EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0730(04)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tar-Repubblika Ċeka, 2012-2016

ĠU C 217, 30.7.2013, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/14


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tar-Repubblika Ċeka, 2012-2016

2013/C 217/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2), li flimkien jagħmlu "l-linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tal-ekonomija u tal-impjiegi tagħhom.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fuq livell nazzjonali, ta' UE u taż-żona tal-euro, bl-użu tal-livers, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fuq livell ta' Stat Membru, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)

Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) ('ir-Rakkomandazzjoni tal-2012') dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tar-Repubblika Ċeka għall-2012-2015.

(5)

Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (4), adottat it-tieni Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ir-Repubblika Ċeka ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(6)

Il-Parlament Ewropew kien involut sew fis-Semestru Ewropew, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013.

(7)

Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu garantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(8)

Fis-17 ta’ April 2013, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2013 tagħha u, fis-26 ta' April 2013 l-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-perijodu 2012-2016. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Konverġenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Repubblika Ċeka naqqset id-defiċit nominali b'1,4 % (5) tal-PDG mill-2009 sal-2012 bis-saħħa ta' sforzi ta' konsolidazzjoni, u dan, abbażi tal-aspettazzjonijiet attwali, huwa d-direzzjoni li biha jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv. Ix-xenarju makroekonomiku li jappoġġa l-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa plawżibbli. Skont il-Programm ta' Konverġenza, it-tkabbir effettiv tal-PDG huwa mistenni li jkun ta' 0 % u 1,2 % fl-2013 u fl-2014 rispettivament, meta mqabbel ma' -0,4 % u 1,6 % fl-2013 u fl-2014 rispettivament fit-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni 2013. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja mfassal fil-Programm ta' Konverġenza huwa biex id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jibqa' taħt it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. Il-mira tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 2,8 % tal-PDG fl-2013 hija konformi mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009. It-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni 2013 jipprevedi li d-defiċit tal-gvern jkun ta' 2,9 % u 3 % tal-PDG fl-2013 u fl-2014 rispettivament. Hemm ir-riskju ta' riżultat baġitarju li jkun agħar milli mistenni fl-2013 minħabba korrezzjonijiet addizzjonali fir-rimborż tal-fondi tal-UE. Fuq punt pożittiv, dħul ta' darba relatat mal-irkantar ta' firxa ta' frekwenzi ġodda tat-telekomunikazzjoni jista' jirriżulta f'riżultat baġitarju aħjar milli mistenni fl-2013.

Il-Programm ta' Konverġenza jikkonferma l-objettiv ta' terminu medju (OTM) preċedenti ta' defiċit ta' 1 % tal-PDG, li b'mod adegwat jirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit strutturali tal-baġit (ikkalkulat mill-ġdid) huwa previst li jiżdied b'0,3 %, 0,2 % u 0,5 % tal-PDG fl-2014, fl-2015 u fl-2016 rispettivament; għalhekk l-ebda aġġustament għal OTM ma huwa previst fil-programm, li mhuwiex skont il-linja tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa tal-gvern hija konformi mal-valur referenzjarju tan-nefqa tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tal-2014, iżda tiddevja b'0,3 % u b'0,5 % tal-PDG fl-2015 u fl-2016 rispettivament, bil-preżunzjoni li t-titjib ta' 0,5 % tal-PDG lejn l-OTM jitqies adattat mill-Kummissjoni. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG huwa previst li jkompli jiżdied tul il-perijodu tal-programm, għalkemm b'pass aktar kajman, u se jilħaq il-51,9 % tal-PDG fl-2016.

(10)

L-irkupru ta' malajr u fit-tul huwa mxekkel fir-Repubblika Ċeka minn tnaqqis ripetut fin-nefqa tal-investiment pubbliku. Is-salvagwardja tan-nefqa li ttejjeb it-tkabbir b'effett għoli multiplikattiv, inklużi proġetti kkofinanzjati mill-fondi tal-UE, ma tgħinx biss biex jissaħħaħ l-irkupru iżda tista' tikkontribwixxi biex ikunu indirizzati l-isfidi fuq terminu twil. Effetti ta' tkabbir sostanzjali jistgħu jirriżultaw min-nefqa li tagħti prijorità lil miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u l-proġetti tal-infrastruttura. Fl-istess waqt, huwa kruċjali li jiġu żgurati l-legalità, ir-regolarità u l-effiċjenza ta' dan l-infiq.

(11)

Sar progress limitat fl-2012 fuq ir-riforma tat-taxxa. Filwaqt li t-taxxa tat-trasferiment fuq il-proprjetà immobbli żdiedet, ma ttieħdu l-ebda passi biex jiżdied il-livell baxx ħafna tat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Pjanijiet sabiex tiġi introdotta taxxa fuq is-CO2 u jiġu aboliti l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq il-gass naturali għat-tisħin tħassru. Ir-rata tat-taxxa impliċita fuq l-enerġija hija taħt il-medja tal-UE u t-taxxi fuq il-vetturi li jiċċirkolaw għadhom baxxi ħafna. Għad hemm ukoll sfidi strutturali fit-tassazzjoni tax-xogħol li jaffettwaw b'mod partikolari dawk bi dħul baxx u l-ħaddiema part-time. Sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi ttieħdu biss passi marġinali fit-trattament fiskali tal-impjegati u tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Ir-Republika Ċeka għandha lok fejn tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni fiskali tagħha. Fir-rigward tat-taxxa fuq l-introjtu, il-Gvern qed jippjana li jistabbilixxi Punt tal-Ġbir Uniku fl-2015, li effettivamnet jissimplifika l-amministrazzjoni fiskali u jgħin biex titnaqqas il-kumplessità tas-sistema attwali. Madankollu, żvantaġġ tar-riforma huwa li l-bażijiet tat-taxxa fuq l-introjtu personali, is-saħħa u l-kontribuzzjonijiet soċjali mhux se jkunu armonizzati, u b'hekk se jħallu parti kbira mill-benefiċċji potenzjali tar-riforma mhux sfruttati.

