Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0297

    2014/297/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta' Mejju 2013 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33728(12/C) li d-Danimarka qed tippjana li timplimenta favur il-finanzjament ta' arena multifunzjonali ġdida f'Kopenħagen (notifikata bid-dokument C(2013) 2740) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 152, 22.5.2014, p. 32–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 152, 22.5.2014, p. 19–19 (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/297/oj

    22.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 152/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta' Mejju 2013

    dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33728(12/C) li d-Danimarka qed tippjana li timplimenta favur il-finanzjament ta' arena multifunzjonali ġdida f'Kopenħagen

    (notifikata bid-dokument C(2013) 2740)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/297/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (1) u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fis-7 ta' Diċembru 2011, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b'miżura għall-finanzjament ta' arena multifunzjonali ġdida f'Kopenħagen wara fażi ta' qabel in-notifika. Il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti dwar il-miżura proposta u fil-21 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Daniżi, fil-forma ta' talba għall-informazzjoni, biex jiċċaraw il-kwistjonijiet imressqa fl-ilmenti. L-awtoritajiet Daniżi ppreżentaw it-tweġiba tagħhom fis-6 ta' Frar 2012.

    (2)

    Permezz ta' ittra datata t-22 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju dwar id-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward ta' din l-għajnuna.

    (3)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (2) Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

    (4)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand sitt partijiet interessati. Hija għaddiethom lid-Danimarka, li ngħatat l-opportunità li tirreaġġixxi; il-kummenti tagħha waslu permezz ta' ittri datati s-26 ta' Lulju 2011 u l-15 ta' Awwissu 2012.

    (5)

    L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew kjarifiki addizzjonali f'Diċembru 2012 u Jannar 2013. L-operatur magħżul issottometta wkoll aktar kjarifiki f'Jannar 2013. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi, fuq talba, iċċaraw kwistjonijiet imqajma minn artikolu ta' gazzetta Daniża rigward l-arena multifunzjonali.

    (6)

    L-awtoritajiet Daniżi rtiraw l-għotja mir-Reġjun Hovedstaden (jiġifieri, mir-reġjun tal-Kapitali tad-Danimarka/ir-Reġjun Kapitali ta' Kopenħagen) min-notifika (3) b'ittra datata s-6 ta' Marzu 2013.

    (7)

    L-awtoritajiet Daniżi pprovdew rinunzja tal-lingwi u jaqblu li d-deċiżjoni se tiġi adottata fl-Ingliż bħala l-lingwa awtentika.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

    (8)

    Il-Belt ta' Kopenħagen qed tippjana li tibni “arena multifunzjonali” ta' standard internazzjonali, li tkun tista' toffri faċilitajiet għal avvenimenti mużikali, kulturali u sportivi b'livell internazzjonali għoli. L-arena multifunzjonali se jkollha kapaċità massima ta' 15 000 post bilqiegħda.

    (9)

    Hemm areni oħrajn eżistenti f'Kopenħagen, primarjament intenzjonati għall-futbol, iżda l-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li dawn mhumiex biżżejjed flessibbli u adattabbli biex jattiraw sports, mużika u divertiment u avvenimenti ta' livell internazzjonali għal Kopenħagen. B'mod partikolari għandu jissemma “Parken”, arena fiċ-ċentru ta' Kopenħagen (it-territorju domestiku ta' FC Copenhagen u użata wkoll għal wirjiet ta' divertiment/kunċerti kbar sa 45 000 spettatur). Jeżistu wkoll areni oħra fil-qrib, pereżempju, f'Malmö, l-Isvezja.

    (10)

    Il-partijiet ewlenin (minn issa 'l quddiem “il-partijiet”) involuti fil-proġett tal-arena multifunzjonali huma l-Belt ta' Kopenħagen u Realdania (fondazzjoni privata) (4). By & Havn, attur ieħor involut (fejn il-Belt ta' Kopenħagen għandu pussess (55 %) u tal-Istat Daniż (45 %)) se jipprovdi mingħajr ħlas, id-dritt li tintuża l-art li fuqha għandha tinbena l-arena multifunzjonali.

    (11)

    Skont l-awtoritajiet Daniżi, huwa ċar minn tentattivi li saru qabel li ma rnexxewx għall-bini ta' arena fuq inizjattiva privata waħedha, li l-ebda arena multifunzjonali mhi se tinbena f'Kopenħagen sakemm il-proġett ma jirċevix kofinanzjament pubbliku.

    2.1.   IL-FINANZJAMENT TAL-KOSTRUZZJONI TAL-ARENA

    (12)

    Il-Partijiet se jwaqqfu b'sjieda konġunta “Arena Company”, li l-għan tagħha se jkun li tinbena l-arena multifunzjonali u li tkun sidha u li tamministra l-ftehim ta' operatur (billi t-tħaddim tal-arena multifunzjonali se jkun f'idejn operatur separat kif spjegat hawn taħt). Ix-xogħol ta' kostruzzjoni nnifsu se jingħata permezz ta' sejħa miftuħa għall-offerti.

    (13)

    L-ispejjeż kollha involuti fl-ippjanar u fil-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali se jkunu jammontaw għal bejn wieħed u ieħor DKK 1 100 miljun (EUR 148 miljun) (5). Il-proġett tal-arena multifunzjonali se jiġi ffinanzjat mal-kapital tal-partijiet flimkien b'finanzjament minn dejn estern. Kull waħda mill-partijiet se tikkontribwixxi DKK 325 miljun (EUR 43,7 miljun) għall-kapital ta' Arena Company (total ta' DKK 650 miljun) u kull waħda minnhom tkun is-sid ta' 50 %. Il-finanzjament estern DKK 345 miljun (EUR 46,4 miljun) se jkun kopert permezz ta' self fuq termini tas-suq bi ħlas lura f'perjodu ta' 30 sena. Elitefacilitetsudvalget (6) se jikkontribwixxi wkoll DKK 15-il miljun (EUR 2 miljun) għall-finanzjament fil-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali.

    (14)

    By & Havn għandha tipprovdi d-dritt li tintuża l-art li fuqha għandha tinbena l-arena multifunzjonali bla ħlas għall-ewwel 40 sena. Wara 40 sena l-Arena Company għandha tħallas il-prezz tas-suq.

    2.2.   IT-TĦADDIM U L-UŻU TAL-ARENA

    (15)

    L-Arena Company se tiġġestixxi l-ftehim tal-operat, madankollu, it-tħaddim effettiv tal-arena multifunzjonali se jkun f'idejn operatur separat li ġie magħżul fi proċedura ta' offerta miftuħa u trasparenti (7). L-operatur tal-arena se jkun obbligat jiżgura li l-aċċess għall-arena multifunzjonali jkun miftuħ għall-utenti kollha fuq kundizzjonijiet mhux diskriminatorji bi prezzijiet tas-suq.

    (16)

    Wara l-proċedura tal-offerti, id-diviżjoni Daniża tal-Live Nation Entertainment group rebħet id-dritt li topera l-arena għal 30 sena. Il-Live Nation Entertainment group hi l-akbar kumpanija tal-mużika u d-divertiment live, u topera permezz ta' kumpaniji lokali f'kull territorju.

