.   It-triq

Il-kummenti tal-ilmentatur

(51)

L-ilmentatur jikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja li t-triq il-ġdida għandha tgħaqqad il-qasam industrijali mal-awtostrada federali B 112; skont l-informazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur, it-triq tispiċċa ftit metri wara l-fabbrika tal-karti, mingħajr ma jidher li hemm l-intenzjoni li din titkompla; jekk minkejja dan din titkompla, din ma tkunx utli għal impriżi oħrajn, peress li l-ebda impriża ma stabbilixxiet ruħha fejn ġiet estiża.

(52)

B’hekk l-ilmentatur huwa tal-fehma li l-parkeġġ u t-triq joffru vantaġġ selettiv lil Propapier u huma ddedikati għall-użu minn Propapier.

Il-kummenti tal-Ġermanja

(53)

Skont il-Ġermanja, it-triq il-ġdida ser tgħaqqad il-qasam industrijali attwali mal-Kanal Oder-Spree u l-qasam ta’ estensjoni fit-Tramuntana tiegħu mal-awtostrada federali B 112. Din tnaqqas il-volum tat-traffiku u t-tniġġis tal-arja fiċ-ċentru ta’ Eisenhüttenstadt, tippermetti li t-trakkijiet jevitaw iċ-ċentru tal-belt u ser tnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar għat-traffiku industrijali u kummerċjali lejn Frankfurt (Oder) b’mill-inqas terz tal-ħin. Din hija parti mill-iżvilupp ġenerali tal-qasam industrijali ppjanat fl-1993 u toffri lill-impriżi fi Frankfurt aċċess aħjar għall-portijiet interni ta’ Eisenhüttenstadt. Il-Ġermanja tallega li t-triq diġà kienet ġiet ippjanata fil-Programm Oder tal-Gvern Lokali.

(54)

Din toffri aktar possibbiltajiet ta’ żvilupp lill-qasam industrijali ta’ ArcelorMittal u lil oqsma industrijali oħrajn. It-triq inbniet f’żewġ sezzjonijiet, l-aħħar parti tlestiet fis-sena 2013 wara ċertu dewmien minħabba diffikultajiet tekniċi.

4.1.3.   It-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree

(55)

Fis-sena 2008, Eisenhüttenstadt estendiet il-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree sabiex tattira l-kumpaniji. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, ix-xogħlijiet għat-twessigħ u l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree twettqu fil-qafas tal-manutenzjoni regolari neċessarja tal-passaġġ tal-ilma, li huwa parti min-Netwerks trans-Ewropej (TEN). Sa mill-2003, ġew żviluppati x-xatbiet għall-kontroll tal-ilma mat-tul kollu tal-kanal (bħalissa x-xatba għall-kontroll tal-ilma ta’ Kersdorf, il-bini mill-ġdid tax-xatba għall-kontroll tal-ilma ta’ Fürstenwalde ġie pospost). Il-Ġermanja ddikjarat li ma teżisti l-ebda rabta mal-istabbiliment ta’ Propapier u li ma nħoloq l-ebda vantaġġ selettiv għal Propapier.

4.1.4.   L-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huwa infrastruttura ddedikata għal Propapier?

Il-kummenti tal-ilmentatur

(56)

L-ilmentatur iddikjara li l-għajnuna ma tistax taqa’ taħt l-iskema, li skont id-deċiżjoni fil-Każ Nru 644e/02 ma tikkostitwixxix għajnuna, peress li l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-iskema msemmija għadda fit-tmiem tal-2006 u b’hekk fil-mument tal-għoti tal-għajnuna għall-investiment għall-bini tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tat-TAZV l-iskema ma kinitx effettiva.

(57)

L-ilmentatur isostni wkoll li l-iskema għalhekk mhijiex applikabbli, peress li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ma joffri l-ebda servizz pubbliku, iżda ġie stabbilit biss biex jintuża primarjament minn Propapier.

(58)

Fil-fehma tal-ilmentatur, l-industrija tal-karti bħala regola jkollha l-impjant proprju tagħha għat-trattament tal-ilma mormi għall-fabbriki tal-karta rriċiklata, anki fil-Ġermanja, u b’hekk l-argument tal-Ġermanja li l-kumpaniji huma obbligati li jiġu konnessi ma’ sistema pubblika tal-ilma mormi mhuwiex validu.

(59)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur, l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi mhuwiex parti minn kunċett globali ta’ ppjanar ekonomiku għall-qasam industrijali, li jestendi għall-investituri potenzjali kollha, iżda fis-sena 2007 dan diġà kien ġie żviluppat u introdott fl-istess ħin mal-fabbrika tal-karti ta’ Propapier u l-impjant tal-enerġija. L-abbozz ta’ proposta ta’ Eisenhüttenstadt dwar l-iżvilupp tal-qasam industrijali tas-7 ta’ Novembru 2007 jirreferi biss għal żewġ investituri jew tlieta. L-ilmentatur jallega li Eisenhüttenstadt bdiet tippromwovi biss il-qasam industrijali mis-sena 2010, u jissuġġerixxi li l-belt bdiet tfittex investituri oħrajn biss wara li tressaq l-ilment ta’ Smurfit Kappa.

(60)

Fil-fehma tal-ilmentatur, mill-karatteristiċi strutturali tal-impjant tat-TAZV jirriżulta li dan ġie ddisinjat b’mod speċjali għall-ħtiġijiet ta’ Propapier. Il-karatteristiċi tekniċi tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huma manifestament speċifiċi għas-setttur. L-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi għal fabbriki tal-karta rriċiklata normalment jinkludu stadju ta’ purifikazzjoni anerobika u aerobika, filwaqt li s-sistemi tad-drenaġġ muniċipali tradizzjonali ta’ spiss ikollhom biss stadju ta’ purifikazzjoni aerobika. Il-fatt li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tat-TAZV għandu ż-żewġ stadji jikkostitwixxi argument favur il-fatt li dan ma jservix għall-interess pubbliku, iżda li jirrappreżenta infrastruttura apposta għal Propapier.

(61)

Fil-fehma tal-ilmentatur huwa estremamant improbabbli li waqt l-ippjanar tal-impjant ġiet ikkunsidrata ħtieġa għal kapaċità oħra minbarra dik tal-fabbrika tal-karti ta’ Propapier (u l-impjant tal-enerġija komplementari tagħha, li issa huwa proprjetà ta’ EnWB). L-ilmentatur jargumenta li EnWB ma huwiex utent indipendenti, peress li l-investiment fl-impjant tal-enerġija huwa marbut mill-qrib mal-proġett tal-fabbrika tal-karti u mingħajr il-fabbrika ta’ Propapier dan ma kienx isir.

(62)

L-ilmentatur jinnota li l-investitur l-ieħor li stabbilixxa ruħu fil-qasam industrijali, 5N PV, juża biss persentaġġ żgħir ħafna mill-kapaċitajiet tat-trattament tal-ilma mormi disponibbli tat-TAZV u li l-bżonnijiet tiegħu fil-qasam tat-trattament tal-ilma setgħu jiġu sodisfatti permezz tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi li diġà kien jeżisti. Peress li 5N PV beda jopera diġà f’Mejju 2008, jiġifieri sentejn qabel il-kummissjonar tal-impjant il-ġdid tat-TAZV, għall-ewwel dan kien jagħmel użu mill-impjant għat-trattament tal-ilma mormi eżistenti.

(63)

L-ilmentatur jallega li ma jeżistux previżjonijiet għall-ħtiġijiet għat-trattament tal-ilma mormi mistennija ta’ investituri oħrajn potenzjali u li ma teżisti l-ebda informazzjoni dwar jekk humiex ser ikunu disponibbli dawn il-kapaċitajiet addizzjonali, u meta. Attwalment kważi ma hemmx kapaċità żejda disponibbli. Barra minn hekk l-ilmentatur jirreferi għal artiklu tal-istampa (Märkische Oderzeitung tat-3 ta’ Frar 2011), fejn huwa rrapportat difett tekniku f’tank tal-arjazzjoni u fejn ġie kkonstatat li t-tankijiet kollha disponibbli kienu meħtieġa għall-utent industrijali attwali.

(64)

Fil-fehma tal-ilmentatur, il-Ġermanja kkonfermat impliċitament li l-ebda impriża oħra mhi ser tuża l-impjant għat-trattament tal-ilma, meta stabbiliet li t-tariffi għall-impjant il-ġdid tat-TAZV huma inqas minn dawk tal-impjant eżistenti, peress li fl-impjant il-ġdid ma kienet meħtieġa l-ebda sistema ta’ kanali li tiswa l-flus bejn l-utenti individwali (u b’dan ikkonfermat li ma kienx se jkun hemm utenti oħrajn).

(65)

Skont l-ilmentatur, mid-dejta tat-TAZV jirriżulta li Propapier tuża mill-inqas 90 % tal-kapaċità ta’ kuljum tal-impjant.

(66)

L-ilmentatur jispjega li d-disinn modulari tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ddikjarat mill-Ġermanja huwa purament teoretiku u ma jwassal għall-ebda ekonomija ta’ skala, peress li t-tieni modulu jiswa 80 % sa 90 % tal-ewwel wieħed. L-ispejjeż komparattivament għoljin għaż-żieda ta’ moduli juru li l-investiment inizjali ta’ EUR 42 miljun primarjament huwa vantaġġjuż għal Propapier bħala miżura selettiva.

(67)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur, minħabba l-fatt li l-impjant il-ġdid tat-TAZV jinsab fil-prossimità immedjata tal-impjant ta’ Propapier maġenb l-impjant tal-enerġija u l-fabbrika tal-karti, Propapier tista’ terġa’ tuża l-bijogass li jirriżulta waqt it-trattament anerobiku tal-ilma mormi tagħha.

(68)

Abbażi ta’ dan t’hawn fuq, l-ilmentatur jikkonkludi li l-impjant tat-TAZV jikkostitwixxi infrastruttura ddedikata għal Propapier u li l-finanzjament pubbliku għall-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi jikkostitwixxi għajnuna għall-investiment mogħtija lil Propapier. Fil-fehma tal-ilmentatur, il-Kummissjoni konsegwentement għandha teżamina jekk din il-miżura flimkien mal-għajnuna għall-investiment li ngħatat lill-fabbrika tal-karti ta’ Propapier (Każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23827), tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali.

Il-kummenti tal-Ġermanja

(69)

Il-miżuri mogħtija fil-kuntest tal-iskema ħielsa mill-għajnuna N 664e/02 ma jikkostitwixxux għajnuna.

L-infrastruttura pubblika kienet disponibbli għal kulħadd b’kundizzjonijiet ugwali.

(70)

Il-Ġermanja targumenta li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ma kienx iddedikat speċifikament għal Propapier: Dan kien infrastruttura pubblika, li jaqa’ fil-kuntest tas-sigurtà u li jservi għall-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-popolazzjoni mill-mard. L-impriżi kollha li bħalissa huma stabbiliti fil-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree jew li ser jistabbilixxu ruħhom hemmhekk fil-futur għandhom id-dritt jikkonnettjaw mal-impjant pubbliku għat-trattament tal-ilma mormi u li jużawh taħt l-istess kundizzjonijiet. It-tariffi huma kkalkolati skont l-istess prinċipji stabbiliti legalment. It-trattament tal-ilma mormi fil-Ġermanja jaqa’ fil-qasam ta’ kompetenza tal-muniċipalitajiet, fejn ikun hemm rekwiżit ta’ konnessjoni u ta’ użu. L-utenti ma jkollhomx il-possibbiltà jiddeċiedu favur fornitur tas-servizzi differenti minn dak għall-muniċipalità.

