EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0414

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 414/2014 tat- 23 ta' April 2014 li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' laħam tal-majjal frisk u ffriżat li joriġina mill-Ukraina

ĠU L 121, 24.4.2014, p. 44–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/11/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/414/oj

24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/44


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI(UE) Nru 414/2014

tat-23 ta' April 2014

li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' laħam tal-majjal frisk u ffriżat li joriġina mill-Ukraina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi arranġamenti preferenzjali għall-2014 għad-dazji doganali marbuta mal-importazzjoni ta' ċerti oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina. Skont l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament, il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness III tiegħu għandhom jitħallew jiġu impurtati fl-Unjoni fil-limiti tal-kwoti tariffarji stabbiliti f'dak l-Anness. Il-kwoti msemmija fl-Anness III ta' dak ir-Regolament għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Filwaqt li l-kwota kkonċernata normalment għandha tiġi amministrata permezz tal-liċenzji tal-importazzjoni, ikun f'loku li bħala l-ewwel pass jiġu attribwiti d-drittijiet tal-importazzjoni u bħala t-tieni pass jinħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni, kif previst fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3). B'dan il-mod, l-operaturi li jkunu kisbu d-drittijiet tal-importazzjoni għandhom ikunu kapaċi jiddeċiedu, matul il-perjodu tal-kwota, il-waqt meta jixtiequ japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni, u dan fid-dawl tal-flussi reali tagħhom tal-kummerċ.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (4) għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, ħlief fejn ikun hemm lok għal xi derogi.

(4)

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni, l-istatus tal-applikanti u l-ħruġ ta' liċenzji tal-importazzjoni għandhom japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

(5)

Biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-kwoti tariffarji jeħtieġ li tiġi ddepożitata garanzija meta titressaq l-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni u meta tinħareġ liċenzja tal-importazzjoni.

(6)

Sabiex l-operaturi jiġu obbligati japplikaw għal-liċenzji tal-importazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni kollha allokati, għandu jiġi stabbilit li dan l-obbligu jikkostitwixxi rekwiżit primarju fis-sens tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 (5).

(7)

Peress li l-kwoti msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 374/2014 huma miftuħa biss sal-31 ta' Ottubru 2014, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ u l-immaniġġjar tal-kwoti tariffarji

1.   Dan ir-Regolament jiftaħ u jamministra l-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti indikati fl-Anness I.

2.   Il-kwantità tal-prodotti koperta mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 1, ir-rata tad-dazju doganali applikabbli, kif ukoll in-numri tal-ordnijiet huma stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu amministrati billi bħala l-ewwel pass jiġu attribwiti d-drittijiet tal-importazzjoni u bħala t-tieni pass jinħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni.

4.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 376/2008, u dan jekk kemm-il darba ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-perjodu tal-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni

Il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jinfetħu u jibqgħu miftuħin sal-31 ta' Ottubru 2014.

Artikolu 3

Applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jitressqu sa mhux aktar tard mis-13.00, ħin ta' Brussell, fil-15-il jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Mat-tressiq tal-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 20 għal kull 100 kilogramm.

3.   L-applikanti għad-drittijiet tal-importazzjoni jridu juru li kwantità ta' prodotti tal-laħam tal-majjal li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 0203 tkun ġiet impurtata minnhom jew f'isimhom, skont id-dispożizzjonijiet tad-dwana rilevanti, matul il-perjodu ta' 12-il xahar eżatt qabel il-perjodu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-kwantità ta' referenza”). Kumpanija ffurmata mill-fużjoni ta' kumpaniji li kull waħda minnhom tkun impurtat kwantitajiet ta' referenza, tista' tuża dawk il-kwantitajiet ta' referenza bħala l-bażi għall-applikazzjoni tagħha.

4.   Il-kwantità totali koperta mill-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni mressqa fil-perjodu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni ma għandhiex taqbeż il-kwantitajiet ta' referenza tal-applikant. L-applikazzjonijiet li ma jħarsux din ir-regola ma għandhomx jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti.

5.   Mhux aktar tard mis-seba' jum ta' xogħol wara tmiem il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali tal-applikazzjonijiet kollha f'kilogrammi ta' piż tal-prodott, imqassmin skont in-numru tal-ordni.

6.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jibdew jingħataw mis-seba' jum ta' xogħol u mhux aktar tard mit-12-il jum ta' xogħol wara tmiem il-perjodu għan-notifiki msemmi fil-paragrafu 5.

7.   Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta f'inqas drittijiet tal-importazzjoni għall-allokazzjoni milli jkunu tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ddepożitata skont il-paragrafu 2 għandha tiġi rrilaxxata proporzjonatament, mingħajr dewmien.

8.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mid-data tal-ħruġ tagħhom sal-31 ta' Ottubru 2014. Id-drittijiet tal-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 4

Ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni

1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kwantitajiet assenjati skont il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikopru l-kwantità totali tad-drittijiet tal-importazzjoni allokati. Dan l-obbligu għandu jkun rekwiżit primarju fit-tifsira tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 282/2012.

3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja jistgħu jitressqu biss fl-Istat Membru fejn l-applikant ikun applika għad-drittijiet tal-importazzjoni skont il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) u fejn ikun kisibhom.

