Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0169

    2014/169/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 24 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463/UE li tapprova l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru

    ĠU L 91, 27.3.2014, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/169/oj

    27.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 91/40


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-24 ta’ Marzu 2014

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463/UE li tapprova l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru

    (2014/169/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-Ewro li tesperjenza jew tkun mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja, liema regoli jeħtieġ li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).

    (3)

    Wara t-talba tal-25 ta’ Ġunju 2012 minn Ċipru għal assistenza finanzjarja mill-MES, fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill iddeċieda permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE (2) li Ċipru kellu jimplimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

    (4)

    Fl-24 ta’ April 2013 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn ta’ stabbiltà lil Ċipru u approva l-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika (minn hawn ‘il quddiem “MtQ”) u l-iffirmar tiegħu mill-Kummissjoni f’isem il-MES.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/463/UE (3), il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u fejn meħtieġ, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għamlet it-tielet rieżami biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

    (6)

    Bħala riżultat, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463/UE għandha tiġi aġġornata fl-oqsma tar-riforma tas-settur finanzjarju, il-politika fiskali u r-riformi strutturali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ (i) it-tfassil ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni minn task force konġunta mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (CBC) u l-Ministeru tal-Finanzi dwar il-pjan ta’ direzzjoni biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-kapital u dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-settur bankarju; (ii) ir-rappurtar fil-ħin tal-istimi tal-banek tal-impatt potenzjali tar-regoli tal-Unjoni li għadhom kemm ġew introdotti u futuri dwar ir-rekwiżiti tal-kapital u s-self mhux produttiv (non-performing loans, NPLs) fuq il-kapital, il-profittabilità u l-proporzjon ta’ kopertura; (iii) tiġi stabbilita task force biex issir stima tal-kobor tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ art reġistrat iżda bla titlu, u jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet dwar din il-kwistjoni; (iv) ir-riforma tal-proċeduri ta’ insolvenza personali u korporattiva; (v) ir-rieżami tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u r-Regoli tal-Qorti biex jiġi żgurat funzjonament mingħajr intoppi u effikaċi tal-oqfsa tal-esklużjoni riveduta u ta’ insolvenza; (vi) reviżjoni tal-mira għad-defiċit primarju għall-2014 għal 1,8 % tal-PDG; (viii) l-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tas-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa (National Health Scheme, NHS) wara li l-ewwel jiġi definit u addottat pjan ta’ direzzjoni sħiħ għall-NHS; (viii) ir-reviżjoni tal-politiki dwar l-ipprezzar u r-rimbors ta’ oġġetti u servizzi mediċi, inkluż dawk relatati man-nefqa farmaċewtika; (ix) l-istabbiliment ta’ Unità ta’ Privatizzazzjoni; (x) il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fil-Fażi 2 tar-rieżami bejn il-pari mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Raġunijiet ta’ Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD). (xi) l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ tkabbir ibbażata fuq vantaġġi kompetittivi li jgħinu lill-awtorijatiet ta’ Ċipru jagħtu spinta lill-ekonomija. L-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi u ambizzjużi f’oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali għandha tissalvagwardja s-sostenibbiltà, fuq perjodu ta’ żmien medju, tad-dejn pubbliku Ċiprijott.

    (7)

    Matul l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta’ politika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi. Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jesperjenza kapaċità amministrattiva insuffiċjenti għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li tista’ tikkostitwixxi, għal dak l-iskop, gruppi ta’ esperti.

    (8)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti jfittxu l-opinjonijiet, skont ir-regoli u l-prattiki nazzjonali attwali, tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463/UE huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    Il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Bil-għan li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru għandu: ikompli jimplimenta r-ristrutturar tas-settur bankarju u s-setturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu kooperattiv, ikompli jsaħħaħ is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni, ikompli r-riforma tal-qafas ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn u gradwalment ineħħi restrizzjonijiet kapitali skont li-pjan ta’ direzzjoni tiegħu, filwaqt li jħares l-istabbiltà finanzjarja. Il-programm jipprevedi dawn il-miżuri u r-riżultati:

    (a)

    li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib. Restrizzjonijiet temporanji fuq il-moviment ħieles tal-kapital (inter alia, limiti fuq il-ġbid ta’ flus kontanti, fuq il-pagamenti u fuq it-trasferimenti) jiġu mmonitorjati mill-qrib. L-għan huwa li l-kontrolli jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji u immedjati għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni għal rilassament gradwali ta’ miżuri restrittivi tkompli, b’kont meħud ukoll tas-sitwazzjoni tal-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni mmirata tajjeb bl-għan li jikkomunikaw regolarment informazzjoni dwar dak il-pjan ta’ direzzjoni u l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-settur bankarju.