(71)

Il-Ġermanja tiċħad l-allegazzjoni tal-ilmentatur li l-fabbriki tal-karti normalment ikollhom is-sistema għat-trattament tal-ilma mormi proprja tagħhom u li mhumiex obbligati jikkonnettjaw mas-sistemi tal-ilma mormi muniċipali, u tistabbilixxi li Propapier hija legalment obbligata (20) li tkun konnessa mal-impjant tat-TAZV u tagħmel użu minn dan. L-eżenzjonijiet minn dan l-obbligu ta’ konnessjoni huma limitati ħafna (meta l-konnessjoni ma tkunx possibbli jew realistika). Hemm biss ammont limitat ta’ dejta disponibbli pubblikament dwar it-trattament tal-ilma mormi mill-manifatturi tal-karti, iżda din id-dejta turi li ħafna fabbriki tal-karti huma konnessi ma’ impjanti muniċipali għat-trattament tal-ilma mormi.

L-infrastruttura ma nbnietx apposta għal Propapier

(72)

Il-Ġermanja ma taqbilx mad-dikjarazzjoni tal-ilmentatur li l-impjant tat-TAZV inbena speċifikament skont il-bżonnijiet tekniċi ta’ Propapier. It-trattament tal-ilma mormi b’żewġ stadji mhuwiex karatteristiku għall-industrija tal-karti, iżda huwa komuni f’diversi oqsma differenti, u diversi impjanti għat-trattament tal-ilma mormi muniċipali implimentaw trattament tal-ilma mormi b’żewġ stadji. Il-karatteristiċi tekniċi tal-impjant tat-TAZV (proċess bijoloġiku fuq żewġ stadji) kienu bbażati fuq l-istandards tekniċi l-aktar reċenti, li abbażi tagħhom jiġi kkunsidrat li parti essenzjali tal-ilma mormi tkun imniġġsa ħafna. Il-Ġermanja tikkonċedi li l-impjanti muniċipali għat-trattament tal-ilma mormi, li jittrattaw biss ilma mormi minn impjanti sanitarji jew ilma ftit imniġġes, normalment ma jkollhomx stadju separat għal qabel it-trattament, iżda tenfasizza li t-trattament fuq żewġ stadji fl-impjanti li jkollhom jittrattaw ilma mormi industrijali huwa komuni. Il-Ġermanja tippreżenta lista ta’ 18-il fabbrika tal-karti fil-Ġermanja, li jimmanifatturaw karta riċiklata u li huma konnessi ma’ impjanti muniċipali tal-ilma mormi, u tistabbilixxi li ż-żewġ tipi ta’ impjanti għat-trattament tal-ilma mormi (bi stadju wieħed u b’żewġ stadji) jintużaw fis-settur tal-karti.

(73)

Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi jikkostitwixxi parti minn pakkett ta’ miżuri infrastrutturali ġenerali, li ttieħdu għall-iżvilupp tal-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree. L-ebda waħda minn dawn il-miżuri mhija ddedikata speċifikament għal impriża waħda. Id-deċiżjonijiet dwar il-bini tal-impjant, il-konnessjoni mal-impjant u l-użu tal-impjant mhumiex għad-diskrezzjoni ta’ Propapier jew ta’ utenti potenzjali.

(74)

Il-Ġermanja tikkontesta l-argument li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tat-TAZV inbena apposta għal Propapier. L-awtoritajiet jispeċifikaw li l-bini kien ġie ppjanat diġà fil-qafas ta’ investimenti potenzjali oħrajn fis-snin 2004-2006, ħafna qabel l-istabbiliment ta’ Propapier.

(75)

Il-Ġermanja targumenta li l-kapaċità disponibbli tal-infrastruttura għat-trattament tal-ilma mormi hija limitata barra mill-qasam industrijali u l-kapaċità li fadal disponibbli hija biżżejjed biss sabiex tkopri l-bżonn ta’ investitur addizzjoali (żgħir); il-Ġermanja tikkonferma li 5N PV fil-fatt għall-ewwel kien konness mal-impjant eżistenti.

(76)

Il-fatt li l-istabbiliment ta’ Propapier wassal sabiex bdiet il-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi li kien ilu ppjanat, skont il-Ġermanja ma jistax jiġi interpretat bħala vantaġġ selettiv għal Propapier. Il-Ġermanja tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Greven, li fil-Każ C-255/91 (Matra vs Il-Kummissjoni) (21) ikkonferma li jkun inevitabbli li matul il-perjodu iniżjali l-infrastruttura primarjament tintuża mill-ewwel imrpiża li tkun stabbiliet ruħha fil-qasam industrijali l-ġdid li jkun inbena. Dan madankollu jinbidel ladarba l-iżvilupp tar-reġjun isegwi l-proċess mixtieq.

(77)

Il-Ġermanja tgħid li t-tliet impriżi, li bħalissa huma stabbiliti fil-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Sprie, jiġifieri Propapier, 5N PV u l-impjant tal-enerġija EnBW huma konnessi mal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi u jagħmlu użu minnu. Il-Ġermanja tispjega wkoll li f’perjodi differenti ġie kkunsidrat li se jkun hemm diversi stabbilimenti oħrajn (impjant wieħed jew żewġ impjanti għall-ipproċessar ta’ fjuwils alternattivi, fabbrika tal-ħġieġ fotovoltajka, offerti ta’ investiment magħmula minn diversi investituri f’setturi differenti, u żjarat tal-post minn diversi investituri potenzjali), li l-iżvilupp ulterjuri tal-qasam industrijali, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi, li affettwat bil-qawwa l-oqsma żvantaġġati, madankollu ser jieħu ż-żmien.

Il-kapaċità attwali

(78)

Il-Ġermanja tiċħad id-dikjarazzjonijiet tal-ilmentatur, li skonthom il-Ġermanja ma indikatx il-kapaċità tal-ilma mormi għall-utenti tal-impjant tat-TAZV, li Propapier tuża mill-inqas 90 % tal-kapaċità disponibbli u li ma hemmx kapaċitajiet li mhux qed jintużaw.

(79)

Skont il-Ġermanja, l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tat-TAZV kif huwa strutturat bħalissa għandu kapaċitajiet liberi għal investituri ġodda potenzjali. It-tliet utenti attwali flimkien jużaw kapaċità ta’ [< 500] (*1) m3/h, filwaqt li l-kapaċità massima tal-impjant tat-TAZV tammonta għal 638 m3/h. L-użu tal-kapaċità totali b’hekk huwa ta’ bejn [60 sa 80] % u huma disponibbli kapaċitajiet mhux użati ta’ madwar [150 sa 250] m3/h Il-kapaċità medja li tuża Propapier tammonta għal [300 sa 500] m3/h, u l-valur massimu huwa ta’ [400-500] m3/h. B’hekk Propapier bħala medja tuża [< 70] % u bħala massimu [< 70] % tal-kapaċità totali tal-impjant tat-TAZV.

Disinn modulari tal-impjant tat-TAZV

(80)

Il-Ġermanja targumenta li l-impjant tat-TAZV mill-bidu nett kien iddisinjat abbażi ta’ estensjoni modulari fil-kuntest tal-iżvilupp progressiv tal-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree. L-ippjanar modulari tal-impjant jirriżulta mid-deskrizzjoni sommarja tat-TAZV tal-2007, li ssemmi ilma potenzjalment imniġġes ħafna mill-industrija tal-karti, il-produzzjoni tal-bijoetanol u setturi industrijali oħrajn.

(81)

Il-Ġermanja tispjega li l-partijiet ċentrali tal-impjant fl-istadju ta’ żvilupp attwali diġà huma ddisinjati skont il-kapaċità massima wara estensjoni. B’hekk il-wisa’ nominali tal-pajp tar-rilaxx twil 5 km tal-pajp tat-trattament tal-ilma mormi fl-Oder pereżempju hija iktar minn tliet darbiet ikbar milli huwa meħtieġ fl-istadju ta’ żvilupp attwali (dan jiflaħ volum ta’ 1 945 m3/h, filwaqt li r-rilaxx massimu attwali jammonta biss għal 638 m3/h), u t-TAZV għandha l-għażla li testendi l-erja tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi permezz tas-sit ta’ maġenbu li fih 3,3 ettari. Wara tali estensjoni modulari, l-utenti potenzjali wkoll ser ikollhom aċċess ugwali għall-impjant għat-trattament tal-ilma mormi.

(82)

Il-Ġermanja targumenta li l-proporzjon għoli attwali tal-kapaċità totali tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi li tintuża minn Propapier ma jiġġustifika l-ebda vantaġġ selettiv, iżda jirrappreżenta biss daqqa t’għajn tas-sitwazzjoni dak il-ħin, peress li l-infrastruttura hija ddisinjata sabiex tilqa’ utenti oħrajn soġġetti għall-istess kundizzjonijiet permezz tal-estensjoni modulari. Dan ser jieħu l-ħin, għaliex l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huwa parti minn kunċett globali ta’ ppjanar ekonomiku għaż-żona, li jinkludi iktar oqsma ta’ estensjoni fi stadji differenti. Is-sitwazzjoni attwali bi tliet investituri biss stabbiliti hija stadju ta’ tranżizzjoni tal-iżvilupp tal-qasam industrijali f’din iż-żona li ilu għaddej mill-1994. Madwar nofs il-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree (35 ettaru) għadu disponibbli għal investituri oħrajn. Fl-2011, il-Ġermanja stmat li din l-erja ser tkun okkupata fi żmien ħames snin, u żiedet tgħid li mbagħad hija possibbli estensjoni addizzjonali fiż-żoni ulterjuri tal-“Grigal” (40 ettaru) u t-“Tramuntana” (160 ettaru).

(83)

Il-Ġermanja tikkontesta l-fehma tal-ilmentatur li d-disinn modulari tal-impjant tat-TAZV mhux ser iwassal għal ekonomiji ta’ skala. L-awtoritajiet Ġermaniżi jispjegaw li l-espansjoni modulari tal-impjant tat-TAZV fi tliet stadji hija fattibbli, u saħansitra bi spejjeż sinjifikattivament inqas għal kull m3 ta’ kapaċità miżjud minn dawk għall-ewwel investiment.

L-ewwel stadju (żieda fil-kapaċità ta’ 33 %, volum addizzjonali ta’ ilma mormi ta’ 213 m3) jista’ jitwettaq fi ftit xhur u jkun jiswa bejn EUR 1,2 miljun u EUR 1,5 miljun f’qasam industrijali addizzjonali ta’ madwar 19-il ettaru;

It-tieni stadju (żieda fil-kapaċità ta’ 69 %, volum addizzjonali ta’ ilma mormi ta’ 426 m3) jista’ jitwettaq fi ftit xhur u jkun jiswa bejn EUR 5,3 miljun u EUR 5,6 miljun f’qasam industrijali addizzjonali ta’ madwar 38 ettaru;

It-tielet stadju (l-estensjoni għal art tal-maġenb, żieda fil-kapaċità ta’ 100 %, volum addizzjonali ta’ ilma mormi ta’ 638 m3) ikun jiswa bejn EUR 17-il miljun u EUR 18-il miljun f’qasam industrijali addizzjonali ta’ madwar 57 ettaru. Żieda fil-kapaċità ta’ 100 % tkun teħtieġ li tiġi eżerċitata l-għażla tal-art tal-maġenb u tkun tiswa sa EUR 18-il miljun.

(84)

Il-Ġermanja targumenta li d-disinn modulari tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huwa konsistenti mar-rekwiżit tal-użu ekonomiku u effiċjenti tal-fondi u għandu jitqies fil-kuntest tad-dimensjonar eċċessiv preċedenti tal-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi fil-Länder il-ġodda. Jekk tali dimensjonar modulari jiġi ssanzjonat bħala vantaġġ selettiv, fir-realtà dan iwassal għat-tentazzjoni li l-infrastrutturia mill-bidu nett tiġi mdaqqsa b’mod eċċessiv, li mhuwiex ekonomiku. Barra minn hekk, it-tariffi ma jkunux ikopru l-ispejjeż għal tali daqs eċċessiv.

(85)

Jekk in-natura limitata attwali tal-impjant titqies bħala vantaġġ selettiv, dan iwassal għal inċentiv għal daqs eċċessiv mhux ekonomiku tal-infrastruttura.

(86)

Fil-fehma tal-Ġermanja, l-artiklu tal-istampa ċċitat mill-ilmentatur (ara l-premessa 63) mhuwiex rilevanti. Skont l-awtoritajiet, il-kostruzzjoni ta’ tank addizzjonali li ma jintużax għal inċidenti tekniċi biss tmur kontra r-rekwiżiti l-ippjanar effiċjenti u ekonomiku imposti fil-qafas tal-kompitu konġunt.

