This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0342
2014/342/EU: Commission Decision of 16 October 2013 on State aid No SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) granted by the Slovak Republicfor Frucona Košice a.s. (notified under document C(2013) 6261) Text with EEA relevance
2014/342/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Ottubru 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) ( ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (notifikata bid-dokument C(2013) 6261) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2014/342/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Ottubru 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) ( ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (notifikata bid-dokument C(2013) 6261) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 176, 14.6.2014, p. 38–63
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 176/38 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ Ottubru 2013
dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s.
(notifikata bid-dokument C(2013) 6261)
(It-test Slovakk biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2014/342/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),
Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom (2),
Billi:
I. PROĊEDURA
1. PROĊEDURA QUDDIEM IL-KUMMISSJONI
(1) |
Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Ottubru 2004, irreġistrata fil-25 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar għajnuna mill-Istat, allegatament illeċita, li ngħatat lil Frucona Košice, a.s. Fit-3 ta’ Frar 2005, l-ilmentatur bagħat informazzjoni addizzjonali. Fl-24 ta’ Mejju 2005, saret laqgħa mal-ilmentatur. |
(2) |
Abbażi tal-informazzjoni li pprovda l-ilmentatur permezz tal-ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni talbet lis-Slovakkja tipprovdi l-informazzjoni dwar il-miżura kkontestata. Is-Slovakkja wieġbet bl-ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, irreġistrata fis-17 ta’ Jannar 2005, fejn hija infurmat lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna potenzjalment illeċita li ngħatat lil Frucona Košice a.s. fil-kuntest ta’ arranġament mal-kredituri u talbet lill-Kummissjoni biex tapprova l-għajnuna bħala għajnuna ta’ salvataġġ li ngħatat lil kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji. Is-Slovakkja ppreżentat informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tal-24 ta’ Jannar 2005, irreġistrata fit-28 ta’ Jannar 2005. Il-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tad-9 ta’ Frar 2005, li rċeviet tweġiba għaliha permezz tal-ittra tal-4 ta’ Marzu 2005, irreġistrata fl-10 ta’ Marzu 2005. Fit-12 ta’ Mejju 2005, saret laqgħa mal-awtoritajiet Slovakki. |
(3) |
Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni infurmat lis-Slovakkja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna. |
(4) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura. |
(5) |
L-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fis-17 ta’ Ottubru 2005. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand waħda mill-partijiet interessati (il-benefiċjarju) permezz tal-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fil-25 ta’ Ottubru 2005. Hija bagħtithom lis-Slovakkja, u tatha l-opportunità li tirreaġixxi; Il-kummenti tas-Slovakkja waslu permezz tal-ittra ddatata s-16 ta’ Diċembru 2005, irreġistrata fl-20 ta’ Diċembru. Fit-28 ta’ Marzu 2006, saret laqgħa li matulha l-benefiċjarju ngħata l-opportunità li jispjega s-sottomissjoni tiegħu. Is-Slovakkja ppreżentat informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tal-5 ta’ Mejju 2006, irreġistrata fit-8 ta’ Mejju 2006. |
(6) |
Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li permezz tagħha ordnat l-irkupru tal-għajnuna (4). Sa minn dik id-data, matul il-kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Slovakki dwar l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet innotifikata dwar l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali li jikkonċernaw l-ammont ta’ dejn li għandu jiddaħħal fl-arranġament mal-kredituri. Din l-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata f’din id-deċiżjoni. |
2. PROĊEDURI QUDDIEM IL-QORTI ĠENERALI
(7) |
Fit-12 ta’ Jannar 2007, Frucona Košice a.s. ressqet appell kontra d-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, biex tikkontesta inter alia l-klassifikazzjoni tat-tħassir tad-dejn bħala għajnuna mill-Istat billi sostniet li din kienet f’konformità mal-prinċipju tal-kreditur f’ekonomija tas-suq. Permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010 (il-Kawża T-11/07) il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-applikant u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għar-raġuni li l-falliment kien se jkun iktar vantaġġuż għall-Istat mill-arranġament mal-kredituri. |
3. PROĊEDURI QUDDIEM IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
(8) |
Frucona Košice a.s. ressqet appell fil-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tivvaluta b’mod korrett l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tat-test tal-kreditur privat u li kienet fittxet b’mod inaċċettabbli li tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni fir-rigward tat-test tal-kreditur privat (il-Kawża C-73/11 P). |
(9) |
Fl-24 ta’ Jannar 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni billi naqset milli tqis it-tul ta’ żmien li ħadu l-proċeduri ta’ falliment fil-valutazzjoni tagħha tat-test tal-kreditur privat jew, jekk kienet ikkunsidrat dan il-fattur, billi naqset milli tistabbilixxi biżżejjed raġunijiet li jsostnu d-deċiżjoni tagħha. Il-każ ġie rrinvijat quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tinqata’ s-sentenza fir-rigward tal-motivi tal-kumpanija dwar il-proċedura tal-eżekuzzjoni tat-taxxa li kienet għadha ma ddeċidietx fuqha. |
4. REVOKA
(10) |
Għalhekk, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tirrevoka d-deċiżjoni oriġinali tas-7 ta’ Ġunju 2006 u li tissostitwixxiha b’din id-deċiżjoni sabiex tirrimedja għall-insuffiċjenzi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
II. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA
1. IL-KUMPANIJA
(11) |
Il-kumpanija benefiċjarja tas-sostenn finanzjarju hija Frucona Košice a.s., kumpanija li kienet attiva fil-produzzjoni ta’ spirti u xorb alkoħoliku, xorb mhux alkoħoliku, frott u ħaxix tal-bott, u ħall. Wara li tilfet il-liċenzja tagħha, il-kumpanija benefiċjarja waqfet tipproduċi spirti u xorb alkoħoliku. Madankollu, Frucona Košice a.s. kompliet tkun attiva fis-suq bl-ingrossa għall-ispirti u x-xorb alkoħoliku. Il-kumpanija qiegħda f’reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE. |
(12) |
Fi żmien l-avvenimenti rilevanti, il-kumpanija benefiċjarja impjegat madwar 200 persuna. Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali, il-kumpanija pprovdiet lill-Kummissjoni b’dejta dwar il-fatturat (inklużi d-dazji tas-sisa u l-VAT), murija fit-tabella li ġejja. Tabella 1 Fatturat f’segmenti differenti tal-produzzjoni, inkluż dazji tas-sisa u tal-VAT [SKK]
|
(13) |
Din id-dejta tvarja konsiderevolment mid-dejta li l-awtoritajiet Slovakki taw lill-Kummissjoni, u fid-deċiżjoni hija ddikjarat li tiftaħ l-investigazzjoni formali (5). Fir-reazzjoni tagħhom għall-kummenti tal-benefiċjarju wara l-ftuħ tal-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Slovakki ma kkontestawx l-akkuratezza taċ-ċifri msemmija hawn fuq. Skont l-awtoritajiet Slovakki, il-benefiċjarju jikkwalifika bħala intrapriża ta’ daqs medju. |
2. IL-LEĠIŻLAZZJONI NAZZJONALI APPLIKABBLI
(14) |
Il-miżura kkontestata hija t-tħassir ta’ dejn ta’ taxxa mill-Uffiċċju tat-Taxxa Košice IV skont arranġament li sar mal-kredituri. Dan il-proċess huwa rregolat mill-Att dwar il-Falliment u l-Arranġamenti Nru 328/91 (“l-Att dwar il-Falliment”). |
(15) |
Arranġament mal-kredituri huwa proċess issorveljat mill-qorti, li, bħal falliment, huwa mfassal biex isolvi s-sitwazzjoni fnanzjarja ta’ kumpaniji midjuna (6). Skont il-proċeduri ta’ falliment, il-kumpanija ma tibqax teżisti u, jew l-assi tagħha jinbiegħu lil sid ġdid jew inkella l-kumpanija tiġi likwidata. B’kuntrast ma’ dan, skont il-proċeduri ta’ arranġament, il-kumpanija midjuna tkompli għaddejja bil-kummerċ mingħajr bidla fis-sjieda. |
(16) |
Il-proċeduri ta’ arranġament jinbdew mill-kumpanija midjuna. L-iskop huwa li jintlaħaq ftehim mal-kredituri tagħha li permezz tiegħu l-kumpanija midjuna tħallas parti mid-dejn li jkollha filwaqt li l-kumplament jitħassar. Il-ftehim irid jiġi approvat mill-qorti ta’ sorveljanza. |
(17) |
Il-kredituri li l-ammonti riċevibbli tagħhom ikunu garantiti, pereżempju permezz ta’ ipoteka, jaġixxu bħala kredituri separati. Sabiex il-proposta ta’ arranġament tiġi aċċettata, il-kredituri separati kollha jridu jivvutaw favur tagħha, filwaqt li għall-kredituri l-oħra huwa biżżejjed li tintlaħaq maġġoranza kwalifikata. Fi kliem ieħor, il-kredituri separati jivvutaw separatament u għandhom dritt għall-veto fir-rigward tal-proposta. |
(18) |
Il-kredituri separati jkollhom pożizzjoni privileġġjata wkoll fi proċeduri ta’ falliment. It-talbiet tal-kredituri separati jistgħu jiġu ssodisfati fi kwalunkwe ħin matul il-proċeduri ta’ falliment u r-rikavati kollha mill-bejgħ tal-assi garantiti skont il-proċeduri ta’ falliment huma maħsuba esklussivament biex jiġu ssodisfati t-talbiet tal-kredituri separati. Jekk it-talbiet tal-kredituri separati ma jkunux jistgħu jiġu koperti minn dan il-bejgħ, il-partijiet li jifdal jitqiegħdu fit-tieni grupp flimkien mat-talbiet tal-kredituri li jifdal. Fit-tieni grupp, il-kredituri huma ssodisfati fuq bażi pro rata. |
(19) |
Skont l-Att dwar il-Falliment, il-kumpanija li tapplika għal arranġament mal-kredituri trid, quddiem il-qorti ta’ sorveljanza, tressaq lista ta’ miżuri għar-riorganizzazzjoni tagħha u għall-iffinanzjar kontinwu tal-attività tagħha wara l-arranġament. |
(20) |
Skont l-Att 511/92 dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxi u t-Tariffi u l-Bidliet fis-Sistema tal-Awtoritajiet Finanzjarji Lokali (l-“Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa”), kumpanija tista’ titlob lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jiddifferixxu l-ħlas tat-taxxi. L-imgħax huwa impost fuq l-ammont differit u d-dejn differit għandu jiġi garantit. |
(21) |
L-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa jirregola wkoll l-eżekuzzjoni tat-taxxa, li l-għan tagħha huwa li tirkupra t-taxxi riċevibbli tal-Istat permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, assi mobbli jew tad-ditta kollha kemm hi. |
3. IL-FATTI
(22) |
Bejn Novembru 2002 u Novembru 2003, il-benefiċjarju ħa l-opportunità offruta mill-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa li jkollu l-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-dazju tas-sisa fuq l-ispirti, differita (7). Id-dejn differit ammonta għal total ta’ SKK 477 015 759 (EUR 12,6 miljun). Qabel ma aċċetta li jiddifferixxi dawn il-pagamenti, kif preskritt bil-liġi, l-Uffiċċju tat-Taxxa ggarantixxa l-ammonti riċevibbli kollha tiegħu, bl-assi tal-benefiċjarju. L-awtoritajiet Slovakki ddikjaraw li l-valur ta’ dawn it-titoli, abbażi tal-kontijiet tal-benefiċjarju, kien ta’ SKK 397 476 726 (EUR 10,5 miljun). Madankollu, il-benefiċjarju jiddikjara li l-valur ta’ dawn it-titoli, kif stmat mill-esperti fi tmiem l-2003, kien ta’ SKK 193 940 000 (EUR 5 miljun). Skont il-benefiċjarju, dan huwa l-valur tal-assi garantiti (proprjetà mobbli, proprjetà immobbli u riċevibbli) espressi f’dawk li huma magħrufa bħala l-“prezzijiet ta’ esperti”. |
(23) |
Mill-1 ta’ Jannar 2004 ‘l hemm, l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa emendat illimita l-possibbiltà li jintalab differiment tat-taxxa għal darba fis-sena biss. Il-benefiċjarju għamel użu minn dan, għat-taxxa tas-sisa ta’ Diċembru 2003 pagabbli f’Jannar 2004. Madankollu, ma rnexxilhiex tħallas jew tiddifferixxi d-dazju tas-sisa ta’ Jannar 2004 pagabbli fil-25 ta’ Frar 2004. B’riżultat ta’ dan, il-benefiċjarju saret kumpanija midjuna skont it-tifsira tal-Att dwar il-Falliment. B’riżultat ta’ dan, il-benefiċjarju tilef il-liċenzja tiegħu għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ispirti. |
(24) |
Fit-8 ta’ Marzu 2004, il-benefiċjarju applika għal arranġament mal-qorti reġjonali kompetenti. Wara li stabbilixxiet li r-rekwiżiti legali neċessarji kollha ġew issodisfati, il-qorti reġjonali ddeċidiet li tagħti bidu għal arranġament permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004. Fil-laqgħa tad-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri vvotaw favur l-arranġament propost mill-benefiċjarju. L-arranġament ġie kkonfermat fl-14 ta’ Lulju 2004 permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti reġjonali ta’ sorveljanza. |
(25) |
F’Awwissu 2004, l-Uffiċċju tat-Taxxa appella kontra din id-deċiżjoni konfermatorja tal-qorti. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2004 il-Qorti Suprema ddeċidiet li l-appell ma kienx ammissibbli u ddikjarat li d-deċiżjoni tal-qorti reġjonali li tapprova l-ftehim tal-kredituri hija valida u infurzabbli mit-23 ta’ Lulju 2004. Il-prosekutur pubbliku sussegwentement appella kontra d-deċiżjoni tal-qorti reġjonali skont il-proċedura ta’ appell ulterjuri straordinarju. |
(26) |
Il-kredituri, inkluż l-Uffiċċju tat-Taxxa, ftiehmu mal-benefiċjarju dwar l-arranġament segwenti: 35 % tad-dejn jiġi rimborżat mill-benefiċjarju fi żmien xahar mill-validità tal-ftehim tal-kredituri u l-kredituri jirrinunzjaw għad-dejn li jifdal, jiġifieri 65 %. Għalhekk il-kredituri kollha ġew ittrattati b’mod ugwali. L-ammonti speċifiċi għal kull kreditur huma murija fit-tabella segwenti. Tabella 2 Is-sitwazzjoni tad-dejn tal-benefiċjarju qabel u wara l-arranġament [SKK]
|
(27) |