    Il-finanzjament u l-pjanijiet kapitali mingħand il-banek domestiċi li jiddependu fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali jew li jirċievu għajnuna mill-Istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis antiċipat fl-ingranaġġ finanzjarju fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-self mill-banek ċentrali, filwaqt li jiġu evitati bejgħ taħt emerġenza ta’ assi u kriżi tal-kreditu;

    (b)

    l-adattament tar-rekwiżiti ta’ kapital minimu, filwaqt li jitqiesu l-parametri ta’ valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ u tal-ittestjar tal-istress madwar l-Unjoni;

    (c)

    jiġi żgurat li kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta xi għajnuna mill-Istat. Banek b’defiċit ta’ kapital jistgħu, jekk miżuri oħrajn ma jkunux biżejjed, jitolbu għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat skont il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat. Banek bi pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni jirrapportaw il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom tal-pjanijiet;

    (d)

    jiżguraw li jinħoloq reġistru ta’ kreditu u li jkun operazzjonali, li l-qafas regolatorju kurrenti fuq l-indeboliment u l-forniment tal-assi, u dwar it-trattament ta’ kollateral fi provvedimenti jiġi emendat, kif meħtieġ, u li r-regoli tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital u self mhux produttiv jiġu implimentati f’waqthom;

    (e)

    it-tħaffif tal-limitazzjonijiet fuq il-qbid ta’ kollateral. Dan jinkludi tħejjija ta’ leġiżlazzjoni abbażi tar-riforma komprensiva li jistabbilixxi qafas xieraq għall-proċeduri ta’ insolvenza korporattiva u personali, kif ukoll jiżgura t-tħaddim korrett u effettiv tal-oqfsa ta’ esklużjoni riveduta u ta’ insolvenza. Barra minn hekk, ladarba riformat, jiġi rivedut qafas ġuridiku ġdid għar-ristrutturar tas-settur privat tad-dejn u jiġu definiti miżuri addizzjonali kif meħtieġ;

    (f)

    l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-istruttura futura, il-funzjonament u l-vijabbiltà tas-settur tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu, kif imfassla mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI;

    (g)

    it-tisħiħ tal-monitoraġġ fuq id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas ta’ ristrutturar immirat lejn id-dejn tas-settur privat sabiex ikun iffaċilitat self ġdid u jitnaqqsu l-limiti fuq il-kreditu; Il-politiki u l-prattiċi għall-ġestjoni tal-arretrati tal-banek jiġu riveduti u d-Direttiva għall-Ġestjoni tal-Arretrati u l-Kodiċi ta’ Kondotta jiġu emendati, kif meħtieġ. Miżuri amministrattivi li jistgħu jfixklu l-iffissar ta’ rati ta’ self bankarju ma jiġux introdotti;

    (h)

    jitkompla t-tisħiħ tal-qafas kontra-l-ħasil tal-flus u jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni li jiżgura l-applikazzjoni ta’ prattiċi mtejba fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-klijent u trasparenza tal-entitajiet, f’konformità mal-aħjar prattika;

    (i)

    l-integrazzjoni tal-ittestjar-tal-istress f’superviżjoni regolari ta’ banek mhux-fil-post;

    (j)

    l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji ta’ divulgazzjoni biex jiġi żgurat li l-banek jikkomunikaw regolarment lill-awtoritajiet u lis-swieq il-progress tagħhom fir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħhom;

    (k)

    l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar li jsaħħu il-vijabilità tas-settur ta’ tal-kreditu tal-kooperattivi, wara l-istabbiliment tal-qafas ġuridiku għall-istruttura l-ġdida ta’ governanza għall-ġestjoni tas-sehem tal-Istat fis-settur; u

    (l)

    l-iżgurar tar-reviżjoni tad-Direttiva għall-Governanza, li tispeċifika, fost kwistjonijiet oħrajn, l-interazzjoni bejn l-unitajiet ta’ verifika interna tal-banek u s-superviżuri tal-bank.”

    (2)

    Il-paragrafu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “7.   Matul l-2014, l-awtoritajiet Ċiprijotti jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri permanenti inklużi fil-Liġi tal-Baġit tal-2014 li jammontaw għal mill-inqas EUR 270 miljun. Huwa jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati sa minn Diċembru 2012.”

    (3)

    Jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “7a.   Għall-politika fiskali fl-2015-2016, l-awtoritajiet Ċiprijotti għandhom isegwu bilanċ ġenerali tal-gvern f’konformità mat-triq ta’ aġġustament li tirrispetta r-rakkomandazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE).”