(87)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur, l-utenti tal-impjant il-ġdid tat-TAZV iħallsu tariffi iktar baxxi minn dawk tal-impjanti muniċipali eżistenti, minħabba li fl-impjant il-ġdid mhijiex meħtieġa sistema ta’ pajpijiet estensiva sabiex tqabbad lill-utenti kollha flimkien. Il-Ġermanja tiċħad il-konklużjoni tal-ilmentatur li minħabba f’hekk ma jistgħux jiżdiedu utenti ġodda mal-impjant il-ġdid. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, utenti industrijali oħrajn jistgħu faċilment jiġu konnessi, u l-limitazzjoni primarjament hija attribwibbli għad-daqs tal-pajp li jirrilaxxa l-ilma trattat fl-Oder.

(88)

Il-Ġermanja tikkontesta d-deskrizzjoni tal-ilmentatur li Propapier tista’ tuża l-bijogass prodott mill-impjant tat-TAZV. L-utenti tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ma għandhomx il-possibbiltà li jużaw il-bijogass. It-TAZV tuża l-bijogass fl-impjant tal-enerġija tagħha stess 3 MW.

(89)

Il-Ġermanja tikkontesta l-allegazzjoni li l-qasam industrijali ġie promoss għal investituri potenzjali oħrajn biss wara l-ilment ta’ Smurfit Kappa. Fl-1998, Eisenhüttenstadt kienet diġà qabbdet lill-investitur Center Ostbradenburk bil-kummerċjalizzazzjoni ta’ żoni industrijali u kummerċjali, fost l-oħrajn fil-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree. Sa mill-1995, kienu jeżistu dokumenti tal-ippjanar għall-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree.

(90)

Il-Ġermanja waslet għall-konklużjoni li l-impjant tat-TAZV ma jikkostitwixxix infrastruttura ddedikata għal Propapier.

(91)

Barra minn hekk, il-Ġermanja kkonkludiet li l-miżuri ta’ infrastruttura fil-qasam industrijali estiż mal-Kanal Oder-Spree (il-bini u t-tħejjija tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi u l-miżuri strutturali l-oħrajn – parkeġġ, triq, approfondiment/twessigħ tal-kanal) huma miżuri ta’ żvilupp ġenerali, li ma jikkostitwixxu l-ebda vantaġġ selettiv għal Propapier u li mhumiex riżervati għall-użu minn Propapier. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, il-fatt li l-infrastruttura bħalissa qed tintuża biss minn ftit utenti li stabbilixxew ruħhom hemmhekk, huwa inerenti għall-perspettiva ta’ żvilupp fl-istadju ta’ tranżizzjoni.

4.2.   MINĦABBA T-TARIFFI MNAQQSA GĦALL-UŻU TAL-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAL-ILMA MORMI, JIRRIŻULTA VANTAĠĠ GĦAL PROPAPIER?

Il-kummenti tal-ilmentatur

(92)

L-ilmentatur jaqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessa 63 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u l-premessa 38 ta’ din id-deċiżjoni), li d-deċiżjoni fil-Każ N 644e/02 ma tkoprix it-tariffi għall-użu tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi. B’hekk it-tariffi għandhom jirriflettu l-ispejjeż totali tal-użu. Il-fatt li l-kalkolu tat-tariffi huwa bbażat fuq il-Liġi dwar it-Tariffi Lokali ma jiġġustifikax tariffi iktar baxxi u l-vantaġġ li jirriżulta għal Propapier.

(93)

L-ilmentatur jargumenta li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ma jipprovdi l-ebda servizz pubbliku, iżda nbena biss biex jintuża primarjament minn Propapier.

(94)

Skont l-ilmentatur, it-tliet approċċi suġġeriti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha (l-approċċ tal-kosti totali, il-prezz ta’ fornitur privat, il-prezz ta’ referenza) kollha juru li rriżulta vantaġġ għal Propapier minħabba t-tariffi mitluba.

L-approċċ tal-kosti totali

(95)

L-ilmentatur jargumenta wkoll, li mhux biss l-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, iżda anki l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-fabbriki tal-karti riċiklati jagħmlu użu mill-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tagħhom stess, huwa favur il-kalkolu tal-kosti totali. It-tariffa mħallsa minn Propapier tkopri biss 20 % tal-interessi imputati fuq il-kapital investit u ma jikkunsidrax il-porzjon tal-kapital li huwa attribwibbli għall-kontribuzzjoni pubblika ta’ 80 % għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi.

Il-prezz ta’ fornitur privat (it-test tal-investitur privat)

(96)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur, operatur ekonomiku privat jew sid ta’ fabbrika tal-karti jkun irid ikopri mill-inqas l-ispejjeż kollha, sabiex dan l-approċċ jaqbel mal-approċċ tal-kosti totali msemmija qabel.

Il-prezz ta’ referenza

(97)

L-ilmentatur jaqbel mal-opinjoni espressa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li l-eżistenza ta’ għajnuna probabbilment ma tistax tiġi eskluża permezz tal-applikazzjoni ta’ prezzijiet ta’ referenza. Is-sempliċi paragun mal-fabbriki tal-karti li jużaw sistemi tal-ilma muniċipali, mhuwiex rappreżentattiv, minħabba li l-maġġoranza tal-fabbriki tal-karti għandhom l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tagħhom stess.

(98)

L-ilmentatur isostni li l-Ġermanja ppreżentat biss informazzjoni selettiva ħafna dwar it-tariffi tal-ilma mormi mħallsa minn fabbriki tal-karti oħrajn (studju, paragun mat-tariffi fil-qasam industrijali ta’ Spreetal/Schwarze Pumpe u deċiżjoni antika mis-sena 1990), u li dawn l-eżempji fost affarijiet oħrajn ma jistgħux jikkostitwixxu bażi għall-kalkolu ta’ prezz ta’ referenza, minħabba li t-tariffi jiddependu fuq sussidji u spejjeż ta’ investiment u l-leġiżlazzjoni tista’ tvarja minn reġjun għall-ieħor. L-ilmentatur jagħmel paragun mal-impjant tiegħu stess, li juża s-sistema tal-ilma mormi muniċipali f’(informazzjoni kunfidenzjali) u jikkalkola li Propapier, meta jitqies investiment fil-bini ta’ EUR 42miljun (bħal dak ta’ Eisenhüttenstadt) trid tħallas EUR 4/m3, prezz li huwa ferm aktar mit-tariffa li bħalissa tħallas Propapier.

(99)

L-ilmentatur jallega li l-artiklu ċċitat mill-Ġermanja ġie ppubblikat fl-2004 u kien ibbażat fuq studju ppubblikat fl-2002, li min-naħa tiegħu kien ibbażat fuq dejta mill-2000/2001. Hawnhekk jirreferi għall-Anness 6 tad-dokument tal-Ġermanja tat-30 ta’ Jannar 2009, li inkludi artiklu mis-sors ta’ informazzjoni onlajn “Das Papier 2004-T174” (22). Skont l-informazzjoni mogħtija mill-ilmentatur, l-istudju jkopri biss seba’ fabbriki tal-karti anonomi, u mhuwiex ċar jekk dawn joperawx l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tagħhom stess jew jekk humiex konnessi mas-sistema muniċipali u jekk l-ispejjeż ikkunsidrati kinux jinkludu biss l-ispejjeż operattivi (mingħajr spejjeż kapitali jew mhux operattivi oħrajn). Jekk l-istudju jqabbel biss fabbriki tal-karti b’impjant għat-trattament tal-ilma mormi tagħhom stess, l-ispejjeż kapitali għandhom jiġu kkunsidrati.

Il-kummenti tal-Ġermanja

(100)

Il-Ġermanja sostniet l-opinjoni tagħha li kwalunkwe vantaġġ li jirriżulta mit-tariffi mitluba għall-użu tal-impjant tat-TAZV ma jkunx jirrappreżenta għajnuna mill-Istat, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ N 644e/02 fil-fehma tal-Ġermanja tkopri wkoll l-effetti indiretti tal-iskema GA, jiġifieri t-tariffi. Il-Ġermanja targumenta wkoll li l-miżura li ġiet iddikjarata bħala ħielsa mill-għajnuna fil-Każ N 644e/02 ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fil-livell tal-utent. Fil-fehma tal-Ġermanja, il-Kummissjoni biddlet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-għajnuna għal operatur tal-infrastruttura tistax tgħaddi għall-utent ta’ infrastruttura biss wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża Flughafen Leipzig-Halle GmbH (23).

(101)

Il-Ġermanja tammetti li d-deċiżjoni fil-Każ N 644e/02 kienet skadiet meta ngħatat l-għajnuna għall-investiment lit-TAZV. Madankollu l-awtoritajiet Ġermaniżi jenfasizzaw li d-dispożizzjoni leġiżlattiva rilevanti li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni fil-Każ N 644e/02, taqbel ma’ dik li fuq il-bażi tagħha ngħatat il-miżura lit-TAZV. Il-bażi ġuridika ġiet biss aġġornata, iżda f’dan ir-rigward baqgħet ma nbidlitx fis-sustanza tagħha. B’hekk il-Ġermanja targumenta li l-aġġornament tal-bażi ġuridika biss ma jwassalx awtomatikament sabiex issir klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.

(102)

Il-Ġermanja tenfasizza li l-kalkolu tal-ispejjeż huwa trasparenti u rregolat legalment.

L-ebda vantaġġ ekonomiku għal Propapier

(103)

Il-Ġermanja tikkummenta dwar it-tliet possibbiltajiet, biex jiġu kkalkolati t-tariffi għal impriża li tagħmel użu mis-servizzi tat-trattament tal-ilma mormi (premessa 68 tad-deċiżjoni tal-ftuħ): L-approċċ tal-kosti totali, il-prezz ta’ fornitur privat, u l-prezz ta’ referenza.

Fl-użu tal-approċċ tal-kosti totali ma jirriżulta l-ebda vantaġġ

(104)

Il-Ġermanja tikkontradixxi l-fehma li t-tariffa mħallsa minn Propapier ma tkoprix l-ispejjeż kollha. Il-kalkolu tal-ispejjeż huwa legalment stipulat (u essenzjalment għandu jkopri l-ispejjeż, ħlief għall-fatt li s-sussidji ta’ terzi ma jiġux ikkunsidrati għall-kalkolu tal-interessi imputati (24)). Id-dispożizzjonijiet legali jipprovdu li l-ispejjeż għandhom jiġu rkuprati, iżda li ma għandhomx jinqabżu. L-ispejjeż kollha li jirriżultaw għat-TAZV huma rkuprati, inklużi l-interessi fuq is-sehem ta’ kapital investit tat-TAZV. Il-kalkolu tal-interessi spekulattivi fuq sussidji tal-Land mhuwiex iġġustifikat, peress li t-TAZV ma ġġarrabx dawn l-ispejjeż.

(105)

Fir-rigward ta’ Propapier ma jirriżulta l-ebda vantaġġ selettiv, peress li t-tariffi għall-utenti kollha tal-impjant il-ġdid li nbena huma l-istess.

(106)

Il-kwistjoni jekk it-tariffa kinitx tkun ogħla mingħajr is-sussidji mogħtija taħt l-iskema GA għall-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tiddependi minn diversi fatturi, pereżempju mid-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji oħrajn.

(107)

L-awtoritajiet mhumiex obbligati jinkludu s-sussidji fil-kalkolu tal-interessi fuq il-kapital użat, la abbażi tal-prinċipju li min iniġġes iħallas u lanqas abbażi tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma. Id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma tipprovdi li l-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma jridu jiġu rkuprati, iżda tippermetti flessibbiltà lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni. Fil-każ preżenti, l-ispejjeż kollha tat-TAZV (tas-servizz tal-ilma) huma rkuprati. Il-prinċipju li min iniġġes iħallas ma japplikax b’mod assolut, iżda jrid jiġi “kkunsidrat”. Fil-każ preżenti għandu jiġi kkunsidrat permezz tal-inklużjoni tal-ispejjeż kollha tat-TAZV fil-kalkolu.

