EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0322

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 322/2013 tad- 9 ta’ April 2013 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le, u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

ĠU L 101, 10.4.2013, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/322/oj

10.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 322/2013

tad-9 ta’ April 2013

li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le, u li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li, b’konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IT-TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tissoġġetta l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, għar-reġistrazzjoni, sew jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le.

(2)

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-25 ta’ Frar 2013 minn Saint-Gobain Adfors CZ spol. s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozo, “Valmieras stikla šķiedra” AS u Vitrulan Technical Textiles GmbH, erba’ produtturi tal-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

B.   IL-PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta’ evażjoni huwa drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs ta’ ċellula ta’ aktar minn 1,8 mm, kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(4)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda ikkonsenjat mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott investigat”).

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 (2).

D.   IR-RAĠUNIJIET

(6)

It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta’ trasbord mill-Indja u mill-Indoneżja.

(7)

L-evidenza prima facie li ġiet ippreżentata hija din:

(8)

It-talba turi li wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, kien hemm bidla sinifikanti fil-mod kif isir il-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Indja u mill-Indoneżja lejn l-Unjoni, u din il-bidla m’għandhiex raġuni jew ġustifikazzjoni b’saħħitha biżżejjed, għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju.

(9)

Jidher li din il-bidla ġejja mit-trasbord ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz tal-Indja u l-Indoneżja lejn l-Unjoni.

(10)

Barra minn hekk, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiddgħajfu kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

(11)

Fl-aħħar nett, it-talba fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott investigat huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

(12)

Jekk il-prattiki ta’ evażjoni permezz tal-Indja u l-Indoneżja koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, ikunu identifikati fl-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

E.   IL-PROĊEDURA

(13)

Fid-dawl ta’ li ntqal fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tissoġġetta l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għal reġistrazzjoni, sew jekk ikun iddikjarat li joriġina mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Il-Kwestjonarji

(14)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hemm bżonn għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fl-Indja u l-Indoneżja, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Indja u l-Indoneżja. Kif xieraq, l-informazzjoni tista’ tintalab ukoll mingħand l-industrija tal-Unjoni.

(15)

F’kull każ, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, peress li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(16)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, tal-Indja u tal-Indoneżja se jkunu mgħarrfa bil-bidu tal-investigazzjoni.

(b)   Il-ġbir ta’ tagħrif u s-seduti ta’ smigħ

(17)

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

(c)   L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

(18)

B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi evażjoni.

(19)

Minħabba li l-evażjoni possibbli sseħħ barra l-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi fl-Indja u fl-Indoneżja ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs taċ-ċellula ta’ aktar minn 1,8 mm, kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżen iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni (3) ma’ xi produttur li hu suġġett għall-miżuri eżistenti (4) u li ma jinstabux li qed iwettqu prattiki ta’ evażjoni kif imfisser fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom iressqu talba sostnuta b’evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

F.   IR-REĠISTRAZZJONI

(20)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet ta’ evażjoni, ikunu jistgħu jiġu imposti dazji anti-dumping minn dakinhar meta tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet bħal dawn ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja.

G.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

(21)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati limiti taż-żmien li matulhom:

il-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu l-kwestjonarju mimli jew kwalunkwe informazzjoni oħra li għandha titqies matul l-investigazzjoni,

il-produtturi mill-Indja u mill-Indoneżja jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(22)

Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta’ ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(23)

F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(24)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dan it-tagħrif għandu jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

(25)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.

I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(26)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

J.   L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

(27)

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (5).

K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(28)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

(29)

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(30)

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan tnediet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 biex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul kif ukoll fil-wisa’ u li jiżen iżjed minn 35 g/m2, minbarra diski tal-fibra tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, sew jekk ikun iddikjarat li dawn joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u sew jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00 (kodiċijiet TARIC 7019510014, 7019510015, 7019590014 u 7019590015), humiex jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011.

Artikolu 2

L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, permezz ta’ regolament, tista’ titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-kwestjonarji għandhom jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-partijiet interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom iridu jitqiesu waqt l-investigazzjoni, iridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu l-kwestjonarju mimli jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-produtturi fl-Indja u fl-Indoneżja li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri jridu jippreżentaw talba sostnuta b’evidenza xierqa fi ħdan l-istess limitu taż-żmien ta’ 37 jum.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta’ 37 jum.

5.   Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom jitressqu fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista’ tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata “Ristrett (6) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/20

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks +32 22993704

Posta elettronika: Trade-R571-AC-mesh@ec.europa.eu

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1.

(3)  B’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1) rigward l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) huma l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew iżjed tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(4)  Jekk il-produtturi ikunu relatati fis-sens ta’ hawn fuq ma’ kumpaniji suġġetti għall-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, eżenzjoni tista’ tingħata xorta jekk ma jkun hemm l-ebda evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetti għall-miżuri oriġinali kienu stabbiliti jew użati biex ikunu hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top