    (17)

    L-operaturor hu obbligat li jħallas kera fissa annwali ta' (*)[…] (8) għad-dritt li jopera l-arena (pagament fiss irrispettivament min-numru ta' avvenimenti organizzati) lill-Arena Company u kera varjabbli […]. Barra minn hekk, l-operatur irid iħallas […] dovuti skont il-kuntratt ta' kera u għalhekk l-operatur effettivament iħallas l-ispejjeż kollha varjabbli tal-arena.

    (18)

    Barra minn hekk, l-Arena Company se jkollha dħul minn parkeġġ tal-karozzi u l-awtoritajiet Daniżi assiguraw li l-ftehimiet kollha dwar il-parkeġġ tal-karozzi ġew negozjati u konklużi fuq bażi kummerċjali. Huwa previst li ser ikun hemm tali konnessjoni bejn il-finanzjament estern u l-kera mħallsa mill-operatur li d-dħul imdaħħal ikun jista' jħallas finanzjament estern.

    (19)

    Għall-ewwel 10 snin ta' ħidma, il-federazzjoni sportiva nazzjonali tad-DIF (9) se tipprovdi wkoll għotja operattiva ta' DKK 5 miljun (EUR 672 000) kull sena. Bi tpattija d-DIF se jkollha d-dritt li tuża l-arena multifunzjonali għal kampjonati sportivi internazzjonali u avvenimenti sportivi oħra. Skont l-awtoritajiet Daniżi, id-DIF għandha tħallas il-prezz tas-suq lill-operatur kull meta tuża l-arena.

    2.3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

    (20)

    Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ investigazzjonijiet formali, il-Kummissjoni sabet li vantaġġ ekonomiku selettiv ma jistax ikun eskluż f'kull livell (il-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-użu) u konsegwentement il-proġett jista' jinvolvi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-kofinanzjament pubbliku tal-arena multifunzjonali aktarx joħloq distorsjoni, jew għall-anqas, jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollu effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tiddubita kemm f'dan l-istadju il-proġett propost jista' jitqies bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, fir-rigward tat-tliet livelli kollha ta' għajnuna possibbli (il-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-użu).

    3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

    (21)

    Kif imsemmi, il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti dwar il-miżura proposta, li t-tnejn jgħidu li l-proġett tal-arena multifunzjonali se joħolqu distorsjoni jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan l-industrija tal-avvenimenti, b'mod partikolari fis-suq għall-ilqugħ ta' avvenimenti ta' divertiment live ta' daqs medju u kbir, u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri peress li se jkunu qed jikkompetu mal-operatur tal-arena fi Stati Membri oħra.

    (22)

    Kummenti favur l-arena multifunzjonali waslu mill-partijiet interessati fir-reġjun ta' Kopenħagen: (i) Sport Event Denmark (organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ); (ii) Team Danmark (istituzzjoni pubblika awtonoma responsabbli għall-iżvilupp kumplessiv ta' Sports tal-Ogħla Livell Daniżi); u (iii) Horesta u Wonderful Copenhagen (organizzazzjonijiet tat-turiżmu).

    (23)

    Wieħed mill-ilmentaturi jmur lil hinn fil-valutazzjoni tal-proġett billi jiddikjara li dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern minħabba l-effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni bejn postijiet biex jospitaw avvenimenti ta' divertiment live ta' daqs medju u kbir (inkluż f'partijiet l-aktar viċini tal-Isvezja u anke l-Ġermanja), li mbagħad jistgħu jiġu aggravati permezz ta' theddida ta' esklużjoni vertikali […]. L-ilmentatur jistaqsi wkoll dwar l-istqarrija tal-awtoritajiet Daniżi li se jkun hemm biss trikkib limitat ma' faċilitajiet eżistenti u li l-arena multifunzjonali prinċipalment se tattira avvenimenti lejn Kopenħagen li ma jistgħux jiġu organizzati f'faċilitajiet eżistenti bħalissa.

    (24)

    L-ilmentatur ieħor jindika wkoll l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fil-każ tas-suq tar-Reġjun Öresund, partikolarment rigward kunċerti minn artisti internazzjonali, kif ukoll mistoqsijiet dwar il-proċedura tal-offerti għat-tħaddim tal-arena.

    (25)

    Wara artikolu f'gazzetta Daniża dwar l-arena multifunzjonali, waslu xi kummenti oħrajn ukoll.

    4.   KUMMENTI MID-DANIMARKA

    (26)

    L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li l-miżura proposta ma tinvolvix għajnuna mill-Istat li tirreferi għall-prassi preċedenti tal-Kummissjoni fejn, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-appoġġ għall-infrastruttura jista' ma jiġix interpretat bħala li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u li l-kwistjoni ta' għajnuna mill-Istat għandha tiġi vvalutata separatament għal kull wieħed mid-diversi livelli differenti kkonċernati (is-sid, l-operatur u l-utenti).

    (27)

    L-awtoritajiet Daniżi jiffokaw l-argumenti tagħhom fuq, fil-fehma tagħhom, in-nuqqas ta' vantaġġ ekonomiku u jiddikjaraw li l-ebda mill-partijiet involuti fil-proġett ma jiksbu vantaġġ finanzjarju, direttament jew indirettament, bħala konsegwenza ta' kofinanzjament pubbliku.

    (28)

    Jekk il-proġett tal-arena multifunzjonali nstab li jinvolvi għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li għandu jitqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Huma jargumentaw li b'mod partikolari dan li ġej għandu jittieħed inkonsiderazzjoni:

    Hemm falliment tas-suq (il-proġett ma jsirx fin-nuqqas ta' kofinanzjament pubbliku),

    Il-kofinanzjament pubbliku huwa limitat għall-ammont strettament meħtieġ sabiex jitwettaq il-proġett,

    Il-finanzjament jiġi użat esklussivament għall-istabbiliment (kostruzzjoni) tal-faċilità hekk kif l-operazzjoni sussegwenti se ssir bil-kundizzjonijiet tas-suq,

    Il-kostruzzjoni ta' dawn il-postijiet jikkostitwixxi t-tiswir ta' responsabbiltà tal-Istat tipika lejn il-pubbliku ġenerali, u

    L-arena multifunzjonali sa punt limitat ħafna biss se tkun qed tikkompeti għal avvenimenti li aktarx kienu jseħħu f'postijiet oħra f'Kopenħagen minħabba li l-arena multifunzjonali se tipprovdi faċilitajiet differenti.

    (29)

    L-awtoritajiet Daniżi ressqu wkoll rapport, imħejji minn konsulent ekonomiku indipendenti, Copenhagen Economics, tal-impatti pożittivi u negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ mill-arena multifunzjonali, li fil-qosor jikkonkludi li l-kofinanzjament pubbliku jġib miegħu kisbiet konsiderevoli fil-benesseri ekonomiku u l-effetti antikompetittivi huma ftit li xejn, jew saħansitra negliġibbli.

