EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1022

Regolament (UE) Nru 1022/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-konferiment ta' kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013

ĠU L 287, 29.10.2013, p. 5–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1022/oj

29.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/5


REGOLAMENT (UE) Nru 1022/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) fir-rigward tal-konferiment ta' kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-Żona tal-Euro talbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tipprovdi għal mekkaniżmu superviżorju uniku li jinvolvi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill Ewropew stieden lill-President tiegħu biex jiżviluppa, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Grupp tal-euro u l-President tal-BĊE, pjan direzzjonali speċifiku u marbut biż-żmien għall-kisba ta' unjoni ekonomika u monetarja ġenwina, li jinkludi proposti konkreti dwar il-preżervazzjoni tal-unità u l-integrità tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji.

(2)

Il-provvediment għal mekkaniżmu superviżorju uniku huwa l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ Unjoni Bankarja Ewropea, imsejsa fuq ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji u oqfsa ġodda għal assigurazzjoni tad-depożiti u riżoluzzjoni.

(3)

Sabiex jipprovdi għal mekkaniżmu superviżorju uniku, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (4) jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u jippermetti lill-Istati Membri l-oħra li jistabilixxu kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE.

(4)

Il-konferiment ta' kompiti superviżorji lill-BĊE fir-rigward ta' istituzzjonijiet ta' kreditu f'uħud mill-Istati Membri ma għandu bl-ebda mod ifixkel il-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, l- Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandha tippreżerva r-rwol tagħha u żżomm is-setgħat u l-kompiti eżistenti kollha tagħha: għandha tkompli tiżviluppa u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-ġabra unika ta' regoli applikabbli għall-Istati Membri kollha u ssaħħaħ il-konverġenza tal-prattiki superviżorji fl-Unjoni kollha kemm hi.

(5)

Huwa kruċjali li l-unjoni bankarja tinkludi mekkaniżmi ta' responsabbiltà demokratika.

(6)

Fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilha, u filwaqt li tqis b'mod dovut l-objettiv li jiġu żgurati s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-ABE għandha tqis b’mod sħiħ kemm id-diversità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-daqs u l-mudelli ta’ negozju tagħhom, kif ukoll il-benefiċċji sistemiċi tad-diversità fl-industrija bankarja Ewropea.

(7)

Sabiex jiġu promossi l-aħjar prattiki superviżorji fis-suq intern, huwa ta’ importanza fundamentali li l-ġabra unika ta’ regoli tkun akkumpanjata b'manwal ta’ superviżjoni Ewropew ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, imfassal mill-ABE f''konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Dak il-manwal ta’ superviżjoni għandu jidentifika l-aħjar prattiki madwar l-Unjoni fir-rigward tal-proċessi u l-metodoloġiji ta' superviżjoni, sabiex tinkiseb konformità mal-prinċipji fundamentali internazzjonali u tal-Unjoni. Il-manwal m’għandux jieħu l-forma ta’ atti legalment vinkolanti jew jillimita s-superviżjoni bbażata fuq il-ġudizzju. Għandu jkopri l-kwistjonijiet kollha fil-qafas fil-mandat tal-ABE, inklużi, sa fejn applikabbli, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Għandu jistabbilixxi l-metrika u l-metodoloġiji għall-valutazzjoni tar-riskju, għal twissijiet bikrija u għall-kriterji għal azzjoni ta’ superviżjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-manwal. L-użu tal-manwal għandu jiġi kkunsidrat bħala element sinifikanti fil-valutazzjoni tal-konverġenza tal-prattiki superviżorji u għar-reviżjoni bejn il-pari taħt ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(8)

L-ABE għandha tkun tista' titlob informazzjoni minn istituzzjonijiet finanzjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni li dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom aċċess legali għaliha, inklużi informazzjoni miżmuma minn persuni remunerati minn dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji għat-twettiq ta’ attivitajiet rilevanti, awditjar ipprovdut lill- dawk l- istituzzjonijiet finanzjarji minn awdituri esterni u kopji ta’ dokumenti, kotba u reġistri rilevanti.