It-talbiet tal-Uffiċċju tat-Taxxa li ddaħħlu fil-proċeduri ta’ arranġament ammontaw għal total ta’ SKK 640 793 831 (EUR 16,86 miljun) u kkonsistew prinċipalment f’taxxi tas-sisa mhux imħallsa għall-perjodu Mejju 2003 – Marzu 2004, VAT għall-perjodu Jannar – April 2004, kif ukoll penalitajiet u imgħaxijiet. It-talbiet imħassra mill-Uffiċċju tat-Taxxa ammontaw għal total ta’ SKK 416 515 990 (EUR 11-il miljun). L-arranġament ipprovda lill-Uffiċċju tat-Taxxa b’SKK 244 277 841 (EUR 5,86 miljun). |
(28) |
Fil-proċeduri ta’ arranġament, l-Uffiċċju tat-Taxxa aġixxa ta’ kreditur separat u bħala tali vvota separatament. Għalhekk, sabiex l-arranġament iseħħ, l-Uffiċċju tat-Taxxa kellu jivvota favurih. Il-pożizzjoni privileġġjata tal-Uffiċċju tat-Taxxa kienet dovuta għall-fatt li xi ftit mir-riċevibbli tiegħu kienu ggarantiti b’rabta mad-differiment tad-dejn tat-taxxa tal-benefiċjarju fl-2002-2003 (ara l-paragrafu 17). Il-kredituri l-oħra kollha vvotaw favur l-arranġament propost. Ir-riċevibbli tagħhom kienu riċevibbli kummerċjali ordinarji li ma ġew iggarantiti bl-ebda mod. |
(29) |
Fil-proposta tiegħu għal arranġament, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Att dwar il-Falliment, il-benefiċjarju ddeskriva miżuri ta’ riorganizzazzjoni dwar il-produzzjoni, it-tqassim u l-forza tax-xogħol (inklużi s-sensji). |
(30) |
Mil-lat ta’ organizzazzjoni u ta’ forza tax-xogħol, il-benefiċjarju ppjana l-miżuri segwenti: it-twaqqif ta’ grupp tal-produzzjoni universali għall-attivitajiet kollha ta’ produzzjoni, ir-riorganizzazzjoni tal-faċilitajiet ta’ trasport tiegħu minbarra l-vetturi bl-inqas valur residwu u r-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali. Dawn il-miżuri kellhom jiġu akkumpanjati mis-sensja ta’ 50 impjegat bejn Marzu u Mejju 2004. Matul l-istess perjodu, 50 impjegat ieħor kellhom jaħdmu b’remunerazzjoni ta’ 60 %. |
(31) |
Fil-qasam tekniku u tal-produzzjoni, il-benefiċjarju ddikjara li, peress li l-kumpanija kienet tilfet il-liċenzja għall-produzzjoni tal-ispirti, il-faċilitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati kellhom jitpoġġew għall-kiri minn April 2004. Il-benefiċjarju ppjana li jnaqqas jew iwaqqaf il-produzzjoni ta’ ċerti xarbiet mhux alkoħoliċi li ma kinux qed irendulu u ddikjara li kwalunkwe introduzzjoni ta’ prodott ġdid f’din il-kategorija se tkun ippreċeduta minn analiżi ta’ profittabilità ta’ produzzjoni bħal din. |
(32) |
Il-benefiċjarju jsemmi wkoll il-miżuri segwenti: ir-ristrutturar tal-kostijiet li għandu jirriżulta minn kostijiet tal-produzzjoni iżjed baxxi wara li titwaqqaf il-produzzjoni tal-ispirti u wara li titneħħa parti mit-trasport proprju tal-kumpanija u jinbiegħ it-tagħmir qadim għall-iskreppjar. |
(33) |
Il-benefiċjarju ppjana wkoll li jbigħ binja amministrattiva, ħanut u binja ta’ rikreazzjoni, u semma l-possibilità li jbigħ jew li jpoġġi għall-kiri l-faċilità tal-produzzjoni tal-ħall. Fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li l-bejgħ tal-binja amministrattiva, tal-ħanut u tal-binja ta’ rikreazzjoni ma sarx. |
(34) |
Il-benefiċjarju ppjana li jsir bejgħ intensiv tal-ħażniet tiegħu ta’ prodotti lesti (8). |
(35) |
Skont din il-proposta, il-benefiċjarju kellu jiffinanzja l-arranġament permezz tar-riżorsi tiegħu stess (il-bejgħ tal-ħażna) li jammontaw għal SKK 110 miljun u permezz ta’ finanzjament estern fil-forma ta’ self ta’ SKK 100 miljun minn bank kummerċjali. Mill-informazzjoni sottomessa mill-benefiċjarju b’rispons għall-ftuħ tal-investigazzjoni formali, irriżulta li d-dejn pendenti eventwalment ġie kopert mid-dħul iġġenerat mill-ħruġ ta’ ishma ġodda (SKK 21 miljun; EUR 0,56 miljun), mid-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-ħażna (SKK 110 miljun; EUR 2,9 miljun) u mis-self ta’ fornitur mill-kumpanija Old Herold s.r.o. (SKK 100 miljun; EUR 2,6 miljun). Il-maturità tal-fatturi ta’ Old Herold s.r.o. kienet ta’ 40 jum, li, skont il-benefiċjarju, kien perjodu twil meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tal-benefiċjarju. Permezz ta’ din il-maturità itwal il-benefiċjarju seta’ jakkumula l-flus meħtieġa. |
(36) |
Wara l-ftuħ tal-investigazzjoni formali l-awtoritajiet Slovakki infurmaw lill-Kummissjoni li, skont il-ftehim tal-kredituri, fis-17 ta’ Diċembru 2004 tħallas l-ammont ta’ SKK 224 277 841 lill-Uffiċċju tat-Taxxa. L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li kienu ssospendew it-tħassir tad-dejn miftiehem fil-proċeduri ta’ arranġament sakemm il-proċedura tiġi riżolta quddiem il-Kummissjoni Ewropea. |
(37) |
Fil-kuntest tal-kuntatti tagħhom fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna, l-awtoritajiet Slovakki informaw lill-Kummissjoni bl-eżitu tal-proċedura ta’ appell straordinarju msemmi fil-paragrafu 25: permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ April 2006, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka parzjalment annullat id-deċiżjoni tal-qorti reġjonali kompetenti tal-14 ta’ Lulju 2004 li tikkonferma l-ftehim tal-kredituri, minħabba li xi arretrati ta’ taxxi tat-triq, li jammontaw għal SKK 424 490, kienu ġew inklużi bi żball fl-arranġament, Il-Qorti Suprema ċaħdet l-appell straordinarju. Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2006, il-qorti reġjonali kompetenti implimentat id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tas-27 ta’ April 2006, filwaqt li ddikjarat li l-ammont ikkoreġut dovut lill-Uffiċċju tat-Taxxa kien ta’ SKK 640 369 341,4 (li 35 % minnhom jammontaw għal SKK 224 129 269,1). |
III. DEĊIŻJONI BIEX JINBDEW PROĊEDURI SKONT L-ARTIKOLU 108(2) TFUE
(38) |
Fid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk it-tħassir ikkontestat kienx ħieles mill-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-imġiba tal-Uffiċċju tat-Taxxa fil-proċeduri ta’ arranġament ma ssodisfatx it-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq. Speċifikament, il-Kummissjoni sabet li l-Uffiċċju tat-Taxxa kien f’sitwazzjoni legalment differenti minn kredituri oħrajn, peress li kellu talbiet garantiti u seta’ jagħti bidu għall-eżekuzzjoni tat-taxxa. Il-Kummissjoni ddubitat li l-proċeduri ta’ arranġament wasslu għall-aħjar eżitu possibbli għall-Istat, meta mqabbla ma’ proċeduri ta’ falliment jew mal-eżekuzzjoni tat-taxxa. |
(39) |
Il-Kummissjoni mbagħad qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq intern. L-ewwel qajmet dubji li l-għajnuna tista’ tinstab kompatibbli bħala għajnuna ta’ salvataġġ, hekk kif sostnew l-awtoritajiet Slovakki. L-għajnuna ta’ salvataġġ tikkostitwixxi biss sostenn ta’ likwidità meta tkun fil-forma ta’ garanziji fuq is-self jew ta’ self. Madankollu, il-miżura kkontestata hija tħassir tad-dejn, li tikkorrispondi għal għotja mhux rimborżata. Barra minn hekk, il-miżura ma ngħatatx bil-prospett li, f’inqas minn sitt xhur wara li tkun ġiet awtorizzata l-miżura ta’ salvataġġ, il-benefiċjarju jippreżenta pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni, jew jirrimborża l-għajnuna kollha. |
(40) |
Il-Kummissjoni mbagħad ikkunsidrat il-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata bħala għajnuna ta’ ristrutturar u qajmet dubji dwar jekk ġewx issodisfati tnejn mill-kundizzjonijiet ewlenin: l-eżistenza ta’ pjan ta’ ristrutturar li jiżgura r-ritorn ta’ vijabbiltà fit-tul f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u l-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ. |
IV. KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI
(41) |
Apparti l-informazzjoni dwar il-fatti stabbiliti fil-Parti II, il-benefiċjarju ppreżenta l-kummenti segwenti. |
(42) |
Il-benefiċjarju jargumenta li r-raġuni għad-diffikultajiet finanzjarji tiegħu fil-bidu tal-2004 kienet il-bidla fl-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, li rrestrinġa l-possibbiltà li jintalab differiment tat-taxxi għal darba fis-sena biss. Din kienet bidla importanti għall-benefiċjarju, billi, skont ma qal hu stess, kien jiddependi fuq dan il-mekkaniżmu fis-snin preċedenti. |
(43) |
Fir-rigward tal-merti tal-każ, il-benefiċjarju l-ewwel argumenta li l-Kummissjoni ma kellhiex ġuriżdizzjoni sabiex teżamina mill-ġdid il-miżura kkontestata minħabba li l-miżura daħlet fis-seħħ qabel id-data tal-adeżjoni u ma kinitx applikabbli wara l-adeżjoni. Huwa mifhum li l-miżura daħlet fis-seħħ qabel l-adeżjoni minħabba li l-proċedura ta’ arranġament inbdiet fit-8 ta’ Marzu 2004 u, hekk kif jargumenta l-benefiċjarju, ġiet approvata mill-qorti fid-29 ta’ April 2004, jiġifieri, qabel ma s-Slovakkja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, jingħad li l-awtoritajiet tat-taxxa urew il-kunsens tagħhom għall-arranġament propost fil-qafas tan-negozjati qabel il-bidu tal-proċedura ta’ arranġament. F’Diċembru 2003, saret laqgħa mad-Direttorat tat-Taxxa tar-Repubblika Slovakka u fit-3 ta’ Frar 2004 l-Uffiċċju tat-Taxxa lokali bagħat ittra lill-benefiċjarju li fiha huwa allegatament ikkonferma l-possibilità li jipproċedu bl-arranġament. |
(44) |
Il-benefiċjarju mbagħad iddikjara li, anki jekk il-Kummissjoni baqgħet issostni li ma kinitx kompetenti biex taġixxi, il-miżura kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba li l-prinċipju tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ma kienx ġie ssodisfat. |
(45) |
L-ewwel nett, il-benefiċjarju jiddikjara li t-tqabbil tal-arranġament mal-eżekuzzjoni tat-taxxa huwa qarrieqi minħabba li l-bidu tal-ewwel wieħed jeskludi jew jissospendi lil dak tal-aħħar. Għalhekk, l-eżekuzzjoni tat-taxxa ma kinitx għażla vijabbli għall-Uffiċċju tat-Taxxa. Barra minn hekk, skont il-benefiċjarju, kieku hu ma tax bidu volontarjament għall-arranġament, wara xi ftit ġimgħat jew xhur, kien se jkollu l-obbligu legali li, skont il-liġi li tirregola l-insolvenza, iniedi l-proċedura ta’ falliment jew ta’ arranġament. |
(46) |
It-tieni nett, il-benefiċjarju jiddikjara li d-deċiżjoni tal-Istat li jevita l-falliment u minflok ifittex soluzzjoni permezz ta’ arranġament, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq. Bħala evidenza, il-benefiċjarju jippreżenta ċertifikati minn żewġ awdituri u minn riċevent f’falliment li jiddikjaraw li l-Uffiċċju tat-Taxxa jkun jirċievi aktar – u jirċievi aktar malajr – bl-arranġament milli bi proċeduri ta’ falliment. Il-benefiċjarju jippreżenta wkoll materjal u statistika ulterjuri li jissuġġerixxu li l-proċeduri ta’ falliment fis-Slovakkja jieħdu bejn wieħed u ieħor 3-7 snin u jiġġeneraw biss redditu limitat ħafna mill-bejgħ tal-assi (9). |
(47) |
Il-benefiċjarju jibbaża l-analiżi tiegħu prinċipalment fuq rapport tas-7 ta’ Lulju 2004 tal-kumpanija tal-awditjar EKORDA, li l-Uffiċċju tat-Taxxa allegatament kellu għad-dispożizzjoni tiegħu qabel ma vvotaw il-kredituri fid-9 ta’ Lulju 2004. Madankollu, ma kienet ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li turi li dan kien tassew il-każ. |
(48) |
Skont ir-rapport ta’ EKORDA, id-dħul mill-bejgħ tal-assi fil-każ ta’ falliment l-aktar li jista’ jkun huwa SKK 204 miljun (EUR 5,3 miljun) li, wara li jitnaqqsu l-varji tariffi li jammontaw għal SKK 45 miljun, ikun jammonta biss għal SKK 159 miljun (EUR 4,2 miljun). Il-benefiċjarju nnifsu kkoreġa l-ammont tat-tariffi li għandhom jitnaqqsu (SKK 36 miljun) u wasal għaċ-ċifra ta’ SKK 168 miljun (EUR 4,4 miljun). Anki jekk l-Uffiċċju tat-Taxxa bħala l-uniku kreditur separat u bla dubju bħala l-akbar kreditur, ikun jirċievi l-biċċa l-kbira ta’ dan id-dħul, xorta jkun jammonta inqas minn dak li rċieva wara l-arranġament. |
(49) |
Sabiex tasal għal dan ir-riżultat, EKORDA użat bħala bażi, il-valur kontabilistiku li kellhom fil-31 ta’ Marzu 2004 l-assi fissi, il-ħażna, il-flus kontanti, u r-riċevibbli għal perjodu qasir wara l-aġġustamenti, filwaqt li qieset in-nuqqas ta’ potenzjal ta’ rkupru u l-valur baxx tagħhom. EKORDA aġġustat il-valur nominali tal-assi tal-benefiċjarju permezz ta’ “fattur ta’ likwidazzjoni” għal kull komponent tal-assi fil-każ ta’ bejgħ f’falliment (45 % għall-assi fissi, 20 % għall-ħażna u r-riċevibbli għal perjodu qasir u 100 % għal flus kontanti). |
(50) |
EKORDA ssemmi d-dħul mit-taxxa fil-ġejjieni li jirriżulta mill-operazzjoni tal-benefiċjarju (10), kif ukoll l-iżvilupp tal-impiegi fir-reġjun u tal-industrija tal-ipproċessar tal-ikel fis-Slovakkja bħala fatturi importanti ħafna li jiffavorixxu l-kontinwazzjoni tal-benefiċjarju. |
(51) |
Il-benefiċjarju jsemmi wkoll żewġ rapporti oħra. L-awditur, is-Sinjura Marta Kochová kkonkludiet li d-dħul massimu mill-bejgħ tal-assi, li, madankollu, ma kinux ġew evalwati, ikun SKK 100 miljun (EUR 2,6 miljun), li, wara li jitnaqqsu t-tariffi li jammontaw għal SKK 22 miljun, ikun jammonta biss għal SKK 78 miljun (EUR 2 miljun). Jingħad li fil-fehma tar-riċevent f’falliment, is-Sinjura Holovačová, b’mod ġenerali, arranġament huwa aktar vantaġġjuż għall-kredituri minn falliment. Kunsiderazzjoni minnhom hija li l-kreditur għandu interess fil-fatt li d-debitur jibqa’ fin-negozju (id-dħul minn kummerċ jew mit-taxxi fil-ġejjieni). |
(52) |
It-tielet nett, il-benefiċjarju jargumenta li għandhom jitqiesu kunsiderazzjonijiet fit-tul, bħal pereżempju d-dħul mit-taxxa fil-ġejjieni. Huwa afferma li l-ġurisprudenza li teskludi kunsiderazzjonijiet soċjopolitiċi mit-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ma tapplikax meta l-kalkolu tad-dħul mit-taxxa fil-ġejjieni jitqies minn awtorità pubblika (11). Skont il-benefiċjarju, is-sitwazzjoni tal-awtorità pubblika hawnhekk hija analoga mas-sitwazzjoni ta’ kreditur f’ekonomija tas-suq, li huwa fornitur interessat fis-sopravivenza ta’ klijent. Il-benefiċjarju mbagħad jirreferi għall-ġurisprudenza fir-rigward tal-prinċipju tal-investitur f’ekonomija tas-suq. |
(53) |
Il-benefiċjarju jikkonkludi li l-kundizzjonijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ġew issodisfati u li l-miżura kkontestata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
(54) |
