Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0553

Deċiżjoni Nru 553/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm ta’ Riċerka u Żvilupp imwettaq b’mod konġunt minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġa intrapriżi żgħar u medji li jwettqu riċerka u żvilupp Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 169, 7.6.2014, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/553(2)/oj

7.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/1


DEĊIŻJONI Nru 553/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm ta’ Riċerka u Żvilupp imwettaq b’mod konġunt minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġa intrapriżi żgħar u medji li jwettqu riċerka u żvilupp

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 185 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (“l-Istrateġija Ewropa 2020”) il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati kondizzjonijiet favorevoli għall-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni sabiex ikun hemm tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv fl-Unjoni. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill approvaw din l-istrateġija.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabilixxa l-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (“Orizzont 2020”). L-Orizzont 2020 għandu l-għan li jikseb impatt akbar fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni billi jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi, anki permezz tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi programmi li jitwettqu minn diversi Stati Membri f’konformità mal-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi għandhom l-għan li jiżviluppaw sinerġiji eqreb, iżidu l-koordinazzjoni u jevitaw id-duplikazzjoni mhux meħtieġa mal-programmi ta’ riċerka reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u dawk tal-Unjoni u jirrispettaw għalkollox il-prinċipji ġenerali tal-Orizzont 2020, b’mod partikolari dawk relatati mal-ftuħ u t-trasparenza. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

(4)

Bid-Deċiżjoni Nru 743/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Komunità ddeċidiet li tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lil Eurostars, programm konġunt ta’ riċerka u żvilupp, imwettaq mill-Istati Membri kollha u ħames pajjiżi parteċipanti fil-qafas tal-Eureka, inizjattiva intergovernattiva li ġiet stabbilita fl-1985 bil-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni fir-riċerka industrijali (“Eurostars”).

(5)

F’April 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Eurostars li twettaq minn Grupp ta’ Esperti Indipendenti sentejn wara l-bidu tal-programm. L-opinjoni globali tal-esperti kienet li l-Eurostars jilħaq l-objettivi tiegħu, iżid il-valur tal-intrapriżi żgħar u medji (‘SMEs’) Ewropej li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp u għandu jitkompla wara l-2013. Il-Eurostars jitqies ukoll li jilħaq għadd ta’ ħtiġijiet ġenwini tal-SMEs involuti fir-riċerka u l-iżvilupp; huwa attira għadd kbir ta’ applikazzjonijiet, bil -baġit għalproġetti eliġibbli għall-finanzjament jaqbeż il-baġit inizjali. Saru għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib, li prinċipalment jindirizzaw il-ħtieġa ta’ aktar integrazzjoni ta’ programmi nazzjonali u titjib tal-prestazzjoni operattiva sabiex jintlaħaq żmien iqsar sal-kuntratt u aktar trasparenza fil-proċeduri.

(6)

Għandha tapplika d-definizzjoni ta’ SME li hija stipulata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar it-tifsira ta’ mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (5).

(7)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (6), l-appoġġ jista’ jiġi pprovdut ukoll lil azzjoni msejsa fuq il-Eurostars u r-riorjentazzjoni tiegħu tul il-linji dikjarati fl-evalwazzjoni interim tiegħu.

(8)

It-tieni Programm għar-Riċerka u l-Iżvilupp li qed jitwettaq b’mod konġunt minn diversi Stati Membri għandu l-għan li jappoġġa impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (“Eurostars-2”), allinjat mal-Istrateġija Ewropa 2020, l-inizjattiva ewlenija tagħha ‘Unjoni tal-Innovazzjoni’ u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2012 intitolata ‘Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir’ ser jkollu l-għan li jappoġġa l-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp billi jikkofinanzja l-proġetti ta’ riċerka tagħhom orjentati lejn is-suq f’kull qasam. Bħala tali, u flimkien mal-attivitajiet skont l-objettiv tat-“Tmexxija fit-Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali” stabbilit fl-Orizzont 2020, ser jikkontribwixxu għall-miri ta’ tiswir tal-parti li tirrigwarda t-tmexxija industrijali ta’ dak il-programm biex jitħaffef l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet li ser ikunu l-bażi tan-negozji tal-ġejjieni u li ser jgħinu lil SMEs innovattivi Ewropej biex jikbru u jsiru kumpaniji ewlenin fid-dinja. Bħala parti mit-titjib fuq il-programm Eurostars preċedenti, Eurostars-2 għandu jimmira lejn perijodu iqsar ta’ żmien sakemm jinħarġu l-għotjiet, integrazzjoni aktar b’saħħitha, u amministrazzjoni sempliċi, trasparenti u aktar effiċjenti għall-benefiċċju finali tal-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Huwa importanti għas-suċċess ta’ Eurostars-2 li jinżammu n-natura minn isfel għal fuq u l-aġenda mmotivata min-negozju bl-attenzjoni prinċipali tiegħu fuq il-potenzjal tas-suq mill-programm Eurostars preċedenti.

