Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0442

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 442/2014 tat-30 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f'dak li jirrigwarda l-inklużjoni fil-lista ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-iskop ta' ekwivalenza fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti organiċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 130, 1.5.2014, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R2306

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/442/oj

1.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/39


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 442/2014

tat-30 ta' April 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f'dak li jirrigwarda l-inklużjoni fil-lista ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-iskop ta' ekwivalenza fir-rigward tal-importazzjoni ta' prodotti organiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 33(2) u l-Artikolu 38(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċedura għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.

(2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-biedja organika tat-3237 laqgħa tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd li saret bejn it-13 u l-14 ta' Mejju 2013, ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-mekkaniżmi li jeżistu fil-preżent sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ internazzjonali fi prodotti organiċi u sabiex f'kull ftehim kummerċjali jkunu meħtieġa r-reċiproċità u t-trasparenza.

(3)

Ir-rieżami li għadu għaddej tal-qafas legali tas-settur tal-produzzjoni organika żvela n-nuqqasijiet li jeżistu bħalissa fis-sistema ta' rikonoxximent ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' ekwivalenza. Il-biċċa l-kbira tal-arranġamenti ta' ekwivalenza ffirmati mill-Kummissjoni u minn pajjiżi terzi ġew applikati mill-Kummissjoni Ewropea b'mod unilaterali, u dan ma għinx biex jippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Ġie konkluż li r-rikonoxximent tal-ekwivalenza ma' pajjiżi terzi għandu jiġi stabbilit permezz ta' ftehimiet internazzjonali. Għaldaqstant, l-iskema tar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi li teżisti fil-preżent għall-iskop ta' ekwivalenza bbażata fuq arranġamenti ta' ekwivalenza għandha tinbidel u ssir skema bbażata fuq ftehimiet internazzjonali bbilanċjati, bil-għan li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi, trasparenza u ċertezza legali.

(4)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-iskema l-ġdida ta' rikonoxximent ibbażata fuq ftehimiet internazzjonali, huwa xieraq li tiġi introdotta data finali sa meta jistgħu jaslu talbiet ġodda għall-inklużjoni fil-lista prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 u stabbilita fl-Anness III ta' dak ir-Regolament. It-talbiet li jaslu wara dik id-data ma għandhomx jibqgħu jkunu ammissibbli.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1235/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 jinbidel b' dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk tinkludix pajjiż terz fil-lista li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 7 wara li tirċievi talba għall-inklużjoni mir-rappreżentant tal-pajjiż terz ikkonċernat, sakemm din it-talba titressaq qabel l-1 ta' Lulju 2014”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament għall-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2014.

F'isem il-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).


Top