    (30)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi, fuq talba, iċċaraw kwistjonijiet imqajma minn artikolu ta' gazzetta Daniża rigward l-arena multifunzjonali.

    5.   IL-VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

    5.1.   L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT

    (31)

    Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

    (32)

    Sabiex ikun ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, il-proġett notifikat għandu b'hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: 1) il-miżura għandha tingħata permezz ta' riżorsi tal-Istat; 2) trid tagħti vantaġġ ekonomiku lil impriżi; 3) dan il-vantaġġ irid ikun selettiv u ta' distorsjoni jew jhedded li jagħmel distorsjoni tal-kompetizzjoni; u 4) il-miżura trid taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju.

    (33)

    Fir-rigward tar-rekwiżit li l-miżura għandha tingħata permezz ta' riżorsi tal-Istat u attribwibbli għall-Istat, dan il-kriterju huwa manifestament issodisfat f'dan il-każ hekk kif il-belt ta' Kopenħagen, kif ukoll awtoritajiet pubbliċi oħra (ara aktar 'l isfel) ser jikkontribwixxu għotja diretta u jipprovdu l-art fejn għandha tinbena l-arena. Dawn l-awtoritajiet pubbliċi u parti mill-Istat u r-riżorsi tagħhom huma b'hekk meqjusa attribwibbli għall-Istat.

    (34)

    Il-finanzjament mill-Istat fil-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali jista' jikkostitwixxi għajnuna jekk din twassal għal vantaġġ selettiv għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi. F'dan il-kuntest, il-finanzjament tal-kostruzzjoni ta' infrastruttura għal attivitajiet kummerċjali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, skont is-sentenza dwar l-ajruport Leipzig/Halle tal-Qorti tal-Ġustizzja (10), jekk ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 107(1) huma sodisfatti. Skont il-valutazzjoni tal-Qorti, il-karattru ekonomiku tal-użu aktar tard tal-infrastruttura se jiddetermina n-natura tal-kostruzzjoni. F'dan il-każ, l-arena se tintuża biex tipprovdi servizzi f'suq, għalhekk għal attività ekonomika. Konsegwentement, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk hemmx għajnuna mill-Istat lill-atturi differenti involuti fil-proġett.

    Il-Kostruzzjoni tal-arena

    (35)

    L-awtoritajiet Daniżi jirrikonoxxu li l-proġett tal-arena multifunzjonali ma kienx isir permezz tal-forzi tas-suq waħedhom u li l-kofinanzjament pubbliku hu meħtieġ biex ikun realizzat kif jixhed tentattiv bla suċċess fl-2009 biex tinbena arena multifunzjonali minħabba nuqqas ta' fondi neċessarji (11).

    (36)

    Fir-rigward tar-rekwiżit li l-miżura għandha tingħata permezz ta' riżorsi tal-Istat u attribwibbli għall-Istat, dan il-kriterju huwa ssodisfat b'mod ċar rigward il-finanzjament mill-Belt ta' Kopenħagen u l-għoti ta' art minn By & Havn (propjetà tal-Belt ta' Kopenħagen u l-Istat Daniż). Il-Belt ta' Kopenħagen u l-Istat Daniż jikkostitwixxu b'mod ċar awtoritajiet pubbliċi li jużaw riżorsi li huma tal-Istat u/jew ikkontrollati minnu.

    (37)

    L-għotja wkoll (għall-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali) minn Elitefacilitetsudvalget (kumitat bil-għan li jkunu modernizzati faċilitajiet sportivi fuq kull standard internazzjonali bil-għan li jospitaw avvenimenti sportivi f'livell internazzjonali), li aktarx hija mill-inqas parzjalment iffinanzjata mill-Istat Daniż, tikkostitwixxi riżorsi tal-Istat. L-istatuti ta' Elitefacilitetsudvalget huma determinati mill-Ministeru tal-Kultura, li għandu wkoll kuntratt ta' prestazzjoni ma' Elitefacilitetsudvalget matul il-perjodu ta' finanzjament. Għalhekk, fir-rigward tal-finanzjament li jirċievi mingħand l-Istat Daniż, li min-naħa tiegħu se juża/jagħti għotja fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-interventi tiegħu huma meqjusa attribwibbli għall-Istat.

    (38)

    Il-kontribuzzjoni tal-Istat għall-kostruzzjoni tal-arena, inkluż l-għoti ta' art u l-għotja minn Elitefacilitetsudvalget, tagħti vantaġġ ekonomiku lil Arena Company (is-sid tal-arena multifunzjonali), hekk kif huwa meħtieġ għall-kostruzzjoni tal-arena li ma kinitx tinbena fuq termini tas-suq. Peress li l-fondi involuti huma ovvjament riżorsi tal-Istat u d-deċiżjoni li tagħmel l-għotja hija imputabbli lill-Istat, il-kriterji l-oħra kollha ta' għajnuna mill-Istat huma sodisfatti (minn hawn 'il quddiem ara l-eżami ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju bejn l-Istati Membri). Konsegwentement, il-kontribuzzjoni tal-Istat għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Arena Company.

    (39)

    Madankollu, rigward l-għotjiet minn DIF, l-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li dawn il-pagamenti mhumiex riżorsi tal-Istat. DIF jirċievi parti kbira tad-dħul tiegħu minn għotjiet annwali mingħand l-Istat Daniż (mir-rikavat mis-suq tal-logħob tal-azzard Daniż) iżda wkoll minn sorsi oħrajn (mhux pubbliċi). Skont ir-regoli tad-DIF, il-korpi ta' tmexxija jiġu eletti mingħajr ebda influwenza minn awtoritajiet pubbliċi u mingħajr ma jinfluwenzaw id-deċiżjoni individwali adottati mill-korpi ta' tmexxija tad-DIF. Għalhekk, la l-Istat Daniż u lanqas l-ebda korp pubbliku ieħor ma għandu l-ebda influwenza fuq id-deċiżjoni adottata permezz tad-DIF. Barra minn hekk, l-ammont annwali li għandu jitħallas minn DIF huwa pagament għad-dritt biex tirriżerva l-arena għal użi speċifiċi li huma fl-interess tad-DIF stess skont id-deċiżjoni tad-DIF li jidħol fi ftehim biex iħallas għad-dritt li tirriżerva l-arena. Konsegwentement, skont l-opinjoni tal-awtoritajiet Daniżi, il-pagamenti minn DIF ma jistgħux ikunu attribwibbli lill-Istat, u għaldaqstant mhux ikkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    It-tħaddim tal-arena

    (40)

    It-tħaddim tal-arena ġie offrut, skont l-awtoritajiet Daniżi, billi tqiesu bis-sħiħ il-prinċipji tar-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku tal-UE u l-operatur ġie magħżul b'offerta miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, li fiha l-prezz (proċedura finanzjarja u termini kummerċjali) ingħata piż relattiv ta' bejn wieħed u ieħor 75 %. Il-partijiet interessati kollha kellhom opportunità ugwali biex jitfgħu offerta għal kuntratt ta' operat u l-kuntratt ingħata lill-offerent li għamel l-aħjar offerta.