(108)

Id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma tittratta kontribuzzjoni “xierqa” Il-Ġermanja tiddikjara li t-tariffi mħallsa minn Propapier huma komparattivament għoljin meta mqabbla ma’ reġjuni oħrajn fil-Ġermanja jew fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi jinnotaw li skont id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru tal-ispejjeż kif ukoll is-sitwazzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjuni kkonċernati.

(109)

Il-Ġermanja tiddikjara li paragun mal-każijiet Kimberly-Clark jew InfraLeuna (ara wkoll il-premessa 70 tad-deċiżjoni tal-ftuħ) mhuwiex rilevanti. Is-suġġett tal-Każ Kimberly-Clark hija tariffa preferenzjali għal impriża, li abbażi tagħha kien hemm is-suspett li possibbilment mhux l-ispejjeż kollha huma rkuprati. Fil-każ preżenti l-ispejjeż kollha ġew irkuprati, u l-kundizzjonijiet tariffarji huma ugwali għall-utenti kollha. Fil-Każ Kimberly-Clark, ġie żviluppat qasam industrijali skont il-bżonnijiet partikolari ta’ impriża waħda, filwaqt li l-qasam industrijali fil-każ preżenti ser jiġi żviluppat għal diversi stabbilimenti.

(110)

Is-suġġett tad-deċiżjoni fil-Każ InfraLeuna huwa l-ipprezzar ta’ impriżi privati għall-użu ta’ infrastruttura privata, filwaqt li l-każ preżenti jikkonċerna l-użu ta’ infrastruttura muniċipali u tariffi stipulati legalment u mhux relatati mas-suq. Fil-każ preżenti, l-utenti jġarrbu l-ispejjeż kollha li normalment ikollha ġġarrab kumpanija għall-ġestjoni tal-ilma mormi. F’suq mhux liberalizzat tal-ilma mormi, il-fatturi tal-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati huma stipulati legalment u huma ugwali għall-impriżi kollha (KAG Bradenburg).

(111)

Id-deċiżjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ fil-każijiet Wagner u Weida Leder (il-premessa 71 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19) jikkonċernaw sussidji għall-kostruzzjoni ta’ impjant privat għat-trattament tal-ilma mormi. Madankollu fil-każ preżenti Propapier ma rċeviet l-ebda sussidju għall-investiment privat volontarju, iżda tħallas tariffi għall-użu imposti bil-liġi.

It-test tal-investitur privat mhuwiex applikabbli

(112)

Fil-fehma tal-Ġermanja, l-ilma mhuwiex kommodità tas-soltu. Is-settur tat-trattament tal-ilma mormi fil-Ġermanja huwa mqassam f’monopolji reġjonali tal-fornituri tas-servizzi muniċipali pubbliċi tad-drenaġġ. It-trattament tal-ilma mormi fil-Ġermanja b’hekk mhuwiex attività ekonomika, iżda kompitu obbligatorju sovran tal-muniċpalitajiet. It-TAZV taġixxi bħala awtorità pubblika u mhux bħala impriża li l-aġir tagħha jista’ jiġi eżaminat skont it-test tal-investitur fis-suq. Fil-Ġermanja jeżisti rekwiżit ta’ konnessjoni u użu obbligatorju. L-utenti ma għandhomx il-possibbiltà jiddeċiedu favur fornitur tas-servizzi differenti minn dak impost mill-muniċipalità. It-tariffi huma stipulati legalment, jiġu deċiżi mill-awtoritajiet u ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż.

(113)

Is-settur tat-trattament tal-ilma mormi fil-Ġermanja huwa aċċessibbli għal impriżi privati b’mod ristrett. Dawn jistgħu jikkontribwixxu biss abbażi tal-kuntratti ta’ ġestjoni jew ta’ operatur fejn għandha x’taqsam il-konformità teknika mal-obbligi legali dwar ir-rimi tal-ilma mormi. Ir-responsabbiltà għall-kompitu madankollu tibqa’ tal-muniċipalità, li legalment mhijiex obbligata tagħmel sejħa għall-offerti għall-kuntratt. Barra minn hekk l-impriżi privati jistgħu jwettqu kompiti tekniċi (jew f’każijiet eċċezzjonali jimponu t-tariffi), iżda anki f’dan il-każ it-tariffi ma jistgħux ikunu jaqbżu l-ispejjeż tagħhom. It-TAZV ma assenjat l-ebda kompitu tekniku lil partijiet terzi.

(114)

Peress li t-tariffi huma stipulati legalment u l-ispejjeż tal-infrastruttura ma jistgħux jinqabżu, ma hemm l-ebda suq li fih l-impriżi privati privati jistgħu jistabbilixxu tariffi għall-ilma mormi bl-għan li jagħmlu profitt. Ma hemmx kompetizzjoni bejn l-impriżi privati jew bejn impriżi privati u pubbliċi fir-rigward tal-utenti finali.

(115)

Fil-fehma tal-Ġermanja f’każ bħal dan mhuwiex possibbli li l-aġir ta’ operatur jitqabbel mal-aġir ta’ investitur privat. Konsegwentement it-test tal-investitur privat mhuwiex applikabbli.

Il-prezzijiet ta’ referenza

(116)

Minħabba l-obbligu ta’ konnessjoni mal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ma hemm l-ebda kompetizzjoni u b’hekk ukoll l-ebda prezz tas-suq, li jista’ jintuża bħala valur referenzjarju għall-investigazzjoni tal-vantaġġ fir-rigward tal-għajnuna.

(117)

Il-Ġermanja tiċħad id-deskrizzjoni tal-ilmentatur, li ftit fabbriki tal-karti biss jużaw is-sistemi tal-ilma mormi muniċiġali u b’hekk il-fatt li tittieħed bħala bażi biss dejta minn dawn il-fabbriki tal-karti bħala punt ta’ riferiment għas-settur mhuwiex rappreżentattiv.

(118)

Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja ddikjarat b’mod korrett li Propapier ma tħallas l-ebda tariffa ta’ EUR 0,95/m3 (kif speċifikat fil-premessi 72 u 80 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), iżda mill-2010 ħallset tariffa ta’ EUR 1,18/m3. Din it-tariffa hija komparattivament għolja meta mqabbla ma’ siti oħra fl-Unjoni Ewropea u fi kwalunkwe każ mhijiex differenti mis-soltu. Skont stħarriġ tal-Assoċjazzjoni Ġermaniża għall-Fabbriki tal-Karti, fost 77 impriża tal-industrija tal-karti Ġermaniża, li jirrappreżentaw 68 % tas-settur, fis-sena 2007 it-tariffi bħala medja kienu ta’ EUR 1,12 (dawn kienu jvarjaw bejn EUR 0,31/m3 u EUR 2,20/m3). It-tariffa mħallsa minn Propapier tinsab f’din il-firxa u hija ‘l fuq mill-medja ta’ dan il-kampjun.

(119)

F’kummenti li ngħataw aktar tard, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li t-tariffa fis-sena 2012 kienet għoliet għal EUR 1,14/m3, sabiex tkopri t-telf fl-istadju tal-bidu tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi. Fuq il-bażi tal-iffrankar fl-ispejjeż tal-enerġija, fil-bidu tal-2013, it-tariffa kienet stabbilita għal EUR 1,39/m3, b’mod konsistenti mal-obbligu legali li t-tariffi jridu jirkupraw l-ispejjeż, iżda ma għandhomx jaqbżuhom. Barra minn hekk, Propapier kellha twettaq trattament minn qabel tal-ilma mormi, qabel dan jingħata lill-impjant tat-TAZV. L-ispejjeż għat-trattament minn qabel kienu ta’ madwar […] EUR/m3, li jwassal sabiex l-ispejjeż totali għat-trattament tal-ilma mormi għal Propapier jammontaw għal […] EUR/m3, u meta mqabbla magħhom l-ispejjeż medji fis-settur (2010) ikunu ta’ 1,27 EUR/m3.

(120)

Il-Ġermanja tgħid li l-paragun mat-tariffi mħallsa minn manifatturi tal-karti oħrajn fl-Unjoni Ewropea huwa l-punt ta’ riferiment korrett għall-investigazzjoni, li ma jeżisti l-ebda vantaġġ ekonomiku, u li d-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ tali paragun mhumiex validi.

(121)

Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, l-eżempji tal-Kummissjoni jindikaw prezzijiet medji abbażi tal-prezz sħiħ. Il-Ġermanja ma għandha l-ebda raġuni sabiex temmen li dawn it-tariffi kienu jinkludu għajnuna mill-Istat.

(122)

Il-Ġermanja tindika li l-eżempju ta’ Lenzing Lyocell (25) huwa wieħed validu, anki jekk is-sitwazzjoni tmur lura għaxar snin (Propapier tħallas aktar mid-doppju tat-tariffa, iżda t-tariffi għall-ilma mormi fl-aħħar għaxar snin ma żdidux b’aktar minn 100 %).

L-għajnuna eżistenti

(123)

Il-Ġermanja tippreżenta żewġ argumenti għalfejn it-tariffi, sa fejn dawn jirrappreżentaw għajnuna, għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(124)

Il-Ġermanja tispjega li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha fil-Każ N 644e/02 tal-2003 kkonkludiet li l-iskema GA ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għall-operaturi ta’ impjanti għat-trattament tal-ilma mormi, sakemm l-istituzzjoni kompetenti – bħal pereżempju t-TAZV – tkun assoċjazzjoni għal skopijiet speċjali (Zweckverband). Il-Kummissjoni bbażat din il-konstatazzjoni fuq il-fatt li assoċjazzjoni għal skopijiet speċjali hija soġġetta għas-superviżjoni muniċipali u tieħu ħsieb servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Madankollu, kif il-Kummissjoni stess ikkonstatat fil-premessa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-iskema, anki li kieku sadanittant tikkostitwixxi għajnuna abbażi tal-iżvilupp tas-suq intern, tkun ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill.

(125)

Kif spjegat fil-premessa 100 ta’ din id-deċiżjoni, id-deċiżjoni fil-Każ Nru 644e/02 skont il-Ġermanja tinkludi wkoll l-effetti indiretti tal-kompitu konġunt, jiġifieri t-tariffi. It-tariffi ma kienu jeħtieġu l-ebda notifika separata, peress li l-metodu għall-kalkolu tat-tariffi huwa parti mill-implimentazzjoni tal-iskema.

(126)

Fid-dawl tal-argument li t-tariffi jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, il-Ġermanja ssostni li din l-għajnuna inkorporata fit-tariffi diġà kienet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1958. Għajnuna eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE tibqa’ għajnuna eżistenti anki fil-każ ta’ modifiki sussegwenti, sakemm jinżamm il-“ġist” tal-iskema oriġinali. (26) L-ispeċifikazzjoni ta’ regola ġenerali li diġà kienet teżisti qabel l-1 ta’ Jannar 1958 ma tikkostitwixxix għajnuna ġdida li trid tiġi notifikata. (27)

(127)

Il-Ġermanja tispjega li l-liġijiet dwar it-tariffi lokali diġà kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE u anki wara baqgħu applikabbli. § 6(2) tal-KAG Bradenburg attwali, abbażi tal-fatt li Bradenburg tinsab fuq parti mit-territorju ta’ dak li kien ir-Renju tal-Prussja, imur lura għal-Liġi dwar it-Tariffi Lokali għar-Renju tal-Prussja tal-14 ta’ Lulju 1893 (PrKAG) u l-Liġi dwar it-Tariffi Muniċipali ta’ Bayern (BayGAG). Il-Ġermanja tibbaża dan l-argument fuq is-subargumenti segwenti:

(a)

Dawn il-liġijiet baqgħu applikabbli fil-perjodu bejn l-1919 sal-1933 kif ukoll mill-1933 sal-1945.

(b)

Il-liġijiet dwar it-tariffi lokali tal-lum tal-Länder l-antiki jirreferu lura għall-PrKAG.

