Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1395

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1395/2014 tal- 20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd ta' ħut pelaġiku żgħir u ċertu sajd għal skopijiet industrijali fil-Baħar tat-Tramuntana

ĠU L 370, 30.12.2014, pp. 35–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1395/oj

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 370/35


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1395/2014

tal-20 ta' Ottubru 2014

li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd ta' ħut pelaġiku żgħir u ċertu sajd għal skopijiet industrijali fil-Baħar tat-Tramuntana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskartar tal-ħut mis-sajd kollu tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma suġġetti għal limiti fuq il-qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta pjanijiet għall-ħut skartat permezz ta' att delegat għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja u r-Renju Unit għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Dawk l-Istati Membri ssottomettew rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni wara li kkonsultaw lill-Kunsill Konsultattiv dwar is-sajd ta' ħut pelaġiku u lill-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana. Inkiseb kontribut xjentifiku mill-korpi xjentifiċi rilevanti. Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk, skont l-Artikolu 18(3) tal-istess Regolament, dawn għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-Baħar tat-Tramuntana, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta' ħatt l-art għandu japplika għall-bastimenti kollha involuti fis-sajd ta' ħut pelaġiku żgħir u fis-sajd għal skopijiet industrijali għall-ispeċijiet maqbudin waqt l-attivitajiet tas-sajd li huma suġġetti għal limiti fuq il-qbid mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015.

(5)

Skont ir-rakkomandazzjoni konġunta, il-pjan għall-iskartar tal-ħut għandu jkopri ċerti tipi ta' sajd għall-kavalli, l-aringi, is-sawrell, l-istokkafixx, l-arġentina silus u l-laċċ ikħal kif ukoll is-sajd għal skopijiet industrijali għall-merluzz tan-Norveġja, il-laċċ ikħal u ċ-ċiċċirell fil-Baħar tat-Tramuntana mill-1 ta' Jannar 2015 'il quddiem.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art għall-kavalli u l-aringi maqbudin bix-xbieki tas-sajd f'ċerti kundizzjonijiet, ibbażata fuq evidenza xjentifika ta' rata għolja ta' sopravivenza, skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. L-evidenza xjentifika li tappoġġa r-rata għolja ta' sopravivenza fir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet ipprovduta mill-Grupp Scheveningen, u din ir-rakkomandazzjoni tirreferi għal għadd ta' studji xjentifiċi dwar is-sopravivenza tal-ħut meħlus meta dan jinqabad waqt is-sajd bil-purse seine. Dawn l-istudji sabu li r-rati ta' sopravivenza tal-ħut jiddependu fuq iż-żmien tal-iffullar u d-densità tal-ħut fix-xibka, li ġeneralment ikunu limitati f'dan it-tip ta' sajd. Din l-informazzjoni ġiet analizzata waqt is-sessjoni plenarja tal-STECF bin-numru 14-02. L-STECF ikkonkluda li jekk wieħed jassumi li r-riżultati tal-istudji tas-sopravivenza huma rappreżentattivi tar-rati tas-sopravivenza fl-operazzjonijiet tas-sajd kummerċjali, il-proporzjon ta' kavalli meħlus li jibqa' ħaj probabbilment ikun ta' madwar 70 % u jirriżulta f'densitajiet ħafna anqas mid-densità li fiha ġie nnutat li l-mortalità tal-aringi tiżdied. Il-projbizzjoni fuq ir-rilaxx tal-kavalli u tal-aringi qabel ma x-xibka tittella' kompletament abbord bastiment tas-sajd, li jwassal biex il-ħut mejjet jew il-ħut li jkun qed imut jintilef, hija stipulata fl-Artikolu 19b(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 850/98 (2). Din l-eżenzjoni bbażata fuq ir-rata ta' sopravivenza ma taffettwax il-projbizzjoni fis-seħħ, billi l-ħut se jiġi rrilaxxat fi stadju tal-operazzjoni tas-sajd fejn ikollu rata għolja ta' sopravivenza wara r-rilaxx. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi wkoll eżenzjoni de minimis mill-obbligu ta' ħatt l-art biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati tal-ipproċessar tal-qabdiet mhux mixtieqa, bħall-ispejjeż tal-ħżin, tax-xogħol u tat-tkessiħ, li tqis id-diffikultà biex tiżdied is-selettività għas-sajd tal-ħut pelaġiku li jkollu fil-mira l-kavalli, is-sawrell u l-aringi fiż-żoni IVb u c tal-ICES li jinsabu fin-Nofsinhar ta' 54 grad tat-Tramuntana. Din l-eżenzjoni hija bbażata fuq evidenza xjentifika pprovduta mill-Istati Membri involuti fir-rakkomandazzjoni konġunta u ġiet analizzata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). L-STECF sab li r-rakkomandazzjoni konġunta tippreżenta argumenti kwalitattivi motivati favur eżenzjoni de minimis fuq il-bażi tal-ispejjeż sproporzjonati tal-ipproċessar tal-qabdiet mhux mixtieqa. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika differenti, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-eżenzjoni de minimis skont il-livelli tal-perċentwali proposti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti u f'livelli li ma jkunux ogħla minn dawk permessi skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex jiġi żgurat kontroll xieraq, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għad-dokumentazzjoni tal-qabdiet li jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

