Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0492

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 492/2013 tat- 28 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 533/2007, (KE) Nru 536/2007 u (KE) Nru 442/2009 fejn jidħlu l-kwantitajiet disponibbli għall-kwoti tariffarji tal-importazzjoni skont dawn ir-Regolamenti

ĠU L 142, 29.5.2013, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/492/oj

29.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 492/2013

tat-28 ta’ Mejju 2013

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 533/2007, (KE) Nru 536/2007 u (KE) Nru 442/2009 fejn jidħlu l-kwantitajiet disponibbli għall-kwoti tariffarji tal-importazzjoni skont dawn ir-Regolamenti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 144(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 533/2007 tal-14 ta’ Mejju 2007 li jiftaħ u jamministra kwoti tariffarji fis-settur tal-laħam tat-tjur (2), (KE) Nru 536/2007 tal-15 ta’ Mejju 2007 li jiftaħ u jamministra kwota tariffarja għal-laħam tat-tjur allokata għall-Istati Uniti tal-Amerika, (3) u (KE) Nru 442/2009 tas-27 ta’ Mejju 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur tal-laħam tal-majjal (4), jiftħu kwoti tariffarji għal ċerti kwantitajiet ta’ prodotti tal-laħam tat-tjur u tal-laħam tal-majjal.

(2)

Il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/125/UE (5), jipprovdi għal aktar kwantitajiet koperti mill-kwota tariffarja tal-importazzjoni għall-prodotti tal-laħam tat-tjur u tal-laħam tal-majjal li jridu jingħataw mill-Unjoni. Għaldaqstant għandhom jiġu aġġustati l-kwantitajiet disponibbli għall-kwoti tariffarji tal-importazzjoni tal-Unjoni għal-laħam tat-tjur u għal-laħam tal-majjal.

(3)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 533/2007, (KE) Nru 536/2007 u (KE) Nru 442/2009 għandhom jiġu emendati skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 533/2007 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 536/2007 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 442/2009 huwa emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-sena tal-kwota li tibda fl-1 ta’ Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 125, 15.5.2007, p. 9.

(3)   ĠU L 128, 16.5.2007, p. 6.

(4)   ĠU L 129, 28.5.2009, p. 13.

(5)   ĠU L 69, 13.3.2013, p. 4.


ANNESS I

It-Tabella fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 533/2007 hija emendata kif ġej:

(1)

fir-ringiela tal-Grupp Nru P2, l-annotazzjoni fil-kolonna “Kwantitajiet annwali (f’tunnellati)” hija sostitwita bi “8 570”;

(2)

fir-ringiela tal-Grupp Nru P3, l-annotazzjoni fil-kolonna “Kwantitajiet annwali (f’tunnellati)” tinbidel bi “2 705”;

(3)

fir-ringiela tal-Grupp Nru P4, l-annotazzjoni fil-kolonna “Kwantitajiet annwali (f’tunnellati)” tinbidel bi “1 781”;


ANNESS II

Fit-tabella fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 536/2007, l-annotazzjoni fil-kolonna “Kwantità totali mill-1 ta’ Lulju 2006 ’il quddiem (f’tunnellati)” tinbidel bi “ 21 345 ” u t-titolu ta’ dik il-kolonna jinbidel bi “Kwantità annwali (f’tunnellati)”.


ANNESS III

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 442/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A tat-tabella, fir-ringiela għall-ordni bin-numru 09.0123, l-annotazzjoni fir-raba’ kolonna “Kwantità f’tunnellati (il-piż tal-prodott)” tinbidel bi “6 135”;

(2)

fil-Parti B tat-tabella, fir-ringiela għall-ordni bin-numru 09.4170, l-entrata fir-raba’ kolonna “Kwantità f’tunnellati (il-piż tal-prodott)” hija sostitwita bi “4 922”.


Top