(9)

Sabiex jiġi kkunsidrat it-tul ta’ żmien tal-Orizzont 2020, is-sejħiet għal proposti skont Eurostars-2 għandhom jitnedew mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020. F’każijiet debitament ġustifikati s-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(10)

Il-Konferenza Ministerjali dwar Eureka fit-22 ta’ Ġunju 2012 f’Budapest approvat viżjoni strateġika għal Eurostars-2 (“Dokument ta’ Budapest”). Il-Ministri impenjaw ruħhom li jappoġġaw il-kontinwazzjoni tal-Eurostars wara t-terminazzjoni tiegħu fl-2013 għall-perijodu kopert mill-Orizzont 2020. Dan ser jikkonsisti fi sħubija msaħħa li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim tal-Eurostars. Id-Dokument ta’ Budapest jistabbilixxi żewġ objettivi ewlenin għal Eurostars-2. L-ewwel nett, objettiv orjentat lejn l-istruttura li japprofondixxi s-sinkronizzazzjoni u l-allinjament tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka fil-qasam tal-finanzjament, li huwa element ċentrali lejn il-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka mill-pajjiżi membri. It-tieni, objettiv relatat mal-kontenut li jappoġġa lill-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvu ruħhom fi proġetti transnazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni. Id-Dokument ta’ Budapest jistieden lill-UE tipparteċipa f’Eurostars-2.

(11)

Għall-fini ta’ simplifikazzjoni, il-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu għall-partijiet kollha. Awditi doppji u dokumentazzjoni u rapporti sproporzjonati għandhom jiġu evitati. Meta jsiru l-awditi, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-programmi nazzjonali kif adatt.

(12)

L-awditi tal-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni pprovduti skont Eurostars-2 għandhom isiru f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

(13)

L-Istati Parteċipanti għandhom l-intenzjoni li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2 matul il-perijodu kopert minn Eurostars-2 (2014-2024).

(14)

L-attivitajiet ta’ Eurostars-2 għandhom ikunu konformi mal-objettivi u l-prinċipji minn isfel għal fuq tal-Orizzont 2020 u mal-prinċipji ġenerali u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

(15)

Għandu jiġi stabbilit limitu għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni f’Eurostars-2 għat-tul ta’ żmien tal-Orizzont 2020. Fil-limiti ta’ dak il-limitu massimu, għandu jkun hemm flessibbiltà fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tal-inqas għandha tkun terz iżda mhux aktar minn nofs il-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti sabiex tiġi żgurata massa kritika meħtieġa biex jissodisfaw id-domanda minn proġetti li ħaqqhom appoġġ finanzjarju, biex jinkiseb effett ta’ influwenza qawwija u jiżguraw integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-programmi nazzjonali ta’ riċerka tal-Istati Parteċipanti.

(16)

F’konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, kwalunkwe Stat Membru u kwalunkwe pajjiż assoċjat mal-Orizzont 2020 għandu jkun intitolat jipparteċipa f’Eurostars-2.

(17)

Kwalunkwe Membru ta’ Eureka jew pajjiż assoċjat ma’ Eureka li mhuwiex Stat Membru jew pajjiż assoċjat mal-Orizzont 2020 jista’ jsir pajjiż sieħeb ta’ Eurostars-2.

(18)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal impenji formali mill-Istati parteċipanti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2 u għat-twettiq ta’ dawk l-impenji. Appoġġ finanzjarju skont Eurostars-2 għandu jieħu prinċipalment il-forma ta’ għotjiet lil proġetti magħżula wara li jsiru sejħiet għal proposti mnedija skont Eurostars-2. Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ Eurostars-2, l-Istati parteċipanti għandhom jiżguraw kontribuzzjoni finanzjarja biżżejjed biex jiġu ffinanzjati għadd raġonevoli ta’ proposti magħżula permezz ta’ kull sejħa.

