EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0870

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 870/2014 tal- 11 ta' Awwissu 2014 dwar kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 239, 12.8.2014, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/01/2015; Imħassar b' 32015R0010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/870/oj

12.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 870/2014

tal-11 ta' Awwissu 2014

dwar kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2012/34/UE jipprevedi l-possibbiltà għall-maniġers tal-infrastruttura li jistabbilixxu r-rekwiżiti fir-rigward tal-applikanti sabiex jiżguraw li jiġu ssalvagwardjati l-aspettattivi leġittimi tagħhom dwar id-dħul futur u l-użu tal-infrastruttura.

(2)

Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu adegwati, trasparenti u nondiskriminatorji. Dawn jistgħu jinkludu biss l-għoti ta' garanzija finanzjarja li ma għandhiex tkun aktar minn livell xieraq proporzjonali għal-livell ikkontemplat tal-attività, u l-iżgurar tal-kapaċità tal-applikant li jħejji offerti konformi għall-kapaċità infrastrutturali.

(3)

Il-garanziji finanzjarji jistgħu jieħdu l-forma ta' pagamenti bil-quddiem jew garanziji pprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji.

(4)

L-adegwatezza tar-rekwiżiti msemmija fil-Premessa (2) għandha tqis il-fatt li l-infrastruttura ta' modi ta' trasport kompetittivi, bħat-trasport bit-triq u bl-ajru, bastimenti tal-baħar u passaġġi fuq l-ilma interni, ħafna drabi ma tinvolvix imposti għall-utenti u b'hekk ukoll mingħajr garanziji finanzjarji fuqha. Sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn il-mezzi ta' trasport, il-garanziji finanzjarji għandhom ikunu limitati għall-minimu neċessarju f'termini ta' livell u tul ta' żmien.

(5)

Dawn il-garanziji finanzjarji huma xierqa biss jekk ikunu meħtieġa biex il-maniġer tal-infrastruttura jserraħ moħħu dwar id-dħul futur u l-użu tal-infrastruttura. Jekk jitqies li l-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jserrħu fuq il-kontrolli u s-sorveljanza tal-adegwatezza finanzjarja tal-impriżi ferrovjarji skont il-proċedura ta' liċenzjar skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2012/34/UE, u b'mod partikolari l-Artikolu 20 ta' dik id-Direttiva, il-ħtieġa għal garanziji finanzjarji tkompli tonqos.

(6)

Il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni japplika għal dawk il-garanziji, u għalhekk ma għandu jkun hemm l-ebda distinzjoni bejn ir-rekwiżiti ta' garanzija għal applikanti tas-settur pubbliku u privat.

(7)

Il-garanziji għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta' riskju ppreżentat mill-applikant għall-maniġer tal-infrastruttura fi stadji differenti tal-allokazzjoni tal-kapaċità. Ġeneralment, ir-riskju jitqies li huwa baxx sakemm il-kapaċità tista' tiġi allokata mill-ġdid għal impriżi ferrovjarji oħra.

(8)

Garanzija li tintalab b'rabta mat-tħejjija ta' offerti konformi tista' biss titqies bħala xierqa, trasparenti u nondiskriminatorja jekk il-maniġer tal-infrastruttura jistabbilixxi regoli ċari u trasparenti għat-tħejjija ta' talba tal-kapaċità fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, u jekk toffri l-għodod ta' appoġġ meħtieġa lill-applikanti. Billi mhuwiex possibbli li tiġi ddeterminata b'mod oġġettiv il-kapaċità ta' tħejjija ta' offerti konformi qabel il-proċedura ta' applikazzjoni, kwalunkwe nuqqas ta' kapaċità jista' jiġi ddeterminat biss wara dik il-proċedura, fuq il-bażi ta' nuqqas ripetut li jitressqu dawk l-offerti jew li jingħata t-tagħrif meħtieġ lill-maniġer tal-infrastruttura. L-applikant huwa responsabbli għal dak in-nuqqas, li jimplika sanzjoni li tinvolvi l-esklużjoni tal-applikant mill-applikazzjoni għal mogħdija tal-ferrovija speċifika.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għal garanziji finanzjarji li l-maniġer ta' infrastruttura jista' jitlob biex jiżgura li l-aspettattivi leġittimu tiegħu dwar id-dħul fil-ġejjieni jiġu sodisfatti mingħajr ma jinqabeż livell proporzjonali mal-livell ta' attivitajiet previsti mill-applikant. Ir-rekwiżiti jinkludu b'mod partikolari l-kundizzjonijiet meta tista' tintalab garanzija jew pagament bil-quddiem u l-livell u t-tul ta' żmien ta' garanzija finanzjarja. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti dettalji fir-rigward tal-kriterji biex tiġi vvalutata l-kapaċità ta' applikant li jħejji offerti konformi għall-kapaċità infrastrutturali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, tapplika d-definizzjoni li ġejja:

 

“garanzija finanzjarja” tfisser (a) pagamenti bil-quddiem biex jitnaqqsu u jiġu antiċipati obbligi futuri ta' ħlas tal-imposti fuq l-infrastruttura jew (b) arranġamenti kuntrattwali li permezz tagħhom istituzzjoni finanzjarja bħal bank, timpenja ruħha li tiżgura li pagamenti bħal dawn isiru fil-mument meta jkunu jridu jitħallsu.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għal garanziji finanzjarji

1.   L-applikant jista' jagħżel li jissodisfa talba għal garanzija finanzjarja permezz ta' pagament bil-quddiem jew arranġament kuntrattwali skont it-tifsira tal-Artikolu 2. Fejn maniġer tal-infrastruttura jeżiġi li applikant jipprovdi pagament bil-quddiem għal imposti fuq l-infrastruttura, ma jistax fl-istess ħin jitlob garanziji finanzjarji oħra għall-istess attivitajiet previsti.

2.   Maniġer tal-infrastruttura ma għandux jitlob lill-applikanti sabiex jipprovdu garanziji finanzjarji, sakemm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-applikant ma tissuġġerixxix li dan jista' jkollu diffikultajiet fit-twettiq ta' pagamenti regolari għall-imposti fuq l-infrastruttura. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jsemmi tali klassifikazzjonijiet tal-kreditu fit-taqsima dwar il-prinċipji tat-tariffar tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk tiegħu, jekk applikabbli. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jibbaża t-talba tiegħu għal garanzija finanzjarja fuq klassifikazzjonijiet li ma għandhomx aktar minn sentejn pprovduti minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jitlob garanzija finanzjarja:

(a)

mill-impriża ferrovjarja deżinjata jekk tkun diġà ngħatat jew tħallset garanzija finanzjarja mill-applikant, li mhuwiex impriża ferrovjarja, biex jiġu koperti pagamenti futuri għall-istess attivitajiet previsti;

(b)

jekk l-imposta fuq l-infrastruttura trid titħallas direttament lill-maniġer tal-infrastruttura minn awtorità kompetenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Artikolu 4

Il-livell u t-tul ta' żmien tal-garanziji finanzjarji

1.   Il-livell ta' garanziji finanzjarji rigward applikant wieħed ma għandux jaqbeż l-ammont stmat ta' imposti mħallsa matul xahrejn ta' operazzjonijiet ferrovjarji mitluba.

2.   Il-piżijiet ta' riserva mħallsa skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2012/34/UE għandhom jitnaqqsu mill-ammont massimu stmat ta' imposti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Maniġer tal-infrastruttura ma għandux jirrikjedi li garanzija finanzjarja tidħol fis-seħħ aktar minn għaxart ijiem qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-impriża ferrovjarja tibda l-operazzjonijiet ferrovjarji u l-ħlas tal-imposti tagħha għall-użu tal-infrastruttura għandu jkopri din il-garanzija finanzjarja. Jekk il-kapaċità tiġi allokata wara dan iż-żmien, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jitlob il-garanzija finanzjarja fi żmien qasir.

Artikolu 5

Kapaċità ta' tħejjija ta' offerti konformi għall-kapaċità infrastrutturali

Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandux jiċħad applikazzjoni għal mogħdija ferrovjarja speċifika minħabba l-fatt li din ma tiggarantixxix il-kapaċità ta' tħejjija ta' offerta konformi għall-kapaċità infrastrutturali, skont it-tifsira tal-Artikolu 41(2) tad-Direttiva 2012/34/UE, sakemm:

(a)

l-applikant ma jkunx naqas milli jwieġeb żewġ talbiet sussegwenti li jeżiġu l-għoti tat-tagħrif nieqes jew ma jkunx wieġeb ripetutament b'mod li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-netwerk, imsemmija fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/34/UE u fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva rigward il-proċeduri ta' applikazzjoni għall-mogħdijiet tal-ferrovija, u

(b)

il-maniġer tal-infrastruttura jkun kapaċi juri fuq it-talba tal-korp regolatorju u għas-sodisfazzjoni tiegħu li jkun ħa l-passi raġjonevoli kollha biex isostni l-preżentazzjoni korretta u f'waqtha tal-applikazzjonijiet.

Artikolu 6

Dispożizzjoni tranżitorja

Fejn meħtieġ, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jallinjaw id-dikjarazzjonijiet tan-netwerk tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-ewwel perjodu ta' skeda wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70, ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.


Top