(9)

It-talbiet għal informazzjoni mill-ABE għandhom ikunu debitament ġustifikati u motivati. Oġġezzjoni għal talba għal informazzjoni speċifika fuq il-bażi ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għandha titqajjem skont il-proċeduri rilevanti stipulati f'dak ir-Regolament. Meta destinatarju ta' talba għal informazzjoni jqajjem tali oġġezzjoni, din m'għandhiex teħilsu milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-kompetenza li tiddeċieda, b’konformità mal-proċeduri stipulati fit-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk talba għal informazzjoni speċifika mill-ABE tikkonformax ma' dak ir-Regolament.

(10)

Is-suq intern u l-koeżjoni tal-Unjoni għandhom jiġu żgurati u f'dan il-kuntest, tħassib relatat mal-governanza u l-arranġamenti ta' votazzjoni tal-ABE għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa, u t-trattament ugwali bejn l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u Stati Membri oħra għandu jiġi ggarantit.

(11)

Billi l-ABE, li fiha jipparteċipaw l-Istati Membri kollha bi drittijiet ugwali, ġiet stabbilita b’għan li tiżviluppa u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-ġabra unika ta’ regoli u li ssaħħaħ il-koerenza tal-prattiki superviżorji fi ħdan l-Unjoni, u billi l-BĊE għandu rwol ewlieni fil-MSU, l-ABE għandha tkun attrezzata bi strumenti adegwati li għandhom jippermettulha twettaq b'effiċjenza l-kompiti fdati lilha rigward l-integrità tas-suq intern.

(12)

Fid-dawl tal-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-ABE għandha tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha anke fir-rigward tal-BĊE bl-istess mod kif tagħmel fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra. B’mod partikolari, il-mekkaniżmi eżistenti għas-soluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil u azzjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għandhom jiġu aġġustati kif adatt biex jibqgħu effikaċi.

(13)

Sabiex tkun tista’ twettaq ir-rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-ABE għandha tkun infurmata bis-sħiħ dwar kwalunkwe żvilupp rilevanti, u għandha tkun mistiedna tipparteċipa bħala osservatur fi kwalunkwe laqgħa rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, inkluż id-dritt li titkellem jew li tagħmel kwalunkwe kontribuzzjoni oħra.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-Istati Membri kollha jitqiesu b’mod adegwat u biex l-ABE tkun tista’ tiffunzjona b’mod xieraq bl-għan li jinżamm u jitwessa’ s-suq intern għas-servizzi finanzjarji, l-arranġamenti tal-votazzjoni fil-Bord tas-Superviżuri għandhom jiġu adattati.

(15)

Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ksur tal-liġi tal-Unjoni u li jikkonċernaw is-soluzzjoni ta' nuqqas ta' ftehim għandhom jiġu eżaminati minn panel indipendenti magħmul minn membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri li ma jkollhom l-ebda kunflitt ta' interess, maħtura mill-Bord tas-Superviżuri. Id-deċiżjonijiet proposti mill-panel lill-Bord tas-Superviżuri għandhom jiġu adottati b'maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri, li għandu jinkludi maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU ("Stati Membri parteċipanti") u b’maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha minn awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri li ma jipparteċipawx fil-MSU ("Stati Membri mhux parteċipanti").

(16)

Id-deċiżjonijiet dwar azzjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-Bord tas-Superviżuri, li għandha tinkludi maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti.

(17)

Id-deċiżjonijiet dwar l-atti speċifikati fl-Artikoli 10 sa 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u miżuri u deċiżjonijiet adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) u l-Kapitolu VI ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu adottati b’maġġoranza kkwalifikata tal-Bord tas-Superviżuri, li għandha tinkludi tal-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri parteċipanti u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri mhux parteċipanti.

(18)

L-ABE għandha tiżviluppa regoli ta' proċedura għall-panel li jiżguraw l-indipendenza u l-oġġettività tiegħu.