    (41)

    L-offerta tnediet f'April 2011 u kienet reklamata b'mod wiesa' (12). Il-proġett ospita wkoll Open Day Project f'Kopenħagen għall-partijiet interessati kollha.

    (42)

    Memorandum ta' Informazzjoni u kwestjonarju ta' prekwalifikazzjoni (“PQQ”) kienu maħruġa għall-partijiet interessati kollha (13). Il-partijiet kollha li ssottomettew it-tweġibiet PQQ issodisfaw ir-rekwiżiti tal-Imsieħba tal-Proġett u għalhekk kienu mistiedna biex javvanzaw lejn l-Istadju 1 tal-kompetizzjoni ta' akkwist f'Ġunju 2011. Tliet offerti tal-Istadju 1 ġew sottomessi u żewġ offerenti ġew elenkati f'lista ta' għażla għall-Istadju 2 u aktar tard issottomettew offerti. L-evalwazzjoni ta' dawn iż-żewġ offerti wasslet għall-kuntratt ma' Danish Venue Enterprise (parti minn Live Nation Entertainment) (14). Il-valutazzjoni inkludiet s-saħħa tal-offerta finanzjarja, termini legali, rekwiżiti għal faċilitajiet, servizzi u kapaċità ta' twassil u riskju. Iż-żewġ offerti kienu b'saħħithom, iżda l-operatur magħżul ġab l-ogħla marka fil-parti l-kbira tal-kategoriji, u b'mod partikolari, offra kuntratt ta' kera fiss li kien ogħla b'mod sinifikanti mill-offerenti l-oħrajn.

    (43)

    L-operatur magħżul se jħallas il-kera li tikkonsisti f'kera fissa annwali ta' […] u kera varjabbli […]. L-operatur għandu jħallas ukoll […] id-dovuti skont il-kuntratt ta' kera u għalhekk l-operatur effettivament iħallas l-ispejjeż kollha varjabbli bħala parti mill-kuntratt ta' kera, inklużi l-ispejjeż tal-manutenzjoni. Il-kuntratt ta' kera jiġi konkluż għal terminu ta' […] snin (l-offerti kollha kellhom ikunu għal mill-inqas 25 sena u l-operatur ikun spjega li kuntratti fit-tul minn 20-30 sena mhumiex rari f'dan in-negozju).

    (44)

    Filwaqt li dawn l-arranġamenti jnaqqsu l-vantaġġ lill-operatur magħżul għall-minimu neċessarju sabiex jiżguraw it-tħaddim tal-infrastruttura, vantaġġ lill-operatur ta' din l-arena ġdida ma tistax jiġi eskluż. Madankollu, minħabba li din it-tip ta' għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern, kif muri aktar 'l isfel, m'hemmx għalfejn issir skoperta definittiva dwar l-eżistenza ta' għajnuna.

    L-użu tal-arena

    (45)

    Skont il-kuntratt ta' kera, l-operatur irid jagħmel l-arena multifunzjonali disponibbli għal varjetà ta' gruppi ta' utenti u għal varjetà ta' attivitajiet (b'enfasi fuq divertiment live, kultura u sport) u ma jista' jagħti trattament preferenzjali lil ebda tip partikolari ta' attivitajiet biex jiżgura użu tal-arena multifunzjonali. Biex jiġi żgurat li l-utenti jiġu ċċarġjati fuq termini tas-suq, il-kuntratt ta' kera jiddikjara li “r-rati imposti għall-użu għandhom ikunu dejjem ir-rati tas-suq miksuba raġonevolment fis-suq miftuħ għal dak l-użu partikolari” (15). Il-ħin tal-arena jista' wkoll ma jkunx b'mod predominanti assenjat lil ċerti utenti “ddedikati”. Għalhekk, l-arena hi multifunzjonali u miftuħa għal kulħadd mingħajr utenti kaptivi.

    (46)

    Il-kuntratt ta' kera jgħid ukoll li r-rati imposti għall-użu għandhom ikunu fuq ir-rati tas-suq miksuba raġonevolment fis-suq miftuħ għal dak l-użu partikolari. Barra minn hekk, l-operatur huwa kumpanija privata bi ħtieġa li jkopri l-ispejjeż tiegħu u tabilħaqq li jagħmel profitt, u huwa liberu li jiffissal-prezzijiet fuq bażi kummerċjali u ma jistax jiddiskrimina bejn utenti.

    (47)

    Il-kiri ta' arena jista' jikkostitwixxi għajnuna għall-utenti, jekk l-utenti jistgħu jitqiesu bħala impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat u jekk il-kera li jħallsu hija inqas mill-kera għall-użu ta' infrastruttura komparabbli taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Utenti mhux professjonali ma jikkwalifikawx bħala impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat. Madankollu f'dan il-każ, minħabba li din it-tip ta' għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern, kif muri aktar 'l isfel, m'hemmx għalfejn issir skoperta definittiva dwar l-eżistenza ta' għajnuna.

    L-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

    (48)

    L-Arena hi ppjanata bħala arena multifunzjonali għal ħafna tipi ta' avvenimenti (mużika, kultura u sport) ta' livell għoli, fuq livell internazzjonali. Billi s-suq tal-organizzazzjoni ta' dan it-tip ta' avvenimenti internazzjonali huwa miftuħ għall-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-istabbiliment u l-organizzaturi ta' avvenimenti, l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista' jiġi mbassar, filwaqt li jitqies il-post fejn tinsab ippjanata l-arena multifunzjonali (qrib ħafna n-nofsinhar tal-Isvezja bil-karozza jew bil-ferrovija) u li areni oħra jeżistu kemm f'Kopenħagen u fi bliet viċini (inklużi Stati Membri oħra.

    (49)

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fl-ordni tagħha dwar il-kumpless Ahoy fil-Pajjiżi l-Baxxi, sostniet li ma kien hemm l-ebda raġuni biex is-suq jiġi limitat għat-territorju ta' dak l-Istat Membru (16). Bħal fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni għalhekk tqis li għajnuna lill-arena tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    5.2.   KOMPATIBBILTÀ

    (50)

    L-awtoritajiet Daniżi argumentaw li jekk il-miżura tinstab li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din għandha tiġi ddikjarata kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Sabiex miżura proposta tinstab kompatibbli mas-suq intern skont din id-deroga, il-Kummissjoni teżamina jekk ssegwix objettiv ta' politika ta' interess komuni, kif ukoll jekk hix meħtieġa u proporzjonali u ma tikkawżax distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni.

    (51)

    Rigward il-kisba ta' għan tal-politika ta' interess komuni, huwa nnotat li l-kostruzzjoni ta' postijiet għall-isport u avvenimenti pubbliċi oħrajn u li jappoġġjaw id-diversi tipi ta' attivitajiet li jgawduhom il-pubbliku ġenerali jista' jitqies bħala responsabbiltà tal-Istat, b'mod partikulari fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta' Amsterdam dwar l-Isport u l-Artikolu 165 tat-Trattat, “l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija 'l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isports, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tagħha.”

