Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1314

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 tas- 16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 948–964 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Imħassar b' 32018R1563

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1314/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/948


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (EURATOM) Nru 1314/2013

tas-16 ta’ Diċembru 2013

dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Billi:

(1)

Wieħed mill-għanijiet tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (‘il-Komunità’) huwa li tikkontribwixxi biex jiżdied l-istandard tal-għajxien fl-Istati Membri inkluż billi, tippromwovi u tiffaċilita r-riċerka nukleari fl-Istati Membri u tikkumplementaha billi twettaq programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Komunità.

(2)

Ir-riċerka nukleari tista’ tikkontribwixxi għall-prosperità soċjali u ekonomika u għas-sostenibbiltà ambjentali billi ttejjeb is-sikurezza u s-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Tal-istess importanza hija l-kontribuzzjoni potenzjali tar-riċerka nukleari għad-dekarbonizzazzjoni fuq terminu ta’ żmien twil tas-sistema tal-enerġija b’mod sikur, effiċjenti u sigur.

(3)

Billi jappoġġa r-riċerka nukleari, l-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2018 ('il-Programm Euratom') se jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-'Programm Qafas Orizzont 2020') stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ser jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-ħolqien u l-operat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)

Minkejja l-impatt potenzjali tal-enerġija nukleari fuq il-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku, aċċidenti nukleari serji jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, is-sikurezza nukleari u, fejn adatt, l-aspetti tas-sigurtà ttrattati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ('il-JRC") għandhom jingħataw l-ikbar attenzjoni possibbli fil-Programm tal-Euratom.

(5)

Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-'Pjan SET'), stabbilit fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2008 fi Brussell, qed jaċċelera l-iżvilupp ta’ portafoll ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjoni ta’ karbonju. Il-Kunsill Ewropew qabel, fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Frar 2011, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jippromwovu l-investiment fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u f'tekonoloġiji sikuri u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjoni ta' karbonju u għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tat-teknoloġija stabbiliti fil-Pjan SET. Kull Stat Membru jibqa' ħieles li jagħżel it-tip ta' teknoloġiji li jappoġġa.

(6)

Peress li l-Istati Membri kollha għandhom installazzjonijiet nukleari jew jagħmlu użu minn materjali radjuattivi b’mod partikolari għal skopijiet mediċi, il-Kunsill fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2008, rrikonoxxa l-ħtieġa kontinwa għall-ħiliet fil-qasam nukleari, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ adatti marbutin mar-riċerka u koordinati fil-livell tal-Komunità.

(7)

Filwaqt li hija l-għażla individwali ta’ kull Stat Membru jekk għandux jagħmel użu mill-enerġija nukleari jew le, huwa rikonoxxut ukoll li l-enerġija nukleari taqdi rwoli differenti fi Stati Membri differenti.

(8)

Billi ffirmat il-Ftehim dwar l-Istabbilment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Enerġija mill-Fużjoni tal-ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (3), il-Komunità impenjat ruħha li tipparteċipa fil-kostruzzjoni tal-Proġett (ITER) u fl-isfruttar tiegħu fil-futur. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità hija ġestita permezz tal-‘Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni’ (‘Fużjoni għall-Enerġija’), stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom (4). L-attivitajiet ta' dik l-impriża konġunta, inkluż ITER, għandhom jiġu rregolati minn att leġislattiv separat.

(9)

Biex il-fużjoni ssir għażla kredibbli għall-produzzjoni kummerċjali tal-enerġija, l-ewwel nett jeħtieġ li l-kostruzzjoni tal-ITER titlesta b’suċċess u fil-ħin u jibda l-operat tiegħu. It-tieni nett jeħtieġ li jiġi stabbilit pjan direzzjonali ambizzjuż iżda realistiku lejn il-produzzjoni tal-elettriku sal-2050. Biex jintlaħqu dawk il-miri huwa meħtieġ li l-programm Ewropew ta' fużjoni jiġi ridirett lejn programm konġunt ta' attivitajiet li jimplimentaw dan il-pjan direzzjonali. Sabiex jiġu żgurati l-kisbiet ta' attivitajiet li għaddejjin fir-riċerka dwar il-fużjoni, kif ukoll l-impenn fit-tul tal-partijiet interessati fil-fużjoni kif ukoll il-kollaborazzjoni bejniethom, għandha tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ tal-Komunità. Għandu jkun hemm fokus aktar b'saħħtu primarjament fuq l-attivitajiet b'appoġġ għall-ITER, iżda wkoll fuq l-iżviluppi lejn ir-reattur ta' dimostrazzjoni, inkluż l-involviment aktar qawwi, kif adatt, mis-settur privat. Tali razzjonalizzazzjoni u ffukar mill-ġdid għandhom jinkisbu mingħajr ma jkun hemm tfixkil fit-tmexxija Ewropea tal-komunità xjentifika tal-fużjoni.

(10)

Il-JRC għandu jkompli jipprovdi appoġġ xjentifiku u teknoloġiku indipendenti u xprunat mill-konsumatur għall-formulazzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u taħriġ fis-sikurezza u s-sigurtà nukleari. Sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda dupplikazzjoni tar-riċerka fl-Unjoni, kull attività ġdida mwettqa mill-JRC għandha tkun analizzata sabiex tiġi ċċekkjata l-konsistenza tagħha ma' attivitajiet eżistenti fl-Istati Membri. L-aspetti ta' sigurtà tal-Programm Qafas Orizzont 2020 għandhom ikunu limitati għall-azzjonijiet diretti tal-JRC.

(11)

Il-JRC għandu jkompli jiġġenera riżorsi addizzjonali permezz ta' attivitajiet kompetittivi, inkluż il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom, il-ħidma tal-parti terza u, fuq livell inqas, l-isfruttar tal-proprjetà intellettwali.

(12)

Fl-interess tal-Istati Membri kollha tagħha r-rwol tal-Unjoni huwa li tiżviluppa qafas biex tappoġġa riċerka mill-aktar avvanzata konġunta, il-ħolqien u l-preservazzjoni tal-għarfien dwar it-teknoloġiji tal-fissjoni nukleari, b’enfasi speċjali fuq is-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni mir-radjazzjoni u n-nonproliferazzjoni. Dak jirrikjedi evidenza xjentifika indipendenti, li għaliha l-JRC jista’ jagħti kontribut prinċipali. Dak ġie rikonoxxut fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bid-data 6 ta' Ottubru 2010, intitolata 'Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni', li fiha l-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ l-evidenza xjentifika għat-tfassil tal-politika permezz tal-JRC. Il-JRC jipproponi li jwieġeb għal dik l-isfida billi jiffoka r-riċerka tiegħu dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari fuq il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni.

(13)

Bil-għan li tiġi approfondita r-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà u tissaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fix-xjenza, il-Programm Euratom għandu jiffavorixxi involviment infurmat taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-edukazzjoni tax-xjenza, billi l-għarfien xjentifiku ikun iktar aċċessibbli, bl-iżvilupp ta’ aġendi ta’ riċerka u innovazzjoni responsabbli li jissodisfaw it-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, u bl-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Programm Euratom.

(14)

L-implimentazzjoni tal-Programm Euratom għandha twieġeb għall-opportunitajiet u l-ħtiġijiet li qed jevolvu relatati max-xjenza u t-teknoloġija, l-industrija, il-politiki u s-soċjetà. Fil-fatt, l-aġendi għandhom ikunu stabbiliti b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati mis-setturi kollha kkonċernati, u għandu jingħata lok għal flessibbiltà suffiċjenti għal żviluppi ġodda. Il-konsultazzjoni esterna tista' tiġi mfittxija matul il-Programm Euratom, anke permezz tal-użu ta’ strutturi rilevanti bħall-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija.

(15)

L-eżiti tad-dibattiti li saru fis-Simpożju dwar 'Il-Vantaġġi u l-Limitazzjonijiet tar-Riċerka dwar il-Fissjoni Nukleari għal Ekonomija b'Livell Baxx ta' Emissjoni ta' Karbonju' imħejji matul studju interdixxiplinari li fih kienu involuti, fost l-oħrajn, esperti mill-oqsma tal-enerġija, l-ekonomija u x-xjenzi soċjali, organizzat flimkien mill-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi Brussell fis-26 u s-27 ta' Frar 2013,għarfu l-ħtieġa li titkompla r-riċerka nukleari fil-livell Ewropew.

(16)

Il-Programm Euratom għandu jikkontribwixxi għall-attrattività tal-professjoni tar-riċerka fl-Unjoni. Għandha tingħata attenzjoni adegwata lil Karta Ewropea tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (5), flimkien ma’ oqfsa ta’ referenza rilevanti oħrajn definiti fil-kuntest taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li tkun rispetata n-natura volontarja tagħhom.