(19)

Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali għandha tkun ibbilanċjata u għandha tiġi żgurata rappreżentanza xierqa ta’ Stati Membri mhux parteċipanti.

(20)

Il-ħatriet tal-membri tal-korpi u kumitati interni tal-ABE għandhom jiżguraw bilanċ ġeografiku bejn l-Istati Membri.

(21)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-ABE u rappreżentanza adegwata tal-Istati Membri kollha, l-arranġamenti ta' votazzjoni, il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali, u l-kompożizzjoni tal-panel indipendenti għandhom jiġu mmonitorjati. Huma għandhom ikunu riveduti wara perjodu taż-żmien xieraq filwaqt li jitqiesu kwalunkwe esperjenza miksuba u żviluppi.

(22)

L-ebda Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri ma għandu jiġi diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għal servizzi finanzjarji.

(23)

L-ABE għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa, sabiex tkun tista' twettaq b'mod adegwat kwalunkwe kompitu addizzjonali mogħti lilha skont dan ir-Regolament. Il-proċedura għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tagħha, kif stabbilita fl-Artikoli 63 u 64 tar-Regolament (KE) Nru 1093/2010, għandha tqis kif dovut dawk il-kompiti addizzjonali. L-ABE għandha tiżgura li jiġu ssodisfati l-għola standards ta' effiċjenza.

(24)

Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali effikaċi u konsistenti fl-Istati Membri kollha, il-protezzjoni tal-integrità, l-effikaċja u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u ż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membriiżda jista minflok, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(25)

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 huwa emendat skont kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-qafas tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/19/KE, id-Direttiva 2002/87/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment (*), id-Direttiva 2013/36./UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u s-sorveljanza prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (**) u, sal-punt li dawk l-atti japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fil-qafas tal-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/65/KE, id-Direttiva 2005/60/KE, id-Direttiva 2007/64/KE u d-Direttiva 2009/110/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti lill-Awtorità. L-Awtorità għandha taġixxi wkoll b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (***).

(*)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1."

(**)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338."

(***)  Regolament tal-Kunsill (UE) nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63)";"

(b)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 2, tkattar il-konverġenza superviżorja, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni, u tagħmel analiżijiet ekonomiċi tas-swieq sabiex tippromwovi l-ilħiq tal-għan tal-Awtorità.";

(c)

fil-paragrafu 5, ir-raba’ subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

"Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha taġixxi indipendentement u oġġettivament u b’mod mhux diskriminatorju fl-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi.";

(2)

fl-Artikolu 2(2), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(f)

l-awtoritajiet kompetenti jew superviżorji kif speċifikati fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-kompiti mogħtija lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.";

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Responsabbiltà tal-Awtoritajiet

L-Awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 2(2) għandhom ikunu responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji kkonferiti lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, f‘konformità ma’ dak ir-Regolament.";

(4)

fil-punt (2) tal-Artikolu Artikolu 4, il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(i)

awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (EU) No 575/2013, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kompiti kkonferiti lilu bir- Regolament (UE) Nru 1024/2013, fid-Direttiva 2007/64/KE, u kif imsemmi fid-Direttiva 2009/110/KE;";

(5)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

"(a)

li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta' kwalità għolja, b'mod partikolari billi tipprovdi opinjonijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u billi tiżviluppa linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u abbozzi ta' standards regolatorji u ta' implimentazzjoni u miżuri oħra li għandhom ikunu bbażati fuq l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2);

(aa)

li tiżviluppa u żżomm aġġornat, filwaqt li tikkunsidra, inter alia, il-prattiki kummerċjali u l-mudelli ta’ negozju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, manwal ta’ superviżjoni Ewropew dwar is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni kollha, li jistipula l-aħjar prattika superviżorja fil-metodoloġiji u l-proċessi;";

(ii)

il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

"(c)

li tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;"