    (52)

    Minbarra avvenimenti sportivi, l-arena se tintuża wkoll għal avvenimenti kulturali (kunċerti, wirjiet ta' divertiment), u bħala tali tikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-diversità kulturali fid-dawl tal-Artikolu 167(4) tat-Trattat. Barra dan, se tikkontribwixxi għal benesseri globali permezz ta' żieda fil-provvista ta' offerti kulturali u xi impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

    (53)

    Hekk kif l-arena se tiżgura aċċess miżjud għall-pubbliku ġenerali u prattika għall-isport u l-kultura, b'mod partikolari meta wieħed jikkunsidra l-karattru tal-arena multifunzjonali u n-nuqqas ta' kapaċità u/jew faċilitajiet oħrajn adegwati għal avvenimenti sportivi u kulturali f'Kopenħagen, il-Belt ta' Kopenħagen se tkun issodisfat ir-responsabbiltà tagħha lill-pubbliku ġenerali billi tagħmel possibbli l-proġett tal-arena u b'hekk jiġu attirati aktar avvenimenti kulturali, mużikali u sportivi lejn Kopenħagen. Ir-realizzazzjoni tal-arena għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa għanijiet politiċi ta' interess komuni.

    (54)

    Matul il-proċedura, l-awtoritajiet Daniżi rtiraw l-għotja mir-Reġjun ta' Hovedstaden min-notifika. Dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura proposta, l-awtoritajiet Daniżi wrew ukoll matul il-proċedura l-ħtieġa tal-arena multifunzjonali ta' kapaċità addizzjonali u li hemm kemm nuqqas ta' kapaċità f'areni eżistenti kif ukoll li areni eżistenti ma jkunux xierqa għal ċerti tipi ta' avvenimenti (pereżempju, areni oħra eżistenti f'Kopenħagen jew mhumiex flessibbli biżżejjed jew ma jistgħux jiġu mmodulati biex jattiraw avvenimenti sportivi, ta' mużika u divertiment, internazzjonali lejn Kopenħagen). Għalhekk, l-arena multifunzjonali l-ġdida tikkompeti għal avvenimenti li aktarx li jsiru f'postijiet oħra f'Kopenħagen biss sa ċertu punt limitat ħafna minħabba li l-arena multifunzjonali se tipprovdi faċilitajiet differenti u tospita firxa ta' avvenimenti ġodda li bħalissa ma jistgħux isseħħu f'Kopenħagen, u b'hekk jiżdied l-għadd ta' avvenimenti kif spjegat f'aktar dettall hawn taħt.

    (55)

    Għalkemm areni oħra jeżistu kemm f'Kopenħagen u kemm fi bliet viċini (inklużiStati Membri oħra), il-Kummissjoni tqis li d-Danimarka wriet in-nuqqas ta' kapaċità, għall-inqas għal ċerti tipi ta' avvenimenti, u kkonfermat li l-arena l-ġdida se tikkomplementa aktar milli tissostitwixxi l-areni eżistenti. L-awtoritajiet Daniżi spjegaw ukoll li l-arena l-ġdida x'aktarx se twassal għal żieda ġenerali fil-provvista ta' avvenimenti kulturali, mużikali u sportivi aktar milli sostituzzjoni sempliċi ta' postijiet.

    (56)

    L-arena multifunzjonali se tintuża għal avvenimenti kulturali, mużikali u sportivi fuq skala kbira ta' ġewwa. Il-faċilitajiet flessibbli tagħha se jkunu adatti għal avvenimenti sportivi, kampjonati, kunċerti, wirjiet ta' divertiment, avvenimenti kulturali, kungressi, esibizzjonijiet, eċċ. b'kapaċità ta' 12 500 għal avvenimenti sportivi, u 15 000 għal avvenimenti mużikali. Ma jistgħux isiru logħbiet tal-futbol hemmhekk.

    (57)

    Postijiet oħra eżistenti f'Kopenħagen huma primarjament Parken, l-istejdjum nazzjonali tal-futbol fiċ-ċentru ta' Kopenħagen (il-grawnd domestiku ta' FC Copenhagen u użat ukoll għal spettakli/kunċerti kbar b'kapaċità ta' madwar 45 000–50 000 spettatur) u Forum Copenhagen (post ta' ġewwa) li jinsabu f'Kopenħagen, użati prinċipalment għal konvenzjonijiet u esibizzjonijiet.

    (58)

    Parken hu primarjament stejdjum tal-futbol u bħala tali mhuwiex f'kompetizzjoni mal-arena multifunzjonali l-ġdida ta' ġewwa li ma jkollhiex il-kapaċità li tospita logħob tal-futbol. Sa ċertu punt Parken jospita wkoll kunċerti, iżda meta wieħed iqis il-kapaċità tiegħu, hu prinċipalment jattira tours kbar ta' stejdjum għall-udjenzi spiss bejn 40 000-50 000 spettatur. Jista' wkoll jiġi ttrasformat f'arena ta' ġewwa li tkun imsaħħna, madankollu huwa l-aktar użat għal logħbiet tal-futbol. Skont il-programm preċedenti, Parken ospita 19-il kunċert mill-2007 sal-2011 bl-aħjar estimi ta' madwar 34 000 għal dawk id-19-il kunċert. Għalhekk, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li kunċerti li jsiru f'Parken bħala medja jkollhom iktar mid-doppju ta' spettaturi bħala l-kapaċità massima ppjanata għall-arena multifunzjonali. Barra minn hekk, skont Live Nation Denmark, […] kunċerti li jżuru bosta pajjiżi huma ppjanati biex iżuru Parken fl-2013, li minnhom […] huma tours dedikati għal stejdjums li jsiru għal udjenzi kbar ħafna, spiss ta' 40 000-50 000 spettatur li jaqbżu bil-kbir il-kapaċità tal-arena multifunzjonali. Tours ta' stejdjum huma improbabbli li jinkludu areni fl-iskedi tagħhom minħabba potenzjal inqas għal bejgħ ta' biljetti u l-prestazzjoni f'ħinijiet multipli f'arena bħala sostitut għal prestazzjoni waħdanija ta' stejdjum lanqas mhi attraenti.

    (59)

    Il-post eżistenti ieħor fiċ-ċentru ta' Kopenħagen hu Forum, post eqdem għal kunċerti u esibizzjonijiet (ta' ġewwa). Għal kunċerti l-Forum tista' tospita 8 500 spettatur bilqiegħda, jew 10 000 spettatur bilwieqfa, u bosta avvenimenti li huma xierqa għal Forum ikunu inqas attraenti għall-arena multifunzjonali l-ġdida għaliex il-kapaċità tal-arena tkun ftit wisq utilizzata. Il-karatteristiċi fiżiċi huma differenti wkoll hekk kif Forum inbniet fl-għoxrinijat (1920's), essenzjalment b'parti kbira spazju tal-art, li hija adatta għal konvenzjonijiet u esibizzjonijiet fejn l-udjenza teħtieġ tiċċaqlaq madwar l-ispazju u anqas adatta għal kunċerti u speċjalment għal avvenimenti sportivi.