(c)

Il-KAG Bradenburg, minkejja l-pożizzjoni speċjali tal-Länder il-ġodda abbażi tat-tqassim tal-Ġermanja, tinsab f’kontinwità mal-PrKAG.

Subargument (a):

(128)

Il-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ tariffi permezz tal-muniċipalitajiet għall-użu ta’ infrastruttura pubblika diġà kienet tinsab fil-PrKAG. Il-Liġi dwar it-tariffi, li ilha fis-seħħ fil-Bayern mill-1938 (u tikkostitwixxi l-bażi għal serje ta’ liġijiet simili f’Länder oħrajn fin-Nofsinhar tal-Ġermanja), ukoll toffri din il-possibbiltà. (28) Skont il-PrKAG, ir-rati normalment għandhom jiġu kkalkolati b’tali mod li jiġu rkuprati l-ispejjeż amministrattivi u ta’ manutenzjoni tal-organizzazzjoni, inkluż il-ħlas tal-interessi u t-tifdija tal-kapital investit. Għalkemm it-tariffi skont il-PrKAG iridu jirkupraw biss il-ħlas għall-interessi tal-kapital investit (għall-infrastruttura), is-sentenzi ta’ wara l-gwerra dwar il-PrKAG jimplikaw li fl-applikazzjoni tal-PrKAG mhuwa previst l-ebda ħlas ta’ interessi fuq sussidji ta’ partijiet terzi.

(129)

Il-PrKAG u l-liġijiet provinċjali komparabbli eżistenti la ġew imħassra fir-Repubblika ta’ Weimar u lanqas wara t-teħid tal-poer tan-Nażisti B’hekk dawn baqgħu fis-seħħ anki wara l-1918.

Subargument (b):

(130)

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-PrKAG baqgħet tapplika bħala liġi tal-Land taħt il-liġi bażika tal-1949 (iktar ‘il quddiem “GG”), skont il-liġijiet li ma jikkontradixxuhiex (l-Artikolu 123 GG), u baqgħet fis-seħħ permezz ta’ dispożizzjonijiet li kienu jippermettu lil-Länder jadottaw liġijiet f’ċerti oqsma. B’hekk huwa ċar li l-PrKAG kienet diġà tapplika fil-Länder Ġermaniżi qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.

(131)

Wara t-twaqqif tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-1949, il-PrKAG ftit ftit ġiet issostitwita f’xi Länder tal-Punent permezz tal-Liġi dwar it-Tariffi Lokali attwali. Bis-sostituzzjoni tal-PrKAG permezz ta’ dawn il-liġijiet provinċjali fis-snin sittin u fis-snin sebgħin, ir-regola ġiet speċifikata u adattata fir-rigward tat-terminoloġija, iżda l-liġi fil-ġist tagħha baqgħet l-istess. B’mod partikolari baqa’ applikabbli l-fatt li l-ebda interess imputat ma jiġi stabbilit fuq sussidji ta’ partijiet terzi. (29) Skont il-PrKAG, il-ħlas tal-interessi jsir biss għall-kapital misluf. Taħt il-liġijiet provinċjali, il-ħlas tal-interessi huwa estiż għall-kapital investit, iżda la l-PrKAG u lanqas dawn il-liġijiet provinċjali ma kienu jipprevedu l-interess imputat fuq is-sussidji.

(132)

B’hekk il-Ġermanja hija tal-fehma li l-liġijiet attwali dwar it-tariffi lokali tal-Länder l-antiki jirreferu lura għall-PrKAG. Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, fil-każ preżenti huwa partikolarment importanti li tiġi kkunsidrata l-KAG tan-Nordrhein-Westfalen tas-sena 1969 (30), li serviet bħala mudell għall-KAG Bradenburg, u li ssostitwixxiet il-PrKAG tas-sena 1906; minkejja l-emendi terminoloġiċi meħtieġa, il-KAG tan-Nordrhein-Westfalen sostanzjalment jikkorrispondi mal-PrKAG (ara l-premessa 128 ta’ din id-deċiżjoni). Anki l-liġijiet dwar it-tariffi lokali ta’ Länder oħrajn (pereżempju Rhineland Palatinate, Schleswig-Holstein u Hessen) huma bbażati fuq il-PrKAG u jħassruha.

Subargument (c):

(133)

Il-Ġermanja ssostni li l-KAG Bradenburg jokkupa pożizzjoni speċjali minħabba tat-tqassim tal-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-snin ta’ wara l-istabbiliment tar-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja (DDR), il-governanza awtonoma lokali bl-isfera ta’ attività proprja tagħha ġiet abolita fi Brandenburg u fil-ländern l-oħrajn tal-Ġermanja tal-Lvant. Ġew stabbiliti dispożizzjonijiet b’rabta mal-governanza ċentrali. Permezz tal-Kostituzzjoni lokali tas-17 ta’ Mejju 1990 (31) (li ġiet adottata mill-Parlament tal-Poplu tad-DDR qabel ir-riunifikazzjoni fit-3 ta’ Ottubru 1990), il-governanza awtonoma lokali ġiet stabbilita mill-ġdid, u ġie ddeterminat li l-muniċipalitajiet għandhom ikunu responsabbli sabiex jirregolaw il-ġestjoni finanzjarja tagħhom stess. Għal dan l-għan, dawn kienu intitolati li jimponu l-ħlasijiet u t-tariffi għas-servizzi muniċipali.

(134)

Il-KAG Bradenburg tas-27 ta’ Ġunju 1991 hija bbażata fuq il-KAG tan-Nordrhein-Westfalen u huwa kważi identiku għaliha.

(135)

Minkejja li sadanittant kien hemm żviluppi legali differenti fid-DDR, ma deherx li l-liġijiet dwar it-tariffi lokali tal-Länder tal-Lvant u tal-Punent ġew trattati b’mod differenti. Il-KAG Bradenburg kompliet bit-tradizzjoni legali tal-PrKAG u ma saritx parti mit-tradizzjoni legali tad-DDR preċedenti. Barra minn hekk ma hemm l-ebda kontinwità istituzzjonali bejn is-sistema tat-trattament tal-ilma (mormi) tad-DDR u s-sistema tat-trattament tal-ilma mormi tal-Land ta’ Brandenburg. Il-Kostituzzjoni lokali tas-17 ta’ Mejju 1990 stabbiliet il-pedament għall-adozzjoni tal-liġijiet dwar it-tariffi lokali fil-Länder il-ġodda. Il-liġijiet dwar it-tariffi lokali tal-Länder il-ġodda sostanzjalment huma relatati mal-liġijiet dwar it-tariffi lokali tal-Länder l-antiki, li min-naħa tagħhom kienu jirreferu lura għall-PrKAG. Din hija konsegwenza inevitabbli tal-fatt li l-Länder il-ġodda tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssieħbu taħt il-Liġi Bażika. (32) Dan huwa partikolarment apparenti mill-oriġini tal-KAG Brandenburg. Il-KAG Brandenburg hija skont it-tradizzjoni legali tal-KAG tan-Nordrhein-Westfalen u tal-PrKAG. It-tqassim tal-Ġermanja u t-tradizzjoni legali interrotta minħabba fih fil-Länder tal-Ġermanja tal-Lvant ma għandhiex twassal għal żvantaġġ fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-KAG Bradenburg.

(136)

Il-KAG Bradenburg tinsab f’kontinwità storika mal-PrKAG.

(137)

Il-Ġermanja targumenta wkoll, li anki l-prinċipju ta’ ekwivalenza u tal-irkupru tal-ispejjeż kienu japplikaw diġà qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE fl-1958. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jitlob li tariffa ma tkunx manifestament sproporzjonata mal-valur tas-servizz tal-awtorità pubblika mħallas permezz tagħha. Dan huwa element tal-istat tad-dritt imħaddan fil-Liġi Bażika. Il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż isegwi direttament mill-PrKAG. Anki meta dan il-prinċipju ma jiġix applikat strettament fil-kalkolu tat-tariffi, id-dħul mit-tariffi ta’ muniċipalità ma għandux jaqbeż b’mod konsiderevoli n-nefqa tagħha.

Il-konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

(138)

Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-irkuprar tal-elementi ta’ għajnuna għall-każ li l-Kummissjoni tikkunsidra t-tariffi kkalkolati għal Propapier bħala għajnuna operatttiva, ikun jikser il-prinċipju tal-aspettattiva leġittima l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

(139)

Il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jistipula li 1) korp tal-Unjoni għandu jqajjem aspettattivi raġonevoli min-naħa ta’ dawk ikkonċernati u 2) operatur ekonomiku prudenti u attent ma għandux ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura li aktarx li tolqotlu l-interessi tiegħu.

(140)

Peress li l-iskema GA (approvata permezz tad-deċiżjoni fil-Każ 644e/02) ma ġietx ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, Propapier seta’ kellha l-aspettattiva raġonevoli li ma kien hemm l-ebda għajnuna favur tagħha. Qabel ma kien hemm l-ebda dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mad-dritt tal-Unjoni, peress li sa dak iż-żmien skemi simili qatt ma kienu ġew eżaminati mill-Kummissjoni Ewropea.

(141)

L-irkupru tal-element ta’ għajnuna li mhuwiex inkluż fit-tariffi fil-każ ta’ klassifikazzjoni bħala għajnuna operattiva mill-Kummissjoni jikser ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li skontu sitwazzjonijiet simili jridu jiġu trattati bl-istess mod. L-irkupru joħloq vantaġġ għall-kompetituri ta’ Propapier.

4.3.   IL-KUMMENTI TAL-ASSOĊJAZZJONIJIET TAL-MUNIĊIPALITAJIET ĠERMANIŻI U TAL-VKU

(142)

L-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet Ġermaniżi u l-VKU jilqgħu l-kummenti tal-Ġermanja tat-28 ta’ Jannar 2011, li huma kkontribwixxew għalihom. Dawn jirreferu b’mod partikolari għall-argument li t-trattament tal-ilma mormi fil-Ġermanja huwa kompitu sovran mhux ekonomiku tal-muniċipalitajiet. Il-muniċipalitajiet huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ din l-attività fil-qafas tal-kompitu ta’ governanza awtonoma muniċipali mandatorju tagħhom fl-interess taċ-ċittadini.

(143)

L-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet Ġermaniżi u l-VKU jiddikjaraw li l-ħames sentenza ta’ § 6(2) tal-KAG Brandenburg, li tipprovdi li t-tariffi għall-użu tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi għandhom ikopru l-ispejjeż, l-interessi imputati u d-deprezzament imputat, filwaqt li s-sussidji ma għandhomx jiġu kkunsidrati fl-istabbiliment tal-interessi imputati għall-kapital użat, hija fl-interess tal-konsumatur. Peress li s-sussidji ta’ partijiet terzi ma jikkostitwixxu l-ebda kapital investit mill-muniċipalitajiet, l-utenti wkoll ma għandhomx iħallsu interessi fuq dawn is-sussidji lill-muniċipalitajiet.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA FIR-RIGWARD TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(144)

Il-miżuri inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: i) Il-miżura għandha tkun għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ii) minn din għandu jirriżulta vantaġġ ekonomiku għall-impriża, iii) il-vantaġġ għandu jkun selettiv, u iv) il-miżura għandha tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u tippreġudika l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Tkun teżisti għajnuna mill-Istat meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv.

(145)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ diġà ma kienx ikkontestat il-fatt li l-miżuri kollha inkwistjoni jinvolvu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u li dawn jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern.

(146)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat li għandha ssir distinzjoni bejn 1) allegata għajnuna mill-Istat favur Propapier permezz ta’ miżuri ta’ infrastruttura ddedikata (il-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-ilma mormi u proġetti infrastrutturali fiż-żona estiża tal-qasam industrijali, fejn tinsab il-fabbrika l-ġdida ta’ Propapier) kif ukoll 2) allegata għajnuna lil Propapier fl-għamla ta’ tariffi mnaqqsa għat-trattament tal-ilma mormi.