Jekk il-Kummissjoni xorta tikkonkludi mod ieħor, il-benefiċjarju jargumenta li l-miżura kkontestata hija kompatibbli bħala għajnuna għar-ristrutturar. Il-benefiċjarju jgħid li l-Uffiċċju tat-Taxxa kien ivverifika l-kapaċità tal-pjan ta’ negozju tal-benefiċjarju li jġib lura l-vijabbiltà fit-tul qabel ma jaqbel mal-arranġament. Skont il-benefiċjarju, in-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar formali huwa irrilevanti fil-każ ta’ valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni, minħabba li l-Kummissjoni issa tista’ tara jekk il-benefiċjarju sarx verament vijabbli. Madankollu, il-benefiċjarju jikkunsidra li, fil-każ ta’ valutazzjoni ex ante, jeħtieġ li jkun hemm pjan ta’ ristrutturar dettaljat. Huwa jkompli billi jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri ta’ ristrutturar li ttieħdu: iż-żieda fil-kapital proprju, is-sensji u l-bejgħ tal-ħażna. Il-benefiċarju jqis li l-waqfa fil-produzzjoni tal-ispirti u tax-xorb alkoħoliku u l-kiri tal-assi tal-produzzjoni lill-kumpanija Old Herold s. r. o. jikkostitwixxu miżura għar-ristrutturar. Anki jekk oriġinarjament l-waqfa fil-produzzjoni kienet ir-riżultat tat-telf tal-liċenzja, il-benefiċjarju ma ressaqx talba għal liċenzja ġdida wara l-arranġament. |
(55) |
Skont il-benefiċjarju, ir-rekwiżit li jagħti kontribut sinifikanti għar-ristrutturar, ġie ssodisfat ukoll. |
(56) |
Fl-aħħar nett, il-benefiċjarju jsostni li l-fatt li huwa attiv f’reġjun assistit u huwa wieħed mill-akbar impjegaturi reġjonali, għandu jitqies meta jiġu applikati l-linji gwida applikabbli għall-għajnuna għar-ristrutturar. |
V. KUMMENTI MIR-REPUBBLIKA SLOVAKKA
(57) |
Fit-tweġiba tagħhom għall-ftuħ tal-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Slovakki għaddew xi kummenti dwar il-fatti diġà msemmija fil-Parti II. |
(58) |
L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li, fiż-żmien tal-votazzjoni dwar l-arranġament, l-Uffiċċju tat-Taxxa ma kkunsidrax l-aspett tal-għajnuna mill-Istat. L-Uffiċċju tat-Taxxa ma qisx l-arranġament bħala forma ta’ għajnuna mill-Istat u għalhekk il-benefiċjarju ma kienx mitlub jipprovdi pjan ta’ ristrutturar, li huwa differenti mill-pjan ta’ negozju li ġie ppreżentat lill-qorti f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza. |
(59) |
Fir-reazzjoni tagħhom għall-kummenti ppreżentati mill-benefiċjarju, l-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw il-kummenti segwenti. |
(60) |
L-awtoritajiet Slovakki ma japplikawx il-kummenti tal-benefiċjarju dwar it-tul medju tal-proċeduri ta’ falliment u dwar ir-redditu medju mill-bejgħ tal-assi fil-proċeduri ta’ falliment, għal dan il-każ. Skonthom, meta wieħed jikkunsidra l-għadd baxx ta’ kredituri u l-eżistenza ta’ assi b’valur ta’ likwidazzjoni pożittiv, li qabeż l-ammont imħallas lill-Istat wara l-arranġament, il-proċeduri ta’ falliment kienu jintemmu f’perjodu iqsar mill-medja u r-rendiment tal-Uffiċċju tat-Taxxa kien ikun ogħla mir-rendiment fil-każ tal-arranġament. L-Uffiċċju tat-Taxxa lokali wettaq spezzjoni fuq il-kumpanija fil-21 ta’ Ġunju 2004 u sab li, fis-17 ta’ Ġunju 2004, il-benefiċjarju kellu SKK 161,3 miljun fi flus kontanti, SKK 62,8 miljun f’riċevibbli, valur ta’ SKK 84 miljun f’ħażniet ta’ spirti u xorb alkoħoliku u valur kontabilistiku ta’ SKK 200 miljun f’assi fissi. |
(61) |
L-awtoritajiet Slovakki jqisu li l-eżekuzzjoni tat-taxxa kienet alternattiva reali għall-Uffiċċju tat-Taxxa. Dawn jikkonfermaw li l-Uffiċċju tat-Taxxa seta’ jagħti bidu għal din il-proċedura qabel l-arranġament, kif seta’ jagħmel ukoll f’każ li l-qorti kienet irrifjutat li tikkonferma l-arranġament (minħabba li l-Uffiċċju tat-Taxxa bħala kreditur separat ma kienx jivvota għaliha). |
(62) |
L-awtoritajiet Slovakki ma jaqblux mad-dikjarazzjoni tal-benefiċjarju li d-diffikultajiet finanzjarji tiegħu kienu dovuti għall-bidla fl-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Skont l-awtoritajiet Slovakki, id-diffikultajiet finanzjarji tal-benefiċjarju kienu kkawżati mill-istrateġija finanzjarja tiegħu li juża taxxi indiretti għat-tmexxija tan-negozju tiegħu stess, filwaqt li kulma ried jagħmel il-benefiċjarju kien sempliċiment li jiġbor it-taxxi mingħand il-klijenti tiegħu u jittrasferixxihom għall-baġit tal-Istat. |
(63) |
L-awtoritajiet Slovakki ma jaqblux li l-laqgħa ta’ Diċembru 2003 mad-Direttorat tat-Taxxi sservi ta’ evidenza tal-ftehim preliminari tal-Uffiċċju tat-Taxxa mal-arranġament. Huma ppreżentaw ittra tad-Direttorat tat-Taxxi tas-6 ta’ Lulju 2004 indirizzata lill-Uffiċċju tat-Taxxa, li kienet tindika li l-Uffiċċju tat-Taxxa ma għandux jaqbel mal-arranġament propost mill-benefiċjarju għaliex kien sfavorevoli għall-Istat. Din l-ittra mbagħad kienet tirreferi għal ittra oħra, aktar ġenerali, tal-15 ta’ Jannar 2004 mill-Ministru tal-Finanzi, indirizzata lid-Direttorat tat-Taxxi, fejn jitolbu jiżgura li ma jingħata l-ebda ftehim għall-proposti għal arranġamenti mal-kredituri li jkun jinvolvi t-tħassir tar-riċevibbli tat-taxxa mill-uffiċċji tat-taxxa. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Slovakki jinterpretaw l-ittra tat-3 ta’ Frar 2004 imsemmija mill-benefiċjarju (ara l-paragrafu 43) bħala li espliċitament ma taqbilx mal-arranġament fil-livell ta’ 35 %. |
(64) |
L-awtoritajiet Slovakki jsostnu li l-benefiċjarju ma kienx ħallas it-taxxi tas-sisa fil-ħin bejn Jannar 2001 u Marzu 2004, u l-obbligazzjonijiet tat-taxxa tiegħu kienu jiġu regolarment differiti. |
(65) |
Skont l-awtoritajiet Slovakki, id-differenzi konsiderevoli fl-istimi taż-żewġ rapporti tal-awdituri (ara l-paragrafi 48 u 51) iqajmu dubji dwar il-kredibbiltà taż-żewġ rapporti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet għandhom dubju dwar il-fattur ta’ likwidazzjoni attribwit lill-assi kurrenti minn EKORDA. Dan il-fattur għandu jkun ogħla minn 20 %. |
(66) |
Fl-aħħar nett, skont l-awtoritajiet Slovakki, il-benefiċjarju ma kienx fassal pjan ta’ ristrutturar vijabbli u l-miżuri ta’ arranġament proposti ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ ristrutturar. |
VI. VALUTAZZJONI
1. KOMPETENZA TAL-KUMMISSJONI
(67) |
Minħabba li xi avvenimenti rilevanti seħħew qabel ma s-Slovakkja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni l-ewwel trid tiddetermina jekk għandhiex kompetenza li taġixxi fir-rigward tal-miżura kkontestata. |
(68) |
Il-miżuri li daħlu fis-seħħ qabel l-adeżjoni u li ma baqgħux applikabbli wara l-adeżjoni ma jistgħux jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, la skont il-proċedura ta’ mekkaniżmu interim, rregolata mill-Anness IV, il-punt 3 tat-Trattat tal-Adeżjoni, u lanqas skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 108 TFUE. La t-Trattat tal-Adeżjoni u lanqas it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma jirrikjedi jew jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid dawn il-miżuri. |
(69) |
Madankollu, hija ċara li l-miżuri li daħlu fis-seħħ wara l-adeżjoni jaqgħu fil-kompetenza tal-Kummissjoni. Sabiex jiġi vvalutat il-mument li fih miżura partikolari tkun daħlet fis-seħħ, il-kriterju rilevanti huwa l-att legalment vinkolanti li bih l-awtorità nazzjonali kompetenti timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna (12). |
(70) |
Il-benefiċjarju ddikjara li l-miżura kkontestata ddaħħlet fis-seħħ qabel l-adeżjoni u ma baqgħetx applikabbli wara (ara l-paragrafu 43). |
(71) |
Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argumenti mressqa mill-benefiċjarju. Il-proposta biex jingħata bidu għall-proċeduri ta’ arranġament mhuwiex att tal-awtorità li tagħti l-għajnuna, iżda att tal-benefiċjarju. Id-deċiżjoni tal-qorti li jingħata bidu għall-proċeduri ta’ arranġament bl-istess mod ma tikkostitwixxix att ġej mill-awtorità li tagħti l-għajnuna. Din id-deċiżjoni ppermettiet biss li l-benefiċjarju u l-kredituri tiegħu jipproċedu bin-negozjati dwar l-arranġament iżda jidher biċ-ċar li hi ma kkostitwixxitx l-avveniment tal-għoti tal-għajnuna. Ma hemm l-ebda evidenza li tindika li d-Direttorat tat-Taxxa kien se jesprimi l-kunsens tiegħu tal-miżura kkontestata fil-laqgħa ta’ Diċembru 2003. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Slovakki ċaħdu kwalunkwe ftehim preliminari ta’ dan it-tip. L-ittra tat-3 ta’ Frar 2004 espliċitament tirrifjuta li taċċetta l-proposta li jintlaħaq ftehim fil-livell ta’ 35 %. |
(72) |
Id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tħassar parti mit-talbiet tiegħu ttieħdet fid-9 ta’ Lulju 2004, meta l-Uffiċċju tat-Taxxa qabel mal-arranġament propost mill-benefiċjarju. |
(73) |
Għaldaqstant, ma għadhiex tqum il-kwistjoni dwar jekk il-miżura hijiex applikabbli wara l-adeżjoni. |
(74) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li hija kompetenti biex tivvaluta l-miżura kkontestata skont l-Artikolu 108 TFUE. |
2. L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TFUE
(75) |
L-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tikkaġuna distorsjoni jew thedded li tikkaġuna distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern. |
(76) |
It-tħassir ta’ dejn lejn awtorità pubblika, bħall-Uffiċċju tat-Taxxa, huwa forma ta’ użu tar-riżorsi tal-Istat. Peress li tibbenefika impriża individwali, il-miżura hija selettiva. |
(77) |
Sakemm twettqu l-avvenimenti li skattaw il-proċedura ta’ insolvenza, il-benefiċjarju kien qed jopera fis-suq tal-produzzjoni tal-ispirti u x-xorb alkoħoliku, ix-xorb mhux alkoħoliku u l-frott u l-ħaxix tal-bott. Fl-2003 il-kumpanija benefiċjarja kienet it-tielet produttur ta’ spirti u xorb alkoħoliku fis-Slovakkja. Wara li f’Marzu 2004, il-benefiċjarju tilef il-liċenzja għall-produzzjoni tal-ispirti u x-xorb alkoħoliku, hu kien attiv fil-bejgħ bl-ingrossa ta’ spirti u xorb alkoħoliku, prodotti minn kumpanija oħra, Old Herold s. r. o., permezz tal-assi ta’ produzzjoni tal-benefiċjarju li Old Herold s. r. o. kien qed jikri. Fis-segmenti kollha li l-benefiċjarju kien attiv fihom qabel l-arranġament u li għadu attiv fihom attwalment, jeżistu skambji kummerċjali bejn l-Istati Membri. |
(78) |
Fid-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk il-miżura tikkaġunax distorsjoni jew theddidx li tikkaġuna distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju li normalment ma jkunx kapaċi jiksbu fis-suq. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-Istat aġixxiex b’rabta mal-benefiċjarju bħala kreditur f’ekonomija tas-suq. |
(79) |
Ġie stabbilit li l-ftehim tal-kredituri kien fih l-istess kundizzjonijiet ta’ arranġament tad-dejn kemm għall-kredituri privati kif ukoll għall-Uffiċċju tat-Taxxa (il-kreditur pubbliku). Il-benefiċjarju kellu jħallas 35 % tad-dejn lill-kredituri sa ċertu data preskritta, kif fil-fatt ġara. Il-65 % li kien għad fadal, kellu jitħassar. |
(80) |
Madankollu, il-pożizzjoni tal-Uffiċċju tat-Taxxa bħala kreditur f’dan il-każ kienet eċċezzjonalment qawwija u ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ kreditur tipiku fi proċeduri ta’ falliment. Il-qagħda legali u ekonomika tal-Uffiċċju tat-Taxxa qabel il-ftehim tal-kredituri kienet iktar vantaġġjuża minn dik tal-kredituri privati. L-Uffiċċju tat-Taxxa, b’iktar minn 99 % tat-talbiet kollha rreġistrati fil-proċeduri ta’ falliment, mhux biss kien, evidentement il-kreditur dominanti u deċiżiv, imma kien ukoll, fuq livell aktar sinifikanti, kreditur separat. Għaldaqstant, it-talbiet tiegħu setgħu jiġu ssodisfati fi kwalunkwe ħin matul il-proċeduri ta’ falliment mir-rikavati mill-bejgħ tal-assi garantiti: kif deskritt fil-paragrafu 18 hawn fuq, dawn ir-rikavati jintużaw esklussivament biex jissodisfaw it-talbiet tal-kreditur separat. Għalhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat fid-dettall jekk l-Uffiċċju tat-Taxxa użax il-mezzi kollha disponibbli għalih biex jikseb l-ogħla rimborż possibbli tal-ammonti riċevibbli tiegħu, kif kien jagħmel bħala kreditur f’ekonomija tas-suq. |
(81) |
Il-kundizzjonijiet li miżura trid tissodisfa sabiex tiġi ttrattata bħala għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107 TFUE mhumiex issodisfati jekk l-impriża riċeventi setgħet, f’ċirkostanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz tar-riżorsi tal-Istat (13). Din il-valutazzjoni ssir billi, fil-prinċipju, jiġi applikat it-test tal-kreditur tas-suq privat. Meta kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ pagament fir-rigward ta’ dejn pagabbli lilu minn xi impriża, tali faċilitajiet ta’ pagament jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE billi, meta tiġi kkunsidrata l-importanza tal-vantaġġ ekonomiku mogħti b’dan il-mod, l-impriża riċeventi żgur ma kinitx se tikseb faċilitajiet komparabbli minn kreditur privat f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun qrib dik ta’ kreditur pubbliku u li jkun qed ifittex li jirkupra s-somom dovuti lilu minn debitur f’diffikultà finanzjarja (14). |
(82) |
L-applikabilità tat-test tal-operatur tas-suq privat fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-Istat Membru kkonċernat li jkun ikkonferixxa, fl-ebda kapaċità jekk mhux fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità pubblika, vantaġġ ekonomiku lill-impriża. Konsegwentement, jekk Stat Membru jiddependi fuq dan it-test matul il-proċedura amministrattiva, għandu, fejn hemm dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ evidenza oġġettiva u verifikabbli, li l-miżura implimentata hija attribwita lill-Istat li jaġixxi bħala operatur privat tas-suq. Din l-evidenza trid tindika b’mod ċar li l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jaġixxi kif aġixxa, qabel jew fl-istess żmien li jkun qed jikkonferixxi l-vantaġġ ekonomiku. F’dan ir-rigward, jista’ jkun meħtieġ li tiġi ppreżentata evidenza li turi li d-deċiżjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi komparabbli ma’ dawk li setgħu saru fiċ-ċirkostanzi minn operatur privat tas-suq razzjonali f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun qrib dik tal-Istat Membru. Madankollu, mhuwiex biżżejjed li wieħed jiddependi fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi li saru wara li ngħata l-vantaġġ, jew fuq sejba retrospettiva li tindika li l-azzjoni magħżula mill-Istat Membru kkonċernat kienet ta’ benefiċċju, jew fuq ġustifikazzjonijiet sussegwenti rigward it-tip ta’ azzjoni li ntgħażlet (15). |
(83) |
