Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0316

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/316 tas- 26 ta' Frar 2015 li ttemm il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija

    ĠU L 56, 27.2.2015, p. 73–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/316/oj

    27.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 56/73


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/316

    tas-26 ta' Frar 2015

    li ttemm il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fil-15 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret it-tnedija ta' investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (“il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“in-Notifika ta' Bidu”). Fl-4 ta' Settembru 2014 ġiet ippubblikata rettifika għan-Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali (3), li l-għan tagħha kien li jiġi ċċarat l-ambitu tal-prodott.

    (2)

    Il-Kummissjoni nediet l-investigazzjoni wara li fit-3 ta' Jannar 2014 l-Assoċjazzjoni Daniża tal-Akkwakultura (“l-ilmentatur”) ressqet ilment f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti troti qawsalla. L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie ta' oġġett ta' dumping ta' ċerti troti qawsalla u ħsara materjali kkawżata minnu, li l-Kummissjoni kkunsidrat suffiċjenti biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

    (3)

    Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ħeġġet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet b'mod speċifiku lill-ilmentaturi, lill-produtturi, lill-utenti u lill-importaturi oħrajn magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fit-Turkija u lill-awtoritajiet Torok kif ukoll assoċjazzjonijiet magħrufa li kienu mħassba dwar it-tnedija tal-investigazzjoni u ħeġġithom biex jipparteċipaw.

    (4)

    Il-partijiet interessati kollha kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali. Ma ġew imposti l-ebda dazji provviżorji.

    2.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TWAQQIF TAL-PROĊEDIMENT

    (5)

    Permezz ta' ittra tad-19 ta' Novembru 2014 indirizzata lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira l-ilment tiegħu.

    (6)

    Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, proċediment jista' jitwaqqaf meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-twaqqif ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

    (7)

    L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjonijiet li juru li dan it-twaqqif imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċediment attwali għandu jitwaqqaf. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma wasal l-ebda kumment.

    (8)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija għandu jitwaqqaf.

    (9)

    [Din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' troti qawsalla (Oncorhynchus mykiss):

    li tiżen ħajja 1,2 kg jew anqas kull waħda, jew

    friska, imkessħa, iffriżata u/jew affumikata:

    fil-forma ta' ħuta sħiħa (bir-ras), bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li tiżen 1,2 kg jew anqas kull waħda, jew

    bla ras, bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li tiżen 1 kg jew anqas kull waħda, jew

    fil-forma ta' flettijiet li jiżnu 400 g jew anqas kull waħda,

    li bħalissa taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 u li toriġina mit-Turkija b'dan jitwaqqaf.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Notifika ta' Bidu ta' proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija, ĠU C 44, 15.2.2014, p. 18.

    (3)  Rettifika għan-Notifika ta' Bidu tal-proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija, ĠU C 297, 4.9.2014, p. 24.


    Top