(9)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta' dan l-istaġun tas-sajd, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sabiex jikkonforma mal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Skont l-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika għal mhux aktar minn tliet snin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art, previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, mill-1 ta' Jannar 2015 fil-Baħar tat-Tramuntana, kif iddefinit fl-Artikolu 4(2)(a) ta' dak ir-Regolament, fiż-żoni tas-sajd stipulati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Eżenzjoni bbażata fuq il-rata ta' sopravivenza

1.   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt l-art ma għandux japplika għall-kavalli u l-aringi maqbudin waqt l-attivitajiet tas-sajd bil-purse seine, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

—

il-qabda tiġi rrilaxxata qabel ma jingħalaq ċertu perċentwal tal-purse seine (stipulat fil-paragrafi 2 u 3 t'hawn taħt) (“il-punt ta' rkupru”),

—

il-purse seine jkun mgħammar b'baga li tidher li turi biċ-ċar il-limitu tal-punt ta' rkupru,

—

il-bastiment u l-purse seine ikunu mgħammrin b'sistema elettronika ta' reġistrazzjoni u dokumentazzjoni li tirreġistra meta, fejn u sa liema punt ikun ġie rmunkat il-purse seine għall-operazzjonijiet tas-sajd kollha.

2.   Il-punt ta' rkupru għandu jkun meta l-purse seine ikun 80 % magħluq fil-każ tas-sajd għall-kavalli u meta dan ikun 90 % magħluq fil-każ tas-sajd għall-aringi.

3.   Jekk il-ħut imdawwar ikun jikkonsisti f'taħlita taż-żewġ speċijiet, il-punt ta' rkupru għandu jkun meta l-purse seine ikun 80 % magħluq.

4.   Ir-rilaxx tal-qabdiet tal-kavalli u tal-aringi wara l-punt ta' rkuprurata għandu jkun ipprojbit.

5.   Qabel ir-rilaxx, għandu jittieħed kampjun tal-ħut imdawwar sabiex jiġu stmati l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, il-kompożizzjoni tad-daqs tal-ħut u l-kwantità tal-ħut.

Artikolu 3

Eżenzjoni de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati sa massimu ta' 3 % fl-2015 u ta' 2 % fl-2016 tal-qabdiet annwali totali ta' kavalli, sawrell, aringi u merlangu maqbudin waqt l-attivitajiet tas-sajd ta' ħut pelaġiku b'bastimenti tat-tkarkir għas-sajd ta' ħut pelaġiku li jkunu twal sa 25 metru b'kollox, li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-fond nofsani (OTM) u li jkollhom fil-mira l-kavalli, is-sawrell u l-aringi fiż-żoni IVb u c tal-ICES li jinsabu fin-Nofsinhar ta' 54 grad tat-Tramuntana.