Fi ftit kliem, ir-Repubblika Slovakka tiddikjara li, fil-fehma tagħha, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija rrikonoxxiet li, fiż-żmien tal-arranġament, il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat sempliċiment ma ġietx ikkunsidrata, u talbet li l-miżura kkontestata tiġi ttrattata bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk jidher li, f’dan il-każ, ma kienx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq u li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
(84) |
Il-benefiċjarju kien dak li allega li l-miżura hija ħielsa minn kull għajnuna u qed jippreżenta d-dokumenti deskritti hawn fuq, b’mod partikolari r-rapporti minn żewġ awdituri. |
(85) |
Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata kemm mill-benefiċjarju u kemm mill-awtoritajiet Slovakki, il-Kummissjoni ddeterminat il-fatti segwenti dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju fis-sena inkwistjoni, sa fejn u sakemm huwa rilevanti għall-applikazzjoni tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni ma tistax tivverifika l-kontijiet tal-benefiċjarju maċ-ċifri tal-31 ta’ Marzu 2004 mogħtija mill-benefiċjarju u ċ-ċifri tas-17 ta’ Ġunju 2004 mogħtija mill-awtoritajiet Slovakki. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tiddubita minn dawn iċ-ċifri. Tabella 3 Sitwazzjoni finanzjarja tal-benefiċjarju 2003–2004 [miljuni ta’ SKK]
|
(86) |
Il-Kummissjoni l-ewwel se teżamina l-evidenza li ppreżenta l-benefiċjarju biex isostni d-dikjarazzjoni li l-proċeduri ta’ falliment kienu jpoġġu lill-Uffiċċju tat-Taxxa f’pożizzjoni agħar mill-proċeduri ta’ arranġament (it-Taqsima 2.1). Il-Kummissjoni mbagħad se teżamina l-pożizzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tat-taxxa (it-Taqsima 2.2). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se teżamina evidenza oħra ppreżentata mill-awtoritajiet Slovakki u mill-benefiċjarju (it-Taqsima 2.3). |
(87) |
Kif deskritt fil-paragrafu 37, l-ammont ta’ dejn li għandu jiġi inkluż fl-arranġament tnaqqas bħala riżultat tal-proċedura ta’ appell straordinarju. Madankollu, għandu jiġi nnutat li din is-sentenza ttieħdet diversi snin wara d-deċiżjoni li jsir l-arranġament. Għall-finijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq, l-informazzjoni disponibbli fil-punt meta kreditur ipotetiku jkun ivvaluta liema azzjoni kienet l-aktar xierqa, tibqa’ l-istandard li miegħu titkejjel l-imġiba ta’ kreditur pubbliku. Għaldaqstant, l-analiżi ta’ hawn taħt tuża ċ-ċifri tal-ftehim li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 2004. |
2.1 Arranġament mal-kredituri kontra l-falliment
(88) |
Sabiex jiġi vvalutat jekk ingħatax vantaġġ lill-benefiċjarju, il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni ġenerali, li tqis l-evidenza rilevanti kollha fil-każ inkwistjoni, li tippermettilha tiddetermina jekk il-kumpanija benefiċjarja setgħetx tikseb b’mod manifest faċilitajiet komparabbli minn kreditur privat (24). Fi kliem ieħor, trid teżamina jekk l-Uffiċċju tat-Taxxa kienx jaqbillu jaċċetta l-kundizzjonijiet proposti skont l-arranġament jew jekk kienx ikun ta’ vantaġġ akbar għalih li jagħti bidu għall-proċeduri ta’ falliment. |
(89) |
Il-Kummissjoni tqis li r-rapport ta’ EKORDA mhuwiex bażi kredibbli li fuqha jista’ jitqabbel l-arranġament propost ma’ proċedura ipotetika ta’ falliment. L-awtoritajiet Slovakki jaqblu mal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
(90) |
Mill-bidu nett, il-Kummissjoni rrimarkat li, meta ħarġet ir-rapport tagħha fis-7 ta’ Lulju 2004 (jumejn biss qabel il-laqgħa tal-kredituri), għall-kalkoli tagħha, EKORDA użat is-sitwazzjoni tal-assi tal-kumpanija benefiċjarja kif kienet fil-31 ta’ Marzu 2004. Mit-Tabella 3 jidher ċar li l-livell ta’ diversi assi nbidel b’mod konsiderevoli wara l-31 ta’ Marzu 2004. B’mod partikolari, parti konsiderevoli tal-ħażna ġiet mibjugħa, u dan wassal għal żieda fil-flus kontanti. Dawn il-bidliet huma ta’ importanza kbira meta jiġu applikati fatturi ta’ likwidazzjoni li jvarjaw bejn 20 % għall-ħażna u għall-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir u 100 % għall-flus kontanti. Anki kieku l-fatturi ta’ likwidazzjoni stmati minn EKORDA kienu korretti (li l-Kummissjoni tikkontesta għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt) u ġiet applikata l-metodoloġija użata minn EKORDA, it-tabella segwenti turi kif l-eżitu tal-kalkalu ta’ EKORDA kien ikun differenti jekk ibbażat fuq ċifri mit-28 ta’ April 2004 u mis-17 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri xorta waħda qabel il-laqgħa tal-kredituri fid-9 ta’ Lulju 2004. Tabella 4 Tqabbil tar-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju fi proċedura ta’ falliment [miljuni ta’ SKK]
|
(91) |
Ta’ min wieħed jinnota li fil-pjan tan-negozju li l-benefiċjarju ppreżenta quddiem il-qorti, il-bejgħ ta’ ħażna għal SKK 110 miljun kien ippjanat għall-perjodu Marzu–Mejju 2004. Għaldaqstant, EKORDA kellha tkun taf li wara l-31 ta’ Marzu 2004, l-assi tal-benefiċjarju jkunu soġġetti għal bidliet konsiderevoli, iżda hi dan ma ħaditux inkunsiderazzjoni. |
(92) |
Kieku ġie kkunsidrat il-valur kontabilistiku tal-assi tal-benefiċjarju mit-28 ta’ April 2004, dan kien iwassal għall-konklużjoni li r-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju fi proċedura ta’ falliment kien ikun ogħla milli stmat fir-rapport (SKK 238 miljun, jew EUR 6,3 miljun, minflok SKK 204 miljun, jew EUR 5,3 miljun). Kieku l-analiżi ġiet ibbażata fuq iċ-ċifri ta’ Ġunju 2004, kienet tintlaħaq konklużjoni ċara li r-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju fi proċedura ta’ falliment (SKK 275 miljun; EUR 7,2 miljun) kien ikun ogħla milli propost fil-qafas tal-arranġament, u li l-Uffiċċju tat-Taxxa għandu juża d-dritt tiegħu għall-veto u jiċħad il-proposta li twassal biex jiġi tterminat l-arranġament. Għal darb’oħra, il-Kummissjoni tirrimarka li r-riżultati ta’ hawn fuq inkisbu permezz tas-suppożizzjonijiet u l-metodoloġija ta’ EKORDA. |
(93) |
Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-metodoloġija użata minn EKORDA u s-suppożizzjonijiet tal-benefiċjarju ma tarahomx kredibbli. Din il-konklużjoni hija msaħħa mid-dubji tal-awtoritajiet Slovakki, kif deskritt fil-paragrafi 60 u 65. |
(94) |
L-ewwel nett, fir-rapport tagħha, EKORDA ma tispjegax kif iddeterminat it-tliet fatturi ta’ likwidazzjoni. L-iskop tal-fatturi ta’ likwidazzjoni huwa li jikkalkulaw il-valur tal-assi mibjugħa fil-proċeduri ta’ likwidazzjoni, filwaqt li jikkunsidraw in-natura tal-bejgħ, pereżempju, l-assi mibjugħa separatament, fi żmien ristrett, eċċ. Għalhekk, huwa preżunt li l-valur tal-assi miksub permezz ta’ bejgħ ta’ likwidazzjoni normalment huwa inqas mill-valur kontabilistiku, skont it-tip ta’ assi. Il-fattur ta’ likwidazzjoni huwa s-sehem perċentwali tal-valur tal-assi miksuba permezz ta’ likwidazzjoni meta mqabbel mal-valur kontabilistiku. |
(95) |
Barra minn hekk, il-fattur ta’ likwidazzjoni ta’ 45 % għall-assi mhux kurrenti jidher li huwa baxx wisq. Skont il-benefiċjarju nnifsu, il-valur tal-assi tiegħu mwiegħda lill-Uffiċċju tat-Taxxa kien ta’ SKK 194 miljun (28). Skont il-benefiċjarju, dan il-valur huwa espress fil-prezzijiet stmati minn esperti indipendenti fi tmiem l-2003/fil-bidu tal-2004. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan it-tip ta’ “prezz ta’ espert” normalment għandu jirrifletti l-valur ġenerali tal-assi; indikatur li jesprimi b’liema prezz jistgħu jinbiegħu l-assi f’mument partikolari. Għandu jiġi mfakkar li l-valur ta’ espert ta’ dawn l-assi ġie stabbilit sabiex jiġi żgurat il-valur tagħhom bħala garanzija għall-awtoritajiet Slovakki fir-rigward tad-differiment tad-dejn tat-taxxa tal-benefiċjarju, kif meħtieġ mill-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. EKORDA ma tipprovdi l-ebda kjarifika dwar ir-raġuni għalfejn il-bejgħ tal-assi mhux kurrenti fi proċeduri ta’ falliment ikun irendi biss 45 % tal-valur kontabilistiku tagħhom ta’ SKK 205 miljun, filwaqt li l-benefiċjarju nnifsu attribwixxa valur ħafna ogħla għal dawn l-assi. |
(96) |
Bħala tweġiba għall-argument tal-benefiċjarju li jkun diffiċli li jinstab xerrej minħabba li ħafna mill-makkinarju mwiegħed kien limitat biss għall-produzzjoni ta’ spirti u xorb alkoħoliku, xorb mhux alkoħoliku jew prodotti tal-bott, il-Kummissjoni għandha ż-żewġ kummenti li ġejjin. L-ewwel nett, il-“prezz ta’ espert” tal-proprjetà immobbli mwiegħda kien ta’ SKK 105 miljun, li waħdu, huwa ogħla mir-rendiment totali previst minn EKORDA (SKK 92 miljun). It-tieni nett, l-iżviluppi reali tal-kumpanija juru li xi uħud minn dawn l-assi ta’ produzzjoni malajr sabu utent ġdid, Old Herold s.r.o. Tabilħaqq, hekk kif il-benefiċjarju tilef il-liċenzja għall-produzzjoni ta’ spirti u xorb alkoħoliku, l-assi ta’ produzzjoni tiegħu nkrew lil Old Herold. Għalhekk jidher li kien hemm interess imminenti min-naħa ta’ kompetitur għal dawn l-assi ta’ produzzjoni. |
(97) |
F’dak li jirrigwarda l-ħażna, l-awtoritajiet Slovakki stess jikkunsidraw li l-fattur ta’ likwidazzjoni għandu jkun ogħla minn 20 %. |
(98) |
Il-benefiċjarju kien kapaċi jiġġenera SKK 110 miljun mill-bejgħ tal-ħażna tiegħu fl-2004 (ara l-paragrafu 35), jiġifieri iktar minn 50 % tal-valur kontabilistiku tal-ħażna li fuqu EKORDA bbażat l-valutazzjoni tagħha. Din hija indikazzjoni qawwija li l-fattur ta’ likwidazzjoni ta’ 20 % kien baxx wisq. Il-bidliet fil-karta tal-bilanċ fl-2004 fir-rigward tal-ħażna, isostnu din il-konklużjoni. Barra minn hekk, fil-pjan ta’ negozju tiegħu, il-benefiċjarju nnifsu stma li r-rendiment mill-bejgħ tal-ħażna matul il-perjodu Marzu–Mejju 2004 kien se jammonta għal SKK 110 miljun (ara l-paragrafu 35). EKORDA injorat din l-istima. Fl-aħħar nett, min-natura tal-attivitajiet tal-benefiċjarju, wieħed jista’ jassumi li l-ħażna kienet tinkludi prodotti lesti jew nofshom lesti li setgħu nbiegħu direttament lid-distributuri jew lill-konsumaturi, u b’hekk kien jiġi sostnut ulterjorment l-użu ta’ fattur ta’ likwidazzjoni ogħla. |
(99) |
Il-Kummissjoni tqis li l-fattur ta’ likwidazzjoni għall-ħażna għandu jkun ta’ 52 %. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq ir-rendiment li l-benefiċjarju stma li kellu jirċievi mill-bejgħ tal-ħażna għall-finijiet tal-iffinanzjar tal-ftehim (jiġifieri SKK 110 miljun). Għalhekk, meta jitqies il-valur kontabilistiku f’dak iż-żmien (SKK 209 miljun), l-uniku fattur ta’ likwidazzjoni possibbli għall-ħażna kien ta’ mill-inqas 52 % (52 % ta’ 209 miljuni, jiġu 110 miljuni). |
(100) |
Fir-rigward tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir, EKORDA użat l-aġġustament doppju. L-ewwel, hija aġġustat il-valur kontabilistiku tagħhom b’fattur ta’ 59 % (il-valur kontabilistiku kien ta’ SKK 166 miljun u l-valur li użat EKORDA fil-kalkoli tagħha kien ta’ SKK 98 miljun) u mbagħad flimkien ma’ dan, użat il-fattur ta’ likwidazzjoni baxx ta’ 20 %. Din il-metodoloġija hija dubjuża. Jista’ jitqies aċċettabbli li l-valur kontabilistiku tal-ammonti riċevibbli jiġi aġġustat biex jirrifletti l-valur reali tagħhom f’mument partikolari. Madankollu, EKORDA ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn ir-rendiment f’falliment/likwidazzjoni jkun biss ta’ wieħed minn ħamsa (SKK 20 miljun) tal-ammont li l-benefiċjarju nnifsu ħaseb li seta’ jikseb mid-debituri tiegħu (SKK 98 miljun). |
(101) |
EKORDA aġġustat il-valur kontabilistiku tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir, ibbażat fuq iċ-ċifri ta’ Marzu 2004 (SKK 166 miljun), għal SKK 98 miljun biex tikkoreġi r-riċevibbli mhux rekuperabbli jew ta’ kwalità baxxa. Madankollu, EKORDA applikat ukoll fattur ta’ likwidazzjoni ta’ 20 % biss għall-valur kontabilistiku aġġustat. Jekk il-fattur ta’ 59 % ta’ EKORDA għall-aġġustament tal-valur kontabilistiku tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir, jiġi applikat għall-valur kontabilistiku bbażat fuq iċ-ċifri ta’ Ġunju 2004 (SKK 63 miljun), ir-riżultat ikun SKK 37 miljun. Madankollu, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki, kien hemm ammonti riċevibbli ta’ SKK 63 miljun li kienu infurzabbli. Għalhekk huwa dubjuż jekk hemmx verament bżonn ta’ aġġustament tal-valur kontabilistiku tagħhom. |
(102) |
Fi kwalunkwe każ, ma hemm l-ebda raġuni ovvja li għaliha l-valur ta’ likwidazzjoni għandu jkun saħansitra aktar baxx miċ-ċifra aġġustata. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rendiment mistenni mill-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir ċertament mhuwiex inqas miċ-ċifra aġġustata ta’ SKK 37 miljun. |
(103) |
Minħabba dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni aġġustat l-istimi ta’ EKORDA u wettqet valutazzjoni ġdida biċ-ċifri ta’ Ġunju 2004. Din il-valutazzjoni turi b’mod ċar li r-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-kumpanija benefiċjarja fi proċedura ta’ falliment kien ikun ħafna ogħla mir-rendiment previst fir-rapport ta’ EKORDA. Iċ-ċifri huma indikati fil-qosor fit-tabella ta’ hawn taħt. Tabella 5 Tqabbil tar-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju fi proċedura ta’ falliment Iċ-ċifri ta’ EKORDA mqabbla maċ-ċifri korretti tal-Kummissjoni (f’miljuni ta’ SKK)
|
(104) |
Il-kostijiet ta’ proċedura ta’ falliment, skont il-kummenti tal-benefiċjarju dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, għandhom jikkostitwixxu 18 % tal-valur stmat tar-rikavati mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju f’din il-proċedura. Skont il-benefiċjarju, din hija rata xierqa fid-dawl tar-Rapport tal-Bank Dinji tal-2004 (33). Għalhekk, billi jiġi applikat dan il-perċentwali għall-valur ikkoreġut tar-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju, kif stabbilit mill-Kummissjoni, il-kostijiet tal-proċedura ta’ falliment ikunu jammontaw għal SKK 78,3 miljun. Meta dan l-ammont jitnaqqas mir-rendiment ikkorreġut li jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju, ir-riżultat huwa ogħla mis-somma li rċieva l-Uffiċċju tat-Taxxa fil-qafas tal-arranġament (435 miljun – 78,3 miljun = 356,7 miljun; is-somma miftiehma fil-qafas tal-arranġament kienet ta’ SKK 224,3 miljun). |
(105) |