(17)

L-attivitajiet żviluppati taħt il-Programm Euratom għandhom jimmiraw li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jindirizzaw b’mod partikolari l-kawżi sottostanti fl-iżbilanċ tas-sessi, billi jisfruttaw il-potenzjal kollu kemm tar-riċerkaturi nisa kif ukoll tal-irġiel u billi jintegraw d-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tal-proġetti sabiex itejbu l-kwalità tar-riċerka u jistimulaw l-innovazzjoni. L-attivitajiet għandhom ikunu mmirati wkoll għall-implimentazzjoni tal-prinċipji relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif stipulat fl-Artikolu 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(18)

L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni appoġġati mill-Programm Euratom għandhom jirrispettaw il-prinċipji etiċi fundamentali. Għandhom jitqiesu kif adatt l-opinjonijiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda dwar kwistjonijiet ta' enerġija. L-attivitajiet ta' riċerka għandhom iqisu wkoll l-Artikolu 13 tat-TFUE u jnaqqsu l-użu tal-annimali fir-riċerka u l-ittestjar, bil-ħsieb li fl-aħħar mill-aħħar l-użu tal-annimali jiġi ssostitwit. L-attivitajiet kollha għandhom jitwettqu bl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(19)

Għandu jinkiseb ukoll impatt ikbar bil-kombinament tal-Programm Euratom u l-fondi tas-settur privat fi sħubiji pubbliċi privati f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-miri kompetittivi usa' tal-Unjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-involviment tal-impriżi żgħar u medji.

(20)

Il-Programm Euratom għandu jippromwovi l-kooperazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-sikurezza, mal-pajjiżi terzi bbażata fuq l-interess komuni u l-benefiċċju reċiproku partikolarment biex jippromwovi titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari.

(21)

Sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi kollha li huma attivi fis-suq intern, il-finanzjament ipprovdut mill-Programm Euratom għandu jkun imfassal skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiżgura l-effettività tan-nefqa pubblika u ma jippermettix distorsjonijiet tas-suq bħall-imblokk għall-aċċess tal-finanzjament privat, il-ħolqien ta’ strutturi tas-suq ineffettivi jew il-preservazzjoni ta’ kumpanniji ineffiċjenti.

(22)

Il-ħtieġa għal approċċ ġdid għall-ġestjoni tal-kontroll u r-riskju fil-finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni ġie rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta' Frar 2011, li appellaw għal bilanċ ġdid bejn il-fiduċja u l-kontroll u bejn it-teħid u l-evitar tar-riskju. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (6), talab għal bidla prammatika lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja u ddikjara li l-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni għandha tkun ibbażata aktar fuq il-fiduċja u għandha tkun tolleranti għar-riskju lejn il-parteċipanti.

(23)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inkluż il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru tal-finanzjamenti mitlufa, imħallsin ħażin jew użati b’mod skorrett u, fejn adatt, il-penali. Strateġija tal-kontroll riveduta, għandha tibdel il-fokus mill-minimizzazzjoni tar-rati ta' żball għal kontroll ibbażat fuq ir-risjku u l-identifikazzjoni tal-frodi u għandha tnaqqas il-piż tal-kontroll għall-parteċipanti.

(24)

Huwa importanti li tiġi żgurata amministrazzjoni finanzjarja soda tal-Programm Euratom u l-implimentazzjoni tiegħu bl-iktar mod effettiv u faċli għall-utent, filwaqt li jkunu żgurati wkoll iċ-ċertezza legali u l-aċċessibbiltà tiegħu għall-parteċipanti kollha. Jeħtieġ li tkun żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u mar-rekwiżiti tas-simplifikazzjoni u regolamentazzjoni aħjar.

(25)

Sabiex tkun żgurata l-iktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli, u aċċess faċli għall-parteċipanti kollha permezz ta’ proċeduri simplifikati, u biex jinkiseb qafas koerenti, komprensiv u trasparenti għall-parteċipanti, il-parteċipazzjoni fil-Programm Euratom u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka għandhom ikunu soġġetti għar-regoli applikabbli fil-Programm Qafas Orizzont 2020, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’ċerti adattamenti jew eċċezzjonijiet.

(26)

Huwa importanti li jkompli jiġi ffaċilitat l-isfruttar tal-proprjetà intelletwali żviluppata mill-parteċipanti filwaqt li jiġu protetti l-interessi leġittimi ta’ parteċipanti oħrajn u tal-Komunità f’konformità mal-Kapitolu 2 tal-Euratom.

(27)

Il-fondi ta’ garanzija għall-parteċipanti, ġestiti mill-Kummissjoni u stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1908/2006 (8) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 139/2012 (9) taw prova li huma mekkaniżmu ta’ salvagwardja importanti li jtaffi r-riskji assoċjati mal-ammonti dovuti u mhux rimborżati minn parteċipanti f’kontumaċja. Il-fond ta’ garanzija għall-parteċipanti stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandu jkopri wkoll azzjonijiet skont ir-Regolament (Euratom) Nru 1908/2006, ir-Regolament (Euratom) Nru 139/2012 u dan ir-Regolament.

(28)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Euratom, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tadotta programmi ta' ħidma u d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(29)

Il-kisba tal-objettivi tal-Programm Euratom f’oqsma rilevanti tirrikjedi appoġġ għall-attivitajiet trasversali, kemm fi ħdan il-Programm Euratom u b’mod konġunt mal-attivitajiet tal-Programm Qafas 'Orizzont 2020'.

(30)

Il-ġestjoni effettiva tal-prestazzjoni, li tinkludi l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ, tirrikjedi żvilupp ta’ indikaturi speċifiċi tal-prestazzjoni li jistgħu jitkejlu matul iż-żmien; li huma realistiċi kif ukoll jirriflettu l-loġika tal-intervent; u li huma rilevanti għal ġerarkija adatta tal-objettivi u l-attivitajiet. Għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni adatti bejn l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programm Euratom, min-naħa waħda, u l-monitoraġġ tal-progress, il-kisbiet u l-funzjonament taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, min-naħa l-oħra.

(31)

Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/282/Euratom (12), ġie kkonsultat dwar il-kontenut xjentifiku u teknoloġiku tal-azzjonijiet diretti tal-JRC.

(32)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1980 li tistabbilixxi l-Kumitat Konsultattiv għall-Programm ta' Fużjoni (13), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 84/338/Euratom, KEFA, KEE (14), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom (15), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/976/Euratom (16), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/977/Euratom (17), ir-Regolament (Euratom) Nru 1908/2006, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/93/Euratom (18), ir-Regolament (Euratom) Nru 139/2012, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/94/Euratom (19) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/95/Euratom (20) għandhom jitħassru.

(33)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku tal-Euratom,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

STABBILIMENT

Artikolu 1

Stabbiliment

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2018 (il-'Programm Euratom'), u jistipula r-regoli għall-parteċipazzjoni f'dak il-Programm, inkluż il-parteċipazzjoni fi programmi ta’ korpi tal-finanzjament li jiġġestixxu l-fondi mogħtija skont dan ir-Regolament u fl-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt taħt dan ir-Regolament u taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Il-"Programm Qafas Orizzont 2020") stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

'attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni' tfisser l-ispettru totali ta’ attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku, dimostrazzjoni u innovazzjoni, inkluż il-promozzjoni ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, disseminazzjoni u ottimizzazzjoni tar-riżultati u stimulazzjoni tat-taħriġ u l-mobbiltà tar-riċerkaturi fil-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem 'il-Komunità');

(b)

'azzjonijiet diretti' tfisser attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha (il-'JRC');

(c)

'azzjonijiet indiretti' tfisser attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li għalihom l-Unjoni jew il-Komunità (minn hawn 'il quddiem l-'Unjoni') jipprovdu appoġġ finanzjarju u li jitwettqu mill-parteċipanti;

(d)

'sħubija pubblika-privata' tfisser sħubija fejn l-imsieħba tas-settur privat, l-Unjoni u, fejn jixraq, imsieħba oħrajn, bħal korpi tas-settur pubbliku, jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw b'mod konġunt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programm jew attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni;

(e)

'sħubija pubblika-pubblika' tfisser sħubija fejn korpi tas-settur pubbliku jew korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali jimpenjaw ruħhom mal-Komunità biex b'mod konġunt jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programm jew attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni.