5.1.   IL-PROĠETTI INFRASTRUTTURALI FFINANZJATI MINN RIŻORSI TAL-ISTAT HUMA INFRASTRUTTURA ĠENERALI JEW IDDEDIKATA ESKLUSSIVAMENT GĦAL PROPAPIER?

(147)

Fil-passat il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-amministrazzjoni pubblika fil-qasam tagħha għandha twettaq xogħlijiet ta’ żvilupp reġjonali. Dan ifisser li għandha tiffinanzja infrastruttura li minnha tibbenefika l-popolazzjoni kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuwiex rilevanti għal liema raġuni tkun inħolqot din l-infrastruttura, sakemm issir sabiex tintuża mill-komunità. Għall-kuntrarju, meta tali infrastruttura tintuża biss minn impriża privata waħda, din trid tipprovdi l-finanzjament. Dan jirriżulta mill-fatt li fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-impatti konkreti tal-miżura u mhux l-għanijiet segwiti. B’hekk fil-każ preżenti l-Kummissjoni hija tal-fehma li għandu jiġi investigat liema infrastruttura sservi għall-komunità (inkluża Propapier) u liema tintuża biss minn Propapier. Dan għaliex dik tal-aħħar biss trid tiġi ffinanzjata minn Propapier. (33)

(148)

Il-Kummissjoni tinnota li l-parkeġġ, it-triq u l-Kanal Oder-Spree mhumiex operati minn impriżi fis-sens tad-dritt dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, peress li l-użu tagħhom huwa mingħajr ħlas. B’hekk fil-każ preżenti ma tqumx id-domanda dwar l-għajnuna mill-Istat favur is-sid jew l-operatur ta’ din l-infrastruttura.

5.1.1.   Il-parkeġġ

(149)

L-ilmentatur jallega li l-post fejn jinsab il-parkeġġ mhuwiex wieħed vantaġġuż u jinsab ‘il bogħod wisq sabiex ikun jista’ tintuża għal industriji oħrajn ġewwa l-belt u jwassal sabiex il-belt tkun tista’ tagħlaq spazji għat-trakkijiet ġewwa l-belt. Il-Ġermanja fil-fatt ma ppruvatx il-kuntrarju; madankollu ċ-ċirkustanza waħedha li l-parkeġġ jinsab fil-prossimità diretta ta’ impriża ma jfissirx awtomatikament li dan il-parkeġġ huwa maħsub għal din l-impriża jew li din tibbenefika minnu primarjament. Is-sinjal tat-traffiku msemmi mill-ilmentatur (ara l-premessa 46), li jindika l-ispazji għat-trakkijiet għall-impjant tal-enerġija, kien biss temporanju u jmur lura għax-xogħlijiet fl-impjant tal-enerġija, li tlestew fit-tmiem ta’ Marzu 2011. Il-Kummissjoni tinnota li l-parkeġġ huwa aċċessibbli liberament u hemm sinjali għalih fit-triq pubblika, mingħajr mhija indikata xi impriża speċifika. Il-kwistjoni jekk il-parkeġġ joffrix faċilitajiet ta’ serħan mhijiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tiegħu bħala infrastruttura ġenerali.

(150)

Il-Ġermanja ppreżentat provi suffiċjenti li l-parkeġġ ma nbeniex speċifikament għal Propapier, iżda li kien parti mill-kunċett ġenerali ta’ ppjanar ekonomiku għall-qasam industrijali. Barra minn hekk, Propapier tagħmel użu mill-ispazji għall-parkeġġ proprji tagħha għal 27 trakk u 213-il karozza. Huma ppjanati spazji addizzjonali għal 120 karozza (il-premess għall-bini diġà nħareġ). Meta nħarġet id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja diġà kienet ikkonfermat li l-ispazji tal-kumpanija stess għall-parkeġġ tal-vetturi tal-impjegati, il-fornituri u l-viżitaturi ta’ Propapier kienu biżżejjed.

(151)

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonferma l-opinjoni preliminari tagħha mid-deċiżjoni tal-ftuħ, li l-parkeġġ mhuwiex iddedikat esklussivament għal Propapier u ma jikkostitwixxi l-ebda għajnuna mill-Istat.

5.1.2.   It-triq

(152)

It-triq hija triq pubblika. Din hija parti mill-pjan ta’ żvilupp ġenerali taż-żona industrijali, li diġà kien ippjanat fl-1993, ħafna qabel Propapier iddeċidiet li tistabbilixxi ruħha hemmhekk. Kuntrarjament għall-informazzjoni mogħtija mill-ilmentatur, it-triq ma tiqafx ftit metri wara l-fabbrika tal-karti ta’ Propapier, iżda tgħaqqad il-qasam industrijali attwali mal-Kanal Oder-Spree u l-oqsma ta’ espansjoni fit-Tramuntana tiegħu mal-awtostrada federali B 112. L-aħħar sezzjoni tlestiet fl-2013. It-triq il-ġdida jistgħu jibbenefikaw minnha wkoll impriżi oħrajn, peress li toffri possibbiltajiet ta’ żvilupp ulterjuri għall-qasam industrijali ta’ ArcelorMittal u oqsma industrijali oħrajn. It-triq tista’ tqassar il-ħin tal-ivvjaġġar għat-traffiku industrijali u kummerċjali lejn Frankfurt (Oder) u toffri lill-impriżi fi Frankurt aċċess aħjar għall-portijiet interni ta’ Eisenhüttenstadt.

(153)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonferma l-opinjoni preliminari tagħha mid-deċiżjoni tal-ftuħ, li t-triq mhijiex iddedikata esklussivament għal Propapier u ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna mill-Istat.

5.1.3.   It-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree

(154)

Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur jallega li l-miżuri infrastrutturali fil-qafas tat-twessigħ u l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree huma ddedikati esklussivament għal Propapier u kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur Propapier. Fis-sena 2008, Eisenhüttenstadt estendiet il-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree sabiex tattira l-kumpaniji. Sa mill-2003 nbnew xatbiet għall-kontroll tal-ilma mat-tul kollu tal-kanal (li huwa parti min-Netwerk Trans-Ewropew (TEN)). Madankollu ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ rabta kawżali bejn dawn il-miżuri infrastrutturali u l-istabbiliment ta’ Propapier jew tal-għoti ta’ vantaġġ selettiv għall-benefiċċju ta’ Propapier fil-qafas ta’ dawn il-miżuri; barra minn hekk il-Kummissjoni taqbel mal-Ġermanja li t-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree huma parti mill-manutenzjoni regolari tal-kanal.

(155)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonferma l-opinjoni preliminari tagħha mid-deċiżjoni tal-ftuħ, li t-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree ma jirrappreżentaw l-ebda vantaġġ selettiv għal Propapier u ma jikkostitwixxu l-ebda għajnuna mill-Istat.

5.1.4.   L-impjant għat-trattament tal-ilma mormi

(156)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti għat-trattament tal-ilma mormi lil hinn mill-qasam industrijali estiż mal-Kanal Oder-Spree hija limitata. Il-kapaċità li fadal tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi eżistenti f’Eisenhüttenstadt jista’ jkopri biss il-bżonnijiet ta’ investitur żgħir addizzjonali, iżda li kieku jistabbilixxi ruħu investitur akbar jew diversi investituri żgħar fil-qasam industrijali l-ġdid, dan ma jkunx biżżejjed.

(157)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tat-TAZV ma kienx inbena apposta għal Propapier. Il-bini kien diġà ġie ppjanat fil-qafas ta’ investimenti potenzjali oħrajn fis-snin 2004-2006, ħafna qabel l-istabbiliment ta’ Propapier. Il-Ġermanja ppreżentat evidenza li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi diġà kien ippjanat fil-kuntest tal-iżvilupp ekonomiku tal-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree. Il-Ġermanja ppreżentat ukoll evidenza dwar diversi kampanji ta’ promozzjoni, sabiex jiġu attirati investituri lejn iż-żona ta’ estensjoni tal-qasam industrijali mal-Kanal Oder-Spree, li sa issa ma kinux ta’ suċċess, peress li l-awtoritajiet reġjonali għadu ma rnexxilhomx jattiraw investituri addizzjonali (minbarra Propapier, EnWB u 5N PV).

(158)

Għalkemm l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi, permezz tal-ewwel stadju ta’ purifikazzjoni anerobika tiegħu, teknikament huwa ddisinjat sabiex ikun jista’ jittratta ilma industrijali kkontaminat ħafna bħal dak mill-manifatturi ta’ karta kkorrugata mhux ipproċessata minn karta skartata, l-ewwel stadju ta’ purifikazzjoni anerobika jkun interessanti wkoll għal utenti oħrajn, li jipproduċu ilma industrijali kkontaminat ħafna b’kontenut organiku, bħal impriżi tax-xorb u tal-ikel. Barra minn hekk, l-impjanti għat-trattament tal-ilma bl-ewwel stadju ta’ purifikazzjoni anerobika għall-ilma industrijali li jkun fih kontenutorganiku għoli, joffru diversi vantaġġi ekonomiċi u ekoloġiċi.

(159)

Għalkemm l-impjant tat-TAZV fid-daqs preżenti tiegħu jkopri prinċipalment il-bżonnijiet ta’ Propapier, dan jintuża wkoll miż-żewġ impriżi l-oħrajn li stabbilixxew ruħhom fiż-żona taħt l-istess kundizzjonijiet. Id-disinn modulari tiegħu jippermetti li l-impjant jiġi estiż sabiex jittratta l-ilma mormi ta’ utenti oħrajn. Anki mingħajr estensjoni modulari, bħalissa hemm riżervi ta’ kapaċità ta’ madwar [20-40] %, li jistgħu jintużaw għall-ilma mormi ta’ impriżi oħrajn, u l-kapaċità totali attwali tista’ tirdoppja (ara l-premessi 80 sa 84). L-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huwa miftuħ għall-utenti kollha mingħajr diskriminazzjoni (investituri ġodda, li jistabbilixxu ruħhom fil-qasam industrijali huma soġġetti għal rekwiżit ta’ konnessjoni u ta’ użu), u l-impjant jista’ jittratta wkoll ilma mormi minn impriżi li ma joperawx fl-industrija tal-karti.

(160)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li l-impjant tat-TAZV bħalissa jintuża prinċipalment minn Propapier (bħala medja [< 70] % u l-aktar [< 70] %) mhux bilfors ifisser li l-impjant jikkostitwixxi infrastruttura ddedikata, peress li mill-perspettiva ekonomika d-disinn modulari tiegħu huwa utli fi żminijiet ta’ baġits pubbliċi limitati. Kuntrarjament għall-fehma tal-ilmentatur, l-ispejjeż meħtieġa għall-irduppjar tal-kapaċità tal-impjant tat-TAZV, li huma stmati mill-Ġermanja għal inqas minn 50 % tal-ispejjeż inizjali tal-investiment, juru li d-disinn modulari tal-impjant jippermetti ekonomiji ta’ skala.

(161)

Il-fatt li l-għajnuna reġjonali għall-kostruzzjoni tal-impjant ingħatat taħt il-kundizzjoni li jistabbilixxi ruħu investitur ewlieni (f’dan il-każ Propapier) fiż-żona ta’ estensjoni tal-qasam industrijali, huwa kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala ġestjoni pubblika tajba ta’ riżorsi skarsi, peress li la jagħmel sens li tibda tinbena infrastruttura pubblika kbira qabel jiġi ggarantit l-użu tagħha, u lanqas li din tkun kbira żżejjed.

(162)

L-argument li l-fabbriki tal-karti normalment ikollhom l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tagħhom stess jista’ jiġi eliminat miċ-ċifri ppreżentati mill-Ġermanja. Għalkemm xi impriżi fl-industrija tal-karti, bħal f’setturi industrijali oħrajn għandhom l-impjanti għat-trattament (minn qabel) tal-ilma mormi tagħhom stess, dan il-fatt waħdu ma jindikax li fis-sitwazzjonijiet fejn l-utenti industrijali jagħmlu użu mill-impjant għat-trattament tal-ilma mormi pubbliku, l-Istat ikun qed jagħtihom vantaġġ, għaliex l-utenti jirkupraw l-ispejjeż matul iż-żmien permezz tat-tariffi li jħallsu.

