Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1176

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1176/2013 tal- 20 ta’ Novembru 2013 li japprova s-sustanza attiva pirossulam, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 312, 21.11.2013, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1176/oj

    21.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 312/23


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1176/2013

    tal-20 ta’ Novembru 2013

    li japprova s-sustanza attiva pirossulam, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva qabel l-14 ta’ Ġunju 2011. Għall-pirossulam, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/277/KE (3).

    (2)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fit-28 ta’ Frar 2006, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Dow AgroSciences GmbH għall-inklużjoni tas-sustanza attiva pirossulam fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2007/277/KE kkonfermat li d-dossier kien ‘komplut’ fis-sens li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (3)

    Għal dik is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent ġew ivvalutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. Ir-relatur maħtur mill-Istat Membru ssottometta abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni fl-20 ta’ Marzu 2008. Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 (4) fil-5 ta’ Lulju 2012 l-applikant talab informazzjoni addizzjonali. L-evalwazzjoni tad-dejta addizzjonali mir-Renju Unit ġiet ippreżentata fil-format ta’ abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni f’Novembru 2012.

    (4)

    L-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”). Fit-3 ta’ April 2013, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva pirossulam (5). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjoni tal-Awtorità ġew evalwati mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fit-3 ta’ Ottubru 2013 fil-format ta’ rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-pirossulam.

    (5)

    Minn bosta eżamijiet li saru deher li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pirossulam jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hu xieraq li l-pirossulam jiġi approvat.

    (6)

    Madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, hemm bżonn li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B’mod partikolari, ikun xieraq li tintalab iktar informazzjoni ta’ konferma.

    (7)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel l-approvazzjoni sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-approvazzjoni.

    (8)

    Madankollu, bla preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bħala konsegwenza tal-approvazzjoni, u meta titqies is-sitwazzjoni speċifika li nħolqot bit-tranżizzjoni mid-Direttiva 91/414/KEE għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu japplika dan li ġej. L-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-approvazzjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pirossulam. L-Istati Membri għandhom, kif xieraq, ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet. B’deroga minn dik l-iskadenza, għandu jingħata perjodu itwal għas-sottomissjoni u għall-valutazzjoni tad-dossier komplut tal-Anness III, kif stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skont il-prinċipji uniformi.

    (9)

    L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi evalwati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (6) uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet ta’ detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati aktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri, speċjalment l-obbligu li jkun ivverifikat li d-detentur tal-awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-Istati Membri jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-Direttivi li ġew adottati s’issa li jemendaw l-Anness I ta’ dik id-Direttiva jew ir-Regolamenti li japprovaw is-sustanzi attivi.

    (10)

    Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (7) għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta’ sustanza attiva

    Is-sustanza attiva pirossulam, kif speċifikata fl-Anness I, hi approvata skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Valutazzjoni mill-ġdid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    1.   F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-pirossulam bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Ottubru 2014.

    Sa dik id-data dawn għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ħlief dawk identifikati fil-kolonna dwar dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak l-Anness, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu dossier jew għandu aċċess għalih, li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) sa (4) ta’ dik id-Direttiva u l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-pirossulam bħala l-unika sustanza attiva jew inkella fost il-bosta sustanzi attivi, ilkoll elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-Istati Membri, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2014, għandhom jerġgħu jevalwaw il-prodott mill-ġdid skont il-prinċipji uniformi, kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, abbażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE u billi titqies il-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    Wara li dan jiġi stabbilit, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-pirossulam bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mil-31 ta’ Ottubru 2015; jew

    (b)

    fil-każ ta’ prodott li fih il-pirossulam bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Ottubru 2015 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew dan l-irtirar fl-att jew fl-atti rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jew li approvaw dik is-sustanza jew dawk is-sustanzi, skont liema minnhom tkun l-iktar riċenti.

    Artikolu 3

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/277/KE tal-20 ta’ April 2007 li tagħraf fil-prinċipju l-kompletezza tad-dossier li tressaq għal eżaminazzjoni dettalljata bil-ħsieb tal-inklużjoni possibbli ta’ pirossulam fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 59).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-proċedura għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li ma kinux fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 53, 26.2.2011, p. 51).

    (5)  The EFSA Journal (2013); 11(4):3182. Jista’ jinstab fuq: www.efsa.europa.eu

    (6)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni Numri tal-Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Pirossulam

    Nru tas-CAS 422556-08-9

    Nru tas-CIPAC 793

    N-(5,7-dimethoxy[1,2,4]triazolo[1,5-a]pyrimidin-2-yl)-2-metossi-4-(trifluworometil)piridina-3-sulfonamide

    ≥ 965 g/kg

    fl-1 ta’ Mejju 2014.

    fit-30 ta’ April 2024.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar il-pirossulam, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-3 ta’ Ottubru 2013.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti:

    (a)

    għall-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tkun applikata f’reġjuni b’ħamrija jew kundizzjonijiet ta’ klima vulnerabbli;

    (b)

    għar-riskju lill-organiżmi akkwatiċi.

    Fejn huwa xieraq, il-kundizzjonijiet għall-użu għandu jkun fihom miżuri li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni ta’ konferma dwar:

    (1)

    ir-rilevanza tossikoloġika tal-impurità numru 3 (kif inhu msemmi fir-rapport tal-analiżi);

    (2)

    it-tossiċità akuta tal-metabolita PSA;

    (3)

    ir-rilevanza tossikoloġika tal-metabolita 6-Cl-7-OH-XDE-742.

    L-applikant għandu jissottometti dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sat-30 ta’ April 2016.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport tal-analiżi.


    ANNESS II

    Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, qed tiżdied l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni Numri tal-Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (*)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “61

    Pirossulam

    Nru tas-CAS 422556-08-9

    Nru tas-CIPAC 793

    N-(5,7-dimethoxy[1,2,4]triazolo[1,5-a]pyrimidin-2-yl)-2-metossi-4-(trifluworometil)piridina-3-sulfonamide

    ≥ 965 g/kg

    fl-1 ta’ Mejju 2014

    fit-30 ta’ April 2024

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar il-pirossulam, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-3 ta’ Ottubru 2013.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti:

    (a)

    għall-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, meta s-sustanza attiva tkun applikata f’reġjuni b’ħamrija jew kundizzjonijiet ta’ klima vulnerabbli;

    (b)

    għar-riskju lill-organiżmi akkwatiċi.

    Fejn huwa xieraq, il-kundizzjonijiet għall-użu għandu jkun fihom miżuri li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jippreżenta l-informazzjoni ta’ konferma dwar:

    (1)

    ir-rilevanza tossikoloġika tal-impurità numru 3 (kif inhu msemmi fir-rapport tal-analiżi);

    (2)

    it-tossiċità akuta tal-metabolita PSA;

    (3)

    ir-rilevanza tossikoloġika tal-metabolita 6-Cl-7-OH-XDE-742.

    L-applikant għandu jissottometti dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sat-30 ta’ April 2016.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport tal-analiżi.


    Top