    (60)

    Għalhekk, l-arena multifunzjonali l-ġdida, Forum u Parken ivarjaw b'mod sinifikanti fir-rigward tal-kapaċità u l-flessibbiltà u konsegwentement it-tliet postijiet huma sostituti biss sa ċertu punt limitat. Minħabba tali karatteristiċi differenti, l-effett kompetittiv tal-arena multifunzjonali l-ġdida fuq postijiet eżistenti f'Kopenħagen, u l-attrazzjoni li tospita avvenimenti f'dawk il-postijiet, tkun x'aktarx limitata.

    (61)

    Il-postijiet eżistenti b'karatteristiċi simili għall-arena multifunzjonali l-ġdida huma l-aktar Malmö Arena fl-Isvezja u Jyske Bank Boxen f'Herning, Jutland, id-Danimarka (ftit mijiet ta' kilometri minn Kopenħagen). Skont l-awtoritajiet Daniżi, id-direttur maniġerjali ta' din tal-aħħar jara aktar opportunitajiet ġodda biex jattiraw avvenimenti prinċipali għad-Danimarka permezz ta' kooperazzjoni mal-arena multifunzjonali l-ġdida.

    (62)

    Rigward l-effett kompetittiv tal-arena multifunzjonali l-ġdida fuq Malmö Arena, ġie kkunsidrat li ġej. Għalkemm Malmö huwa ġeografikament qrib, jinsab f'pajjiż differenti separat permezz tal-ilma u biex tasal persuna trid tgħaddi minn pont bin-nollijiet. Malmö Arena hi arena multifunzjonali (għalkemm kienet iddisinjata biex tkun primarjament arena sportiva) b'kapaċità ta' 13 000 spettatur għal avvenimenti sportivi u madwar 15 500 għal kunċerti, li hija simili għall-arena multifunzjonali l-ġdida ta' Kopenħagen.

    (63)

    Madankollu, fir-rigward tal-avvenimenti ta' Malmö Arena, ibbażat fuq ipprogrammar tal-2012 u l-2013, sehem sinifikanti tal-avvenimenti organizzati, jew li se jsiru, kellhom fowkus Svediż jew lokali. L-ewwel nett, Malmö Arena hi l-arena ta' domiċilju tat-tim lokali tal-ħoki fuq is-silġ b'madwar 25 logħba kull sena. It-tieni nett, l-ipprogrammar tal-passat (il-ħarifa tal-2012), juri li l-biċċa l-kbira ta' kunċerti u wirjiet ta' divertiment ospitati f'Malmö Arena huma mmirati lejn udjenza Svediża, u dan jidher ukoll mill-fatt li fuq il-verżjoni Daniża tal-websajt tagħha, hemm biss lista ta' avvenimenti limitata ħafna rreklamata (jiġifieri erba' minn 14-il avveniment għall-programm tal-ħarifa tal-2012 b'ċifri simili). Imbagħad, tlieta minn dawn l-erba' avvenimenti rreklamati fuq is-sit Daniż kienu parti ta' tour ta' kunċert li inkluda wkoll postijiet Daniżi. Dan juri wkoll li l-promoturi mhux neċessarjament jipperċepixxu post f'Kopenħagen bħala sostitut għall-Malmö Arena, għall-kuntrarju, jista' jkun mixtieq li jaqdu ż-żewġt ibliet.

    (64)

    Il-programmazzjoni tal-2013 turi wkoll karatteristiċi simili bi 48 avveniment skedat, u minn dawn 6 wirjiet ta' divertiment/kunċerti huma riklamati fuq il-verżjoni Daniża tal-websajt ta' Malmö Arena (minn dawn waħda hi wkoll skedata li ssir f'Kopenħagen, tnejn mill-kunċerti diġà saru f'Kopenħagen fil-parti inizjali tat-tours rispettivi tagħhom, u wirja ta' divertiment oħra hi l-Eurovision Song Contest li fiċ-ċirkostanzi kollha se ssir fl-Isvezja minħabba li l-Isvezja rebħet il-kompetizzjoni fl-2012). Barra minn hekk, bejgħ ta' biljetti għal avvenimenti Live Nation Entertainment f'Malmö arena juru li s-sehem tad-Daniżi li jattendu l-kunċerti ta' tours internazzjonali f'Malmö huwa baxx.

    (65)

    Għaldaqstant, meta wieħed iqis li Malmö Arena tinsab f'pajjiż ieħor b'ċerti ostakli inerenti inklużi pont b'nollijiet, lingwa differenti, differenzi kulturali u tal-valuta flimkien mal-użu monopolistiku ta' Malmö Arena u l-fatt li hemm bosta avvenimenti lokali distinti jew b'fowkus Svediż, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ospitati mill-Malmö Arena huma ferm improbabbli li jitwettqu f'post mhux Svediż u għalhekk huwa biss sehem żgħir ħafna mill-avvenimenti li potenzjalment jistgħu jiġu esposti għal kompetizzjoni mill-arena multifunzjonali l-ġdida ta' Kopenħagen. Għalhekk, ir-riskju li Malmö Arena titlef, jew tikkompeti għal avvenimenti mal-arena multifunzjonali ta' Kopenħagen għandu jitqies bħala pjuttost żgħir u għalhekk l-effett kompetittiv tal-arena multifunzjonali l-ġdida x'aktarx tkun limitata fuq il-Malmö Arena wkoll.

    (66)

    Għall-kuntrarju, skont l-awtoritajiet Daniżi, l-arena multifunzjonali l-ġdida hija mistennija li twassal għal avvenimenti ġodda li kieku ma kinux jiġu attirati lejn Kopenħagen jew ir-reġjun, li jistgħu jkunu ta' benefiċċju ukoll pereżempju, għal Parken, Jyske Bank Boxen u Malmö arena. Avvenimenti sportivi fuq skala kbira bħal kompetizzjonijiet tal-kampjonat dinji tal-għawm, ħoki fuq is-silġ u l-handball tipikament jeħtieġu diversi postijiet multipli u bl-arena multifunzjonali l-ġdida, id-Danimarka u r-reġjun x'aktarx se jkun kandidat għal tali avvenimenti sportivi permezz ta' organizzazzjoni konġunta jew għal avvenimenti oħra li jistgħu biss ikunu kummerċjalment vijabbli, jew għal raġunijiet oħra (pereżempju, żoni ġeografiċi differenti) biex iseħħu f'żewġ postijiet Daniżi.