Kif indikat fit-Tabella 5, ir-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju kien ta’ SKK 435 miljun. Meta jitqies li l-Uffiċċju tat-Taxxa seta’ rċieva qrib il-100 % tar-rikavati mill-bejgħ (34), li saħansitra jinkludu l-kostijiet ta’ falliment ta’ mhux aktar minn 18 % ta’ dawn ir-rikavati, kif iddikjarat mill-benefiċjarju, l-Uffiċċju tat-Taxxa xorta kien ikun irċieva SKK 132,4 miljun aktar milli fil-qafas tal-arranġament. |
(106) |
Barra minn hekk, lanqas jekk jiġu applikati l-fatturi ta’ likwidazzjoni baxxi ħafna pprovduti minn EKORDA, għall-valur tal-assi tal-benefiċjarju ta’ Ġunju 2004, ir-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ ta’ dawn l-assi (wara li jitnaqqsu l-kostijiet tal-proċedura ta’ falliment – 18 %) ikun ta’ SKK 225,5 miljun, li xorta waħda huwa ogħla mis-somma aċċettata mill-Uffiċċju tat-Taxxa fil-qafas tal-arranġament (35). |
(107) |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li l-awtoritajiet Slovakki ma sostnewx l-allegazzjoni tal-benefiċjarju li l-Uffiċċju tat-Taxxa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu r-rapport ta’ EKORDA qabel il-laqgħa tal-kredituri fid-9 ta’ Lulju 2004, u li b’hekk seta’ jużah bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Madankollu, l-Uffiċċju tat-Taxxa kellu f’idejh ir-riżultati tal-ispezzjoni li għamel huwa stess f’Ġunju 2004, li kienu jindikaw li, Frucona kellha assi sinifikanti, kif indikat fit-Tabella 3. Abbażi ta’ din id-dejta, id-Direttorat tat-Taxxi indika, permezz tal-ittra tas-6 ta’ Lulju 2004 li indirizza lill-Uffiċċju tat-Taxxa lokali, li l-Uffiċċju tat-Taxxa lokali ma għandux jaqbel mal-arranġament propost mill-benefiċjarju, għaliex dan kien sfavorevoli għall-Istat. |
(108) |
Ir-rapporti tal-esperti l-oħra, ippreżentati mill-benefiċjarju, naqsu milli jilħqu l-istandard meħtieġ biex juru li l-kundizzjonijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ġew issodisfati. B’mod partikolari, l-ebda rapport ma jiddikjara fuq liema bażi ġew stabbiliti l-fatturi ta’ likwidazzjoni, xi drabi, eċċezzjonalment baxxi. Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li, fir-rigward tar-rapport tas-Sinjura Kochová, li wasal għal konklużjonijiet konsiderevolment differenti minn dawk ta’ EKORDA, mhuwiex ċar xi skop kellu dan ir-rapport u fuq liema perjodu u suppożizzjonijiet ġie bbażat. Ir-rapport tar-riċevent f’falliment (is-Sinjura Holovačová) jiddikjara biss li, b’mod ġenerali, proċedura ta’ arranġament hija aktar vantaġġjuża għall-kredituri minn proċedura ta’ falliment. Għalhekk, ma tista’ tintuża l-ebda informazzjoni minn dawn iż-żewġ rapporti biex issostni jew biex tiċħad l-asserzjoni tal-benefiċjarju li l-kundizzjonijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ġew issodisfati. |
(109) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti dwar it-tul ta’ żmien ta’ proċedura ta’ falliment, jeħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ meta jiġi kkunsidrat x’impatt jista’ jkollu t-tul ta’ żmien possibbli ta’ proċedura ta’ falliment fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kreditur privat ipotetiku. |
(110) |
Il-fatt li l-Istat kien f’pożizzjoni privileġġjata meta mqabbel mal-kredituri l-oħra, minħabba li d-dejn tiegħu kien iggarantit bl-assi mhux kurrenti tal-benefiċjarju, huwa aspett ieħor importanti f’dan il-każ. Fis-sentenza HAMSA, il-Qorti kkonfermat li l-istatus bħala kreditur garantit huwa fattur rilevanti li għandu jitqies fl-applikazzjoni tat-test tal-kreditur privat (36). F’konformità mat-Taqsima 31(1)(e) tal-Att dwar il-Falliment, it-talbiet ta’ kreditur separat jistgħu jiġu ssodisfati fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura ta’ falliment permezz tal-bejgħ tal-assi li jservu ta’ garanzija. Għalhekk, fir-rigward tal-assi mwiegħda lill-Uffiċċju tat-Taxxa, it-tul ta’ żmien li tieħu proċedura ta’ falliment b’mod ġenerali kien, fil-fehma tal-Kummissjoni, irrilevanti, billi dawn it-talbiet setgħu jkunu ssodisfati indipendentement mill-progress li jkun sar fil-proċedura. |
(111) |
B’mod partikolari, anki jekk jikkunsidra l-valur attribwit għall-assi garantiti mill-benefiċjarju, l-Uffiċċju tat-Taxxa seta’ jikseb sodisfazzjon bikri tat-talbiet tiegħu, b’valur ta’ minn tal-inqas SKK 194 miljun jew 86 % tas-somma proposta fil-ftehim tal-kredituri, permezz tal-bejgħ tat-titoli. L-Uffiċċju tat-Taxxa kien ikollu jikkunsidra jekk kienx jaqbillu jistenna sa tmiem il-proċedura ta’ falliment biss f’każ li kien hemm xi prospett li ma jiħux l-ammont sħiħ miftiehem fil-qafas tal-arranġament. Barra minn hekk, mat-tqassim finali lill-kredituri, l-Uffiċċju tat-Taxxa mbagħad ikun irċieva madwar 99 % tar-rendiment mill-bejgħ tal-assi li jkun għad fadal (SKK 185 miljun fl-agħar xenarju possibbli, jiġifieri meta jiġu applikati l-fatturi ta’ likwidazzjoni ta’ EKORDA; ara t-Tabella 4). Kellha tkun ċara għall-Uffiċċju tat-Taxxa li l-irkupru tad-dejn li rriżulta kien se jmur oltre sew is-somma offerta fil-qafas tal-arranġament, u li parti żgħira biss minn dak it-total kienet se tinvolvi stennija, meta mqabbla mal-arranġament. |
(112) |
Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien li tieħu proċedura ta’ falliment fis-Slovakkja ma kinitx se tinfluwenza d-deċiżjoni ta’ kreditur privat ipotetiku b’xi mod sinifikanti. |
(113) |
Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, fiż-żmien tal-arranġament il-benefiċjarju kellu: (i) numru żgħir ħafna ta’ kredituri u (ii) assi b’valur ta’ likwidazzjoni ogħla mill-ammont aċċettat mill-Istat fil-qafas tal-arranġament (kif muri fit-Tabella 5, waħdu, ir-rendiment li probabbilment kien jinkiseb mill-bejgħ tal-assi mhux garantiti kien ta’ SKK 241 miljun). |
(114) |
In-numru ta’ kredituri involuti fl-arranġament kien żgħir, billi kien hemm biss ħamsa b’kollox. Minn dawn il-ħames kredituri, erbgħa kienu privati u s-sehem tagħhom tad-dejn totali kien biss ta’ 0,6 % (SKK 3 797 608 minn SKK 644 166 949) kif muri fit-Tabella 2. Għalhekk, l-Istat bla dubju kien jikkostitwixxi l-akbar kreditur b’99,4 % tat-talbiet totali. Dawn iċ-ċirkostanzi jnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskju li jkun hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-kredituri, u litigazzjoni konsegwenti u dan, għalhekk, għandu tendenza li jnaqqas it-tul ta’ żmien li jieħdu l-proċeduri ta’ falliment. |
(115) |
Fir-rigward tal-argument ppreżentat mill-benefiċjarju, abbażi ta’ rapport tal-Bank Dinji msejjaħ “Doing business in 2004” li jgħid li l-proċeduri ta’ falliment fis-Slovakkja jieħdu medja ta’ 4,8 snin, ta’ min wieħed jinnota li r-rapport jirreferi għal “indikatur tal-għeluq ta’ negozju” ġenerali, li jkejjel l-ammont ta’ ħin globali li jieħdu l-proċeduri ta’ falliment kif ukoll is-setgħat ġuriżdizzjonali fil-proċeduri ta’ falliment. Dan it-tul ta’ żmien mhuwiex strettament l-istess bħat-tul ta’ żmien medju tal-proċeduri ta’ falliment. L-awtoritajiet Slovakki nfushom esprimew il-fehma li minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, il-proċedura ta’ falliment kienet tieħu inqas żmien mill-medja (ara l-paragrafu 60). Din il-valutazzjoni mill-awtoritajiet Slovakki hija partikolarment rilevanti minħabba l-fatt li l-proċedura inkwistjoni kienet titmexxa f’konformità mal-liġi u l-prassi Slovakki dwar il-fallimenti. Barra minn hekk, il-Gvern Slovakk innifsu kien il-kreditur tal-benefiċjarju. |
(116) |
Barra minn dan, it-tul ta’ żmien tal-proċeduri ta’ falliment fir-rapporti ppreżentati mill-benefiċjarju jvarja b’mod sinifikanti, minn sentejn għal aktar minn sitt snin (37). Għalhekk, il-valutazzjonijiet tat-tul ta’ żmien tal-proċeduri ta’ falliment fis-Slovakkja li l-benefiċjarju ressaq quddiem il-Kummissjoni kienu ġeneralizzazzjonijiet u ma kkunsidrawx l-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni. Xi uħud minn dawk il-valutazzjonijiet kienu ta’ natura approssimattiva u, sa ċertu punt, ma kienx hemm konsistenza bejniethom. |
(117) |
Fir-rigward tal-eżempju speċifiku ta’ kumpanija Slovakka fl-istess settur bħall-benefiċjarju li l-proċedura ta’ falliment tagħha damet għaddejja għal aktar minn ħames snin, għandu jiġi nnutat li l-benefiċjarju naqas milli jindika kif dan l-eżempju jorbot ma’ dan il-każ, u b’mod partikolari jekk dik il-kumpanija kinitx f’sitwazzjoni legali u materjali l-istess jew simili ħafna bħal dik tal-benefiċjarju (38). Minħabba li l-benefiċjarju kellu kreditur wieħed kbir bi status privileġġjat, l-Istat, u numru ta’ assi b’valur ta’ evalwazzjoni sinifikanti, il-proċedura ta’ falliment fil-każ tal-benefiċjarju setgħet ġiet konkluża b’mod relattivament rapidu u għalhekk kienet tkun tikkostitwixxi forma ta’ azzjoni preferibbli għall-akbar kreditur, l-Istat. |
(118) |
Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jassumi li l-proċedura ta’ falliment kienet se tieħu erba’ sa ħames snin, kif iddikjara l-benefiċjarju, id-differenza bejn l-ammonti probabbli li kellhom jiġu rkuprati u l-ammonti aċċettati fil-qafas tal-arranġament kienet tant kbira, li t-tul ta’ żmien ta’ dawn il-proċeduri ma kienx se jkollu rwol sinifikanti fid-deċiżjoni ta’ kreditur privat dwar jekk jaċċettax l-arranġament jew le. Meta wieħed iqis rata ta’ skont ta’ 5,14 % (39), il-valur preżenti tal-fluss futur tal-flus kontanti ta’ SKK 356,7 miljun, anki wara ħames snin huwa ta’ SKK 277,6 miljun, jiġifieri ferm ogħla mill-ammont miftiehem fil-qafas tal-arranġament. Skont dawn il-kundizzjonijiet, il-proċedura ta’ falliment kien ikollha tieħu aktar minn disa’ snin sabiex il-valur preżenti jkun inqas mill-ammont miftiehem fil-qafas tal-arranġament. Proċedura ta’ likwidazzjoni li tieħu daqstant fit-tul ma kinitx tkun ikkunsidrata probabbli f’dan il-każ, mill-ebda operatur tas-suq privat. Barra minn hekk, il-valur preżenti tal-ammonti totali li għandhom jiġu rkuprati jiżdied ulterjorment jekk jiġi meqjus li parti sinifikanti tad-dejn x’aktarx li kienet se tiġi rimborżata qabel, permezz tal-bejgħ tal-assi garantiti (ara l-paragrafu 111111)). |
(119) |
Abbażi tal-evidenza disponibbli, jista’ jiġi konkluż li kreditur privat ma kienx jidħol għall-arranġament bit-termini miftiehma mill-Uffiċċju tat-Taxxa f’dan il-każ; billi l-Uffiċċju tat-Taxxa jista’ jiġi ssodisfat bħala kreditur separat fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura ta’ falliment u, apparti hekk, jikseb aktar minn 99 % tar-rendiment imqassam lill-kredituri li jifdal (minħabba d-daqs tat-talbiet tiegħu meta mqabbla ma’ dawk ta’ kredituri oħra), jista’ jiġi konkluż li kważi r-rendiment kollu miksub matul il-proċedura ta’ falliment imur għall-Uffiċċju tat-Taxxa u, kif muri hawn fuq, ikun ogħla mill-ammont miftiehem fl-arranġament bejn il-kredituri. |
2.2 Arranġament mal-kredituri kontra l-eżekuzzjoni tat-taxxa
(120) |
L-Uffiċċju tat-Taxxa, għall-kuntrarju tal-kredituri privati, kien intitolat, fuq inizjattiva tiegħu stess, li jipproċedi bl-eżekuzzjoni tat-taxxa permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, ta’ makkinarju jew tad-ditta kollha kemm hi. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza, fit-tifsira tal-ġurisprudenza msemmija hawn fuq fil-paragrafu 82, biex tindika li l-Uffiċċju tat-Taxxa kien ikkunsidra din l-azzjoni u kkonkluda li tkun inqas vantaġġjuża milli kieku jaqbel mal-arranġament. |
(121) |
Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-argument tal-benefiċjarju li l-proċedura ta’ arranġament tipproteġi lill-kumpanija mill-eżekuzzjoni tat-taxxa, huwa irrilevanti. Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Slovakki, l-eżekuzzjoni tat-taxxa kienet alternattiva għall-Uffiċċju tat-Taxxa, jew qabel it-tnedija tal-proċedura ta’ arranġament jew inkella wara l-veto tal-Uffiċċju tat-Taxxa għall-arranġament propost. Għalhekk, jeħtieġ li, meta jiġi applikat it-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq, tiġi kkunsidrata din l-alternattiva. Il-benefiċjarju ma jqabbilx l-arranġament propost mal-eżitu potenzjali tal-eżekuzzjoni tat-taxxa. |
(122) |
Il-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha fuq id-dejta li tawha l-benefiċjarju kif ukoll l-awtoritajiet Slovakki. F’dan il-kuntest ta’ min wieħed jinnota li l-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li l-ammont imwiegħed lill-Uffiċċju tat-Taxxa kien ta’ SKK 397 miljun, kif imsemmi fid-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Jingħad li dan il-valur inkiseb mill-kontijiet tal-benefiċjarju. Il-benefiċjarju, min-naħa tiegħu, isostni li l-valur tal-assi mwiegħda, espressi fi “prezzijiet ta’ espert”, huwa ta’ SKK 194 miljun (ara l-paragrafu 22). Waqt li mhux meħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina liema ċifra hija korretta, xorta waħda jistgħu jsiru l-konklużjonijiet segwenti. |
(123) |
L-ewwel nett, it-twegħid kien kontroparti għad-differiment tad-dejn tat-taxxa tal-benefiċjarju, kif mitlub mill-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Jekk il-valur tal-assi tal-benefiċjarju fir-realtà kien biss nofs l-ammont imwiegħed, kif issuġġerit l-opinjoni esperta ppreżentata mill-benefiċjarju, dan ifisser li t-titoli mitluba mill-Istat għal dawn id-differimenti ma kinux biżżejjed. F’dawn iċ-ċirkostanzi, id-differimenti tat-taxxa permessi mill-Uffiċċju tat-Taxxa bejn Novembru 2002 u Novembru 2003 li ammontaw għal SKK 477 miljun, għalhekk, b’kull probabbiltà, naqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq. Għall-finijiet ta’ dan il-każ, mhux meħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina jekk dawn il-miżuri kinux ħielsa minn għajnuna mill-Istat. Madankollu, jekk l-ewwel differimenti diġà kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, ma tistax issir aktar referenza għall-prinċipju tal-kreditur f’ekonomija tas-suq meta, sussegwentement, jitħassru (parzjalment) l-ammonti differiti. |
(124) |
It-tieni nett, anki jekk biex jiġu kkalkulati r-rikavati mill-eżekuzzjoni tat-taxxa jintużaw l-iżgħar ċifri ppreżentati mill-benefiċjarju, il-kreditur f’ekonomija tas-suq, li kieku kellu l-possibbiltà, kien jiffavorixxi din il-proċedura fuq l-arranġament. |
(125) |