Artikolu 3

Objettivi

1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm Euratom huwa li jitwettqu attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari b'enfasi fuq it-titjib kontinwu tas-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, u li jikkontribwixxi potenzjalment għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-sistema tal-enerġija b’mod sikur, effiċjenti u sigur. L-objettiv ġenerali għandu jiġi implimentat permezz tal-attivitajiet speċifikati fl-Anness I fil-forma ta’ azzjonijiet diretti u indiretti li jindirizzaw l-objettivi speċifiċi stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom għandu jkollhom l-objettivi li ġejjin:

(a)

jappoġġaw l-operat sikur ta’ sistemi nukleari;

(b)

jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' sigurtà aktar fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni;

(c)

jappoġġaw l-iżvilupp u s-sostenibbiltà ta' kompetenza u eċċellenza nukleari fl-Unjoni Ewropea;

(d)

jappoġġaw il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet mediċi għar-radjazzjoni, inkluż fost l-oħrajn, il-provvista sigura u sikura u l-użu ta' isotopi radjuattivi;

(e)

jimxu lejn dimostrazzjoni tal-fattibbiltà tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija billi jisfruttaw faċilitajiet eżistenti u futuri tal-fużjoni;

(f)

jibnu l-pedamenti għall-impjanti tal-enerġija mill-fużjoni tal-futur billi jiżviluppaw materjali, teknoloġiji u disinn kunċettwali;

(g)

jippromwovu l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali;

(h)

jiżguraw id-disponibbiltà u l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka ta’ rilevanza pan-Ewropea;

3.   L-azzjonijiet diretti tal-Programm Euratom għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

itejbu tas-sikurezza nukleari inklużi: is-sikurezza tar-reattur nukleari u tal-karburant, il-ġestjoni tal-iskart, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni; dekommissjonar, u tħejjija għall-emerġenza;

(b)

itejbu s-sigurtà nukleari inklużi s-salvagwardji nukleari, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali u l-forensiċi nukleari;

(c)

iżidu l-eċellenza fil-bażi tax-xjenza nukleari għall-istandardizzazzjoni;

(d)

irawmu l-ġestjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

(e)

jappoġġaw il-politika tal-Unjoni dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

Kwalunkwe attribuzzjoni ġdida ta' attività lill-JRC għandha tiġi analizzata mill-Bord ta' Gvernaturi tal-JRC biex jiċċekkjaw il-konsistenza tagħha mal-attivitajiet diġà eżistenti fl-Istati Membri.

4.   Il-Programm Euratom għandu jiġi implimentat b’tali mod li jiżgura li l-prijoritajiet u l-attivitajiet appoġġati huma rilevanti għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu u jqisu n-natura li qed tevolvi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika, is-swieq u s-soċjetà, bil-għan li jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u finanzjarji u tiġi evitata d-dupplikazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp nukleari fl-Unjoni.

5.   Fi ħdan l-objettivi speċifiċi msemmija fil-paragrafi 2 u 3, jistgħu jitqiesu ħtiġijiet ġodda u mhux previsti li jirriżultaw matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Programm Euratom. Dan jista', jekk debitament ġustifikat, jinkludi risponsi għal opportunitajiet, kriżijiet u theddid emerġenti, għal ħtiġijiet relatati mal-iżvilupp ta' politiki ġodda tal-Unjoni, u għall-indirizzar ta' azzjonijiet previsti sabiex ikunu ta' appoġġ fil-qafas ta' programmi futuri.

Artikolu 4

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm Euratom għandu jkun EUR 1 603 329 000. L-ammont għandu jitqassam kif ġej:

(a)

azzjonijiet indiretti għall-programm ta' riċerka u żvilupp fil-fużjoni, EUR 728 232 000;

(b)

azzjonijiet indiretti għall-fissjoni nukleari, is-sikurezza u l-protezzjoni mir-radjazzjoni EUR 315 535 000;

(c)

azzjonijiet diretti, EUR 559 562 000.

Għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom, in-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni għandha tilħaq sa medja ta' 7 % matul il-Programm Euratom u mhux aktar minn 6 % fl-2018.

2.   Il-pakkett finanzjarju tal-Programm Euratom jista' jkopri spejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet ta' tħejjija, monitoraġġ, kontroll, verifika u evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni ta' dak il-Programm u għat-twettiq tal-objettivi tiegħu, b'mod partikolari l-istudji u l-laqgħat tal-esperti, sa fejn huma relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, u l-ispejjeż marbuta ma' netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien ma' kull spiża oħra ta' assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm Euratom. L-ispejjeż għal azzjonijiet kontinwi u ripetittivi bħall-kontroll, il-verifika u netwerks tal-IT ser jiġu koperti fil-limiti tan-nefqa amministrattiva tal-Kummissjoni speċifikata fil-paragrafu 1.

3.   Fejn meħtieġ u debitament ġustifikat, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2018 biex ikopru spejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet li jkunu għadhom ma tlestewx sal-31 ta' Diċembru 2018.

4.   Fejn l-azzjonijiet diretti jikkontribwixxu għal inizjattivi stabbiliti minn entitajiet inkarigati mill-Kummissjoni bl-implimentazzjoni ta' kompiti f'konformità mal-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 15, tali kontribuzzjoni ma għandix tiġi kkunsidrata bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja allokata għal dawk l-inizjattivi.

5.   L-impenji baġitarji jistgħu jitqassmu fi ħlasijiet annwali bin-nifs. Kull sena l-Kummissjoni għandha timpenja l-ħlasijiet annwali bin-nifs filwaqt li tqis il-progress tal-azzjonijiet li jkunu qed jirċievu appoġġ finanzjarju, l-istima tal-ħtiġijiet u l-baġit disponibbli.

Artikolu 5

Assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi

1.   Il-Programm Euratom għandu jkun miftuħ għall-assoċjazzjoni ta':

(a)

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u d-deċiżjonijiet ta’ kunsilli ta’ assoċjazzjoni jew ftehimiet simili;

(b)

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), jew pajjiżi jew territorji koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

kapaċità tajba fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;

(ii)

rekord tajjeb ta’ mġiba ta’ parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-Unjoni;

(iii)

trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(c)

pajjiżi jew territorji assoċjati mas-Seba' Programm Qafas tal-Euratom.

2.   It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati fil-Programm Euratom, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja, ibbażati fuq il-prodott domestiku gross tal-pajjiż assoċjat, għandhom ikunu determinati mill-ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi assoċjati.

TITOLU II

IMPLIMENTAZZJONI

KAPITOLU I

Implimentazzjoni, ġestjoni u forom ta’ appoġġ

Artikolu 6

Ġestjoni u forom ta’ appoġġ tal-Komunità

1.   Il-Programm Euratom għandu jkun implimentat permezz ta’ azzjonijiet indiretti li jużaw forma waħda ta' finanzjament jew diversi pprovduti mir-Regolament Finanzjarju, inkluż għotjiet, premji, akkwist u strumenti finanzjarji. L-appoġġ tal-Komunità għandu jikkonsisti wkoll minn azzjonijiet diretti fil-forma ta' attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li jsiru mill-JRC.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tinkariga parti mill-implimentazzjoni tal-Programm Euratom f’idejn korpi tal-finanzjament msemmija fl-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tinkariga l-implimentazzjoni ta’ azzjoni indiretta taħt il-Programm Euratom lil korpi maħluqa taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 jew imsemmija fih.

3.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-finanzjament ta' azzjonijiet indiretti.

Artikolu 7

Regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka

1.   Soġġetta għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe entità legali f’azzjonijiet indiretti li jsiru taħt il-Programm Euratom għandhom ikunu amministrati minn regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.   Għall-iskopijiet tal-Programm Euratom, ‘ir-regoli tas-sigurtà’, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 1290 /2013 għandhom jinkludu l-interessi tad-difiża tal-Istati Membri fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 24 tat-Trattat.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament jista', fir-rigward ta’ riżultati li huma ġġenerati minn parteċipanti li jkunu rċevew kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, joġġezzjona għal trasferimenti ta’ sjieda jew għal għotjiet kemm ta’ liċenzja esklussiva kif ukoll dik li mhijiex, lill-partijiet terzi stabbiliti f’pajjiż terz li mhux assoċjat mal-Programm Euratom fejn jikkunsidra li l-għotja jew it-trasferiment mhumiex f'konformità mal-interess tal-iżvilupp tal-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni jew huwa inkonsistenti mal-prinċipji etiċi jew il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà. ‘Kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà’ għandha tinkludi l-interessi tad-difiża tal-Istati Membri fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 24 tat-Trattat.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, il-Komununità u l-impriżi konġunti tagħha għandhom, għall-fini tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki u l-programmi tal-Komunità jew l-obbligi assunti permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, igawdu minn drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati ta’ parteċipant li jkun irċieva kontribuzzjoni finanazjarja tal-Komunità. Drittijiet ta’ aċċess bħal dawn għandhom jinkludu d-dritt biex partijiet terzi jiġu awtorizzati jużaw ir-riżultati fl-akkwist pubbliku u d-dritt ta’ subliċenzjar u għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u għandhom jingħataw fuq bażi ta’ mingħajr royalty.