(iii)

il-punt (i) jinbidel b'dan li ġej:

“(i)

li tippromwovi l-funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku, l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni, l-għoti ta’ protezzjoni ta’ livell għoli lid-depożituri u l-investituri madwar l-Unjoni u l-iżvilupp ta’ metodi għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li qegħdin ifallu u valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ strumenti ta’ finanzjament, bl-għan li titrawwem kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġestjoni ta’ kriżijiet li jikkonċernaw istituzzjonijiet transkonfinali bil-potenzjal li joħolqu riskju sistemiku, b’konformità mal-Artikoli 21 sa 26;”;

(iv)

il-punt (l) jitħassar;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha b’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha:

(a)

tuża s-setgħat sħaħ disponibbli lilha; u

(b)

filwaqt li jitqies b'mod dovut l-objettiv li jiġu żgurati s-sikurtà u solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, tikkunsidra b’mod sħiħ it-tipi differenti, il-mudelli ta’ negozju u d-daqsijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha tikkunsidra debitament il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, inklużi r-riżultati tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ġġenerati skont dan ir-Regolament.";

(6)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali tal-Awtorità, Kumitat għall-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet superviżorji kompetenti rilevanti kollha bl-għan li jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi, u jipprovdi pariri biex l-Awtorità tippreżentahom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.";

(b)

fil-paragrafu 5, ir-raba’ subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

"L-Awtorità tista' wkoll tivvaluta l-ħtieġa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti tipi ta' attività finanzjarja u, fejn hemm bżonn bħal dan, tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiffaċilita l-adozzjoni ta' kwalunkwe tali projbizzjoni jew restrizzjoni.";

(7)

l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Fil-każ ta’ żviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni, l-Awtorità għandha tiffaċilita b’mod attiv u, fejn tqis meħtieġ, tikkoordina kwalunkwe azzjoni mwettqa mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti rilevanti.

Sabiex tkun tista’ twettaq dak ir-rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni, l-Awtorità għandha tkun infurmata bis-sħiħ dwar kwalunkwe żvilupp rilevanti, u għandha tkun mistiedna tipparteċipa bħala osservatriċi fi kwalunkwe laqgħa rilevanti mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti rilevanti.";

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Meta l-Kunsill ikun adotta deċiżjoni skont il-paragrafu 2, u f’ċirkostanzi straordinarji meta tkun meħtieġa azzjoni kkoordinata mill-awtoritajiet kompetenti bħala reazzjoni għall-iżviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw b’mod serju l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni, l-Awtorità, tista’ tadotta deċiżjonijiet individwali sabiex titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa skont il-leġislazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jindirizzaw kwalunkwe żvilupp bħal dan billi jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dik il-leġislazzjoni.";

(8)

fl-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 17, meta awtorità kompetenti ma taqbilx dwar il-proċedura jew il-kontenut ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni ta' awtorità kompetenti oħra f'każijiet speċifikati fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Awtorità, fuq it-talba ta' awtorità kompetenti kkonċernata waħda jew aktar, tista' tassisti lill-awtoritajiet kompetenti biex jilħqu qbil b'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu.";

(9)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 20a

Il-Konverġenza tal-proċess ta' reviżjoni superviżorja

L-Awtorità għandha tippromwovi, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, il-konverġenza tal-proċess ta' reviżjoni u valutazzjoni superviżorji b’konformità mad-Direttiva 2013/36UE sabiex fl-Unjoni jiddaħħlu standards superviżorji b'saħħithom."