Fil-każ tal-eżekuzzjoni tat-taxxa, uffiċċju tat-taxxa jista’ jbigħ l-assi tad-debitur direttament (l-ammonti riċevibbli u l-assi kurrenti l-oħra, l-assi mobbli, il-proprjetà immobbli). Fiż-żmien meta l-Uffiċċju tat-Taxxa vvota favur l-arranġament, il-benefiċjarju kellu ħażna bil-valur ta’ SKK 43 miljun, ammonti riċevibbli infurzabbli ta’ mill-inqas SKK 37 miljun u SKK 161 miljun fi flus kontanti (ara t-Tabella 5). Huwa nnutat li l-valur ta’ dawn l-assi kurrenti waħedhom (SKK 241 miljun; EUR 6,3 miljun) (40) ikun jeċċedi r-rendiment propost fl-arranġament (SKK 224,3 miljun; EUR 5,93 miljun). Barra minn hekk, il-benefiċjarju kellu assi oħra, li l-valur tagħhom kien minn tal-inqas SKK 194 miljun. |
(126) |
Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tat-taxxa ma tinvolvix tariffi amministrattivi bħal fil-każ ta’ proċedura ta’ falliment. Din hija proċedura li tkun mibdija u kkontrollata mill-uffiċċju tat-taxxa, u għalhekk wieħed jista’ jassumi wkoll li din tkun immexxija b’mod rapidu. |
(127) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżekuzzjoni tat-taxxa għall-assi tal-benefiċjarju setgħet twassal għal redditu ogħla milli bl-arranġament. |
2.3 Aktar evidenza
(128) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ittra tad-Direttur tad-Direttorat tat-Taxxa indirizzata lis-subordinat tiegħu, id-direttur tal-uffiċċju tat-taxxa inkwistjoni, li ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Slovakki (ara l-paragrafu 63). L-ittra turi b’mod ċar li d-Direttorat tat-Taxxa (li qabel kellu kuntatti diretti mal-benefiċjarju) kien kontra l-arranġament propost u ta indikazzjoni ċara li l-Uffiċċju tat-Taxxa lokali ma għandux jivvota favur l-arranġament. Ir-raġuni msemmija fl-ittra kienet li l-arranġament propost ma kienx “vantaġġjuż” għall-Istat. |
(129) |
L-awtoritajiet Slovakki urew ukoll li fil-bidu tal-2004 il-Ministeru tal-Finanzi ta struzzjoni ta’ politika ċara lill-awtoritajiet tat-taxxa, bil-għan li dawn ma jaċċettawx l-arranġamenti li jipproponu t-tħassir ta’ ammonti riċevibbli tal-awtoritajiet tat-taxxa (41). Din l-għażla ta’ politika kienet ikkomunikata b’konnessjoni mal-emenda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa fl-1 ta’ Jannar 2004, fi sforz li tissaħħaħ id-dixxiplina fil-ġbir tat-taxxa. |
(130) |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-Uffiċċju tat-Taxxa stess kien ilu li appella kontra dan l-arranġament mit-2 ta’ Awwissu 2004, jiġifieri lanqas xahar wara li ntlaħaq ftehim dwar l-arranġament. |
(131) |
Il-benefiċjarju sostna li l-Uffiċċju tat-Taxxa kien wera l-kunsens tiegħu għall-arranġament saħansitra qabel ma l-benefiċjarju nieda l-proċedura. Il-Kummissjoni tqis li l-evidenza mressqa quddiemha mill-benefiċjarju tindika pjuttost l-oppost. Fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Frar 2004 lill-benefiċjarju, id-Direttur tal-Uffiċċju tat-Taxxa kiteb li, għalkemm fil-prinċipju mhuwiex kontra l-użu ta’ proċedura ta’ arranġament, huwa ma jaqbilx mal-proposta tal-benefiċjarju għal arranġament li jinvolvi rimborż ta’ 35 % tad-dejn. |
(132) |
Abbażi ta’ din l-evidenza, il-Kummissjoni ma tistax ma tikkonkludix li l-awtoritajiet Slovakki kienu kontra l-arranġament propost mill-benefiċjarju, u li kienu kontrih diġà qabel ma tnediet il-proċedura ta’ arranġament fit-8 ta’ Marzu 2004, qabel ma ttieħed il-vot tal-kredituri fid-9 ta’ Lulju 2004, u anki wara li l-qorti approvat l-arranġament. |
(133) |
Il-benefiċjarju sostna li għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti fit-tul, bħall-kontinwità tad-dħul mit-taxxi għall-Istat (ara l-paragrafu 52). |
(134) |
L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li t-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq huwa differenti mit-test tal-investitur f’ekonomija tas-suq. Filwaqt li investitur f’ekonomija tas-suq ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi jidħolx f’relazzjoni mal-kumpanija inkwistjoni u jkun stimolat mill-prospett strateġiku u fit-tul li jikseb redditu xieraq mill-investiment tiegħu (42), il-“kreditur f’ekonomija tas-suq”, li diġà qiegħed f’relazzjoni skont il-liġi kummerċjali jew pubblika mal-kumpanija insolventi, ikollu l-għan li jikseb ir-rimborż tal-ammonti li diġà jkunu dovuti lilu (43) b’kundizzjonijiet vantaġġjużi kemm jista’ jkun, kemm f’dak li jirrigwarda l-grad tar-rimborż kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-iskeda ta’ żmien. Għaldaqstant, il-motivazzjonijiet tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ipotetiku u dawk tal-investitur f’ekonomija tas-suq ikunu differenti. Il-ġurisprudenza ddefinixxiet testi separati għaż-żewġ sitwazzjonijiet, kif xieraq. |
(135) |
It-tieni nett, fir-rigward tal-analoġija għall-kreditur–fornitur, huwa importanti li wieħed jinnota li n-natura tal-ammonti riċevibbli tiegħu u ta’ dawk tal-Istat hija fundamentalment differenti. Minħabba li r-relazzjonijiet tal-fornitur mad-ditta insolventi għandhom bażi esklussivament kuntrattwali, jista’ jagħti l-każ li huwa effettivament ibati t-telf ta’ sieħeb fin-negozju. Jekk il-kumpanija insolventi tkun likwidata jew mibjugħa, il-fornitur jkollu jsib klijent ġdid jew jagħmel kuntratt mas-sid il-ġdid. Ir-riskju huwa ogħla meta jkun jiddependi konsiderevolment fuq id-ditta insolventi. Kreditur bħal dan żgur li se jikkunsidra l-futur. B’kuntrast ma’ dan, ir-relazzjonijiet tal-Istat mad-ditta insolventi huma bbażati fuq il-liġi pubblika u għalhekk mhumiex dipendenti fuq ir-rieda tal-partijiet. Kwalunkwe proprjetarju ġdid li jakkwista l-assi tad-ditta likwidata awtomatikament jiġi obbligat iħallas it-taxxi. Barra minn hekk, l-Istat qatt ma jkun jiddependi fuq kontribwent waħdieni. Fl-aħħar u mhux l-inqas, l-Istat mhuwiex immexxi mill-qligħ meta jimponi t-taxxi u ma jaġixxix b’mod kummerċjali u b’kunsiderazzjonijiet kummerċjali meta jagħmel dan. Għalhekk, l-analoġija ta’ hawn fuq mhijiex soda. |
(136) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sitwazzjoni tal-Istat f’dan il-każ ma tistax titqabbel mas-sitwazzjoni ta’ investitur f’ekonomija tas-suq ipotetiku jew mas-sitwazzjoni ta’ kreditur dipendenti f’ekonomija tas-suq ipotetiku. Fi kwalunkwe każ, it-telf ta’ taxxi futuri ma jistax jiġi kkunsidrat meta jiġi applikat il-prinċipju ta’ kreditur f’ekonomija tas-suq (44). |
(137) |
Fl-aħħar nett, mill-prospett tat-taxxi li ppreżenta l-benefiċjarju, ġie osservat li l-biċċa l-kbira tat-taxxi mħallsa mill-benefiċjarju mill-1995 kienu taxxi indiretti (dazji tas-sisa u VAT). Billi dawn it-taxxi jitħallsu mill-konsumaturi finali, il-likwidazzjoni tal-benefiċjarju ma jkollha l-ebda reperkussjonijiet fuq il-ġbir tagħhom, minħabba li l-konsumaturi jkomplu jixtru l-prodotti ntaxxati (f’dan il-każ, prinċipalment spirti u xorb alkoħoliku) mingħand produtturi oħra. Għalhekk, l-argument tal-benefiċjarju rigward telf konsiderevoli tat-taxxa fil-futur mhuwiex kredibbli. |
(138) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ebda evidenza oħra mressqa mill-benefiċjarju ma turi li kienet se tiġi influwenzata l-imġiba tal-kreditur privat ipotetiku. Għalhekk, l-ebda element f’din it-Taqsima ma tbiddel il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dik l-imġiba fit-Taqsima 2.1 jew 2.2. |
2.4 Konklużjoni
(139) |
Abbażi tal-evidenza ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet tat-test tal-kreditur f’ekonomija tas-suq ma ġewx issodisfati u li l-Istat ta vantaġġ lill-benefiċjarju li ma kienx ikun jista’ jikseb mis-suq. |
(140) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tħassir tad-dejn aċċettat mill-Uffiċċju tat-Taxxa lokali fil-qafas tal-arranġament jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
3. KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA: DEROGA SKONT L-ARTIKOLU 107(3) TFUE
(141) |
L-objettiv ewlieni tal-miżura huwa li tassisti kumpanija f’diffikultà. F’dawn il-każijiet, l-eżenzjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li tippermetti l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi sakemm din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, tista’ tiġi applikata, jekk jiġu osservati l-kundizzjonijiet rilevanti. |
(142) |
Fid-dawl tal-protafoll tal-produzzjoni tal-benefiċjarju, il-Kummissjoni vvalutat jekk ir-regoli speċjali applikabbli għas-settur tal-agrikoltura japplikawx f’dan il-każ. Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-informazzjoni dwar il-fatturat tal-benefiċjarju li ppreżentatawlha l-awtoritajiet Slovakki, li ħafna mill-prodotti tal-benefiċjarju ma kinux prodotti li jaqgħu taħt l-Anness I ta’ mat-TFUE u għalhekk japplikaw ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat. |
(143) |
Fil-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali, il-benefiċjarju ma qabilx mad-dejta li pprovdew l-awtoritajiet Slovakki minn qabel fir-rigward tal-fatturat (ara t-Tabella 1), iżda ma kkontestax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat. Mingħajr ma xtaqet tistabbilixxi jekk iċ-ċifri pprovduti mill-benefiċjarju kinux preċiżi (45), il-Kummissjoni vverifikat jekk il-konklużjoni tagħha ta’ hawn fuq treġix meta mqabbla mad-dejta l-ġdida. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-fatturat tal-benefiċjarju huwa ġġenerat minn prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I ta’ mat-TFUE. Għalhekk japplikaw ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, u mhux dawk speċifiċi għas-settur. |
(144) |
L-għajnuna ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar għall-kumpaniji f’diffikultà bħalissa hija rregolata mil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (46) (il-“Linji Gwida l-Ġodda”), li ssostitwixxew it-test preċedenti adottat fl-1999 (47) (il-“Linji Gwida tal-1999”). |
(145) |
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Linji Gwida l-Ġodda jistipulaw li l-Linji Gwida l-Ġodda se japplikaw għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturar, mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni (għajnuna illeċita) jekk xi parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tkun ingħatat wara l-1 ta’ Ottubru 2004, il-jum tal-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida l-Ġodda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (il-punt 104, l-ewwel subparagrafu). Madankollu, fir-rigward tal-għajnuna illeċita mogħtija qabel l-1 ta’ Ottubru 2004, l-eżaminazzjoni ssir abbażi tal-linji gwida applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna (il-punt 104, it-tieni subparagrafu). |
(146) |
L-approvazzjoni tal-arranġament min-naħa tal-Uffiċċju tat-Taxxa nħarġet fid-9 ta’ Lulju 2004 u daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 2004. Dan ifisser li l-għajnuna ngħatat b’mod illeċitu qabel l-1 ta’ Ottubru 2004. Għalhekk japplikaw il-Linji Gwida tal-1999, li kienu applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna. |
(147) |
Il-benefiċjarju huwa kumpanija ta’ daqs medju skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (48). |
3.1. Eliġibbiltà tal-kumpanija
(148) |
Skont il-punt 5(c) tal-Linji Gwida tal-1999, kumpanija titqies bħala li tkun f’diffikultà meta tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-liġi domestika biex tissottometti ruħha għal proċeduri kollettivi ta’ insolvenza. |
(149) |
Il-benefiċjarju kien is-suġġett tal-proċedura ta’ arranġament, li, skont id-definizzjoni fl-Att dwar il-Falliment, tkun aċċessibbli biss għall-kumpaniji insolventi. Għalhekk huwa jitqies eliġibbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar. |
3.2. Għajnuna ta’ salvataġġ
(150) |
Il-miżura kkontestata kienet inizjalment deskritta mill-awtoritajiet Slovakki bħala għajnuna ta’ salvataġġ. Skont il-Linji Gwida tal-1999, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna bħala għajnuna ta’ salvataġġ għar-raġunijiet deskritti fil-Parti III. |
(151) |
La l-awtoritajiet Slovakki u lanqas il-benefiċjarju ma kkummentaw dwar dawn id-dubji. Ma ġew imressqa l-ebda fatti ġodda quddiem il-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
(152) |
Minħabba li dawn id-dubji ma ttaffewx, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex kompatibbli bħala għajnuna ta’ salvataġġ fit-tifsira tal-Linji Gwida tal-1999. |
3.3. Għajnuna ta’ ristrutturar
(153) |
Il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk l-għajnuna kinitx kompatibbli bħala għajnuna ta’ ristrutturar fit-tifsira tal-Linji Gwida tal-1999 għar-raġunijiet deskritti fil-Parti III. |
(154) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Slovakki, li huma responsabbli biex jipprovaw li l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern, ma ppreżentaw l-ebda fatti ġodda biex isostnu din il-konklużjoni. Il-Kummissjoni ħadet nota tal-kummenti mressqa mill-benefiċjarju. |
3.3.1 Ritorn għall-vijabbiltà fit-tul
(155) |
Skont il-Linji Gwida tal-1999, l-għoti ta’ għajnuna ta’ ristrutturar irid ikun marbut mal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar fattibbli u koerenti li jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija u jrid ikun jiddependi fuqha. L-Istat Membru jieħu impenn fir-rigward ta’ dan il-pjan, li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni. Jekk il-kumpanija tonqos milli timplimenta l-pjan, dan jitqies bħala użu ħażin mill-għajnuna. |
(156) |
Fis-sustanza, il-pjan ta’ ristrutturar irid ikun tali li jippermetti lill-benefiċjarju jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul tiegħu fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi dwar il-kundizzjonijiet operazzjonali tal-futur. Il-pjan għandu jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-benefiċjarju u jidentifika l-miżuri adatti biex jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet. L-operazzjonijiet ta’ ristrutturar ma jistgħux ikunu limitati għal għajnuna finanzjarja maħsuba biex tonora d-dejn u tkopri t-telf tal-imgħoddi mingħajr ma jindirizzaw ir-raġunijiet għad-diffikultajiet. |
(157) |