3.   Il-‘fond ta’ garanzija għall-parteċipanti’ stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 għandu jissostitwixxi u jissuċċedi l-fondi ta’ garanzija għall-parteċipanti stabbiliti skont ir-Regolament (Euratom) Nru 1908/2006 u r-Regolament (Euratom) Nru 139/2012.

Kwalunkwe somma mill-fondi ta’ garanzija għall-parteċipanti stabbilit skont ir-Regolamenti (Euratom) Nru 1908/2006 u (Euratom) Nru 139/2012 għandha tiġi ttrasferita, mill-31 ta' Diċembru 2013, lill-fond ta’ garanzija għall-parteċipanti stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Il-parteċipanti f’azzjonijiet taħt id-Deċiżjoni 2012/93/Euratom li jiffirmaw ftehimiet tal-għotja wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għandhom jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom lill-fond ta’ garanzija għall-parteċipanti.

Artikolu 8

Attivitajiet trasversali

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Programm Euratom u biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tal-Programm Euratom u l-Programm Qafas Orizzont 2020, azzjonijiet trasversali fl-azzjonijiet indiretti stipulati fl-Anness I u/jew dawk li jimplimentaw il-Programm Speċifiku tal-Programm Qafas Orizzont 2020, kif stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill2013/743/UE (21), jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista' tiġi kkumbinata mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet indiretti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 [li jistabbilixxi Orizzont 2020], u implimentata permezz ta’ skema unika ta’ finanzjament.

Artikolu 9

Ugwaljanza bejn is-sessi

Il-Programm Euratom għandu jiżgura l-promozzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Artikolu 10

Prinċipji etiċi

1.   L-attivitajiet kollha tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettqa taħt il-Programm Euratom għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi u l-leġislazzjoni rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, inkluż il-Karta tad-Drittijijet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli Supplimentari tagħha.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali tal-persuni, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni u l-bżonn li jkunu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

2.   L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li jitwettqu taħt il-Programm Euratom għandu jkollhom fokus esklussiv fuq l-applikazzjonijiet ċivili.

Artikolu 11

Programmi ta' Ħidma

1.   Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni tista’ tadotta programmi ta' ħidma għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet indiretti. Tali programmi ta’ ħidma għandhom jippermettu għal approċċi minn isfel għal fuq li jindirizzaw l-objettivi f’modi innovattivi.

Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu l-elementi essenzjali għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet skont ir-Regolament Finanzjarju, inkluż l-objettivi dettaljati tagħhom, il-finanzjament assoċjat u l-iskeda taż-żmien, kif ukoll approċċ pluriennali u orjentazzjonijiet strateġiċi għas-snin li ġejjin ta’ implimentazzjoni.

2.   Għall-azzjonijiet diretti, il-Kummissjoni għandha, f’konformità mad-Deċiżjoni 96/282/Euratom, tfassal programm ta’ ħidma pluriennali, li jistabbilixxi f’aktar dettall l-objettivi u l-prijoritajiet xjentifiċi u teknoloġiċi ppreżentati fl-Anness I, u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni.

Dak il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jqis ukoll l-attivitajiet tar-riċerka rilevanti mwettqa mill-Istati Membri, pajjiżi assoċjati u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Dan għandu jkun aġġornat meta u fejn xieraq.

3.   Il-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom iqisu l-istat tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali u tal-iżviluppi rilevanti tal-politika, is-suq u s-soċjetà. Dawn għandhom ikunu aġġornati kif u meta xieraq.

4.   Il-programmi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fihom taqsima li tidentifika l-attivitajiet trasversali kif jissemma fl-Artikolu 8.

Artikolu 12

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kumitat (22) għandu jiltaqa' f'żewġ konfigurazzjonijiet differenti, li jittrattaw rispettivament aspetti relatati mal-fissjoni u aspetti relatati mal-fużjoni tal-Programm Euratom.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandha tapplika l-proċedura ta' eżami f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Meta l-opinjoni tal-Kumitat tinkiseb bi proċedura bil-miktub, din il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, dan jiġi deċiż mill-president tal-Kumitat jew b’maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat li jitolbu dan.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12 dwar il-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, u għandha tipprovdih b’informazzjoni fil-ħin dwar l-azzjonijiet indiretti kollha proposti jew ffinanzjati taħt il-Programm Euratom.

Artikolu 14

Konsulenza esterna u involviment tas-soċjetà

1.   Għall-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, għandha titqies il-konsulenza u l-ħidma prevista, fejn adatt:

(a)

mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku tal-Euratom skont l-Artikolu 134 tat-Trattat;

(b)

mill-gruppi ta' konsulenza indipendenti ta' esperti u ta' livell għoli mwaqqfa mill-Kummissjoni;

(c)

mill-istrutturi tad-djalogu maħluqin skont il-ftehimiet internazzjonali tax-xjenza u t-teknoloġija;

(d)

mill-attivitajiet li jħarsu 'l quddiem;

(e)

mill-konsultazzjonijiet pubbliċi mmirati (inkluż, fejn adatt, l-awtoritajiet jew il-partijiet interessati reġjonali u nazzjonali); u

(f)

minn proċessi trasparenti u interattivi li jiżguraw appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli.

2.   Għandu jittieħed ukoll kont sħiħ tal-aġendi tar-riċerka u l-innovazzjoni stabbiliti minn, fost l-oħrajn, Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropej, Inizjattivi Konġunti ta' Programmar u Sħubiji tal-Innovazzjoni Ewropej.

KAPITOLU II

Oqsma speċifiċi ta’ azzjoni

Artikolu 15

Impriżi żgħar u ta' daqs medju

Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni adegwata tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-impatt ta' innovazzjoni fuqhom kif ukoll tas-settur privat inġenerali fil-Programm Euratom. Għandhom jitwettqu valutazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tal-parteċipazzjoni tal-SMEs bħala parti mill-arranġamenti tal-evalwazzjoni u monitoraġġ.

Artikolu 16

Sħubiji pubbliċi-privati u pubbliċi-pubbliċi

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, l-attivitajiet speċifiċi tal-Programm Euratom jistgħu jkunu implimentati permezz ta':

(a)

Impriżi Konġunti stabbiliti abbażi tal-Kapitolu 5 tat-Trattat;

(b)

sħubiji pubbliċi-pubbliċi abbażi tal-iskema ta’ finanzjament ‘Azzjonijiet kofinanzjati tal-programm’;

(c)

sħubiji kuntrattwali pubbliċi-privati, kif jissemma fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 17

Kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom taħt il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013. L-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali f'dak ir-rigward huma stabbiliti fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament. Il-kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandha tiġi promossa mill-Programm Euratom sabiex:

(a)

tissaħħaħ l-eċċellenza u l-ġibda tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-kompetittività ekonomika u industrijali tagħha;

(b)

jiġu indirizzati b’mod effettiv tal-isfidi komuni tas-soċjetà;

(c)

jiġu appoġġati l-objettivi tal-politika esterna u tal-iżvilupp tal-Unjoni, li jikkumplementaw il-programmi esterni u tal-iżvilupp. Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji ma' politiki oħra tal-Unjoni.

2.   Azzjonijiet immirati bl-objettiv li jippromwovu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi jew gruppi ta’ pajjiżi terzi speċifiċi għandhom ikunu implimentati abbażi ta’ approċċ strateġiku kif ukoll interess u prijoritajiet komuni, u benefiċċju reċiproku, filwaqt li jqisu l-kapaċitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi tagħhom u l-opportunitajiet tas-suq, u l-impatt mistenni.

L-aċċess reċiproku għal programmi ta’ pajjiżi terzi għandu jkun imħeġġeġ. Sabiex ikun massimizzat l-impatt, għandhom ikunu promossi l-koordinazzjoni u s-sinerġiji ma' inizjattivi ta' Stati Membri u pajjiżi assoċjati. In-natura tal-kooperazzjoni tista' tvarja skont il-pajjiżi sħab speċifiċi.

Il-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni għandhom iqisu żviluppi fil-politika tal-Unjoni, opportunitajiet għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.

Artikolu 18

Informazzjoni, komunikazzjoni, użu u disseminazzjoni

1.   Meta jkun qed jiġi implimentat il-Programm Euratom, l-attivitajiet ta' disseminazzjoni u komunikazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali tal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm Euratom.