4.   Fiż-żmien meta tinħareġ il-liċenzja tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 50 għal kull 100 kilogramma mill-operatur. Kull ħruġ ta' liċenzja tal-importazzjoni għandu jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fid-drittijiet tal-importazzjoni li jkunu nkisbu u l-garanzija ddepożitata għad-drittijiet tal-importazzjoni għandha tiġi rrilaxxata proporzjonatament, mingħajr dewmien.

5.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu ladarba japplika għalihom, f'ismu, l-operatur li jkun kiseb id-drittijiet tal-importazzjoni.

6.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja għandhom jirreferu għal numru tal-ordni wieħed biss. Jistgħu jikkonċernaw diversi prodotti koperti minn kodiċijiet tan-NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet kollha tan-NM u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 15 u 16 tal-applikazzjoni għal-liċenzja u tal-liċenzja stess, rispettivament.

7.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja u l-liċenzji tal-importazzjoni għandhom juru:

(a)

fil-kaxxa 8, l-isem “L-Ukraina” bħala l-pajjiż tal-oriġini u l-kaxxa “iva” mmarkata b'salib;

(b)

fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati elenkati fl-Anness II.

8.   Kull liċenzja għandha ssemmi l-kwantità għal kull kodiċi tan-NM.

9.   Skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi għal 30 jum mid-data proprja li fiha tkun inħarġet il-liċenzja. It-terminu ta' validità tal-liċenzji tal-importazzjoni, madankollu, ma għandux jaqbeż il-31 ta' Ottubru 2014.

Artikolu 5

Notifiki lill-Kummissjoni

1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a)

sa mhux aktar tard mill-14 ta' Novembru 2014, bil-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni fil-perjodu tal-kwota;

(b)

sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2015, bil-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti b'liċenzji tal-importazzjoni li ma jkunux intużaw jew li jkunu ntużaw parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq in-naħa ta' wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.

2.   Sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu ġew irrilaxxati effettivament għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa matul il-perjodu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni stabbilit minn dan ir-Regolament.

3.   Fil-każ tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kwantitajiet għandhom jingħataw f'kilogrammi ta' piż tal-prodott u għandhom jitqassmu skont in-numru tal-ordni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina (ĠU L 118, 22.4.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 tat-28 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi r-regoli komuni ddettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema tal-garanziji għall-prodotti agrikoli (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4).


ANNESS I

Irrispettivament mir-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandu jitqies bħala ta' valur indikattiv biss, minħabba li l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali, fil-kuntest ta' dan l-Anness, tiddependi mill-ambitu tal-kodiċijiet tan-NM.

Numru tal-ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Kwantità f'tunnellati (piż nett)

Ħlas applikabbli

(f'EUR/t)

09.4271

0203 11 10

0203 12 11

0203 12 19

0203 19 11

0203 19 13

0203 19 15

0203 19 55

0203 19 59

0203 21 10

0203 22 11

0203 22 19

0203 29 11

0203 29 13

0203 29 15

0203 29 55

0203 29 59

Il-laħam tal-majjal domestiku: frisk, imkessaħ jew iffriżat

20 000

0

09.4272

0203 11 10

0203 12 19

0203 19 11

0203 19 15

0203 19 59

0203 21 10

0203 22 19

0203 29 11

0203 29 15

0203 29 59

Il-laħam tal-majjal domestiku: frisk, imkessaħ jew iffriżat, minbarra l-prieżet, il-flettijiet u l-qatgħat bla għadam

20 000

0


ANNESS II

L-entrati msemmija fl-Artikolu 4(7)(b)

Bil-Bulgaru: Регламент за изпълнение (ЕC) № 414/2014

Bl-Ispanjol: Reglamento de Ejecución (UE) no 414/2014

Biċ-Ċek: Prováděcí nařízení (EU) č. 414/2014

Bid-Daniż: Gennemførelsesforordning (EU) nr. 414/2014

Bil-Ġermaniż: Durchführungsverordnung (EU) Nr. 414/2014

Bl-Estonjan: Rakendusmäärus (EL) nr 414/2014

Bil-Grieg: Εκτελεστικός κανονισμός (ΕΕ) αριθ. 414/2014

Bl-Ingliż: Implementing Regulation (EU) No 414/2014

Bil-Franċiż: Règlement d'exécution (UE) no 414/2014

Bil-Kroat: Provedbena uredba (EU) br. 414/2014

Bit-Taljan: Regolamento di esecuzione (UE) n. 414/2014

Bil-Latvjan: Īstenošanas regula (ES) Nr. 414/2014

Bil-Litwan: Įgyvendinimo reglamentas (ES) Nr. 414/2014

Bl-Ungeriż: 414/2014/EU végrehajtási rendelet

Bil-Malti: Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 414/2014

Bl-Olandiż: Uitvoeringsverordening (EU) nr. 414/2014

Bil-Pollakk: Rozporządzenie wykonawcze (UE) nr 414/2014

Bil-Portugiż: Regulamento de Execução (UE) n.o 414/2014

Bir-Rumen: Regulamentul de punere în aplicare (UE) nr. 414/2014

Bis-Slovakk: Vykonávacie nariadenie (EÚ) č. 414/2014

Bis-Sloven: Izvedbena uredba (EU) št. 414/2014

Bil-Finlandiż: Täytäntöönpanoasetus (EU) N:o 414/2014

Bl-Isvediż: Genomförandeförordning (EU) nr 414/2014


Top