(10)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   L-Awtorità għandha tippromwovi, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, il-funzjonament effiċjenti, effikaċi u konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri msemmija fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE u trawwem il-konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fost il-kulleġġi tas-superviżuri. Bl-għan li ssir konverġenza tal-aħjar prattiki superviżorji, l-Awtorità għandha tippromwovi pjanijiet superviżorji konġunti u eżamijiet konġunti, u l-persunal mill-Awtorità għandu jkun jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi tas-superviżuri, inklużi eżamijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.";

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.   L-Awtorità għandha tieħu t-tmexxija biex jiġi żgurat funzjonament konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri għal istituzzjonijiet transkonfinali madwar l-Unjoni, filwaqt li tikkunsidra r-riskju sistemiku maħluq mill-istituzzjonijiet finanzjarji msemmi fl-Artikolu 23, u għandha, fejn xieraq, issejjaħ laqgħa ta’ kulleġġ.";

(11)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal:

“1a.   Tal-inqas darba fis-sena, l-Awtorità għandha tikkunsidra kemm ikun xieraq li twettaq valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha dwar ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji, b’konformità mal-Artiolu 32, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet tagħha. Meta jitwettqu valutazzjonijiet bħal dawn mal-Unjoni kollha u l-Awtorità tqis li jkun xieraq li tagħmel dan, hija għandha tiżvela r-riżultati għal kull istituzzjoni finanzjarja parteċipanti.”;

(12)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   L-Awtorità għandha tikkontribwixxi u tipparteċipa b’mod attiv fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni effikaċi, konsistenti u aġġornati għall-istituzzjonijiet finanzjarji. L-Awtorità għandha wkoll, fejn dan ikun previst fl-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), tgħin fl-iżvilupp ta’ proċeduri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u fl-iżvilupp ta’ miżuri preventivi biex jiġi minimizzat l-impatt sistemiku ta’ kwalunkwe falliment.";

(13)

fl-Artikolu 27(2), l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

"2.   L-Awtorità għandha tipprovdi l-valutazzjoni tagħha dwar il-ħtieġa ta’ sistema ta' mekkaniżmi ta’ finanzjament koerenti, robusti u kredibbli, bi strumenti ta' finanzjament xierqa marbuta ma' sett ta' arranġamenti kkoordinati għall-ġestjoni tal-kriżijiet.";

(14)

fl-Artikolu 29(2), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Bl-għan li tinbena kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u żżomm aġġornat, filwaqt li tikkunsidra, inter alia, il-prattiki kummerċjali u l-mudelli ta’ negozju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li qed jinbidlu, manwal ta’ superviżjoni Ewropew dwar is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-Unjoni kollha. Il-manwal ta’ superviżjoni Ewropew għandu jistipula l-aħjar prattiki superviżorji fil-metodoloġiji u l-proċessi.";

(15)

fl-Artikolu 30, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3.   Abbażi ta’ reviżjoni bejn il-pari, l-Awtorità tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16. B’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistinkaw biex isegwu dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet. Meta tkun qed tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji jew ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni skont l-Artikoli 10 sa 15, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba fit-twettiq tal-kompiti tagħha, biex tiżgura konverġenza tal-istandards u l-prattiki tal-ogħla kwalità.

3a.   L-Awtorità għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni kull meta r-reviżjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba fit-twettiq tal-kompiti tagħha turi li jkun hemm bżonn ta’ inizjattiva leġislattiva biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli prudenzjali.";

(16)

fl-Artikolu 31, it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

"(b)

tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni u tivverifika, fejn xieraq, l-affidabbiltà tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha;";

(b)

il-punti (d), (e) u (f) jinbidlu b'dan li ġej:

“(d)

tinnotifika mingħajr dewmien lill-BERS, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe sitwazzjoni potenzjali ta’ emerġenza;

(e)

tieħu l-miżuri xierqa kollha f’każ ta’ żviluppi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-swieq finanzjarji fid-dawl tal-koordinament tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;

(f)

tiċċentralizza l-informazzjoni li tasal mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 21 u 35 b’riżultat tal-obbligi ta’ rapportar regolatorju tal-istituzzjonijiet. L-Aworità għandha tikkondividi dik l-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati l-oħra.”;

(17)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   L-Awtorità għandha, b’kooperazzjoni mal-BERS, tniedi u tikkoordina valutazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżviluppi negattivi tas-suq. Għal dak l-għan, hija għandha tiżviluppa:

(a)

metodoloġiji komuni biex jiġi vvalutat l-effett ta’ xenarji ekonomiċi fuq il-pożizzjonijiet finanzjarji ta’ istituzzjoni;

(b)

approċċi komuni għall-komunikazzjoni dwar l-eżiti ta’ dawn il-valutazzjonijiet tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji;

(c)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett ta’ prodotti partikolari jew tal-proċessi tad-distribuzzjoni fuq istituzzjoni; u

(d)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-assi skont kif meħtieġ għall-fini tat-testijiet tal-istress.";

(b)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

"3a.   Bl-iskop li jsiru l-valutazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji taħt dan l-Artikolu, l-Awtorità tista’, b’konformità mal-Artikolu 35 u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fih, tirrikjedi l-informazzjoni direttament minn dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji. Tista’ tirrikjedi wkoll li l-awtoritajiet superviżorji jwettqu rieżamijiet speċifiċi. Tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post, u tista' tieħu sehem f'dawn l-ispezzjonijiet fuq il-post b'konformità mal-Artikolu 21 u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fih, biex tiġi żgurata l-komparabilità u l-affidabilità tal-metodi, il-prattiki u r-riżultati.

3b.   L-Awtorità tista’ titlob li l-awtoritajiet kompetenti biex jirrikjedu li l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħmlu suġġetta għal verifika indipendenti dik l-informazzjoni li għandhom jipprovdu skont il-paragrafu 3a.";

(18)

l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Fuq it-talba tal-Awtorità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha meħtieġa, f’formati speċifikati, sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, dejjem jekk ikollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti. L-informazzjoni għandha tkun preċiża, koerenti, kompleta u f'waqtha.

2.   L-Awtorità tista' wkoll titlob li l-informazzjoni tiġi pprovduta f'intervalli rikorrenti u f'formati speċifikati jew permezz ta' mudelli komparabbli approvati mill-Awtorità. Tali talbiet għandhom, fejn possibbli, isiru bl-użu ta’ formati komuni ta’ rapportar.

3.   Fuq talba debitament ġustifikata mill-awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tkun metħieġa biex tippermetti lill-awtorità kompetenti twettaq il-kompiti tagħha, skont l-obbligi tas-sigriet professjonali stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali u fl-Artikolu 70 ta' dan ir-Regolament.”

(b)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"6.   Meta ma jkunx hemm disponibbli informazzjoni kompleta u preċiża jew tali informazzjoni ma tkunx saret disponibbli f’waqtha, skont il-paragrafu 1 jew 5, l-Awtorità tista’ tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata, direttament minn:

(a)

istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti,

(b)

kumpaniji azzjonarji u/jew fergħat ta' istituzzjoni finanzjarja rilevanti,

(c)

entitajiet operattivi mhux regolati fi ħdan konglomerat jew grupp finanzjarju li jkunu sinifikanti għall-attivitajiet finanzjarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji relevanti.

Id-destinatarji ta' tali talba għandhom jipprovdu lill-Awtorità minnufih u mingħajr dewmien b'informazzjoni ċara, preċiża, u kompleta.";

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"7a.   Meta dawk indirizzati b’talba taħt il-paragrafu 6 ma jipprovdux minnufih informazzjoni ċara, preċiża, u kompleta, l-Awtorità għandha tinforma lill-Bank Ċentrali Ewropew meta dan ikun applikabbli u lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri kkonċernati li, b’suġġett għal-liġi nazzjonali, għanhdom jikkooperaw mal-Awtorità bl-għan li jiġi żgurat aċċess sħiħ għall-informazzjoni u għal kwalunkwe dokument, ktieb jew reġistru oriġinat li dawk indirizzati jkollhom aċċess legali għalih sabiex tivverifika l-informazzjoni.";