    (67)

    L-operatur magħżul, Live Nation Denamrk, kompla jikkonferma li hu ser ikompli juża postijiet oħra fiż-żona għal avvenimenti tiegħu waqt li jikkunsidra kemm il-ħtiġijiet tal-klijent għal tip speċifiku ta' post u l-ħtiġijiet tiegħu stess biex jagħmel wirjiet ta' divertiment finanzjarjament vijabbli u għalhekk ma jistax jiffavorixxi l-postijiet tiegħu stess. Eżempju hu li Live Nation hu wieħed mill-fornituri primarji tal-kontenut lil O2 Arena ta' Londra, għalkemm il-post hu operat minn operatur ieħor. Fil-kapaċità tiegħu bħala operatur ta' post, l-operatur magħżul, jiddependi wkoll li l-post tiegħu jintuża għall-għadd massimu ta' jiem possibbli biex jiġġenera dħul u bħala tali, dan għandu kull inċentiv biex jagħmel il-postijiet tiegħu disponibbli għal promoturi oħrajn ta' avvenimenti. Skont il-kuntratt operattiv, l-operatur ma jistax jirrifjuta l-aċċess għall-arena multifunzjonali lil promoturi oħrajn u huwa obbligat li jagħmilha disponibbli għal varjetà ta' utenti bir-rata tas-suq mingħajr ma juri l-ebda preferenza għal impriża speċifika.

    (68)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li d-Danimarka wriet il-ħtieġa ta' kapaċità addizzjonali f'Kopenħagen u li l-arena multifunzjonali l-ġdida se tikkomplementa areni eżistenti b'kapaċità addizzjonali u żżid tipi ta' avvenimenti li jistgħu jsiru f'Kopenħagen, u b'hekk jibbenefika konsiderevolment l-aċċess mill-pubbliku ġenerali għal avvenimenti bħal dawn fiż-żona. Is-sovrapożizzjoni bejn postijiet eżistenti fir-reġjun u għall-arena multifunzjonali l-ġdida għandha titqies ukoll bħala limitata u għalhekk ir-riskju li dħul ġdid ikun jista' jwassal għat-tmiem ta' post eżistenti fir-reġjun huwa improbabbli hekk kif l-arena multifunzjonali l-ġdida hija pjuttost komplementari iktar milli sostitut għall-areni eżistenti. Ir-riskju ta' esklużjoni vertikali, kif ukoll inċentivi ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi jiffissaw prezzijiet baxxi b'mod kontra l-kompetizzjoni, ukoll jidher improbabbli ħafna li jseħħ. Dwar kull possibbiltà ta' esklużjoni vertikali, hekk kif diġà msemmi hawn fuq, l-operatur tal-arena multifunzjonali huwa kuntrattwalment obbligat li jiżgura aċċess ugwali u ma jkollux l-opportunità li jirrifjuta l-aċċess għal promoturi oħra għall-arena u mġiba bħal din ikollha effetti fuq il-vijabbiltà finanzjarja tagħha stess.

    (69)

    Fin-nuqqas ta' kofinanzjament pubbliku l-proġett ma jseħħx, peress li mingħajr il-kontribuzzjoni tal-Istat mhux se jkun hemm biżżejjed fondi biex jiffinanzjaw il-proġett tal-arena multifunzjonali hekk kif ammettew l-awtoritajiet Daniżi u sostnut mit-tentattivi preċedenti magħmula mill-Belt ta' Kopenħagen biex tinbena l-arena. Il-pjanijiet ilhom jeżistu għaxar snin, u l-Belt ta' Kopenħagen kienet tilqa' kwalunkwe investitur privat li seta' jwettaq il-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali fuq termini tas-suq waħedhom, iżda l-ebda tali investitur ma resaq 'il quddiem, kif muri pereżempju permezz tat-tentattiv tal-2009 kif deskritt hawn fuq.

    (70)

    Il-kontribuzzjoni mill-Istat hija limitata għal dan in-nuqqas ta' finanzjament, jiġifieri, fondi li ma jistgħux jinstabu fis-suq, u tali kontribuzzjoni ta' DKK 325 miljun (EUR 43,7 miljun) tikkorrispondi għal madwar 30 % tal-ispejjeż totali involuti fl-ippjanar u fil-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali. Bi tpattija, l-Istat se jkollu l-pussess ta' 50 % tal-Arena Company, il-kumpanija mwaqqfa biex tinbena l-arena multifunzjonali u għas-sjieda tagħha u biex tamministra l-ftehim tat-tħaddim, madankollu, kif spjegat hawn fuq, l-operat tal-arena multifunzjonali se jkun f'idejn operatur separat.

    (71)

    Rigward alternattivi possibbli għall-arena multifunzjonali, bħal arena iżgħar jew arena b'inqas spejjeż bl-istess kapaċità, dawk ma jilħqux l-għanijiet mixtieqa tal-proġett. Arena iżgħar ma tagħmilx tajjeb għan-nuqqas ta' post bil-kapaċità ppjanata u l-flessibbiltà bħall-arena multifunzjonali. L-arena multifunzjonali l-ġdida għalhekk timla l-vojt li jibqa' miftuħ jekk minflok tinbena arena iżgħar b'inqas kapaċità. Huwa wkoll probabbli li l-effetti fuq il-kompetizzjoni jkunu aktar b'arena iżgħar minħabba li ssir distinzjoni minn postijiet eżistenti li jkunu aktar moderati.

    (72)

    Fir-rigward ta' arena irħas u inqas komplet, għandu jiġi nnutat li l-finanzjament minn Realdania jiddependi fuq l-aspirazzjonijiet arkitettoniċi għoljin għall-arena. Il-Belt ta' Kopenħagen għandu wkoll aspirazzjonijiet arkitettoniċi u estetiċi għoljin għal żviluppi fiż-żona fejn se tinbena l-arena. Barra minn hekk, is-sit għall-arena jitqiegħed fejn hu ppjanat li ssir żona residenzjali li jimponi rekwiżiti speċifiċi dwar id-disinn u s-soundproofing li jiswew il-flus.

    (73)

    Ġie muri li l-impenn tal-Istat għall-proġett huwa essenzjali biex tiġi żgurata r-realizzazzjoni tiegħu. Il-kofinanzjament pubbliku tal-arena multifunzjonali hu wkoll meħtieġ, minħabba li mingħajr il-kontribuzzjoni tal-Istat mhux se jkun hemm biżżejjed fondi biex jiffinanzjaw il-proġett tal-arena multifunzjonali. Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-kontribuzzjoni tal-Istat kienet ukoll żgurata li tkun limitata għal dak li hu strettament meħtieġ.

    (74)

    F'kull każ, kemm il-proċedura tal-għażla tal-operatur kif ukoll il-kuntratt ta' kera, flimkien mal-bqija tar-raġunijiet ta' hawn fuq, jiżguraw li r-rekwiżiti ta' neċessità u proporzjonalità jiġu sodisfatti.

    (75)

    Rigward l-użu tal-arena multifunzjonali, intwera wkoll li jkun fuq bażi mhux diskriminatorju mingħajr ma juri l-ebda preferenza għal impriża/i speċifika/speċifiċi. Għalhekk, l-arena hi multifunzjonali u miftuħa għal kulħadd mingħajr użu monopolisitiku.