(163)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi jikkostitwixxi infrastruttura ġenerali u l-għotja għall-impjant tat-TAZV b’hekk ma tikkostitwixxix għajnuna għall-investiment għal Propapier. B’differenza mill-parkeġġ, it-triq u l-Kanal Oder-Spree, l-operat tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi jirrappreżenta attività ekonomika, peress li l-operaturi tiegħu joffru servizz (it-trattament tal-ilma mormi) għal ħlas fis-suq. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li kwalunkwe għajnuna mogħtija lit-TAZV fi kwalunkwe każ tkun tikkostitxxi għajnuna eżistenti (premessi 51 sa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). B’hekk kwalunkwe għajnuna favur it-TAZV ma għandhiex tiġi eżaminata f’din id-deċiżjoni.

(164)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proġetti infrastrutturali ffinanzjati permezz tar-riżorsi tal-Istat fiż-żona ta’ estensjoni tal-qasam industrijali fejn tinsab il-fabbrika l-ġdida ta’ Propapier, mhumiex maħsuba biss għall-fabbrika tal-karti u b’hekk ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala infrastruttura ddedikata u għajnuna mill-istat lil Propapier. Dan ifisser li dan l-investiment megħjun ma jikkostitwixxix investiment wieħed fis-sens tal-punt 60 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali flimkien mal-għajnuna reġjonali għall-fabbrika tal-karti ta’ Propapier, li ġiet approvata mid-Deċiżjoni finali tagħha fil-Każ SA 23827 (2013/C) (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4). B’hekk l-evalwazzjoni tal-għajnuna għall-investiment mogħtija lil Propapier, li kienet is-suġġet ta’ din id-deċiżjoni, mhijiex affettwata minn din id-deċiżjoni.

5.2.   IT-TARIFFI MNAQQSSA GĦALL-UŻU TAL-IMPJANT GĦAT-TRATTAMENT TAL-ILMA MORMI GĦANDHOM JITQIESU BĦALA GĦAJNUNA MILL-ISTAT?

(165)

Fid-dawl tal-argument tal-Ġermanja, li miżura li tingħata lil operatur, fil-qafas ta’ skema li ma ġietx ikklassifikata bħala għajnuna mill-Kummissjoni, ma tistax twassal sabiex l-“għajnuna” tgħaddi għal għand l-utenti tal-infrastruttura, il-Kummissjoni tixtieq terġa’ tindika li fid-deċiżjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna N 644e/02 ma jingħad xejn dwar jekk it-tariffi mħallsa għall-użu tal-infrastruttura fiċ-ċirkostanzi ta’ għajnuna jikkostitwixxux għajnuna favur l-utent tal-infrastruttura. Il-Kummissjoni tibqa’ tal-istess fehma espressa fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li ma kienet infurmata dwar l-ebda skema ta’ tariffi, li tkun tapplika għas-sussidji mogħtija fil-qafas tal-iskema notifikata; b’hekk id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-iskema ma tistax titqies bħala approvazzjoni għal għajnuna impliċitament ammissibbli, li jkollha bħala bażi l-Liġi dwar it-Tariffi Lokali.

(166)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ta’ kwalunkwe tip, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(167)

L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi ddeterminata indipendentement mill-fatt 1) jekk id-Direttiva tal-UE dwar l-ilma u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tittrasponi din id-direttiva jeħtiġux li l-ispejjeż għat-twaqqif tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi jiġu rkuprati kollha u 2) jekk it-tariffi humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni. Fi kliem ieħor, miżuri li huma konformi kemm mad-Direttiva tal-UE dwar l-Ilma kif ukoll mal-leġiżlazzjoni Ġermaniza applikabbli, jistgħu xorta jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara l-premessa 144).

Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà

(168)

It-tariffi li għandhom jitħallsu għall-użu tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huma stabbiliti u imposti mill-muniċipalità b’konformità ma’ § 6 tal-Liġi dwar it-Tariffi Lokali tal-Land ta’ Brandenburg. Kieku t-tariffi kienu stabbiliti b’tali mod li jkunu inqas minn dawk li kien jimponi investitur privat, dan ikun ifisser telf għall-muniċipalità.

(169)

B’hekk tingħata l-miżura fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-Istat jew mir-riżorsi tal-Istat, peress li d-dħul tal-muniċipalità jonqos minħabba l-vantaġġ mogħti lil Propapier.

(170)

Jekk l-ammont tat-tariffi jiġi stabbilit b’tali mod li jirriżulta vantaġġ għal impriża, dan ikun imputabbli wkoll għall-Istat, peress li dan l-istabbiliment tat-tariffi huwa attribwibbli għal istituzzjoni pubblika – il-belt ta’ Eisenhüttenstadt.

Vantaġġ ekonomiku

(171)

Bħal mhuwa ddikjarat fid-deċiżjoni tal-ftuħ (34), il-Kummissjoni trid teżamina jekk it-tariffi għat-trattament tal-ilma mormi li għandhom jitħallsu minn Propapier ġewx stabbiliti b’tali mod li joħolqu vantaġġ ekonomiku (selettiv) għal Propapier.

(172)

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-terminu “vantaġġ” mhux biss jinkludi ħlasijiet bħal sussidji, iżda wkoll miżuri li jnaqqsu b’diversi modi l-piż li normalment ikollha ġġarrab impriża, u li b’hekk ma jikkostitwixxux sussidji fis-sens strett tal-kelma, iżda huma simili fin-natura u l-effetti tagħhom. (35)

(173)

Jekk dak li jkun japplika dan għall-każ preżenti, tqum id-domanda jekk it-tariffi li għandhom jitħallsu minn Propapier għat-trattament tal-ilma mormi humiex inqas mill-ispejjeż li impriża simili jkollha ġġarrab taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri jekk l-ammont tat-tariffi huwiex konformi mal-prinċipju tal-operatur ekonomiku f’ekonomija tas-suq. Sabiex dan jiġi investigat, fil-fehma tal-Kummissjoni hemm żewġ possibbiltajiet:

Paragun tal-prezzijiet imħallsa minn Propapier ma’ prezz ta’ referenza, li ġeneralment huwa impost fl-Istat Membru kkonċernat għat-trattament tal-ilma mormi.

Analiżi tal-profittabilità ex ante, li turi li fornitur privat kien jitlob tariffi tal-istess livell.

Il-prezzijiet ta’ referenza

(174)

Fid-dawl tal-organizzazzjoni tas-suq deskritta mill-Ġermanja (ara l-premessi 112 sa 113), u meta jiġi kkunsidrat il-fatt li operaturi (anki privati) ma jistgħux jistabbilixxu liberament il-prezzijiet għas-servizzi tagħhom, peress li l-prezzijiet huma stipulati legalment (permezz tal-KAG Brandenburg), il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuwiex possibbli li jiġu ddeterminati prezzijiet ta’ referenza li kieku kien jitlob operatur privat f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

(175)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Ġermanja ppreżentat dejta dwar il-prezzijiet li jħallsu impriżi oħrajn mis-settur li fih topera Propapier. Għalkemm il-Ġermanja sostniet li l-prezzijiet ta’ referenza ppreżentati huma prezzijiet medji, li jirriflettu l-ispejjeż kollha, ma hemm l-ebda indikazzjoni dwar jekk dawn it-tariffi jinkludux għajnuna mill-Istat. Id-dubji tal-Kummissjoni dwar l-utilità ta’ din id-dejta bħala bażi għal paragun ma jistgħux jiġu eliminati. Dan huwa primarjament minħabba li fil-fehma tal-Kummissjoni dawn il-prezzijiet possibbilment jirriflettu diversi realtajiet ta’ spejjeż u mhuwiex ċert jekk jinkludux għajnuna mill-Istat.

L-analiżi tal-profittabilità ex ante

(176)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ referenzi tas-suq affidabbli, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jista’ jiġi stabbilit jekk saritx tranżazzjoni legali f’kundizzjonijiet normali tas-suq abbażi ta’ metodu ta’ valutazzjoni standard ieħor rikonoxxut. Fil-fehma tal-Kummissjoni, infrastruttura li hija disponibbli għall-utenti kollha u li mhija ddedikata għall-ebda utent partikolari, tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa l-prinċipju tal-investitur/operatur ekonomiku f’ekonomija tas-suq meta l-utenti tal-infrastruttura jikkontribwixxu għall-profittabilità tal-operatur b’mod inkrementali mill-perspettiva ex ante. (36)

(177)

Dan huwa l-każ meta l-ftehim tal-operatur mal-utenti individwali jippermetti lill-operatur jirkupra l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ftehim b’marġini ta’ profitt xieraq abbażi ta’ prospetti solidi fuq perjodu ta’ żmien medju. (37)

(178)

Barra minn hekk, f’din l-analiżi għandhom jiġu kkunsidrati d-dħul kollu u l-ispejjeż inkrementali kollha mistennija li jirriżultaw għall-operatur b’rabta mal-attivitajiet tal-utenti kkonċernati. (38)

(179)

Dawn l-ispejjeż inkrementali jinkludu l-kategoriji ta’ kompiti u investimenti kollha, pereżempju spejjeż inkrementali tal-persunal, tat-tagħmir u ta’ investiment, li jirriżultaw minħabba l-preżenza tal-utent. (39) Għall-kuntrarju, l-ispejjeż li fi kwalunkwe każ ikollu jġarrab operatur indipendentement mill-ftehim mal-utent ma għandhomx jiġu inklużi.

(180)

Minħabba dan il-fattur il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prinċipju tal-investitur/operatur ekonomiku f’ekonomija tas-suq huwa sodisfatt, jiġifieri li t-tariffa mnaqqsa għal Propapier ma toħloq l-ebda vantaġġ minħabba r-raġunijiet segwenti:

(a)

L-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huwa miftuħ għall-utenti kollha u mhuwiex iddedikat għal Propapier.

(b)

It-tariffa mħallsa minn Propapier tinkorpora l-ispejjeż kollha għall-operat, iż-żamma, il-manutenzjoni, il-ġestjoni tal-persunal u tat-tariffi, id-deprezzament imputat kif ukoll l-interessi imputati fuq 20 % tal-kapital investit fl-impjant għat-trattament tal-ilma mormi. B’hekk it-tariffa tirkupra l-ispejjeż inkrementali kollha li jirriżultaw għall-operatur tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi b’rabta mal-attivitajiet ta’ Propapier.

(181)

Fid-dawl tal-marġini ta’ profitt xieraq, li għandu jiġi kopert mit-tariffi flimkien mal-ispejjeż inkrementali, għandu jiġi stabbilit li t-tariffi fil-każ preżenti mhux biss jirkupraw l-ispejjeż inkrementali, iżda wkoll l-interessi imputati fuq 20 % tal-kapital investit. Għalkemm dan mhuwiex espressament stabbilit bħala profitt raġonevoli skont l-approċċ hawn fuq definita għall-kalkolu tal-ispejjeż inkrementali, dan jirrappreżenta qligħ addizzjonali għall-operatur, bħal meta jkun hemm profitt raġonevoli.

(182)

Peress li t-tariffi ta’ Propapier ma joħolqu l-ebda vantaġġ u b’hekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma tridx teżamina jekk dawn jikkostitwixxux għajnuna eżistenti (ara l-premessi 123 sa 137) jew għajnuna operattiva (ara l-premessa 26), jew jekk tali għajnuna operattiva tkunx kompatibbli mas-suq intern. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tista’ ma tweġibx id-domanda jekk l-irkupru tat-tariffi (fil-każ ta’ klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat) ikunx jikser il-prinċipju tal-aspettattiva leġittima u l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

6.   KONKLUŻJONI

(183)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li la l-kostruzzjoni tal-impjant għat-trattament tal-ilma tat-TAZV, il-bini tal-parkeġġ, u t-triq il-ġdida, u lanqas it-twessigħ/l-approfondiment tal-Kanal Oder-Spree ma jikkostitwixxu miżura ta’ infrastruttura ddedikata.