(19)

L-implimentazzjoni konġunta ta’ Eurostars-2 teħtieġ struttura ta’ implimentazzjoni. L-Istati Parteċipanti qablu li s-Segretarjat tal-Eureka (“ESE”) jinħatar bħala l-istruttura ta’ implimentazzjoni għal Eurostars-2. L-ESE huwa assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ stabbilit taħt il-liġi Belġjana fl-1997 mill-pajjiżi tal-Eureka, u, mill-2008, huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars. Ir-rwol tal-ESE jmur lil hinn mill-implimentazzjoni ta’ Eurostars, billi fl-istess ħin huwa s-Segretarjat tal-inizjattiva Eureka, bil-governanza tiegħu stess marbuta mal-ġestjoni tal-proġetti Eureka lil hinn minn Eurostars. L-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, hija membru fundatur tal-inizjattiva Eureka u membru sħiħ tal-assoċjazzjoni tas-Segretarjat tal-Eureka.

(20)

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ Eurostars-2, l-ESE għandu jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tas-sejħiet għal proposti, il-verifika tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-evalwazzjoni bejn il-pari u l-għażla u l-monitoraġġ tal-proġetti kif ukoll l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. L-evalwazzjoni tal-proposti għandha ssir f’livell ċentrali minn esperti esterni indipendenti taħt ir-responsabbiltà tal-ESE wara li jsiru sejħiet għal proposti. Il-lista tal-klassifika tal-proġetti għandha tkun vinkolanti għall-Istati Parteċipanti fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u mill-kontribuzzjoni tal-Istati Parteċipanti.

(21)

Komplessivament, Eurostars-2 għandu juri progress ċar lejn aktar allinjament u sinkronizzazzjoni mal-programmi nazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni bħala Programm verament Konġunt ikkaratterizzat minn sinkronizzazzjoni aktar b’saħħitha f’livell xjentifiku, finanzjarju u ta’ ġestjoni. Integrazzjoni xjentifika aktar b’saħħitha għandha tinkiseb permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni komuni ta’ attivitajiet u għandha tiżgura l-eċċellenza u l-impatt għoli tal-proġetti magħżula. L-integrazzjoni fil-livell tal-ġestjoni għandha tiżgura aktar titjib tal-eċċellenza operazzjonali u tar-responsabbiltà għall-programm. Integrazzjoni finanzjarja aktar b’saħħitha għandha tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni finanzjarji annwali u kumplessiva adegwata mill-Istati parteċipanti fil-Eurostars-2 u livell għoli ta’ sinkronizzazzjoni nazzjonali. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ armonizzazzjoni progressiva tar-regoli nazzjonali dwar il-finanzjament.

(22)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u mar-regoli dwar il-ġestjoni indiretta stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8).

(23)

Sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tnaqqas, tissospendi jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jekk Eurostars-2 jiġi implimentat b’mod inadegwat, parzjalment jew b’mod tardiv, jew jekk l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux, jew jikkontribwixxu b’mod parzjali jew tard, għall-finanzjament ta’ Eurostars-2. Dawk id-drittijiet għandhom jiġu previsti fil-ftehim ta’ delega li għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni u l-ESE.

(24)

Il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati minn Eurostars-2 hija soġġetta għar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Madankollu, minħabba l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta’ Eurostars-2 jeħtieġ li jiġu previsti derogi minn dak ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-Regolament.

(25)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ SMEs li huma aktar imdorrija bil-kanali nazzjonali u li kieku jwettqu attivitajiet ta’ riċerka biss fil-konfini nazzjonali tagħhom, il-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ Eurostars-2 għandha tingħata f’konformità ma’ regoli magħrufa ferm tal-programmi nazzjonali tagħhom u tiġi implimentata permezz ta’ ftehim ta’ finanzjament amministrat direttament mill-awtoritajiet nazzjonali, biex b’hekk il-finanzjament tal-Unjoni jintrabat mal-finanzjament nazzjonali korrispondenti. Għalhekk għandha issir deroga mill-Artikolu 15(9), l-Artikoli 18(1), 23(1), (5) sa (7), 28 sa 34 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

(26)

Is-sejħiet għal proposti minn Eurostars-2 għandhom jiġu ppubblikat wkoll fuq portal wieħed għall-parteċipanti kif ukoll b’mezzi elettroniċi ta’ disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni.

(27)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b’mod ħażin u, fejn adatt, pieni amministrattivi u finanzjarji f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(28)

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Parteċipanti, għandha tagħmel evalwazzjoni interim li tivvaluta b’mod partikolari l-kwalità u l-effiċjenza ta’ Eurostars-2 u l-progress li sar biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti, kif ukoll evalwazzjoni finali tħejji rapport dwar dawk l-evalwazzjonijiet.

(29)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ESE u l-Istati Parteċipanti għandhom iressqu kwalunkwe informazzjoni li jeħtieġ li l-Kummissjoni tinkludiha fir-rapporti dwar l-evalwazzjoni ta’ Eurostars-2.