    (76)

    B'hekk, l-arena l-ġdida se tikkomplementa areni eżistenti b'kapaċità addizzjonali u żżid it-tipi ta' avvenimenti li jistgħu jsiru f'Kopenħagen. Għalhekk, l-għajnuna trid titqies bħala mmirata sew u ġustifikata

    (77)

    Minn dawn ir-raġunijiet, intwera li l-involviment tal-Istat fil-proġetti tal-arena multifunzjonali hu kemm meħtieġ, proporzjonali u ma jikkawżax distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni u li konsegwenzi possibbli ta' dik l-għajnuna lill-operatur u l-utenti jistgħu wkoll ikunu kompatibbli mas-suq intern.

    6.   KONKLUŻJONI

    (78)

    Il-kontribuzzjoni tal-Istat għall-kostruzzjoni tal-arena multifunzjonali ta' Kopenħagen tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-Arena Company, u possibbilment lill-operatur u l-utenti tal-arena multifunzjonali. Il-kofinanzjament pubbliku tal-arena multifunzjonali ġie ppruvat li hu kemm meħtieġ u kemm proporzjonali sabiex jitwettaq il-proġett, kif ukoll miftuħ biżżejjed għal kulħadd fuq termini mhux diskriminatorji mingħajr ma juri l-ebda preferenza għal impriża/i speċifika/speċifiċi. Ir-riżultat tat-test ta' bbilanċjar huwa għalhekk pożittiv.

    (79)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-finanzjament tal-arena multifunzjonali hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

    (80)

    Il-Kummissjoni tinnota li d-Danimarka qablet li d-Deċiżjoni għandha tiġi adottata bl-Ingliż bħala l-lingwa awtentika.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżuri li d-Danimarka qed tippjana li timplimenta għall-arena multifunzjonali ta' Kopenħagen, li jikkonsistu f'DKK 325 miljun ta' parteċipazzjoni mill-Belt ta' Kopenħagen, DKK 15-il miljun f'għotja minn Elitefacilitetsudvalget u d-dritt għall-użu tal-art li fuqha għandha tinbena l-arena multifunzjonali mingħajr ħlas għal 40 sena, huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri hija għalhekk awtorizzata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 152, 30.5.2012, p. 12.

    (2)  Ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

    (3)  Ara l-paragrafu 13 fid-deċiżjoni li tibda l-proċeduri, ĠU C 152, 30.5.2012, p. 12.

    (4)  Għalkemm hija tfittex biex jiġi żgurat redditu fuq l-operazzjonijiet tagħha, Realdania mhijiex negozju li timmassimizza l-profitti iżda fondazzjoni filantropika li tiddeskrivi l-missjoni tagħha hekk “sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja għall-ġid komuni permezz tal-ambjent mibni”, ara www.realdania.dk.

    (5)  L-ispejjeż totali ta' DKK 1 100 miljun jinkludi mgħax fuq is-self u l-indiċjar tal-prezzijiet u l-pagi previsti sal-2015.

    (6)  Elitefacilitetsudvalget huwa kumitat bil-għan li jkunu modernizzati faċilitajiet sportivi fuq kull standard internazzjonali bil-għan li jospitaw avvenimenti sportivi fuq livell internazzjonali. Huwa parzjalment iffinanzjat mill-Istat Daniż.

    (7)  L-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li l-proċedura tas-sejħa għall-offerti rigward il-ftehim ta' operat huwa bbażat fuq kundizzjonijiet trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji u r-rekwiżiti bil-piż relattiv ta' kull sottokriterju stabbilit minn qabel, u dak il-prezz huwa kriterju importanti għall-valutazzjoni globali.

    (*)  […]: l-informazzjoni f'parenteżi hija koperta bl-obbligu ta' segretezza professjonali

    (8)  Il-kera annwali fl-ewwel sena tat-terminu kuntrattwali hija […] jew tali somma oħra kif determinata bl-applikazzjoni ta' formula speċifika kif stabbilita fil-ftehim tal-kuntratt ta' kera (ara l-klawżola 1.1, il-kera annwali fl-ewwel sena tat-Terminu Kuntrattwali se tkun […] fis-sena u sussegwentement il-kera annwali tiġi riveduta kull sena skont l-indiċi, ara l-klawżola 8 tal-kuntratt ta' kera.

    (9)  Id-DIF hija organizzazzjoni ċentrali għal 61 federazzjoni sportiva b'total ta' iktar minn 1,6 miljun membru f'madwar 10 700 għaqda sportiva. Minbarra li hija responsabbli kemm għal sports tal-ogħla livell (elite) u kemm għal sports popolari, id-DIF tikkostitwixxi l-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Daniża, u għalhekk hija responsabbli għall-parteċipazzjoni Daniża fil-Logħob Olimpiku.

    (10)  Is-sentenza tad-19 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża C-288/11 Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig-Halle GmbH v Il-Kummissjoni.

    (11)  Fl-2009, il-Belt ta' Kopenħagen offriet f'proċess ta' sejħa għall-offerti self favorevoli lil partijiet privati biex jibnu arena multifunzjonali. Il-kumpanija magħżula ma rnexxiliex tiżgura l-finanzjament addizzjonali neċessarju u għalhekk f'Marzu 2010, l-offerta ġiet ikkanċellata.

    (12)  Il-proċedura bdiet b'avviżi fil-midja ewlenija internazzjonali u Daniża: In-New York Times, The Times, Børsen, Licitation, Byggeriets Dagblad, Berlingske Tidende u Politiken.

    (13)  Operaturi lokali prospettivi bħal Tivoli, Bella Center, Malmö Arena u Parken kienu kollha mistiedna biex jipparteċipaw, iżda dawn kollha naqsu milli jipparteċipaw fil-kompetizzjoni.

    (14)  Live Nation Entertainment group hija l-ikbar kumpanija tal-mużika u tad-divertiment live. L-attivitajiet tagħha jikkonsistu primarjament minn promozzjoni ta' spettakli, ġestjoni tal-post u t-tħaddim u l-forniment ta' servizzi ta' biljetti. Live Nation Entertainment topera n-negozju tagħha permezz ta' kumpaniji li joperaw lokalment f'kull territorju. Fid-Danimarka, in-negozju hu mmexxi permezz ta' Live Nation Denmark ApS.

    (15)  F'dan ir-rigward, għalkemm benefiċċji possibbli għal kwalunkwe parti li tkun utent frekwenti jew ripetut jew il-kerrej tal-arena jew għal kwalunkwe parti li tkun l-isponsor jew is-sieħba kummerjali tal-arena jistgħu jiġu offruti, benefiċċji bħal dawn huma offruti pereżempju, […] u għandhom ikunu pprovduti lill-ħaddiema kollha li jużaw b'mod komparabbli l-arena fuq termini trasparenti, ugwali u mhux diskriminatorji u b'hekk ma jfissirx li kwalunkwe utenti speċifiċi jistgħu jirċievu trattament favorevoli.

    (16)  Il-Kawża T90/09 Mojo Concerts BV u Amsterdam Music Dome Exploitatie BV v il-Kummissjoni, Ordni tal-Qorti Ġenerali tas-26.1.2012, paragrafu 45.


    Top