2.   L-attivitajiet tal-komunikazzjoni jistgħu jinkludu:

(a)

inizjattivi mmirati lejn it-tkabbir tas-sensibilizzazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għal finanzjament taħt il-Programm Euratom, b'mod partikolari għal dawk ir-reġjuni jew tipi ta' parteċipanti li mhumiex rappreżentati biżżejjed;

(b)

assistenza mmirata lejn proġetti u konsorzji sabiex jipprovduhom b’aċċess għall-ħiliet neċessarji biex jottimizzaw il-komunikazzjoni, l-użu u d-disemminazzjoni tar-riżultati;

(c)

inizjattivi biex jitrawwem id-djalogu u d-dibattitu dwar kwistjonijiet relatati xjentifiċi, teknoloġiċi u innovattivi mal-pubbliku, u jieħdu vantaġġ tal-midja soċjali u teknoloġiji u metodoloġiji oħrajn innovattivi;

(d)

komunikazzjoni tal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni sakemm huma relatati mal-għanijiet ta' dan ir-Regolament; b'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata u f'waqtha lill-Istati Membri.

3.   Soġġett għat-Trattat u l-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, l-attivitajiet tad-disseminazzjoni jistgħu jinkludu:

(a)

azzjonijiet li jiġbru flimkien riżultati minn firxa ta’ proġetti, inkluż dawk li jistgħu jiġu ffinanzjati minn sorsi oħrajn, biex jipprovdu bażijiet tad-data faċli għall-utent u rapporti li jagħtu sommarju tas-sejbiet prinċipali;

(b)

disseminazzjoni tar-riżultati lil dawk li jfasslu l-politika, inkluż korpi tal-istandardizzazzjoni, biex jippromwovu l-użu ta’ riżultati rilevanti għall-politika mill-korpi adattati fil-livell internazzjonali tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali.

KAPITOLU III

Kontroll

Artikolu 19

Kontroll u verifika

1.   Is-sistema ta’ kontroll stabbilita għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun ddisinjata sabiex tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar l-ilħuq ta’ ġestjoni adegwata tar-riskji relatati mal-effettività u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti, filwaqt li tqis il-karattru pluriennali tal-programmi kif ukoll in-natura tal-pagamenti konċernati.

2.   Is-sistema ta' kontroll għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn il-fiduċja u l-kontroll, tqis l-ispejjeż amministrattivi u oħrajn tal-kontrolli fil-livelli kollha, speċjalment għall-parteċipanti sabiex l-objettivi tal-Programm Euratom jistgħu jintlaħqu u l-aktar riċerkaturi eċċellenti u l-aktar impriżi innovattivi jistgħu jkunu attirati lejh.

3.   Bħala parti mis-sistema ta' kontroll, l-istrateġija tal-verifika għan-nefqa fl-azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Euratom għandha tkun ibbażata fuq il-verifika finanzjarja ta' kampjun rappreżentattiv tan-nefqa mifrux fuq il-Programm kollu. Kampjun rappreżentattiv bħal dan għandu jkun ikkumplimentat minn għażla bbażata fuq valutazzjoni tar-riskji relatati man-nefqa.

Il-verifiki tan-nefqa fl-azzjonijeit indiretti taħt il-Programm Euratom għandhom jitwettqu f’manjiera koerenti f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività sabiex ikun minimizzat il-piż tal-verifika tal-parteċipanti.

Artikolu 20

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri li jixirqu li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u, fejn jiġu individwati l-irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa b’mod skorrett u, fejn adatt, b'pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandhom ikollhom is-setgħa ta' verifika, abbażi ta' dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotja, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-verifiki tal-Kummissjoni jistgħu jitwettqu sa sentejn wara l-aħħar pagament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (EU, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (24) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kien hemmx frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja jew deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt iffinanzjat skont il-Programm Euratom.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta' għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali verifiki u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU IV

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Artikolu 21

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ annwali tal-implimentazzjoni, inkluż il-progress u l-kisbiet, tal-Programm Euratom. Il-Kummissjoni għandha tagħti tagħrif dwar dan lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta r-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 u tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 22

Evalwazzjoni

1.   L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’manjiera suffiċjentament fil-ħin sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Sal-31 ta’ Mejju 2017, u filwaqt li titqies l-evalwazzjoni ex post tas-Seba' Programm Kwadru tal-Euratom stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2006/970/Euratom u tal-Programm Qafas tal-Euratom (2012-2013) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2012/93/Euratom, li għandha titlesta sal-aħħar tal-2015, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-assistenza ta' esperti indipendenti, magħżulin abbażi ta' proċess trasparenti, evalwazzjoni interim tal-Programm Euratom dwar il-kisbiet, fil-livell tar-riżultati u progress lejn l-impatti, tal-objettivi u r-rilevanza kontinwa tal-miżuri kollha, l-effiċjenza u l-użu tar-riżorsi, l-ambitu għal aktar simplifikazzjoni, u l-valur miżjud Ewropew. Dik l-evalwazzjoni għandha wkoll tqis il-kontribuzzjoni tal-miżuri tal-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, ir-riżultati fuq l-impatt fit-tul tal-miżuri predeċissuri, u l-livell ta' sinerġija u interazzjoni ma' programmi ta' finanzjament oħrajn tal-Unjoni, inklużi l-Fondi Strutturali.

Sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti, evalwazzjoni ex-post tal-Programm Euratom magħżula abbażi ta' proċess trasparenti. Tali evalwazzjoni għandha tkopri r-raġunament, l-implimentazzjoni u l-kisbiet, kif ukoll l-impatti u s-sostenibbiltà tal-miżuri aktar fit-tul, biex jikkontribwixxu għal deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta' tiġdid, modifika jew sospensjoni ta' miżura sussegwenti.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 l-azzjonijiet diretti u indiretti tal-Programm Euratom għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjonijiet separati.

3.   L-evalwazzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jivvalutaw il-progress lejn l-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, filwaqt li jqisu, l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti definiti fl-Anness II.

4.   Fejn adatt u meta jkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data u l-informazzjoni meħtieġa biex ikun possibbli li jsiru l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

5.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻITORJI

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet tranżitorji u ta’ tħassir

1.   Id-Deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 1980 li tistabbilixxi l-Kumitat Konsultattiv għall-Programm dwar il-Fużjoni, id-Deċiżjoni 84/338/Euratom, KEFA, KEE, id-Deċiżjoni 2006/970/Euratom, id-Deċiżjoni 2006/976/Euratom, id-Deċiżjoni 2006/977/Euratom, ir-Regolament (Euratom) Nru 1908/2006, id-Deċiżjoni 2012/93/Euratom, ir-Regolament (Euratom) Nru 139/2012, id-Deċiżjoni 2012/94/Euratom u d-Deċiżjoni 2012/95/Euratom qed jitħassru b'effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.   L-attivitajiet li jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità taħt il-programmi stabbiliti permezz tad-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-obbligazzjonijiet finanzjarji relatati għandhom ikomplu jiġu amministrati mir-regoli applikabbli għal dawk il-programmi sakemm jitlestew.

3.   L-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 4 tista’ tkopri wkoll in-nefqa tal-assistenza teknika u amministrattiva neċessarja biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm Euratom u l-miżuri adottati taħt id-Deċiżjoni 2012/93/Euratom, id-Deċiżjoni 2012/94/Euratom u d-Deċiżjoni 2012/95/Euratom.

4.   Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ tal-Komunità għar-riċerka dwar il-fużjoni, in-nefqa mġarrba mill-1 ta' Jannar 2014 mill-benefiċjarji tal-azzjoni kofinanzjata tal-Programm msemmija fil-punt (i) tal-Anness I għandha tkun eliġibbli għal appoġġ mill-Komunità.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111.

(2)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 358, 16.12.2006. p. 62

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tagħtiha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2005 dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u dwar Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi (ĠU L 75, 22.3.2005, p. 67).

(6)  ĠU C 74E, 13.3.2012, p. 34

(7)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1908/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet f'azzjoni taħt is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2011) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 139/2012 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2012-2013) ĠU L 47, 18.2.2012, p. 1

(10)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f'Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (Ara paġna 81 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 1996 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid taċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt (ĠU L 107, 30.4.1996, p. 12).

(13)  Dokument tal-Kunsill 4151/81 (ATO 103) tat-8.1.1981, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 84/338/Euratom, KEFA, KEE tad-29 ta' Ġunju 1984 dwar strutturi u proċeduri għat-tmexxija u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u demostrazzjoni komunitarji (ĠU L 177, 4.7.1984, p. 25).

(15)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/870/Euratom tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007-2011) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60).

(16)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/976/Euratom tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka nukleari u attivitajiet ta' taħriġ (2007 – 2011) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 404).

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/977/Euratom tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar il-Programm Speċifiku li għandu jitwettaq permezz ta' azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għal attivitajiet ta' riċerka u taħriġ nukleari (2007 sa 2011) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 434).

(18)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2009 li tadotta programm Komunitarju multiannwali għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' dejta fis-settur tas-sajd għall-perjodu 2011-2013 (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 25).

(19)  Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 33).

(20)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/95/Euratom tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-programm speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012 sal-2013) (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 40).