(30)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tappoġġa attivitajiet ta’ riċerka transnazzjonali mwettqa minn SMEs ta’ riċerka intensiva u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni, l-allinjament u s-sinkronizzazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ finanzjament tar-riċerka ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba nuqqas ta’ dimensjoni transnazzjonali u ta’ komplementarjetà u interoperabbiltà tal-programmi nazzjonali iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala u l-impatt tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fit-tieni Programm ta’ Riċerka u Żvilupp imwettaq b’mod konġunt minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġa lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (“Eurostars-2”) u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira u ta’ daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(2)

“SME li twettaq attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp” tfisser SME li għallanqas tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tinvesti mill-ġdid tal-inqas 10 % tal-fatturat tagħha f’attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp;

(b)

tiddedika tal-inqas 10 % tal-ekwivalenti full-time tagħha lil attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp;

(c)

għandha tal-inqas ħamsa ekwivalenti full-time (għal SME li ma għandhiex aktar minn 100 ekwivalent full-time) għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp; jew

(d)

għandha 10 ekwivalenti full-time (għal SME li għandha aktar minn 100 ekwivalent full-time) għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp.

Artikolu 3

Objettivi

Eurostars-2 għandu jsegwi l-objettivi li ġejjin:

(1)

il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet jitwettqu bil-kollaborazzjoni transnazzjonali tal-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp bejniethom jew li jinkludu atturi oħra tal-katina tal-innovazzjoni (eż. universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ riċerka);

(b)

ir-riżultati ta’ attivitajiet huma mistennija li jiġu introdotti fis-suq fi żmien sentejn minn meta titlesta attività;

(2)

jiżdiedu l-aċċessibilità, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-finanzi pubbliċi għall-SMEs fl-Ewropa, billi jiġu allinjati, armonizzati u sinkronizzati l-mekkaniżmi ta’ finanzjament nazzjonali tal-Istati Parteċipanti;

(3)

tiġi promossa u tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ SMEs mingħajr esperjenza preċedenti ta’ riċerka transnazzjonali.

Artikolu 4

Parteċipazzjoni f’Eurostars-2 u sħubija fih

1.   L-Unjoni għandha tipparteċipa f’Eurostars-2 imwettaq b’mod konġunt mill-Awsstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Iżlanda, l-Iżrael, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija„ is-Slovakkja, is-SlovenjaSpanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, it-Turkija u r-Renju Unit (l-‘Istati Parteċipanti’), f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni.

2.   Kwalunkwe Stat Membru ieħor għajr dawk elenkati fil-paragrafu 1 u kwalunkwe pajjiż ieħor assoċjat mal-Orizzont 2020 jista’ jipparteċipa f’Eurostars-2 dment li jissodisfa l-kondizzjoni stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Deċiżjoni. Jekk jissodisfa dik il-kundizzjoni stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) għandu jitqies bħala Stat Parteċipanti għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Kwalunkwe Membru ta’ Eureka jew pajjiż assoċjat ma’ Eureka li mhuwiex Stat Membru jew pajjiż assoċjat mal-Orizzont 2020 jista’ jsir pajjiż sieħeb f’Eurostars-2 dment li dan jissodisfa l-kondizzjoni stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1). Dawk il-Membri ta’ Eureka jew il-pajjiżi assoċjati ma’ Eureka li jissodisfaw il-kondizzjoni stipulata fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1), għandhom jitqiesu bħala pajjiżi sħab għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni. L-entitajiet legali minn dawk il-pajjiżi sħab ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont Eurostars-2.

Artikolu 5

Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-approprjazzjonijiet tal-EFTA, għal Eurostars-2 għandha tkun sa EUR 287 000 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-partijiet rilevanti tal-Programm Speċifiku li jimplimenta l- Orizzont 2020, stabbilit bid-Deċiżjoni 2013/743/UE f’konformità mal-punt (c)(vi) tal-Artikolu 58(1), u l-Artikoli 60 u 61 u tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari mill-approprjazzjonijiet taħt l-intestatura “Innovazzjoni fl-SMEs” taħt il-Parti II.

2.   Mingħajr ma jinqabeż l-ammont stipulat fil-paragrafu 1, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tal-inqas għandha tkun ugwali għal terz tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1). Hija għandha tkopri l-ispejjeż operazzjonali inklużi l-ispejjeż tal-evalwazzjoni ta’ proposti, u l-ispejjeż amministrattivi. Fejn matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-Eurostars-2 ikun jeħtieġ li r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni tiġi adattata, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ togħla sa massimu ta’ nofs il-kontribuzzjonijiet talIstati Parteċipanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1).