(184)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tariffi mħallsa għat-trattament tal-ilma mormi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Il-prinċipju tal-investitur/l-operatur ekonomiku f’ekonomija tas-suq huwa sodisfatt, u b’hekk ma nħoloq l-ebda vantaġġ ekonomiku għal Propapier PM2 GmbH.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura ta’ infrastruttura implimentata mill-Ġermanja ma tikkostitwixxix infrastruttura ddedikata għall-benefiċċju ta’ Propapier PM2 GmbH. It-tariffi mitluba mit-TAZV lil Propapier għall-użu tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi ma jinkludux għajnuna mill-Istat. B’hekk il-miżuri ta’ infrastruttura u r-regoli dwar l-istabbiliment tat-tariffi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1)TFUE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.

(2)   ĠU C 7, 12.1.2011, p. 10.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat N 582/07 (ĠU C 131, 29.5.2008, p. 6). Bħala riżultat ta’ oġġezzjoni mill-kompetitur Smurfit Kappa, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni bis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża T-304/08, Smurfit Kappa Group plc vs Il-Kummissjoni. Fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’rabta mal-għajnuna reġjonali notifikata lil Propapier (Każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23827(2013/C), ĠU C 230, 8.8.2013, p. 39). Fid-deċiżjoni tal-ftuħ fil-Każ SA.223827 (2013/C), huwa ddikjarat: “Jekk il-Kummissjoni, wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Każ SA.36147 (C 30/10) tikkonkludi li investimenti oħrajn issussidjati, flimkien mal-investiment fil-fabbrika tal-karti ta’ Propapier, jikkostitwixxu investiment wieħed jew li Propapier irċeviet għajnuna oħra fl-għamla ta’ miżuri infrastrutturali, il-pakkett ta’ appoġġ kollu kemm hu għandu jiġi eżaminat għall-kompatibbiltà tiegħu mal-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali.”

(5)  Fis-sottomissjoni bil-miktub tal-15 ta’ Mejju 2013, il-Ġermanja żvelat li kien tħallas ammont ta’ EUR 30 849 271għall-ispejjeż eliġibbli ta’ EUR 38 561 588.

(6)  L-estensjoni tal-infrastruttura ekonomika muniċipali fil-qafas tal-iskema konġunta (GA) “Titjib tal-istrutturi Ekonomiċi Reġjonali” skont il-Parti II, punt 7 tal-pjan ta’ qafas e) Kostruzzjoni jew estensjoni ta’ impjanti għar-rimi u l-purifikazzjoni tal-ilma mormi u l-iskart.

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat N 644e/02, C(2003) 1999, tad-9 ta’ Lulju 2003 (ĠU C 197, 21.8.2003, p. 12).

(8)  Il-Kommunalabgabengesetz ta’ Bradenburg (KAG). Il-verżjoni applikabbli tal-KAG fil-mument tad-deċiżjoni tal-ftuħ kienet il-verżjoni tal-31 ta’ Marzu 2004 (GVBl. I/04, Nru 08, p. 174), kif ġiet l-aħħar emendata permezz tal-Artikolu I tal-Liġi tas-27 ta’ Mejju 2009 (GVBl. I/09, Nru 07, p. 160).

(9)  § 6 tal-KAG applikabbli fil-mument tad-deċiżjoni tal-ftuħ jaqra kif ġej:

“Għad-determinazzjoni tar-rata tal-interessi u tad-deprezzament ma għandux jiġi kkunsidrat is-sehem azzjonarju akkumulat mill-kontribuzzjonijiet, u fil-każ tar-rati tal-interessi anki mis-sussidji magħmula minn partijiet terzi.“

Il-KAG fil-verżjoni emendata tal-5 ta’ Diċembru 2013 (GVBI. I/13, [40]) taqra:

”Għad-determinazzjoni tar-rati tal-interessi u tad-deprezzament, ma għandux jiġi kkunsidrat is-sehem azzjonarju akkumulat mill-kontribuzzjonijiet (obbligazzjonijiet mingħajr imgħax). Il-muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet ta’ muniċipalitajiet jistgħu, kompletament jew parzjalment 1) jittrattaw sussidji minn partijiet terzi bħala obbligazzjonijiet mingħajr imgħax, 2) ma jikkunsidrawx il-kanċellament tal-obbligazzjonijiet mingħajr imgħax għad-determinazzjoni tar-rati tal-interessi, sakemm b’dan il-mod ma jiġux ipperikolati l-ħlasijiet tal-imgħax fuq id-dejn fuq perjodu twil.”

(10)  Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, ġiet diskussa fid-dettall il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u tal-Ġermanja għall-qasam tat-trattament tal-ilma mormi: id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma mormi urban (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275), il-Liġi Ġermaniża dwar ir-Riżorsi tal-Ilma, il-Liġi dwar l-Ilma ta’ Bradenburg u l-KAG Bradenburg. Dettalji oħra dwar dan jinsabu fil-premessa 40 ta’ din id-deċiżjoni.

(11)  L-aħħar tliet aspetti msemmija huma elenkati espliċitament fid-deċiżjoni tal-ftuħ bħala raġunijiet għall-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalkemm il-kwistjoni dwar jekk l-impjant għat-trattament tal-ilma mormi huwiex infrastruttura ddedikata finalment hija indirizzata fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar jekk it-tariffi mnaqqsa jikkostitwixxux għajnuna (ara l-premessi 86 sa 89 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), l-ilmentatur jerġa’ jsemmi dan l-element tal-ilment oriġinali tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan l-aspett ġie kkomunikat lill-awtoritajiet Ġermaniżi (flimkien mal-argumenti l-oħrajn kollha tal-ilmentatur), li kkummentaw ukoll dwaru fir-risposti tagħhom. Fid-dawl tal-fatt li l-Ġermanja kellha biżżejjed possibbiltajiet tikkummenta dwar l-argument b’rabta man-natura ddedikata tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi, l-eżami ta’ dan l-aspett fil-fehma tal-Kummissjoni għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni.

(12)   ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(13)  L-ilment jirreferi wkoll għall-impjant tal-enerġija li oriġinarjament kien parti mill-proġett ta’ investiment innotifikat ta’ Propapier. Madankollu l-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li l-proġett aktar tard ġie mmodifikat b’tali mod li l-impjant tal-enerġija ma baqax parti min-notifika, u konsegwentement tnaqqas l-ammont tal-għajnuna approvata oriġinarjament. B’hekk il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni għalfejn għandu jkompli jiġi segwit dan l-ilment fir-rigward ta’ dan l-aspett.

(14)  Ara l-premessi 87 u 88 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(15)  Biex jiġu rkuprati l-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, l-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma jipprovdi: “L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, inklużi l-ispejjeż tal-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi imwettqa skont l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas”.

(16)  Ara l-premessa 69 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(17)   ĠU L 260, 6.10.1999, p. 1, b’mod partikolari t-Taqsima II.4.4 u IV.3.3.1.

(18)   ĠU L 12, 15.1.2002, p. 1, b’mod partikolari l-premessi 196 u 201.

(19)  Barra minn hekk, il-Ġermanja sostniet, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li l-Kummissjoni fil-Każ Lenzing Lyocell (ĠU L 38, 8.2.2001, p. 33, premessa 41) aċċettat il-provi sottomessi mill-Awstrija li wrew li l-prezz ta’ EUR 0,50 għal kull metru kubu, fit-tieni nofs tas-sena 1990 kien il-prezz tas-suq normali għat-trattament tal-ilma mormi. F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni madankollu stabbiliet li d-deċiżjoni fil-Każ Lenzing Lyocell kienet tikkonċerna fatti li kienu japplikaw aktar minn għaxar snin qabel il-każ preżenti u li kienu jikkonċernaw Stat Membru ieħor.

(20)  Ara § 12(2) tal-Kostituzzjoni lokali ta’ Bradenburg (BbgKVerf) flimkien ma’ § 7(1) u (8)(f) tal-Istatut tal-impjant għat-trattament tal-ilma mormi tat-TAZV fil-qasam industrijali ta’ Eisenhüttenstadt.

(21)  Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Greven tat-28 ta’ April 1993, Kawża C-255/91 (Matra vs Il-Kummissjoni), Ġabra p. I-3202, I-3222 (I-3235, punt 28).

(*1)  Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

(22)  Dan jinsab fuq is-sit www.ipwonline.de.

(23)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, fil-Kawżi Magħquda Flughafen Leipzig-Halle GmbH u Mitteldeutsche Flughafen AG vs Il-Kummissjoni, T-455/08, u Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T-443/08, aktar tard ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig-Halle GmbH vs Il-Kummissjoni, C-288/11 P.

(24)  Il-Ġermanja ppreżentat sommarju tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża u tat-testi legali, li jirreferu għall-kalkolu tat-tariffi fis-16-il Land. L-ebda waħda minn dawn il-liġijiet ma tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi imputati fuq sussidji. Ara l-Anness 10 tas-sottomissjoni bil-miktub tal-Ġermanja tal-1 ta’ Novembru 2013.

(25)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 għal spjegazzjoni tar-rilevanza ta’ dan il-każ.

(26)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Gibraltar vs Il-Kummissjoni, Kawżi magħquda T-195/01 u T-207/01 (2002) Ġabra p. II-2309, punt 111.

(27)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit SA vs Office national du ducroire et, C-44/93 Ġabra 1994,I-3829, punt 29.

(28)  Filwaqt li l-liġi ta’ Bayern tintitola lill-muniċipalitajiet fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ tariffi biss b’mod ġenerali ħafna, deċiżjoni ġudizzjarja dwar l-applikazzjoni tagħha għall-kalkolu tat-tariffi tirreferi għall-paragrafi korrispondenti tal-PrKAG.

(29)  Ara l-p. 36 Nordrhein-Westfalen, ġustifikazzjoni għall-Att tal-Gvern Provinċjali, LT-Drs. 5/810.

(30)  § 6(1) tal-KAGNW u § 6 tal-KAG Bradenburg: “Id-dħul stmat mit-tariffi ma għandux jaqbeż l-ispejjeż mistennija tal-kostruzzjoni jew tal-impjant”. § 6(2) KAG NW u § 6(2) tal-KAG Brandenburg: L-ispejjeż li jistgħu jiġu stmati “jinkludu wkoll tariffi għal servizzi esterni użati, id-deprezzament, li għandu jiġi kkalkolat b’mod ugwali skont il-ħajja utli preżunta jew il-kwantità tas-servizz, kif ukoll il-ħlas raġonevoli tal-interessi fuq il-kapital investit. Fir-rigward tal-ħlas tal-interessi, is-sehem azzjonarju miġjub minn kontribuzzjonijiet u sussidji minn partijiet terzi ma għandux jiġi kkunsidrat.”

(31)  Il-Liġi dwar il-governanza awtonoma lokali tal-muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet fid-DDR tas-17 ta’ Mejju 1990.

(32)  Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 23 GG fil-verżjoni tat-23 ta’ Mejju 1949.

(33)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/227/KE tat-2 ta’ Awwissu 2002 dwar diversi miżuri u l-għajnuna mill-Istat li Spanja investiet fil-park “Terra Mitica SA”, viċin Benidorn (Alicante) (ĠU L 91, 8.4.2003, p. 23), premessa 64.

(34)  Ara l-premessi 66 u 68 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(35)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, 30/59, Ġabra 1961 p. 1, Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċemberu 1998, Ecotrade vs AFS, C-200/97, Ġabra 1998 p. I-7907, punt 34, Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-6/97, Ġabra 1999, I-2981, punt 15.

(36)  Ara l-punt 63 tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(37)  Fil-post speċifikat.

(38)  Jekk pereżempju l-operatur ikollu jestendi jew jadatta l-infrastruttura b’mod partikolari minħabba l-bżonnijiet ta’ utent partikolari, l-ispejjeż li jirriżultaw għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-ispejjeż inkrementali. Ara r-raba’ sentenza tal-punt 4 tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru.

(39)  Ara l-punt 64 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru u l-premessa 94 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ Sa. 1885 – C 5/08 (ex NN 58/07) – Danimarka – Għajnuna kontra l-liġi f’isem Aarhus Lufthavn A/S favur Ryanair.


Top