Fil-każ ta’ kumpaniji li jinsabu f’żoni megħjuna u ta’ kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, il-Linji Gwida tal-1999 jistipulaw li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna jistgħu jkunu inqas stretti f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-miżuri kumpensatorji u l-kontenut tar-rapporti ta’ monitoraġġ. Madankollu, dawn il-fatturi ma jeżentawx lil dawn il-kumpaniji mir-rekwiżit li jħejju pjan ta’ ristrutturar u lanqas lill-Istati Membri mill-obbligu li jagħtu l-għajnuna ta’ ristrutturar bil-kundizzjoni li jkun ġie implimentat pjan ta’ ristrutturar. |
(158) |
Wara l-ftuħ tal-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li l-pjan tan-negozju li l-benefiċjarju kien obbligat li jfassal bħala kundizzjoni għat-tnedija tal-proċedura ta’ arranġament, kien eżaminat biss mill-qorti kompetenti, jiġifieri, mhux mill-awtorità li tagħti l-għajnuna, u li la l-qorti u lanqas l-Uffiċċju tat-Taxxa ma mmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjan. |
(159) |
Kuntrarju għal din il-konferma, il-benefiċjarju ddikjara li l-Uffiċċju tat-Taxxa kien studja l-kapaċità tal-pjan tan-negozju li jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul qabel ma approva l-arranġament, iżda ma kien ippreżenta l-ebda evidenza ta’ dan. |
(160) |
Il-benefiċjarju kompla billi argumenta li n-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar formali huwa irrilevanti f’sitwazzjoni ta’ valutazzjoni ex post tal-għajnuna mill-Kummissjoni, meta hemm il-Kummissjoni li tista’ tivvaluta jekk il-benefiċjarju sarx verament vijabbli jew le. Skont il-benefiċjarju, il-pjan ta’ ristrutturar formali jista’ jintalab biss fil-każ ta’ valutazzjoni ex ante, li għalih japplikaw biss il-Linji Gwida tal-1999. |
(161) |
Dan l-argument mhuwiex korrett. Il-Linji Gwida tal-1999 japplikaw għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà kemm ta’ għajnuna notifikata kif ukoll ta’ għajnuna illeċita. Kull meta ssir il-valutazzjoni, il-kundizzjoni li l-għajnuna ta’ ristrutturar trid tkun soġġetta għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar vijabbli, hija valida. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien meta tkun ingħatat l-għajnuna. |
(162) |
Jista’ jiġi konkluż li l-Uffiċċju tat-Taxxa, bħala l-awtorità li tagħti l-għajnuna, ma kellux l-opportunità li jevalwa l-pjan ta’ ristrutturar u li jissottometti t-tħassir tal-ammonti riċevibbli tiegħu għall-kundizzjoni ta’ implimentazzjoni debitament mmonitorjata ta’ pjan bħal dan. Għalhekk, l-ewwel kundizzjoni formali, li hija applikabbli bis-sħiħ ukoll għall-valutazzjoni ex post, ma ġietx issodisfata. |
(163) |
Fir-rigward tas-sustanza tal-pjan tan-negozju, l-awtoritajiet Slovakki ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni li ttaffi d-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk il-pjan kienx jirrappreżenta pjan ta’ ristrutturar ġenwin, kif mitlub mil-Linji Gwida tal-1999. |
(164) |
Il-Kummissjoni ma tista’ tagħmel xejn ħlief li żżomm il-konklużjoni li ħadet fid-deċiżjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali. Il-pjan tan-negozju ppreżentat huwa sempliċiment pjan li jittratta l-problema akuta tal-benefiċjarju ta’ akkumulazzjoni ta’ dejn dovut lill-Istat. Il-pjan bl-ebda mod ma janalizza ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-benefiċjarju u lanqas ma janalizza s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija f’dak iż-żmien u l-prospetti finanzjarji tagħha. Peress li din l-analiżi ma saritx, il-benefiċjarju ma pproponiex passi speċifiċi li jindirizzaw ir-raġunijiet individwali li wasslu għad-diffikultajiet. L-unika miżura deskritta fid-dettall hija r-ristrutturar finanzjarju propost permezz tal-arranġament mal-kredituri. |
(165) |
Il-pjan lanqas biss jagħti ħjiel taż-żieda tal-kapital proprju tal-benefiċjarju, imsemmi mill-benefiċjarju bħala waħda mill-miżuri tar-ristrutturar. Ma hemm xejn fil-fajl li juri li ż-żieda tal-kapital minn Hydree Slovakia għandha titqies bħala miżura li tiżgura li, fuq tul ta’ żmien, il-benefiċjarju ma jirrepetix l-istrateġija tiegħu li jiffinanzja l-produzzjoni tiegħu permezz ta’ dejn fuq il-VAT u d-dazji tas-sisa, li huwa dak li eventwalment wassal għad-diffikultajiet tiegħu. L-awtoritajiet Slovakki stess ikkonfermaw li ż-żieda fil-kapital, ma naqqset bl-ebda mod ir-riskju li l-problemi finanzjarji jirrepetu ruħhom. Dawn id-dubji huma aktar u aktar b’saħħithom, minħabba li ż-żieda fil-kapital kienet tammonta għal SKK 21 miljun filwaqt li d-dejn ristrutturat kien jammonta għal SKK 644 miljun. |
(166) |
Iż-żieda fil-kapital fiha nnifisha mhijiex prova tal-fiduċja tas-suq fir-ritorn tal-benefiċjarju għall-vijabbiltà fit-tul. Il-Kummissjoni tinnota li l-benefiċjarju ma rnexxilux jikseb self minn bank privat, minkejja l-isforzi attivi tiegħu. |
(167) |
Barra minn hekk, il-kirja tal-assi tal-produzzjoni lill-kompetitur tal-benefiċjarju Old Herold s. r. o. kienet evidentement meħtieġa minħabba l-fatt li l-benefiċjarju kien tilef il-liċenzja tiegħu biex jipproduċi l-ispirti u x-xorb alkoħoliku, u mhux minħabba li din il-produzzjoni kienet se tkun qed tagħmel telf u għalhekk kienet teħtieġ ir-ristrutturar. Huwa veru li l-benefiċjarju stess seta’ jitlob li jingħata liċenzja ġdida wara li jiġi finalizzat l-arranġament, iżda dan hu ma għamlux. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-benefiċjarju qed ikompli jbigħ il-prodotti manifatturati minn Old Herold waqt li juża l-assi u l-isem tal-marka tal-benefiċjarju u li saħansitra qed jippjana li jżid dan il-bejgħ, kif iddikjarat fir-rapport annwali għall-perjodu li jkopri mid-29 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Diċembru 2004. Għalhekk, il-kirja ta’ dawn l-assi tal-produzzjoni ma tistax titqies bħala miżura ta’ ristrutturar għax, abbażi tal-evidenza kollha disponibbli, din il-parti tal-produzzjoni ma kellhiex bżonn ta’ ristrutturar. |
(168) |
Fir-rigward tal-bqija tal-miżuri proposti fil-pjan tan-negozju, id-dubji tal-Kummissjoni ma ttaffewx. Dawn il-miżuri huma sempliċiment attivitajiet tal-funzjonament normali tan-negozju u mhux miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni (il-bejgħ ta’ tagħmir qadim jew ta’ vetturi). Iż-żewġ miżuri strutturali proposti (it-twaqqif tal-produzzjoni ta’ prodotti mhux alkoħoliċi li ma jrendux u l-bejgħ ta’ xi proprjetà immobbli) kienu deskritti b’mod vag ħafna mingħajr ma ngħatat indikazzjoni tal-prodotti speċifiċi jew ta’ skeda ta’ żmien. L-awtoritajiet Slovakki kkonfermaw li l-proprjetà immobbli maħsuba għall-bejgħ (binja amministrattiva, ħanut u binja ta’ rikreazzjoni) sal-10 ta’ Ottubru 2005 kienet għadha ma ġietx mibjugħa, jiġifieri li din il-miżura ppjanata ma kinitx ġiet implimentata kif imħabbar. |
(169) |
Il-kombinament tan-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar formali man-nuqqas ta’ analiżi ġenwina tad-diffikultajiet, tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet u tal-kundizzjonijiet u l-prospetti tas-suq, iwassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-pjan tan-negozju ppreżentat mill-benefiċjarju mhuwiex pjan ta’ ristrutturar ġenwin kif mitlub mil-Linji Gwida tal-1999 (49). Għaldaqstant, id-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk il-benefiċjarju jistabbilixxix mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul, ma ttaffewx. |
3.3.2 Għajnuna limitata għall-minimu strettament meħtieġ
(170) |
Għalkemm il-konklużjoni tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar ġenwin, id-dubji tagħha dwar il-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju jippersistu, fiha nnifisha hija biżżejjed biex tistabbilixxi li l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni se tanalizza wkoll il-kriterju ċentrali l-ieħor tal-Linji Gwida tal-1999, jiġifieri li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu strettament meħtieġ. |
(171) |
Skont il-punt 40 tal-Linji Gwida tal-1999, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu strettament meħtieġ sabiex ikun jista’ jitwettaq ir-ristrutturar skont ir-riżorsi finanzjarji disponibbli tal-benefiċjarju. Il-benefiċjarju huwa mistenni li jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għar-ristrutturar mir-riżorsi tiegħu stess. |
(172) |
Il-kostijiet tar-ristrutturar waslu għall-ammont totali ta’ dejn ristrutturat permezz tal-arranġament. Il-benefiċjarju ħallas 35 % ta’ dan l-ammont. |
(173) |
L-awtoritajiet Slovakki ma pprovdew l-ebda spjegazzjoni ulterjuri bi tweġiba għad-dubji espressi mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-benefiċjarju spjega kif hu ffinanzja l-pagament tad-dejn li kien għad fadal wara l-arranġament (ara l-paragrafi 30-35). Skont il-benefiċjarju, il-kontribuzzjoni proprja tiegħu ammontat għal SKK 231 miljun (EUR 6,1 miljun). |
(174) |
L-ewwel nett, ir-riżorsi disponibbli għall-benefiċjarju kienu jeċċedu l-ammont tad-dejn li kien għad fadal wara l-arranġament. Dan jissuġġerixxi li l-għajnuna ma kinitx limitata għall-minimu strettament meħtieġ. |
(175) |
Madankollu, fuq livell iktar importanti, il-Kummissjoni tqis li l-kreditu pprovdut minn Old Herold ma jikkwalifikax bħala kontribuzzjoni proprja mill-benefiċjarju, skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-1999. L-ammonti pagabbli jikkostitwixxu sors kontinwu ta’ ffinanzjar għall-funzjonament tal-kumpanija. Huma self ta’ terminu qasir, li, madankollu, għandu jitħallas lura. Fil-każ biss li l-fornituri jintrabtu li jaċċettaw maturità ta’ pagament li tieħu aktar żmien mill-prassi normali, il-kumpanija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi addizzjonali għar-ristrutturar, u dan l-ittardjar jikkostitwixxi sinjal li s-suq jemmen fil-fattibbiltà tal-istabbiliment mill-ġdid tal-vijabbiltà. |
(176) |
Il-benefiċjarju, bl-ebda mod ma wera li d-differiment tal-pagament mingħand Old Herold mar konsiderevolment lil hinn minn dik li hija l-prassi kummerċjali normali bejn il-benefiċjarju u l-fornituri tiegħu. Il-maturità ta’ 40 jum tidher li hija prassi standard, speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li ngħatat lill-benefiċjarju wara l-arranġament. Il-benefiċjarju b’hekk ma baqax f’diffikultajiet finanzjarji. L-iskop tal-arranġament kien appuntu li joħroġ lill-benefiċjarju mill-problemi finanzjarji tiegħu. |
(177) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li dan il-perjodu itwal ta’ maturità ma jistax jitqies bħala kontribuzzjoni għar-ristrutturar minn riżorsi esterni. |
(178) |
Mingħajr dan id-differiment, il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju, skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-1999, hija ta’ SKK 131 miljun (EUR 3,4 miljun) u għalhekk tikkorrispondi għal 20 % tal-kostijiet tar-ristrutturar. |
(179) |
Il-Linji Gwida tal-1999 ma kien fihom l-ebda livelli limiti li jindikaw meta l-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju titqies bħala sinifikanti. |
(180) |
Meta wieħed iqis il-prassi tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-1999 u l-bidla fil-politika tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għall-introduzzjoni tal-livelli limiti skont il-Linji Gwida tal-2004 (50), il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjoni ta’ 20 % hija pjuttost baxxa. Tali kontribuzzjoni tista’ tintlaqa’ fil-qafas tal-Linji Gwida tal-1999 biss jekk il-kundizzjonijiet l-oħra kollha għall-approvazzjoni tal-għajnuna jkunu ġew issodisfati. Il-Kummissjoni mbagħad ikollha tikkunsidra kriterji bħal jekk il-kumpanija hijiex attiva f’żona megħjuna, sa liema punt is-sorsi ta’ ffinanzjar jirriflettu l-fiduċja tas-suq - lil hinn mill-benefiċjarju nnifsu u mill-azzjonisti tiegħu - fil-vijabbiltà fit-tul tal-kumpanija jew dettalji speċifiċi oħra tal-każ. |
(181) |
Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju hija sinifikanti. Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji tagħha dwar jekk il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju kinitx sinifikanti u jekk l-għajnuna hijiex limitata għall-minimu meħtieġ, ma ttaffewx. |
3.4. Kompatibbiltà tal-għajnuna: konklużjoni
(182) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturar. Barra minn hekk, l-ebda deroga stipulata fit-TFUE ma hija applikabbli għal dan il-każ. |
VII. KONKLUŻJONI
(183) |
Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Slovakka marret kontra l-Artikolu 108(3) TFUE meta tat il-kunsens tagħha b’mod illeċitu li jitħassar id-dejn ta’ taxxa favur Frucona Košice a.s. L-ebda deroga stipulata fit-TFUE ma tikkunsidra din l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern. |
(184) |
Anki jekk l-implimentazzjoni tat-tħassir mill-Uffiċċju tat-Taxxa ġiet sospiża sakemm tiġi riżolta din il-proċedura, il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ għall-benefiċjarju nħoloq fil-mument li l-Uffiċċju tat-Taxxa ddeċieda li jċedi parti mit-talbiet tiegħu, u b’hekk qiegħed l-għajnuna għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju. Dan il-mument kien id-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-kredituri fit-23 ta’ Lulju 2004. Il-vantaġġ fuq il-kompetituri tal-benefiċjarju jinsab fil-fatt li l-Uffiċċju tat-Taxxa ma infurzax it-talbiet tiegħu tat-taxxa. |
(185) |
Sabiex jitreġġa’ lura l-istatus ex ante, trid tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat. Minħabba li l-vantaġġ ingħata fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-kredituri fit-23 ta’ Lulju 2004, l-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat huwa l-ammont sħiħ tat-tħassir, kif stabbilit f’dak il-ftehim. |
(186) |
Madankollu, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka ddeċidiet li l-arretrati tat-taxxa tat-triq li jammontaw għal SKK 424 490 kienu ġew inklużi bi żball fl-arranġament. B’riżultat ta’ dan, id-dejn nominali fil-ftehim tnaqqas b’dak l-ammont u bl-ammont tad-dejn dovut lill-Uffiċċju tat-Taxxa, u ddaħħal l-ammont tiegħu fil-ftehim kif korrett ta’ SKK 640 369 341. |
(187) |
L-arretrati tat-taxxa tat-triq, li sadanittant kienu ġew ittrattati bħala li tħassru, tħallsu fit-totalità tagħhom fit-2 ta’ Awwissu 2006. Dan il-pagament għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi kkalkulat l-ammont ta’ għajnuna u l-imgħax fuqu li għad iridu jiġu rkuprati, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2007/254/KE hija mħassra.