3.   Ammont li ma jeċċidix 4 % mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jintuża biex tingħata kontribuzzjoni għall-ispejjeż amministrattivi ta’ Eurostars-2. L-Istati parteċipanti għandhom ikopru l-ispejjeż amministrattivi nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal li ġej:

(a)

l-Istati Parteċipanti juru li huma jkunu stabbilixxew Eurostars-2 f’konformità mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3;

(b)

in-nomina mill-Istati Parteċipanti jew l-organizzazzjonijiet maħtura mill-Istati parteċipanti (“ESE”), bħala l-istruttura responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2 u sabiex tiġi rċevuta, allokata u sorveljata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(c)

l-impenn ta’ kull Stat Parteċipant li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ Eurostars-2;

(d)

l-ESE juri l-kapaċità tiegħu li timplimenta Eurostars-2, inkluż, li jirċievi, jalloka u jissorvelja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, fil-qafas tal-ġestjoni indiretta tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 58, 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; u

(e)

l-istabbiliment ta’ mudell ta’ governanza għal Eurostars-2 f’konformità mal-Anness II.

2.   Matul l-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiddependi wkoll minn:

(a)

l-implimentazzjoni mill-ESE tal-objettivi ta’ Eurostars 2 stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-attivitajiet stabbiliti fl-Anness I skont ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(b)

iż-żamma ta’ mudell ta’ governanza adatt u effiċjenti f’konformità mal-Anness II;

(c)

il-konformità mill-ESE mar-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(d)

il-ħlas effettiv mill-Istati Parteċipanti tal-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istati parteċipanti kollha fil-proġetti Eurostars-2 magħżula għall-finanzjament wara s-sejħiet għal proposti mnedija taħt Eurostars-2, sabiex jiġu sodisfatti l-impenji msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

l-allokazzjoni tal-fondi mill-baġits nazzjonali għal proġetti Eurostars-2 u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni f’konformità mal-listi ta’ gradazzjoni ta’ proġetti; u

(f)

progress ċar muri fil-kooperazzjoni fil-livell xjentifiku, finanzjarju u tal-ġestjoni bl-istabbiliment ta’ miri u passi importanti fir-rigward tal-prestazzjoni operazzjonali minima għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2.

Artikolu 7

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti

1.   Il-kontribuzzjoni mill-Istati Parteċipanti għandha tikkonsisti fil-kontribuzzjonijiet finanzjarji li ġejjin:

(a)

il-kofinanzjament tal-proġetti Eurostars-2 magħżula permezz ta’ forom ta’ finanzjament nazzjonali rilevanti, prinċipalment permezz ta’ għotjiet. Il-Kummissjoni tista’ tuża r-regoli stabbiliti ekwivalenti dwar l-għotjiet għall-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Parteċipanti f’forom oħrajn li mhumiex għotjiet;

(b)

kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż amministrattivi ta’ Eurostars-2 mhux koperti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5(3).

2.   Kull Stat Parteċipanti għandu jaħtar Korp ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFB) sabiex jamministra l-appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti nazzjonali f’Eurostars-2 f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 8

Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

1.   Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, l-ESE għandu jitqies bħala l-korp ta’ finanzjament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, l-NFBs, taħt il-koordinazzjoni tal-ESE għandhom jivverifikaw il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti kollha għall-finanzjament taħt Eurostars-2.

3.   B’deroga mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-ftehimiet dwar l-għotjiet mal-benefiċjarji tal-azzjonijiet indiretti taħt Eurostars-2 għandhom jiġu ffirmati mill-NFBs ikkonċernati.

4.   B’deroga mill-Artikolu 23(1), (5), (6) u (7) u l-Artikoli 28 sa 34 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, ir-regoli dwar il-finanzjament tal-programmi nazzjonali parteċipanti għandhom japplikaw għall-għotjiet tal-Eurostars-2 mill-NFBs.

Artikolu 9

Implimentazzjoni ta’ Eurostars-2

1.   Eurostars-2 għandu jiġi implimentat fuq il-bażi ta’ pjani ta’ ħidma annwali.

2.   Eurostars-2 għandu jipprovdi appoġġ finanzjarju prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet lill-parteċipanti wara li jsiru sejħiet għal proposti.

Artikolu 10

Ftehimiet bejn l-Unjoni u l-ESE

1.   Soġġett għal valutazzjoni ex ante pożittiva tal-ESE f’konformità mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkonkludi ftehim ta’ delega u ftehimiet ta’ trasferiment ta’ fondi annwali mal-ESE.