(21)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE ta' 3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li Jimplimenta Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014 - 2020) (Ara paġna 965 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(22)  Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom, għal kull laqgħa tal-kumitat tal-programm kif definit fl-aġenda, il-Kummissjoni ser tirrimborża, f'konformità mal-linji gwida stabbiliti tagħha, l-ispejjeż ta' rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, kif ukoll għal espert/konsulent wieħed għal kull Stat Membru għal dawk il-punti tal-aġenda fejn Stat Membru jeħtieġ kompetenza speċifika.

(23)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(24)  Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS I

ATTIVITAJIET

Raġunament għall-programm Euratom – inwittu t-triq għall-2020

Bil-kisba tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 3, il-Programm Euratom ser jirrinforza r-riżultati taħt it-tliet prijoritajiet tal-Programm Qafas ‘Orizzont 2020’ jiġifieri x jenza eċċellenti, tmexxija industrijali u sfidi tas-soċjetà.

L-enerġija nukleari tikkostitwixxi element fid-dibattitu dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija importata. Fil-kuntest usa' tas-sejba ta' taħlita ta' enerġija sostenibbli għall-futur, il-Programm Euratom ser jikkontribwixxi wkoll permezz tal-attivitajiet ta' riċerka tiegħu għad-dibattitu dwar il-benefiċċji u l-limitazzjonijiet tal-enerġija mill-fissjoni nukleari għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Billi jiżguraw titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari, teknoloġiji nukleari aktar avvanzati jistgħu joffru wkoll il-prospett ta' titjib sinifikanti fl-effiċjenza u l-użu tar-riżorsi u l-produzzjoni ta' inqas skart mid-disinni attwali. L-aspetti ta' sikurezza nukleari ser jirċievu l-akbar attenzjoni possibbli.

Il-Programm Euratom ser isaħħaħ il-qafas tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam nukleari u jikkoordina l-isforzi fir-riċerka tal-Istati Membri u b’hekk jevita d-duplikazzjoni, iżomm il-massa kritika f’oqsma ewlenin u jiżgura li l-finanzjament pubbliku qed jintuża bl-aħjar mod. Madankollu l-koordinazzjoni mhux ser iżżomm lill-Istati Membri milli jkollhom programmi li jaqdu ħtiġijiet nazzjonali.

L-istrateġija biex il-fużjoni tiġi żviluppata bħala għażla kredibbli għall-produzzjoni kummerċjali ta’ enerġija mingħajr karbonju, ser issegwi pjan direzzjonali lejn il-mira tal-produzzjoni tal-elettriku sal-2050. Biex tiġi implimentata dik l-istrateġija, irid jitwettaq ristrutturar tax-xogħol relatat mal-fużjoni fl-Unjoni, inkluż l-amministrazzjoni, il-finanzjament u l-ġestjoni, sabiex tkun żgurata bidla minn enfasi fuq riċerka pura għad-disinn, il-bini u l-operat tal-faċilitajiet tal-futur bħal ITER, DEMO u lil hinn minnhom. Dak ser jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-komunità tal-Unjoni tal-fużjoni kollha, il-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali ta’ finanzjament.

Sabiex tinżamm il-kompetenza tal-Unjoni neċessarja għall-ilħuq ta’ dawk il-miri, il-Programm Euratom ser ikompli jtejjeb ir-rwol tiegħu fit-taħriġ permezz tal-istabbilment ta’ faċilitajiet tat-taħriġ ta’ interess panEwropew li ser iwasslu programmi dedikati. Dak ser ikompli jippromwovi ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u aktar integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi assoċjati.

Attivitajiet neċessarji biex jinkisbu l-objettivi tal-programm

Azzjonijiet indiretti

Sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet indiretti tal-Programm Euratom jirrinforzaw b’mod reċiproku l-isforzi tar-riċerka tal-Istati Membri u tas-settur privat, il-prijoritajiet tal-programmi ta’ ħidma għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-inputs adegwati minn awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u partijiet interessati tar-riċerka nukleari miġbura f'korpi jew oqfsa bħall-pjattaformi tat-teknoloġija u forums tekniċi għas-sistemi nukleari u s-sikurezza, ġestjoni tal-iskart aħħari u protezzjoni mir-radjazzjoni/riskju ta’ doża baxxa, ir-riċerka dwar il-fużjoni, jew kwalunkwe organizzazzjoni rilevanti jew forum ta’ partijiet interessati nukleari.

(a)   Appoġġ għas-sikurezza tas-sistema nukleari (Sfidi tas-soċjetà, Xjenza eċċellenti, Tmexxija industrijali)

F’konformità mal-objettiv ġenerali, appoġġ għal attivitajiet ta’ riċerka konġunta li jikkonċernaw l-operat sikur u d-dekommissjonar tas-sistemi tar-reatturi (inkluż il-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-karburant) li qed jintużaw fl-Unjoni jew, sa fejn huwa meħtieġ sabiex tinżamm kompetenza mifruxa dwar is-sikurezza nukleari fl-Unjoni, dawk it-tipi ta' reatturi li jistgħu jintużaw fil-futur, filwaqt li jiffukaw esklussivament fuq l-aspetti tas-sikurezza, inkluż l-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-karburant bħas-separazzjoni(partitioning) u t-trasmutazzjoni (transmutation).

(b)   Kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sikuri, aktar fit-tul għall-ġestjoni tal-iskart nukleari aħħari, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni; (Xjenza eċċellenti, Sfidi tas-soċjetà)

Attivitajiet ta’ riċerka konġunti u/jew koordinati dwar l-aspetti ewlenin li jifdal fuq ir-rimi ġeoloġiku tal-karburant użat u l-iskart radjuattiv ta’ ħajja twila b’dimostrazzjoni tat-teknoloġiji u s-sikurezza, kif adegwat. Dawk l-attivitajiet għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta' opinjoni komuni tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet prinċipali relatati mal-ġestjoni tal-iskart mill-iskarikar tal-karburant sar-rimi.

L-attivitajiet tar-riċerka relatati mal-ġestjoni ta’ flussi oħra tal-iskart radjuattiv li għalihom s’issa għadhom ma jeżistux proċessi industrijali maturi.

(c)   Appoġġ għall-iżvilupp u s-sostenibbiltà tal-kompetenza u eċċellenza nukleari fl-Unjoni Ewropea (Xjenza eċċellenti)

Promozzjoni tat-taħriġ konġunt u attivitajiet tal-mobbiltà bejn ċentri tar-riċerka u l-industrija, u bejn Stati Membri u Stati Assoċjati differenti, kif ukoll appoġġ għaż-żamma multidixxiplinarja tal-kompetenzi nukleari sabiex jiggarantixxu d-disponibbiltà ta’ riċerkaturi, inġiniera u impjegati kwalifikati kif suppost fis-settur nukleari fl-Unjoni fuq perjodu ta' żmien twil.

(d)   Appoġġ għall-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet mediċi għar-radjazzjoni, inkluż fost l-oħrajn, il-provvista sigura u sikura u l-użu ta' isotopi radjuattivi (Xjenza eċċellenti, Sfidi tas-soċjetà)

Attivitajiet ta’ riċerka konġunti u/jew koordinati, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-riskji minn dożi baxxi minn esponiment industrijali, mediku jew ambjentali, dwar il-ġestjoni ta’ emerġenza f’rabta mal-aċċidenti li jinvolvu r-radjazzjoni, u dwar ir-radjoekoloġija sabiex jipprovdu bażi panEwropea xjentifika u teknoloġika għal sistema ta’ protezzjoni robusta, ekwitabbli u soċjalment aċċettabbli.

Attivitajiet ta' riċerka dwar applikazzjonijiet mediċi tar-radjazzjoni jonizzanti u l-indirizzar tal-aspetti tas-sikurezza operazzjonali tal-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-użu tagħhom.

(e)   Il-mixja lejn dimostrazzjoni tal-fattibiltà tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija (power) billi jisfruttaw faċilitajiet eżistenti u futuri tal-fużjoni (Tmexxija industrijali, Sfidi tas-soċjetà)

Appoġġ għall-attivitajiet ta’ riċerka komuni mwettqa minn membri tal-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni u kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmijin taħt il-paragrafu (i) biex ikun żgurat bidu malajr ta' operat ta’ prestazzjoni għolja tal-ITER inkluż l-użu tal-faċilitajiet rilevanti (inkluż, JET - Joint European Torus), tal-immudellar integrat bl-użu ta’, fost affarijiet oħra, kompjuters ta’ prestazzjoni għolja, u attivitajiet ta’ taħriġ għat-tħejjija tar-riċerkaturi u l-inġiniera tal-ġenerazzjoni li jmiss.