Artikolu 4

Dokumentazzjoni tal-qabdiet li jaqgħu taħt l-eżenzjonijiet

1.   Il-kwantitajiet ta' ħut irrilaxxat taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 u r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni meħtieġ skont l-Artikolu 2(5) għandhom jiġu rrappurtati fil-ġurnal ta' abbord.

2.   Il-kwantitajiet ta' ħut skartat skont l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3 għandhom jiġu rrappurtati fil-ġurnal ta' abbord.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)   ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1.


ANNESS

1.   

Sajd pelaġiku żgħir fiż-żona ICES IIIa (Skagerrak u Kattegat):

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd pelaġiku

Speċijiet fil-mira

OTM u PTM

Xibka tat-tkarkir pelaġika u xibka tat-tkarkir tan-nofs fond tal-par

Aringi, kavalli, stokkafixx, sawrell, laċċ ikħal (għall-konsum mill-bniedem)

PS

Purse Seine

Aringi, kavalli, laċċ ikħal (għall-konsum mill-bniedem)

OTB u PTB (1)

Xibka tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti u xibka tat-tkarkir tal-par tal-qiegħ

Aringi, kavalli, laċċ ikħal (għall-konsum mill-bniedem)

GNS u GND (2)

Għeżula ankrati (fissi) u għeżula (mitluqa)

Kavalli, aringi

LLS, LHP u LHM

Lenzi twal fissi, xlief tal-idejn u xlief tal-qasba (operati bl-idejn) u xlief tal-idejn u xlief tal-qasba (mekkanizzati)

Kavalli

MIS

Irkaptu differenti, inklużi nases, trappoli u xbieki tal-għadajjar

Kavalli, aringi, laċċ ikħal (għall-konsum mill-bniedem)

2.   

Sajd pelaġiku żgħir fiż-żona ICES IV (il-Baħar tat-Tramuntana).

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd pelaġiku

Speċijiet tal-kwota fil-mira

OTM u PTM

Xibka tat-tkarkir pelaġika u xibka tat-tkarkir tan-nofs fond tal-par (inkluż. TR3)

Aringi, kavalli, sawrell, arġentina silus, stokkafixx, laċċ ikħal (għall-konsum mill-bniedem)

PS

Purse seines

Aringi, kavalli, sawrell, stokkafixx

GNS u GND (3)

Għeżula ankrati (fissi) u għeżula (mitluqa)

Kavalli, aringi

GTR

Pariti

Kavalli

LLS, LHP u LHM

Lenzi twal fissi, xlief tal-idejn u xlief tal-qasba (operati bl-idejn) u xlief tal-idejn u xlief tal-qasba (mekkanizzati)

Kavalli

MIS

Irkaptu differenti, inklużi nases, trappoli u xbieki tal-għadajjar

Aringi, laċċ ikħal (għall-konsum mill-bniedem)

3.   

Sajd ieħor li għalih jintużaw bastimenti li jistadu speċi pelaġiċi żgħar imsemmija fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li mhumiex koperti mill-punti 1 u 2 ta' dan l-Anness.

4.   

Sajd għal skopijiet industrijali fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni ICES IIIa u IV:

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd

Speċijiet tal-kwota fil-mira

Kull xibka tat-tkarkir

Xibka tat-tkarkir b'malji ta' daqs inqas minn 32 mm

Ċiċċirell, laċċ ikħal, merluzz tan-Norveġja

PS

Purse seines

Ċiċċirell, laċċ ikħal, merluzz tan-Norveġja


(1)  Xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti u xbieki tat-tkarkir tal-par tal-qiegħ b'malji ta' daqs < 70 mm

(2)  Malji ta' daqs 50 – 99 mm

(3)  Malji ta' daqs 50 – 90 mm


Top