2.   Il-ftehim ta’ delega msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi konkluż f’konformità mal-Artikolu 58(3) u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u skont l-Artikolu 40 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012. Huwa għandu jistabbilixxi wkoll dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti għall-ESE rigward l-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni (UE) Nru 2013/743;

(b)

ir-rekwiżiti tal-kontribut tal-ESE għall-monitoraġġ imsemmi fl-Anness III għad-Deċiżjoni (UE) Nru 2013/743;

(c)

indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għall-funzjonament tal-ESE fir-rigward tal-Eurostars-2;

(d)

rekwiżiti tal-ESE rigward l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż amministrattivi u ċ-ċifri dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2;

(e)

arranġamenti rigward il-provvista ta’ data meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ disseminazzjoni u rappurtar;

(f)

obbligu tal-ESE li jiffirma ftehimiet bilaterali mal-NFBs qabel isiru kwalunkwe trasferimenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, tali ftehimiet bilaterali li jistipulaw il-miri u l-passi importanti fir-rigward tal-prestazzjoni operazzjonali minima għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2;

(g)

id-dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal proposti minn Eurostars-2 b’mod partikolari fuq portal wieħed għall-parteċipanti kif ukoll b’mezzi elettroniċi ta’ disseminazzjoni oħrajn tal-Orizzont 2020 ġestiti mill-Kummissjoni.

Artikolu 11

It-terminazzjoni, it-tnaqqis jew is-sospensjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

1.   Jekk Eurostars-2 ma jiġix implimentat jew jiġi implimentat b’mod inadegwat, parzjalment jew b’mod tardiv, il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas proporzjonalment, jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni f’konformità mal-implimentazzjoni attwali ta’ Eurostars-2.

2.   Jekk l-Istati Parteċipanti ma jikkontribwixxux, jikkontribwixxu parzjalment jew tard għall-finanzjament ta’ Eurostars-2, il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas proporzjonalment, jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, wara li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ammont ta’ fondi allokat mill-Istati Parteċipanti biex jiġi implimentat Eurostars-2.

Artikolu 12

Awditi ex post

1.   L-ESE għandu jiżgura li jsiru awditi ex post tan-nefqa fuq azzjonijiet indiretti mill-NFBs rispettivi f’konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tagħmel l-awditi msemmija fil-paragrafu 1 hija stess. F’tali każijiet, għandha tagħmel dan f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 966/2012, (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 13

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adatti li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin, u fejn adatt, permezz ta’ pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-ESE għandu jagħti lill-persunal tal-Kummissjoni u lill-persuni oħra awtorizzati minnha, flimkien mal-Qorti tal-Awdituri, aċċess għas-siti u l-bini tiegħu u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f’forma elettronika, meħtieġa sabiex isiru l-awditi tagħhom.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), bil-għan li jiġi stabbilit jekk ikunx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim jew deċiżjoni jew kuntratt iffinanzjat skont din id-Deċiżjoni.

4.   Kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa espressament lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-OLAF u lill-ESE biex jagħmlu awditi u investigazzjonijiet bħal dawn, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

5.   Fl-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2, l-Istati Parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji, amministrattivi u miżuri meħtieġa oħrajn biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jiġi żgurat l-irkupru sħiħ ta’ kwalunkwe ammont dovut lill-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012.

Artikolu 14

Komunikazzjoni tal-informazzjoni

1.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ESE għandu jibgħat kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 15.

2.   L-Istati parteċipanti għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tal-ESE, kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni finanzjarja ta’ Eurostars-2.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni interim ta’ Eurostars-2 f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Parteċipanti u bl-assistenza ta’ esperti indipendenti. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li jinkludi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2017. Ir-riżultat tal-evalwazzjoni interim ta’ Eurostars-2 għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni interim tal-Orizzont 2020.

2.   Sa tmiem il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’Eurostars-2 iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali ta’ Eurostars-2. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni li għandu jinkludi r-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(4)  Deċiżjoni Nru 743/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta’ riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġja lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 58).

(5)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

(7)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-25 ta’ Ottubru 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


ANNESS I

Implimentazzjoni ta’ Eurostars-2

1.

L-ESE għandu jorganizza b’mod kontinwu sejħiet miftuħa għal proposti b’dati ta’ skadenza għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lil azzjonijiet indiretti.

2.

L-applikanti għandhom jippreżentaw proposti għal proġetti lill-ESE bħala l-punt ta’ kuntatt waħdieni.

3.

Wara l-għeluq ta’ sejħa għal proposti għandu jsir kontroll ċentrali għall-eliġibbiltà mill-ESE abbażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-pjan ta’ ħidma annwali. L-ebda kriterja ta’ eliġibbiltà differenti jew ulterjuri ma tista’ tiżdied mill-Istati parteċipanti.