(f)   Bini tal-pedamenti għall-impjanti tal-enerġija mill-fużjoni tal-futur billi jiżviluppaw materjali, teknoloġiji u disinn kunċettwali (Tmexxija industrijali, Sfidi tas-soċjetà)

Appoġġ għall-attivitajiet konġunti mwettqa minn membri tal-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni u kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmijin taħt il-paragrafu (i) biex jiġu żviluppati u kkwalifikati materjali għal impjant tal-enerġija tad-dimostrazzjoni li jirrikjedu, fost l-oħrajn, xogħol ta’ tħejjija għal faċilità tal-ittestjar tal-materjal adattata u negozjati għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’qafas internazzjonali adattat għal dik il-faċilità. Żvilupp u kwalifikazzjonijiet bħal dawn għandhom jagħmlu użu mil-livelli kollha possibbli tal-kapaċitajiet esperimentali, informatiċi u teoretiċi disponibbli.

Appoġġ għall-attivitajiet konġunti tar-riċerka mwettqa minn membri tal-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni u kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmijin taħt il-paragrafu (i) li ser jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-operat tar-reattur u ser jiżviluppaw u juru t-teknoloġiji rilevanti kollha għal impjant tal-enerġija tad-dimostrazzjoni tal-fużjoni. Dawk l-attivitajiet jinkludu t-tħejjija ta’ disinni kunċettwali ta’ impjant tal-enerġija tad-dimostrazzjoni komplut(i) u l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-istellaraturi (stellarators) bħala teknoloġija tal-impjant tal-enerġija.

(g)   Promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali (Tmexxija industrijali)

Implimentazzjoni jew appoġġ għall-ġestjoni tal-għarfien u trasferiment tat-teknoloġija mir-riċerka kofinanzjata mill-Programm Euratom għall-industrija li tisfrutta l-aspetti innovattivi kollha tar-riċerka.

Promozzjoni tal-innovazzjoni permezz, fost l-oħrajn, tal-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, bażi tad-data għall-ġestjoni u d-disseminazzjoni tal-għarfien u l-promozzjoni ta’ suġġetti tat-teknoloġija fil-programmi edukattivi.

Fuq terminu ta’ żmien twil, il-Programm Euratom għandu jappoġġa t-tħejjija u l-iżvilupp ta' settur industrijali tal-fużjoni nukleari kompetittiv b'mod li jiffaċilita l-involviment tas-settur privat kif ukoll l-SMEs fejn adegwat, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' pjan direzzjonali teknoloġiku għal impjant tal-enerġija mill-fużjoni b'involviment industrijali attiv fid-disinn u l-iżvilupp tal-proġetti.

(h)   Żgurar tad-disponibbiltà u l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka ta’ rilevanza panEwropea (Xjenza eċċellenti)

Attivitajiet li jappoġġaw il-kostruzzjoni, l-arranġament mill-ġdid, l-użu u d-disponibbiltà kontinwa ta’ infrastrutturi tar-riċerka ewlenin taħt il-Programm Euratom, kif ukoll aċċess adattat għal dawk l-infrastrutturi u kooperazzjoni bejniethom.

(i)   Programm Ewropew ta' Fużjoni

Għandha tingħata għotja (Azzjoni kofinanzjata tal-programm) lill-entitajiet legali stabbiliti jew magħżula mill-Istati Membri u minn kwalunkwe pajjiż terz assoċjat mal-Programm Euratom u li ser jiżviluppaw programm konġunt ta' attivitajiet li jimplimentaw il-pjan direzzjonali lejn il-mira tal-produzzjoni tal-elettriku sal-2050. Dik l-għotja tista’ tinkludi riżorsi in naturamill-Komunità, bħall-isfruttar xjentifiku u tekniku tal-faċilità JET skont l-Artikolu 10 tat-Trattat, jew is-sekondar ta' persunal tal-Kummissjoni.

Azzjonijiet diretti tal-JRC

Il-prijoritajiet għal azzjonijiet diretti għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ konsultazzjoni tad-Direttorati Ġenerali tal-politika tal-Kummissjoni u tal-Bord tal-Gvernaturi tal-JRC.

L-attivitajiet nukleari tal-JRC iridu jimmiraw li jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 2009/71/Euratom (1) u 2011/70/Euratom (2), kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill li jagħtu prijorità lill-ogħla standards għas-sikurezza u s-sigurtà nukleari fl-Unjoni u internazzjonalment.

Il-JRC irid b’mod partikolari jikkontribwixxi biex għar-riċerka dwar is-sikurezza nukleari meħtieġa għall-użu paċifiku, sikur u sigur tal-enerġija nukleari u applikazzjonijiet oħra mhux tal-fissjoni. Il-JRC ser jipprovdi bażi xjentifika għall-politiki rilevanti tal-Unjoni u, fejn meħtieġ, jirreaġixxi fi ħdan il-limiti tal-missjoni u l-kompetenza tiegħu għal avvenimenti, inċidenti u aċċidenti nukleari. Għal dak il-għan, il-JRC ser iwettaq riċerka u valutazzjonijiet, jipprovdi referenzi u standards u jwassal taħriġ u edukazzjoni dedikati. Ser jiġu mfittxija sinerġiji ma' inizjattivi trasversali rilevanti skont il-bżonn, bil-għan li jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u finanzjarji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp nukleari fl-Unjoni Ewropea. L-attivitajiet tal-JRC f'dawn l-oqsma ser jitwettqu b'kont meħud tal-inizjattivi rilevanti fil-livell reġjonali, tal-Istati Membri jew tal-Unjoni Ewropea, fil-perspettiva tat-tfassil taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(a)   Titjib tas-sikurezza nukleari inklużi: sikurezza tar-reattur nukleari u tal-karburant, il-ġestjoni tal-iskart, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukollseparazzjoni u trasmutazzjoni; dekommissjonar, u tħejjija għall-emerġenza

Il-JRC ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ għodod u metodi biex jiksbu standards tas-sikurezza għoljin għar-reatturi tal-enerġija nukleari u ċ-ċikli tal-karburant rilevanti għall-Ewropa. Dawn l-għodod u metodi ser jinkludu:

(1)

mudellar u metodoloġiji tal-analiżi ta’ aċċident sever għall-evalwazzjoni tal-marġni operattivi tas-sikurezza tal-installazzjonijiet nukleari; appoġġ għall-istabbiliment ta' approċċ Ewropew komuni għall-evalwazzjoni ta' ċikli u disinni ta' karburant avvanzati; u l-investigazzjoni u d-disseminazzjoni tat-tagħlimiet meħuda mill-esperjenza operattiva. Il-JRC ser ikompli jaħdem għaċ-‘Ċentru Ewropew għall-Iskambju ta’ Esperjenzi Operazzjonali tan-NPP’ tiegħu biex jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq isfidi tas-sikurezza nukleari minn wara Fukushima, waqt li jappella għall-kompetenza tal-Istati Membri f'dan il-qasam.

(2)

minimizzazzjoni dwar l-inċertezzi xjentifiċi fit-tbassir tal-imġieba fit-tul tal-iskart nukleari u tat-tixrid tar-radjunuklidi fl-ambjent; u aspetti ewlenin tar-riċerka dwar id-dekommisjonar tal-installazzjonijiet nukleari.

(3)

skambju mal-partijiet interessati biex tissaħħaħ tal-kapaċità tal-Unjoni biex twieġeb għall-aċċidenti u inċidenti nukleari b’riċerka dwar is-sistemi ta’ allert u mudelli għat-tixrid radjoloġiku fl-arja, u bl-immobilizzar tar-riżorsi u l-kompetenza għall-analiżi u l-mudellar tal-aċċidenti nukleari.

(b)   Titjib tas-sigurtà nukleari inklużi s-salvagwardji nukleari, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali u l-forensiċi nukleari

Il-qasam tan-nonproliferazzjoni irid jirċievi l-akbar attenzjoni possibbli. Il-JRC se:

(1)

jiżviluppa metodoloġiji u metodi ta’ detezzjoni/verifika u teknoloġiji biex jappoġġaw is-salvagwardji tal-Komunità u jsaħħu s-salvagwardji internazzjonali;

(2)

jiżviluppa u japplika metodi imtejba u teknoloġija għal prevenzjoni, detezzjoni u rispons għall-inċidenti nukleari u radjuattivi, inkluż il-kwalifika tat-teknoloġija tad-detezzjoni u l-iżvilupp tal-metodi u t-tekniki tal-forensiċi nukleari fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali f’sinerġiji mal-qafas globali CBRN (Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku, Nukleari);

(3)

jappoġġa l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u strateġiji relatati tal-Unjoni permezz ta’ studji ta’ analiżi u aġġornament tal-evoluzzjoni teknika tar-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni biex jappoġġa s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u tal-Unjoni.

