Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0767

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 767/2013 tat- 8 ta’ Awwissu 2013 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva bitertanol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 214, 9.8.2013, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/767/oj

    9.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 214/5


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 767/2013

    tat-8 ta’ Awwissu 2013

    li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva bitertanol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u partikolarment it-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1278/2011 (2) approva l-bitertanol bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, bil-kundizzjoni li l-applikant, li fuq talba tiegħu l-bitertanol ikun ġie approvat jipprovdi aktar tagħrif konfermatorju dwar ir-rilevanza tossikoloġika tal-impuritajiet BUE 1662, hekk imsejħa minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, u l-kompost 3-klorofenossi sat-30 ta’ Ġunju 2012.

    (2)

    L-applikant, li fuq talba tiegħu l-bitertanol kien ġie approvat, ma ppreżentax tagħrif konfermatorju sal-iskadenza tat-30 ta’ Ġunju 2012. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2011 kien diġà informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li mhux ħa jippreżenta tali informazzjoni.

    (3)

    Konsegwentement, huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-bitertanol.

    (4)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1278/2011 għandu għalhekk jitħassar.

    (5)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (3) għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-bitertanol.

    (7)

    Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Irtirar tal-approvazzjoni

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva bitertanol qed tiġi rtirata.

    Artikolu 2

    Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1278/2011

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1278/2011 jitħassar.

    Artikolu 3

    Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Fil-Parti B tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 ir-ringiela 21, bitertanol, titħassar:

    Artikolu 4

    Miżuri tranżitorji

    L-Istati Membri għandhom jirtiraw awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-bitertanol bħala sustanza attiva sal-1 ta’ Marzu 2014.

    Artikolu 5

    Perjodu ta’ grazzja

    Kull perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni rispettiva.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1278/2011 tat- 8 ta’ Diċembru 2011 li japprova s-sustanza attiva bitertanol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/934/KE (ĠU L 327, 9.12.2011, p. 49).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal- 25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    Top