4.

L-NFBs, taħt il-koordinazzjoni tal-ESE, għandhom jivverifikaw il-kapaċità finanzjarja tal-parteċipanti f’konformità ma’ regoli komuni, ċari u trasparenti.

5.

Il-proposti eliġibbli għandhom jiġu evalwati f’livell ċentrali u jiġu kklassifikati minn grupp ta’ esperti indipendenti esterni f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, abbażi ta’ proċeduri trasparenti.

6.

L-ESE għandu jipprovdi proċedura ta’ reviżjoni tal-evalwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013.

7.

Il-lista ta’ gradazzjoni, approvata kollha kemm hija mill-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Eurostars-2 imsemmija fl-Anness II, għandha tkun vinkolanti għall-allokazzjoni ta’ fondi minn baġits nazzjonali allokati għal proġetti Eurostars-2.

8.

Ladarba din il-lista ta’ gradazzjoni tkun ġiet approvata, kull Stat parteċipanti għandu jiffinanzja lill-parteċipanti nazzjonali tiegħu f’dawk il-proġetti magħżula għall-finanzjament permezz tal-NFBt maħtur, filwaqt li jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex jiżgura li jiġu ffinanzjati l-proġetti kklassifikati bħala l-aqwa 50 u tal-inqas minn 50 % sa 75 % tal-proġetti li jaqbżu l-limiti. Il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-parteċipanti għandha tiġi kkalkolata f’konformità mar-regoli ta’ finanzjament tal-programmi nazzjonali rilevanti tal-Istat parteċipanti ta’ Eurostars-2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ttrasferita mill-ESE għall-NFBs dment li l-NFBs ikunu ħallsu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-proġetti.

9.

Il-parteċipanti eliġibbli kollha fil-proġetti magħżula f’livell ċentrali għandhom jiġu ffinanzjati. L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju mill-NFBs lill-parteċipanti fi proġetti magħżula f’livell ċentrali għandu jkun soġġett għall-prinċipji ta’ trattament indaqs, trasparenza u dawk ta’ kofinanzjament.

10.

L-ESE għandu jkun responsabbli għall-evalwazzjoni ta’ proposti, l-għoti ta’ informazzjoni lill-NFBs, il-koordinazzjoni ta’ proċess ta’ sinkronizzazzjoni, il-monitoraġġ ta’ proġetti permezz ta’ rappurtar tal-proġetti u awditi li jkunu saru mill-NFBs, u rappurtar lill-Kummissjoni li jiżgura li l-għotja tingħata fi żmien qasir. Għandu jieħu wkoll miżuri adatti biex jiġi inkoraġġit ir-rikonoxximent tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni lil Eurostars-2, kemm lill-programm stess kif ukoll lil proġetti individwali. Għandu jippromwovi viżibilità adatta għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz tal-użu tal-logo ta’ Orizzont 2020 fil-materjal ippubblikat kollu, inklużi pubblikazzjonijiet stampati u elettroniċi, b’rabta ma’ Eurostars-2.

11.

L-ESE għandu jikkonkludi ftehimiet bilaterali ta’ Eurostars-2 mal-NFBs tal-Istati Parteċipanti. Dawk il-ftehimiet bilaterali ta’ Eurostars-2 għandhom jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tal-partijiet kontraenti f’konformità mar-regoli, l-objettivi u l-implimentazzjoni tal-Eurostars-2. Il-ftehimiet bilaterali ta’ Eurostars-2 għandhom jinkludu r-regoli li jirregolaw it-trasferiment tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u l-miri operazzjonali minimi u l-passi importanti progressivi nazzjonali għal aktar integrazzjoni u sinkronizzazzjoni ta’ programmi nazzjonali, inkluż li l-għotja tingħata fi żmien iqsar f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Il-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2 b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni għandhom jilħqu qbil dwar dawk il-miri u l-passi importanti. Il-firma tal-ftehim bilaterali ta’ Eurostars-2 u l-konformità mal-miri operazzjonali u l-passi importanti għandhom ikunu prekondizzjoni biex l-NFBs jirċievu l-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

12.

L-ESE jista’ jikkonkludi ftehimiet bilaterali ta’ Eurostars-2 mal-NFBs ta’ pajjiżi sħab. Dawk il-ftehimiet bilaterali ta’ Eurostars-2 għandhom jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tal-partijiet kontraenti f’konformità mar-regoli, l-objettivi u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni ta’ Eurostar-2, jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li taħthom isseħħ sħubija ma’ Eurostars-2, u jinkludu l-miri operazzjonali minimi, inkluż li l-għotja tingħata fi żmien qasir.