(c)   Tiżdied l-Eċċellenza fil-bażi tax-xjenza nukleari għall-istandardizzazzjoni

Il-JRC ser ikompli jiżviluppa l-bażi xjentifika għas-sikurezza u s-sigurtà nukleari. Għandha ser enfasi għar-riċerka dwar il-proprjetajiet fundamentali u l-aġir tal-attinidi, materjali strutturali u nukleari. B’appoġġ għall-istandardizzazzjoni tal-Unjoni, il-JRC ser jipprovdi standards nukleari mill-aktar avvanzati, data ta' referenza u kejl, inkluż l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti u l-għodod ta' valutazzjoni. Il-JRC ser jappoġġa aktar żvilupp tal-applikazzjonijiet mediċi, l-aktar terapiji ġodda tal-kanċer bbażati fuq l-irradjazzjoni alfa.

(d)   Trawwim tal-ġestjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-JRC ser ikun aġġornat dwar l-iżviluppi ġodda fir-riċerka u l-istrumentazzjoni, is-sikurezza u r-regolamenti ambjentali. Għal dak il-għan, ser jiġi implimentat pjan ta’ investiment rikorrenti

Sabiex l-Unjoni tibqa fuq quddiem tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari, il-JRC ser jiżviluppa għodod tal-ġestjoni tal-għarfien, jimmonitorja x-xejriet tal-Unjoni fir-riżorsi umani permezz tal-Osservatorju Nukleari tar-Riżorsi Umani tiegħu u jwassal programmi ta’ taħriġ u edukazzjoni dedikati, li jkopru wkoll aspetti tad-dekommisjonar.

(e)   Appoġġ għall-politika tal-Unjoni dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari

Il-JRC ser irawwem il-kompetenza u l-eċċellenza tiegħu sabiex jipprovdi l-evidenza indipendenti xjentifika u teknika li tista' tkun neċessarja biex jingħata appoġġ lill-politika tal-Unjoni li qed tevolvi dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

Bħala l-Aġent ta’ Implimentazzjoni tal-Euratom għall-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV (GIF), il-JRC ser ikompli jikkoordina l-kontribuzzjoni tal-Komunità għal GIF. Il-JRC ser jindirizza u jkompli jiżviluppa l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka ma’ pajjiżi imsieħba u organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin (IAEA, OECD/NEA) sabiex jippromwovi l-politiki tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari tal-Unjoni.

Attivitajiet trasversali fi ħdan il-Programm Euratom

Sabiex jikseb l-objettivi ġenerali tiegħu, il-Programm Euratom ser jappoġġa attivitajiet kumplimentari (diretti u indiretti, koordinazzjoni u stimulazzjoni ta’ programmar konġunt) li jiżguraw sinerġija tal-isforzi tar-riċerka biex isolvu sfidi komuni (bħal materjali, teknoloġija tal-likwidu berried, dejta nukleari ta’ referenza, mudellar u simulazzjoni, immaniġġjar remot, ġestjoni tal-iskart, protezzjoni mir-radjazzjoni).

Attivitajiet u interfaċċi trasversali mal-Programm Qafas Orizzont 2020

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Programm Euratom, ser jiġu żgurati rabtiet u interfaċċi adattati, bħal sejħiet konġunti, mal-Programm Speċifiku tal-Programm Qafas Orizzont 2020.

Il-Programm Euratom jista’ jikkontribwixxi għall-Faċilità tad-Dejn u l-Faċilità tal-Ekwità żviluppati taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 li ser jitwessa sabiex ikopri l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.

Kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka nukleari u l-innovazzjoni, ibbażata fuq miri kondiviżi u fiduċja reċiproka, trid tkompli, bil-għan li tipprovdi benefiċċji ċari u sinifikanti għall-Unjoni u l-ambjent tagħha. Bħala kontribuzzjoni għall-kisba tal-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3, il-Komunità ser tfittex li tirrinforza l-kompetenza xjentifika u teknika tal-Unjoni permezz tal-ftehimiet internazzjonali ta’ kooperazzjoni u li tippromwovi l-aċċess tal-industrija nukleari tal-Unjoni għas-swieq ġodda emerġenti.

L-attivitajiet internazzjonali ta’ kooperazzjoni ser ikunu promossi permezz ta’ oqfsa multilaterali (bħal IAEA, OECD, ITER, GIF) u permezz tal-kooperazzjoni bilaterali eżistenti jew ġdida ma’ pajjiżi li għandhom R&Ż b’saħħithom kif ukoll operat ta' bażijiet industrijali u installazzjonijiet tar-riċerka, disinn jew kostruzzjoni.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).


ANNESS II

INDIKATURI TAL-PRESTAZZJONI

Dan l-Anness jippreżenta għal kull wieħed mill-għanijiet speċifiċi tal-Programm Euratom għadd ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-valutazzjoni tar-riżultati u l-impatti li jistgħu jiġu rfinati waqt l-implimentazzjoni tal-Programm Euratom.

1.   Indikaturi għal azzjonijiet indiretti

(a)

Jappoġġaw l-operat sikur ta’ sistemi nukleari;

In-numru ta’ proġetti (riċerka konġunta u/jew azzjonijiet koordinati) li għandu il-probabbiltà li jwassal għal titjib li jista’ jintwera fil-prattika tas-sikurezza nukleari fl-Ewropa.

(b)

Jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet siguri aktar fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u t-trasmutazzjoni.

In-numru ta' proġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sikuri fit-tul għall-ġestjoni ta' skart nukleari aħħari.

(c)

Appoġġ għall-iżvilupp u s-sostenibbiltà tal-kompetenza u eċċellenza nukleari fl-Unjoni

Taħriġ permezz tar-riċerka – l-għadd ta’ studenti tad-Dottorat (PhD) jew riċerkaturi ta’ wara d-Dottorat (postdoctoral) appoġġati permezz tal-proġetti Euratom tal-fissjoni.

L-għadd ta’ imsieħba (fellows) u apprentisti (trainees) fil-programm tal-fissjoni tal-Euratom.

(d)

Appoġġ għall-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet mediċi għar-radjazzjoni, inkluż fost l-oħrajn, il-provvista sigura u sikura u l-użu ta' isotopi radjuattivi

In-numru ta' proġetti li x'aktarx ikollhom impatt dimostrabbli fuq il-prattika regolatorja fir-rigward tal-ħarsien mir-radjazzjoni u fuq l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet mediċi tar-radjazzjoni.

(e)

Il-mixja lejn dimostrazzjoni tal-fattibiltà tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija (power) permezz tal-isfruttar tal-faċilitajiet eżistenti u futuri tal-fużjoni

L-għadd ta’ pubblikazzjonijiet f’ġurnali ta’ impatt għoli riveduti mill-pari.

(f)

Bini tal-pedamenti għall-impjanti tal-enerġija mill-fużjoni tal-futur permezz tal-iżvilupp ta’ materjali, teknoloġiji u disinn kunċettwali

Il-perċentwal tal-passi importanti tal-Pjan Direzzjonali tal-Fużjoni stabbilit għall-perjodu 2014-2018, milħuq mill-Programm Euratom

(g)

Promozzjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-industrija

L-għadd ta’ spin-offs mir-riċerka tal-fużjoni taħt il-Programm Euratom.

L-applikazzjonijiet għal privattivi ġenerati u privattivi mogħtija abbażi ta' attivitajiet ta' riċerka appoġġati mill-programm.

(h)

Żgurar tad-disponibbiltà u l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka ta’ rilevanza panEwropea

L-għadd ta' riċerkaturi li għandhom aċċess għal infrastrutturi għar-riċerka permezz tal-appoġġ tal-Programm Euratom.

2.   Indikaturi għal azzjonijiet diretti

(a)

Indikatur tal-impatt għall-appoġġ tal-politika tal-JRC

L-għadd ta’ okkorrenzi tal-impatti speċifiċi tanġibbli fuq il-politiki tal-Unjoni li jirriżultaw minn appoġġ tal-politika tekniku u xjentifiku pprovdut mill-JRC.

(b)

Indikatur tal-produttività xjentifika tal-JRC

L-għadd ta' pubblikazzjonijiet f’analiżi inter pares

L-indikaturi msemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu jkunu rappreżentati skont l-objettivi ta’ azzjonijiet diretti tal-Komunita li ġejjin:

Titjib tas-sikurezza nukleari inklużi: is-sikurezza tar-reattur nukleari u tal-karburant, il-ġestjoni tal-iskart, inkluż rimi ġeoloġiku finali kif ukoll separazzjoni u trasmutazzjoni; dekommissjonar, u tħejjija għall-emerġenza;

Titjib tas-sigurtà nukleari inklużi: is-salvagwardji nukleari, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali u l-forensiċi nukleari;

Tiżdied l-eċċellenza fil-bażi tax-xjenza nukleari għall-istandardizzazzjoni;

Trawwim tal-ġestjoni tal-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

Appoġġ għall-politika tal-Unjoni dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.


Top