(19)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4 it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Jekk l-Awtorità ma taġixxix fuq rakkomandazzjoni, hija għandha tispjega lill-Kunsill u lill-BERS ir-raġunijiet tagħha għaliex ma għamlitx dan. Il-BERS għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b'dan b’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010.";

(b)

fil-paragrafu 5 it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Fejn l-awtorità kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, tgħarraf lill-Kunsill u lill-BERS bl-azzjonijiet li tkun ħadet bi tweġiba għar-rakommandazzjoni tal-BERS, hija għandha tqis kif jistħoqq il-fehemiet tal-Bord tas-Superviżuri u għandha wkoll tgħarraf lill-Kummissjoni.";

(20)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandu jiltaqa’ fuq inizjattiva proprja skont il-ħtieġa, u fi kwalunkwe każ mhux inqas minn erba’ darbiet fis-sena.";

(b)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.   L-Awtorità għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa soġġetta għas-segretezza professjonali kif stipulat fl-Artikolu 70 u tiżgura appoġġ segretarjali adegwat għall-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati. Għandu jiġi pprovdut kumpens adegwat lill-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, bl-esklużjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija. Tali kumpens għandu mill-inqas ikun ekwivalenti għar-rati ta’ rimborż ta’ uffiċjali skont it-Titolu V, Kapitolu 1, Taqsima 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kkundizzjonijiet u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (Regolamenti tal-Persunal) (****). Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet tekniċi. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandhom iservu għal perjodu ta' sentejn u nofs, u wara dan għandha ssir proċedura ġdida tal-għażla.

(****)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.";"

(21)

l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(d)

rappreżentant wieħed innominat mill-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, li m’għandux ikollu vot;";

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"4a.   Matul diskussjonijiet mhux relatati ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali, kif previst fl-Artikolu 44(4), ir-rappreżentant nominat mill-Bord ta' Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew jista’ jkun akkumpanjat b’rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew b’għarfien espert dwar il-kompiti tal-banek ċentrali.";

(22)

Fl-Artikolu 41, il-paragrafi 2,3, u 4 jinbidlu b'dan li ġej:

"1a.   Għall-finijiet tal-Artikolu 17, il-Bord tas-Superviżuri għandu jsejjaħ panel indipendenti, li jkun jikkonsisti mill-President tal-Bord tas-Superviżuri u sitt membri oħra, li ma jkunux rappreżentanti tal-awtorità kompetenti li allegatament tkun kisret il-liġi tal-Unjoni u li la jkollhom xi interess fil-kwistjoni u lanqas rabtiet diretti mal-awtorità kompetenti kkonċernata.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta mhux inqas minn 4 membri jivvutaw favur.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 19, il-Bord tas-Superviżuri għandu jsejjaħ panel indipendenti li jkun jikkonsisti mill-President tal-Bord tas-Superviżuri, u ta' sitt membri oħra li ma jkunux rappreżentanti tal-awtoritjiet kompetenti li huma parti għan-nuqqas ta' qbil u li la għandhom interess fil-kunflitt u lanqas ma għandhom rabtiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas 4 membri jivvutaw favur.

3.   Il-panels msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jipproponu deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 19 għall-adozzjoni finali mill-Bord tas-Superviżuri.

4.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta regoli ta' proċedura għall-panels imsemmija f'dan l-Artikolu.";

(23)

fl-Artikolu 42, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"L-ewwel u t-tieni paragrafi huma mingħajr preġudizzju għall-kompiti kkonferiti lill- Bank Ċentrali Ewropew bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.";

(24)

Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward tal-atti speċifikati fl-Artikoli 10 sa 16 u l-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) u l-Kapitolu VI u b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, kif iddefinit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali, li għandha tinkludi tal-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (Stati Membri parteċipanti) u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (Stati Membri mhux parteċipanti).

Fir-rigward tad-deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17 u 19, id-deċiżjoni proposta mill-panel għandha tiġi adottata b’maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri, li għandha tinkludi maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti, u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti.