13.

L-attivitajiet ta’ netwerking u l-iskambju tal-aqwa prattiki għandhom jiġu organizzati wkoll fost l-Istati Parteċipanti sabiex jiġu promossi integrazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell xjentifiku, maniġerjali u dak finanzjarju.

14.

Attivitajiet oħra għandhom jinkludu wkoll attivitajiet ta’ senserija, promozzjoni ta’ programmi u dawk ta’ netwerking ma’ partijiet interessati oħra (investituri, fornituri ta’ riċerka u innovazzjoni, intermedjarji) prinċipalment biex titwessa’ l-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji fl-Istati Parteċipanti kollha u biex l-SMEs mingħajr esperjenza preċedenti jiġu involuti fi proġetti ta’ riċerka transnazzjonali.


ANNESS II

Governanza ta’ Eurostars-2

1.

L-ESE għandu jamministra l- Eurostars-2.

Il-Kap tal-ESE bħala r-rappreżentant legali tal-ESE għandu jkun inkarigat mill-implimentazzjoni tal- Eurostars-2 permezz ta’ dan li ġej:

(a)

it-tħejjija tal-baġit annwali għas-sejħiet, l-organizzazzjoni ċentrali ta’ sejħiet konġunti għal proposti u l-ilqugħ tal-proposti bħala l-punt ta’ kuntatt waħdieni, l-organizzazzjoni ċentrali tal-eliġibbiltà u l-evalwazzjoni ta’ proposti, f’konformità mal-kriterji komuni ta’ eliġibbiltà u evalwazzjoni, l-organizzazzjoni ċentrali tal-gradazzjoni u l-għażla ta’ proposti għal finanzjament, u l-monitoraġġ u s-segwitu ta’ proġetti; l-ilqugħ, l-allokazzjoni u l-monitoraġġ tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

(b)

il-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa mill-NFBs għat-trasferiment tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

(c)

il-promozzjoni tal- Eurostars-2;

(d)

ir-rappurtar lill-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2 u l-Kummissjoni dwar il-programm Eurostars-2;

(e)

l-infurmar tan-netwerk Eureka dwar l-attivitajiet ta’ Eurostars-2;

(f)

l-iffirmar tal-ftehim ta’ delega mal-Kummissjoni, il-ftehimiet bilaterali mal-NFBs u l-kuntratti mal-esperti li jivvalutaw l-applikazzjonijiet Eurostars-2;

(g)

l-adozzjoni tal-pjan ta’ ħidma annwali Eurostars-2 b’segwitu għall-ftehim preċedenti tal-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2 u tal-Kummissjoni.

2.

Il-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2, magħmul minn rappreżentanti nazzjonali fil-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Eureka tal-Istati Parteċipanti f’Eurostars-2, għandu jissorvelja l-operazzjonijiet tal-ESE dwar Eurostars-2 permezz ta’:

(a)

is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal- Eurostars-2;

(b)

il-ħatra tal-membri tal-Grupp Konsultattiv Eurostars-2 (“EAG”);

(c)

l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ħidma annwali;

(d)

l-approvazzjoni tal-lista ta’ gradazzjoni ta’ proġetti Eurostars-2 li għandhom jiġu ffinanzjati u t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-għotja.

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandu jkollha l-istatus ta’ osservatur fil-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2. Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna biex tipparteċipa fil-laqgħat, għandha tirċievi d-dokumenti kollha tal-laqgħat u tkun tista’ tieħu sehem fid-diskussjoni.

Kwalunkwe pajjiż sieħeb għandu jkollu d-dritt li jibgħat rappreżentanti għal-laqgħat tal-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2 bħala osservaturi.

3.

L-EAG għandu jkun magħmul mill-Koordinaturi Nazzjonali tal-Proġett tal-Eureka (membri tal-gvern nazzjonali jew tal-aġenzija li tittratta l-livell operazzjonali tal-ġestjoni ta’ Eureka/Programm Eurostars u responsabbli għall-promozzjoni tal- Eurostars-2 fl-Istati Parteċipanti) mill-Istati Parteċipanti. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi sħab għandu jkollhom id-dritt li jibagħtu rappreżentanti fil-laqgħat tal-EAG bħala osservaturi. Il-laqgħat tal-EAG għandhom jiġu ppreseduti mill-ESE.

L-EAG għandu jagħti pariri lill-ESE u lill-grupp ta’ livell għoli ta’ Eurostars-2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2.

4.

L-NFB għandu jkollu inkarigat mill-amministrazzjoni tal-appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti nazzjonali.


Top