    (4)

    Il-paragrafu 8 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (a) jiġi mibdul b’dan li ġej:

    “(a)

    jekk ikun meħtieġ, aktar riformi fis-sistema tal-pensjonijiet tas-settur ġenerali u pubbliku biex tiġi żgurata l-vijabilità tas-sistema tal-pensjonijiet fuq terminu twil, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjonijiet.”

    (b)

    il-punt (e) jiġi mibdul b’dan li ġej:

    “(e)

    it-tfassil ta’ programm biex tinkiseb sistema ta’ governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat u semi-pubbliċi u l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tiġi restawrata s-sostenibbiltà tad-dejn;”

    (5)

    Il-paragrafi minn 10 sa 13 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “10.   Ċipru jiżgura l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f’politiki ta’ attivazzjoni tiegħu. Ċipru jieħu azzjoni rapida biex joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jtejjeb il-prospetti tagħhom li jsibu impjieg, skont l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (*). Id-disinn, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn iż-żgħażagħ ikunu integrati sewwa fis-sistema usa’ ta’ politiki ta’ attivazzjoni u jkunu koerenti mar-riforma tas-sistema ta’ assistenza soċjali u l-miri baġitarji miftiehma.

    11.   Ċipru jkun lest li jadotta kull emenda oħra meħtieġa għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**). L-awtoritajiet Ċiprijotti jsaħħu aktar it-tħaddim ta’ professjonijiet regolati. Il-qafas tal-kompetizzjoni jittejjeb billi jitjieb l-iffunzjonar tal-awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni u billi jiġu msaħħa l-indipendenza u s-setgħat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali.

    12.   Ċipru jiżgura li jitnaqqas id-dewmien fil-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà li għadhom pendenti, jieħu azzjoni biex iżid il-pass tal-tneħħija ta’ piżijiet fuq it-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu trasferiti għal xiri ta’ proprjetà immobbli, u jimplimenta skedi ta’ żmien garantiti għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-bini u t-titoli tal-proprjetà.

    13.   Ċipru jemenda r-regoli dwar il-bejgħ sfurzat ta’ proprjetà ipotekata u jippermetti l-bejgħ bl-irkant privat fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli. Il-pass ta’ pproċessar ta’ każijiet fil-qorti jitħaffef u l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-qorti jkun eliminat sa tmiem il-programm. Ċipru jieħu inizjattivi biex isaħħaħ il-kompetittività fis-settur tat-turiżmu, billi jipprovdi pjan ta’ azzjoni konkret li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miri kwantifikati identifikati, inter alia fl-Istrateġija tat-Turiżmu għall-2011-2015 riveduta riċentament. Ċipru jimplimenta strateġija aero-politika li twassal għall-adattament tal-politika tal-avjazzjoni esterna ta’ Ċipru, b’kont meħud tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-UE u ftehimiet tal-UE b’rabta mal-avjazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata biżżejjed il-konnettività tal-ajru.

    (*)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1)."

    (**)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).”"

    (6)

    Il-paragrafu 14, il-punt (b) jinbidel b’li ġej:

    “(b)

    sinteżi komprensiva tas-sistema regolatorja u l-organizzazzjoni tas-suq għas-settur ristrutturat tal-enerġija u tal-gass, inkluż qafas tal-bejgħ adatt għall-forniment tal-gass lil hinn mill-kosta mmirat biex jiġi massimizzat id-dħul; u”

    (7)

    Il-paragrafu 15 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “15.   Ċipru jressaq talba aġġornata lill-Kummissjoni għal assistenza teknika matul il-perjodu tal-programm. It-talba tidentifika u tispeċifika l-oqsma ta’ assistenza teknika jew ta’ servizzi ta’ konsulenza li l-awtoritajiet Ċiprijotti jqisu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu.”

    (8)

    Jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “16.   Fl-iżvilupp ta’ strateġija ta’ tkabbir komprensiv u koerenti li jippermetti r-rilanċ tal-eknomija, Ċipru jintegraha fil-qafas istituzzjonali nazzjonali tiegħu billi jsaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika kontinwa, ir-riformi fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, impenji oħra fil-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta’ Ċipru u inizjattivi rilevanti tal-Unjoni billi jieħu kont tal-ftehim ta’ Sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. TSAFTARIS


    (1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal-25 ta’ April 2013 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU L 141, 28.5.2013, p. 32).

    (3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/463/UE tat-13 ta’ Settembru 2013 dwar l-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/236/UE (ĠU L 250, 20.9.2013, p. 40).


    Top