Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0087

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/87 tal- 21 ta' Jannar 2015 li taċċetta l-impenji offruti b'konnessjoni mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 15, 22.1.2015, p. 75–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/04/2024; Imħassar b' 32024R0738

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/87/oj

    22.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 15/75


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/87

    tal-21 ta' Jannar 2015

    li taċċetta l-impenji offruti b'konnessjoni mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fit-30 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza u ta' rieżaminazzjonijiet interim parzjali (“rieżaminazzjonijiet”) tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-“RPĊ”).

    (2)

    Is-sejbiet u l-konklużjonijiet definittivi tar-rieżaminazzjonijiet huma stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 (3) li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-RPĊ wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u ta' rieżaminazzjonijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

    (3)

    Ta' min jinnota li l-miżuri fis-seħħ (4) għandhom il-forma ta' impenji għal ħames produtturi esportaturi, inkluż grupp ta' produtturi esportaturi li ġew aċċettati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/899/KE (5) (“impenji attwalment fis-seħħ”).

    2.   L-IMPENJI

    (4)

    Qabel l-adozzjoni tal-miżuri antidumping definittivi, l-istess ħames produtturi esportaturi li kkooperaw fir-RPĊ li huma partijiet għall-impenji attwalment fis-seħħ imsemmija fil-premessa 3 hawn fuq, jiġifieri COFCO Biochemical (Anhui), Jiangsu Guoxin Union Energy (li qabel kienet Yixing-Union Biochemical), il-grupp RZBC, TTCA u Weifang Ensign Industry, offrew impenji ta' prezzijiet ġodda skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku bil-għan li jissostitwixxu l-impenji attwalment fis-seħħ.

    (5)

    Bħal ma huwa l-każ fl-impenji attwalment fis-seħħ, f'dawn l-offerti ta' impenji rieżaminati, il-produtturi esportaturi offrew li jbiegħu aċidu ċitriku daqs jew ogħla mil-livelli tal-prezzijiet li jeliminaw l-effetti dannużi tad-dumping rieżaminati.

    (6)

    Barra minn hekk, l-offerti jipprovdu għall-indiċjar tal-prezzijiet ta' importazzjoni minimi billi l-prezzijiet tal-aċidu ċitriku varjaw b'mod sinifikanti qabel, matul u wara l-perjodu ta' investigazzjoni. L-indiċjar isir skont il-kwotazzjonijiet pubbliċi tal-qamħirrum fl-UE, il-materja prima ewlenija normalment użata fil-produzzjoni tal-aċidu ċitriku.

    (7)

    Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi, biex inaqqsu r-riskju ta' vjolazzjoni tal-prezz permezz ta' kumpens trasversali tal-prezzijiet, offrew li jirrappurtaw il-bejgħ kollu mhux tal-UE lil dawk il-konsumaturi li l-organizzazzjoni jew l-istruttura tagħhom testendi lil hinn mill-UE, f'każ li l-produttur esportatur ibiegħ lil tali konsumatur fl-UE.

    (8)

    Il-produtturi esportaturi se jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni tagħrif regolari u dettaljat dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE, li jfisser li l-impenji jistgħu jiġu sorveljati b'mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istruttura tal-bejgħ ta' dawn il-kumpaniji hija tali li l-Kummissjoni tqis li r-riskju ta' ċirkomvenzjoni tal-impenji miftiehma huwa limitat.

    (9)

    Hu nnutat ukoll li l-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Importaturi u l-Esportaturi tal-Metalli, il-Minerali u l-Kimiki (“CCCMC”) qed tingħaqad mal-ħames kumpaniji msemmija fil-premessa 4, u li għalhekk il-CCCMC se jkollha wkoll rwol attiv fil-monitoraġġ tal-impenji.

    (10)

    Fid-dawl ta' dan, l-impenji offruti mill-produtturi esportaturi u l-CCCMC huma aċċettabbli.

    (11)

    Biex il-Kummissjoni tkun tista' tissorvelja b'mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji mal-impenji, meta t-talba għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera skont l-impenji titressaq quddiem l-awtorità doganali rilevanti, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping tkun tiddependi fuq il-preżentazzjoni ta' fattura li jkun fiha għall-inqas it-tagħrif elenkat fl-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82. Dan il-livell ta' tagħrif huwa wkoll meħtieġ sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jaċċertaw bi preċiżjoni suffiċjenti li l-konsenja tikkorrispondi mad-dokumenti kummerċjali. Meta l-ebda fattura bħal din ma tiġi ppreżentata, jew meta l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni msemmi hawn fuq ma jintlaħqux, minflok titħallas ir-rata xierqa ta' dazju antidumping.

    (12)

    Biex jiġi iktar żgurat ir-rispett tal-impenji, l-importaturi ġew mgħarrfa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni msemmi hawn fuq, li jekk ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet previsti b'dan ir-Regolament, jew il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenji, dan jista' jwassal għal dejn doganali għat-tranżazzjonijiet rilevanti.

    (13)

    Fil-każ ta' ksur jew irtirar tal-impenn, jew fil-każ ta' rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju antidumping impost skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku japplika awtomatikament skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-impenji offruti mill-produtturi esportaturi msemmija hawn taħt flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Importaturi u l-Esportaturi tal-Metalli, il-Minerali u l-Kimiki, b'rabta mal-proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, b'dan qed jiġu aċċettati.

    Pajjiż

    Kumpanija

    Kodiċi Addizzjonali Taric

    Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    COFCO Biochemical (Anhui) Co., Ltd — No 1 Daquing Road, Bengbu City 233010, Anhui Province

    A874

    Manifatturat minn RZBC Co., Ltd. — No 9 Xinghai West Road, Rizhao City, Shandong Province, PRC u mibjugħ mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tiegħu RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd. — No 66 Lvzhou South Road, Rizhao City, Shandong Province

    A926

    Manifatturat minn RZBC (Juxian) Co., Ltd. — No 209 Laiyang Road (West Side of North Chengyang Road), Juxian Economic Development Zone, Rizhao City, Shandong Province, PRC u mibjugħ mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tiegħu RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd. — No 66 Lvzhou South Road, Rizhao City, Shandong Province

    A927

    TTCA Co., Ltd. — West, Wenhe Bridge North, Anqui City, Shandong Province

    A878

    Jiangsu Guoxin Union Energy Co., Ltd. — No 1 Redian Road, Yixing Economic Development Zone, Jiangsu Province

    A879

    Weifang Ensign Industry Co., Ltd. — No 1567 Changsheng Street, Changle, Weifang, Shandong Province

    A882

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2008/899/KE hija b'dan imħassra.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU C 351, 30.11.2013, p. 27.

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta' Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u ta' rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ara l-paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1193/2008 tal-1 ta' Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/899/KE tat-2 ta' Diċembru 2008 li taċċetta l-impenji offruti b'rabta mal-proċediment tal-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 62).


    Top