B’deroga mit-tielet subparagrafu, mid-data meta erba’ membri votanti jew anqas jkunu minn awtoritajiet kompetenti Stati Membri mhux parteċipanti, id-deċiżjoni proposta mill-panel għandha tiġi adottata b’maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri, li għandha tinkludi tal-anqas vot wieħed mill-membri mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti.

Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-panel skont l-Artikolu 41(2), il-Bord tas-Superviżuri għandu jimmira għal kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu minn maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri votanti tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 18(3) u (4), u b'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta' maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tiegħu, li għandha tinkludi maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti.";

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   Il-membri mhux votanti u l-osservaturi, bl-eċċezzjoni tal-President, id-Direttur Eżekuttiv u r-rappreżentant tal- Bank Ċentrali Ewropew nnominat mill-Bord Superviżorju tiegħu, ma għandhom jattendu l-ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri relatat ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).";

(c)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4a.   Il-President tal-Awtorità għandu jkollu l-prerogattiva li jsejjaħ votazzjoni fi kwalunkwe ħin. Mingħajr preġudizzjoni għal dik is-setgħa u għall-effettività tal-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, il-Bord tas-Suprviżuri tal-Awtorità għandu jirsisti għal kunsens fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.";

(25)

fl-Artikolu 45(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Il-mandat tal-membri eletti mill-Bord tas-Superviżuri għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Dak it-terminu jista’ jiġi estiż darba. Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali għandha tkun ibbilanċjata u proporzjonata u għandha tirrifletti l-Unjoni kollha. Il-Bord Maniġerjali għandu jinkludi tal-anqas żewġ rappreżentanti tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Il-mandati għandhom ikunu jikkoinċidu u għandu japplika arranġament xieraq ta’ rotazzjoni.";

(26)

fl-Artikolu 47, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

"4.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta il-pjan tal-politika tal-persunal tal-Awtorità u, skont l-Artikolu 68(2), il-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa tar-Regolamenti tal-Persunal.";

(27)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

"Artikolu 49a

Spejjeż

Il-President għandu jippubblika l-laqgħat li jkunu saru u l-ospitalità mogħtija. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament skont ir-Regolament tal-Persunal.";

(28)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

"Artikolu 52a

Spejjeż

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippubblika l-laqgħat li jkunu saru u l-ospitalità mogħtija. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament skont ir-Regolament tal-Persunal.";

(29)

fl-Artikolu 63, il-paragrafu 7 jitħassar.

(30)

fl-Artikolu 81, il-paragrafu (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Rigward il-kwistjoni tas-superviżjoni diretta tal-istituzzjonijiet jew l-infrastrutturi ta’ skala pan-Ewropea u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq, l-istabilità tas-suq intern u l-koeżjoni tal-Unjoni kollha, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali dwar l-adegwatezza li l-Awtorità tiġi fdata b’responsabbiltajiet superviżorji ulterjuri f’dan il-qasam.";

(31)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 81a

Reviżjoni tal-arranġamenti tal-votazzjoni

Mid-data li fiha n-numru tal-Istati Membri mhux parteċipanti jilħaq l-għadd ta' erbgħa, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tal-arranġamenti ta' votazzjoni deskritti fl-Artikoli 41 u 44, filwaqt li titqies kwalunkwe esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament b’rabta ma’:

(a)

il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali; u

(b)

il-kompożizzjoni tal-panels indipendenti imsemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jħejju d-deċiżjonijiet għall-finijiet tal-Artikoli 17 u 19 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rapport għandu jqis b’mod partikolari kwalunkwe żvilupp fl-għadd ta’ Stati Membri parteċipanti u għandu jeżamina jekk fid-dawl tat-tali żviluppi jkunux meħtieġa aktar aġġustamenti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tal-ABE jittieħdu fl-interess taż-żamma u t-tisħiħ tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 30, 1.2.2013, p. 6.

(2)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 (għadha mhix ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2013.

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (Ara paġna 63 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.


Top