Artikolu 2
L-għajnuna mill-Istat li tammonta għat-total ta’ SKK 416 515 990, implimentata mir-Repubblika Slovakka favur Frucona Košice a.s., hija inkompatibbli mas-suq intern.
Artikolu 3
1. Ir-Repubblika Slovakka tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra mingħand il-benefiċjarju, l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2, li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu b’mod illeċitu, filwaqt li tqis li l-ammont ta’ SKK 424 490 li jikkorrispondi għall-arretrati ta’ taxxi tat-triq, tħallas fil-kont tal-Uffiċċju tat-Taxxa lokali fit-2 ta’ Awwissu 2006.
2. L-irkupru jseħħ mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.
3. Is-somma rkuprata tinkludi l-imgħax għall-perjodu kollu li jkopri mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Frucona Košice, a.s. sal-irkupru effettiv tagħha.
4. L-imgħax jiġi kkalkulat f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (51). Ir-rata ta’ imgħax tiġi applikata fuq bażi komposta matul il-perjodu kollu msemmi fil-paragrafu 3.
Artikolu 4
Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Slovakka tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li tkun ħadet biex tikkonforma magħha. Hi tipprovdilha din l-informazzjoni permezz tal-kwestjonarju mehmuż fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
Magħmula fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2013.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(1) B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi li jsiru għall-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn dan ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħal pereżempju “Komunità” ġiet sostitwita minn “Unjoni” u “suq komuni” minn “suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża f’din id-Deċiżjoni.
(2) ĠU C 233, 22.9.2005, p. 47.
(3) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/254/KE tas-7 ta’ April 2006 dear l-Għajnuna mill-Istat (C 25/05) (ex NN 21/05) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. (ĠU L 112, 30.4.2007, p. 14).
(*) F’EUR, huwa mifhum li l-fatturat kien jammonta għal EUR 23,6 miljun fl-2002, EUR 25,7 miljun fl-2003 u EUR 23 miljun fl-2004. Ir-rata tal-kambju użata għal skopijiet ta’ informazzjoni f’din id-Deċiżjoni hija EUR 1 = SKK 38.
(5) Huwa mifhum li l-fatturat totali kien jammonta għal SKK 334 miljun (EUR 8,8 miljun) fl-2002, SKK 360 miljun (EUR 9,5 miljun) fl-2003 u SKK 720 miljun (EUR 19-il miljun) fl-2004.
(6) Kumpanija titqies midjuna meta jkollha numru ta’ kredituri u ma tkunx kapaċi ssalda l-obbligazzjonijiet tagħha fi żmien 30 ġurnata mid-data dovuta tagħhom.
(7) Id-dazju tas-sisa għandu jitħallas fuq bażi ta’ kull xahar.
(**) L-ammont li l-benefiċjarju jkun obbligat iħallas lura lill-kredituri tiegħu.
(***) F’EUR, id-dejn totali qabel l-arranġament kien ta’ EUR 16,96 miljun u d-dejn totali li kien fadal wara l-arranġament kien ta’ EUR 5,93 miljun.
(8) Fid-dawl tat-telf tal-liċenzja għall-produzzjoni ta’ spirti u xorb derivat, u skont l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur, dan il-bejgħ probabbilment kien jikkonċerna prinċipalment l-ispirti.
(9) Il-benefiċjarju jagħti eżempju ta’ kumpanija li għandha assi simili u li topera fl-istess settur kif ukoll medji statistiċi ġenerali oħra dwar l-użu ta’ proċeduri ta’ falliment fis-Slovakkja.
(10) Iċ-ċifri tal-2004 użati minn EKORDA fir-rapport tagħha juru li 98 % jikkorrispondu għall-VAT u għad-dazji tas-sisa.
(11) Il-benefiċjarju jirreferi għall-Kawżi magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs. il-Kummissjoni [1994] Ġabra I- 4103.
(12) Il-Kawża T-109/01 Fleuren Compost vs. il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-132, il-paragrafu 74.
(13) C-73/11 P Frucona Košice, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, għadha mhux ippubblikata, il-paragrafu 70.
(14) Ara l-Kawża C-342/96, Spanja vs. il-Kummissjoni, [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafu 46; Il-Kawża C-256/97 DM Transport [1999] Ġabra I-3913, il-paragrafu 30; Il-Kawża C-124/10 P il-Kummissjoni vs. EDF, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, għadha mhux ippubblikata, il-paragrafu 79 u l-Kawża C-73/11 P Frucona Košice, is-sentenza msemmija hawn fuq, il-paragrafu 73.
(15) Ara l-Kawża C-124/10 P, Il-Kummissjoni vs. EDF, imsemmija hawn fuq, il-paragrafi minn 81 sa 85.
Sors: Karta tal-bilanċ, mill-1 ta’ Jannar sal-31 Diċembru 2003, mogħtija mill-benefiċjarju. Il-valuri kollha huma valuri kontabilistiċi.
Sors: Ir-rapport ta’ EKORDA tas-7 ta’ Lulju 2004, li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur kontabilistku, minbarra l-ammonti riċevibbli li, jiġu aġġustati għall-valur tal-likwidazzjoni tagħhom.
Sors: Karta tal-bilanċ, mill-1 ta’ Jannar sat-28 ta’ April 2004, mogħtija mill-benefiċjarju. Il-valuri kollha huma valuri kontabilistiċi.
(19) Informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki u miksuba matul il-verifika fuq il-post li għamel l-Uffiċċju tat-Taxxa fil-bini tal-benefiċjarju fis-17 ta’ Ġunju 2004 (ara l-paragrafu 60 hawn fuq).
Sors: Rapport annwali 2004, mogħti mill-benefiċjarju. Il-valuri kollha huma valuri kontabilistiċi.
(21) Artijiet, bini, makkinarju, assi intanġibbli, assi finanzjarji.
(22) Skont EKORDA, il-valur kontabilistiku tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir ta’ SKK 166 miljun irid jiġi aġġustat għall-valur ta’ likwidazzjoni ta’ SKK 98 miljun (ara l-paragrafu 97 hawn taħt).
(23) Mhuwiex ċar jekk din iċ-ċifra tirrappreżentax il-valur kontabilistiku jew il-valur ta’ likwidazzjoni tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir. Bħala prekawzjoni, il-Kummissjoni assumiet li huwa l-valur kontabilistiku.
(24) Ara l-Kawża C-124/10 P, Il-Kummissjoni vs. EDF, imsemmija hawn fuq, il-paragrafu 86.
(25) Dan huwa l-valur kontabilistiku (SKK 166 miljun) aġġustat minn EKORDA biex jirrifletti l-valur ta’ likwidazzjoni tal-ammonti riċevibbli.
(26) Dan huwa indikatur tal-valur ta’ likwidazzjoni li l-Kummissjoni kisbet billi aġġustat il-valur kontabilistiku tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir (SKK 147 miljun) bl-istess proporzjon li użat EKORDA fl-analiżi tagħha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, tabella 3).
(27) Dan huwa indikatur tal-valur ta’ likwidazzjoni li l-Kummissjoni kisbet billi aġġustat il-valur kontabilistiku tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir (SKK 63 miljun; ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27) bl-istess proporzjon li użat EKORDA fl-analiżi tagħha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26). Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, meta wieħed iqis l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki, ir-riċevibbli ta’ SKK 63 miljun kienu riċevibbli infurzabbli. Għalhekk, huwa tassew dubjuż jekk hemmx verament bżonn ta’ aġġustament tal-valur kontabilistiku tagħhom. Jekk il-valur ta’ likwidazzjoni ta’ dawn ir-riċevibbli fil-verità huwa SKK 63 miljun, ir-rendiment totali fi proċedura ta’ falliment fis-17 ta’ Ġunju 2004 kellu jkun ta’ SKK 331 miljun (EUR 8,7 miljun).
(28) Din iċ-ċifra hija kkontestata mill-awtoritajiet Slovakki, kif spjegat hawn taħt.
(29) Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, il-benefiċjarju sostna li l-valur tal-assi mhux kurrenti tiegħu, imwiegħda għall-Uffiċċju tat-Taxxa, kien ta’ SKK 194 miljun. Din hija l-evalwazzjoni ta’ stimatur indipendenti, espressa bħala “prezz ta’ espert”. Dan il-prezz għandu jkun indikatur li jesprimi b’liema prezz setgħu jinbiegħu l-assi f’dak iż-żmien. Jaqbel li jiġi indikat li dan huwa prezz minimu; l-awtoritajiet Slovakki stmaw il-prezz tal-assi mwiegħda għal SKK 397 miljun.
(30) Il-fattur ta’ likwidazzjoni użat huwa ta’ 52 %. Dan il-fattur ta’ likwidazzjoni jista’ jiġi derivat mill-fatt li l-benefiċjarju kien indika li kien beħsiebu jiġbor tal-inqas SKK 110 miljun mill-bejgħ tal-ħażna għall-finijiet tal-iffinanzjar tal-arranġament. Madankollu, abbażi tal-valur kontabilistiku ta’ SKK 209 miljun, dan seta’ jiġri biss jekk il-fattur ta’ likwidazzjoni għall-ħażna kien ta’ mill-inqas 52 % (SKK 110 miljun/SKK 209 miljun).
(31) Dan huwa l-valur kontabilistiku (SKK 166 miljun) aġġustat minn EKORDA biex jirrifletti l-valur ta’ likwidazzjoni tal-ammonti riċevibbli.
(32) Dan huwa l-valur tal-ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir wara l-aġġustament tal-valur kontabilistiku tagħhom (SKK 63 miljun) b’fattur ta’ 59 % użat minn EKORDA. Ma hemm l-ebda raġuni ovvja li għaliha l-valur ta’ likwidazzjoni għandu jkun aktar baxx wara aġġustament bħal dan.
(33) Huwa nnutat li r-rapporti l-oħra ppreżentati mill-benefiċjarju (jiġifieri r-rapporti ta’ EKORDA u tas-Sinjura Kochová) jikkalkulaw perċentwali tal-kostijiet kemxejn ogħla, ta’ madwar 22 %. Madankollu, peress li l-proċedura f’dan il-każ probabbilment tieħu inqas żmien mill-proċeduri ta’ falliment tas-soltu, jidher li ma hemm l-ebda raġuni li għaliha l-kostijiet għandhom ikunu saħansitra ogħla minn dawk tal-proċeduri tas-soltu, kif irreġistrat fir-Rapport tal-Bank Dinji. Jekk xejn, jista’ jkun mistenni li n-numru baxx ta’ kredituri u l-istruttura sempliċi tad-dejn (aktar minn 99 % f’idejn kreditur wieħed) ikunu jwasslu għal kostijiet iktar baxxi minn dawk medji.
(34) Kien ikun irċieva 100 % tal-assi mwiegħda (SKK 194 miljun), flimkien ma’ aktar minn 99 % tar-rikavati ġġenerati mill-bejgħ tal-assi li jifdal.
(35) Ir-rendiment mill-bejgħ tal-assi tal-benefiċjarju jkun jammonta għal SKK 275 miljun (ara t-Tabella 4). Wara li jitnaqqsu l-kostijiet tal-proċedura ta’ falliment, li skont il-benefiċjarju kienu jikkostitwixxu 18 % tar-rendiment mill-bejgħ tal-assi, jiġifieri, SKK 49,5 miljun, l-Uffiċċju tat-Taxxa kien jirċievi SKK 225,5 miljun.
(36) Il-Kawża T-152/99, HAMSA [2002] Ġabra II-3058, il-paragrafu 168.
(37) Ir-rapport tas-Sinjura Kochová – sentejn, ir-rapport tas-Sinjura Holovačová – aktar minn sitt snin, ir-rapport tal-Bank Dinji tal-2004 – 4,8 snin, ir-rapport tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk u r-rapport tal-Bank Dinji tal-2002 – bejn 3 u 7 snin.
(38) L-eżempju mogħti mill-benefiċjarju fil-kummenti tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2005 jirreferi għall-falliment iddikjarat ta’ Liehofruct White Lady Distillery, s.r.o. Levoča.
(39) Fl-2004, ir-rata tal-imgħax għall-bonds tal-gvern b’maturità ta’ bejn tlieta u ħames snin kienet tvarja bejn 4,06 % u 5,14 %. Sabiex wieħed iżomm lat konservattiv, il-kalkolu jikkunsidra l-ogħla rata; dik ta’ 5,14 %.
(40) Il-valur tal-assi kurrenti = ħażniet (SKK 43 miljun) + ammonti riċevibbli ta’ terminu qasir (SKK 37 miljun) + flus kontanti (SKK 161 miljun) = SKK 241 miljun.
(41) Mill-ittra, wieħed jista’ jiddeduċi li l-Ministeru kien jaqbel ma’ arranġamenti li jikkonsistu f’differiment ta’ pagament ta’ mhux aktar minn xahrejn għall-VAT u għad-dazji tas-sisa u ta’ sitt xhur għal taxxi oħra.
(42) Il-Kawża T-152/99 HAMSA, imsemmija hawn fuq, il-paragrafu 126;
(43) Ara pereżempju, il-Kawża C-342/96 Spanja vs. il-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq, il-paragrafu 46.
(44) Ara b’analoġija, il-Kawża C-124/10 P Il-Kummissjoni vs. EDF, imsemmija hawn fuq, il-paragrafi 79 u 80.
(45) Ma jidhirx li dawn iċ-ċifri huma sostnuti mill-kontijiet annwali ppreżentati mill-benefiċjarju.
(46) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(47) ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.
(48) ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33.
(49) Ara wkoll il-Kawża C-17/99 Franza vs. il-Kummissjoni [2001] Ġabra I- 2481.
(50) Skont il-Linji Gwida tal-2004, il-livell limitu għall-intrapriżi ta’ daqs medju huwa minn tal-inqas 40 %.
(51) ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.
ANNESS
INFORMAZZJONI RIGWARD L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
1. Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat
1.1. |
Ipprovdi d-dettalji segwenti dwar l-ammont ta’ għajnuna illeċita mill-Istat li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju:
Kummenti: |
1.2. |
Spjega fid-dettall kif se jiġu kkalkulati l-imgħaxijiet li għandhom jitħallsu fuq l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata. |
2. Miżuri ppjanati u diġà meħuda biex tiġi rkuprata l-għajnuna
2.1. |
Iddeskrivi fid-dettall x’miżuri huma ppjanati u x’miżuri diġà ttieħdu biex jitwettaq l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna. Indika wkoll, fejn rilevanti, il-bażi legali għall-miżuri meħuda/ippjanati. |
2.2. |
X’inhi l-iskeda taż-żmien għall-proċess tal-irkupru? Meta se jkun lest l-irkupru tal-għajnuna? |
3. Irkupru diġà mwettaq
3.1. |
Ipprovdi d-dettalji segwenti dwar l-ammonti tal-għajnuna li ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju:
|
3.2. |
Ehmeż prova tar-rimborż tal-ammonti ta’ għajnuna mniżżla fit-tabella taħt il-punt 3.1 hawn fuq. |
(o) |
Id-data jew id-dati li fihom l-għajnuna jew il-pagamenti individwali tal-għajnuna tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju. |
(*) Ammont tal-għajnuna għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (f’ekwivalenti gross tal-għajnuna).
(o) |
Data/Dati li fiha/fihom l-għajnuna ġiet rimborżata |