(12)

Ir-Repubblika Ċeka għandha differenza fis-sostenibbiltà ta' 5,0 % tal-PDG, li hija ogħla mill-medja tal-UE. Din id-differenza tirrifletti l-ispiża tax-xjuħija prevista fuq terminu twil, li hija mmexxija miż-żidiet mistennija fin-nefqa tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa kif ukoll fin-nefqa għall-kura fuq terminu twil. L-età tal-irtirar statutorja qed tiżdied bil-mod b'mod partikolari għall-irġiel. Iż-żieda tal-età tal-irtirar effettiva billi jiġu allinjati aħjar l-età tal-irtirar jew il-benefiċċji tal-pensjoni mat-tibdiliet fl-istennija tal-għomor, meta mqabbla mal-leġislazzjoni attwali għandha ssaħħaħ b'mod sinifikanti s-sostenibbiltà tas-sistema. L-ikkomplementar ta' dawn it-tibdiliet ma' reviżjoni tal-formula tal-indiċjar ibbażata fuq il-prezzijiet, għandu jiġġenera ffrankar meta implimentata fit-tul.

(13)

Kuntrarju għar-Rakkomandazzjoni tal-2012, il-Gvern introduċa skema ta' rtirar kmieni fl-2013, li toffri l-possibilità li tittieħed il-pensjoni għal ħames snin qabel ma tintlaħaq l-età tal-irtirar statutorja. Il-pensjonijiet antiċipati se jitħallsu mill-pilastru (it-tielet) tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet. Madankollu, il-pilastru jgawdi minn sussidju statali sostanzjali permezz ta' kopagamenti diretti u ta' tnaqqis fiskali fuq il-kontribuzzjonijiet. Irrispettivamnet minn jekk il-kriterju għall-eliġibbiltà biex wieħed ikollu aċċess għall-iskema hux effettivament se jintlaħaq minn numru limitat ta' persuni, kif il-Gvern qed jistenna, il-miżura tippermetti lill-benefiċjarji li jużaw is-sussidju pubbliku ġa miġmugħ għal skop li jmur kontra l-politiki li jippromwovu ħajja b'ħidma itwal.

(14)

Iż-żieda mistennija fil-kura tas-saħħa u n-nefqa għall-kura fit-tul tipprovdi wkoll kontribuzzjoni sostanzjali għall-ispiża tax-xjuħija u d-differenza kbira fis-sostenibbiltà. Ir-riformi mmirati li jtejjbu l-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa permezz ta' trażżin fin-nefqa u soluzzjonijiet orjentati aktar lejn is-suq ġew implimentati fis-snin reċenti fir-Repubblika Ċeka. Madankollu għad hemm il-problemi. Meta mqabbla ma' pajjiżi oħra, is-sistema tas-saħħa tar-Repubblika Ċeka għandha t-tendenza li tkun iċċentrata fuq il-kura tal-isptar, li tagħti lok għall-ineffiċjenzi. Hemm lok fejn jista' jkun imtejjeb l-għoti tal-kura bl-aktar mod klinikament xieraq u kosteffetttiv, pereżempju billi l-ammissjoni titressaq għal meta se ssir l-operazzjoni u billi jitnaqqas it-tul mhux approprjat ta' rikoveru fl-isptarijiet tal-kura intensiva.

(15)

Previżjonijiet reċenti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) juru li konverġenza totali fir-rati tal-impjieg tan-nisa u tal-irġiel jwaqqfu t-tnaqqis previst fil-forza tax-xogħol kollha kemm hi u jżidu per capita l-PDG b'daqs 16,5 % sal-2030. Fit-22 ta' Mejju, il-Gvern ippropona abbozz ta' Att biex jintroduċi "gruppi ta' tfal" immexxija minn nannies professjonali, akkumpanjati minn sussidji fiskali għall-persuni li jipprovdu l-kura u l-familji li jipparteċipaw. Dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huwa biss tweġiba parzjali għall-kwistjoni. Minħabba nuqqas kontinwu ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, b'mod partikolari għal dawk ta' taħt it-tliet snin, hemm il-ħtieġa għal żieda ulterjuri ta' appoġġ baġitarju għall-faċilitajiet pubbliċi tal-indukrar tat-tfal ta' qabel il-primarja. L-impjegabbiltà u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni bi żvantaġġi jibqgħu problema: hemm lok sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tas-servizz pubbliku tal-impjiegi.

(16)

Ir-rakkomandazzjoni fir-Rakkomandazzjoni tal-2012 dwar l-amministrazzjoni pubblika semmiet speċifikament il-bżonn li tiżdied l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u li titqawwa l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madankollu, sar biss progress limitat fl-adottar tal-atti legali prijoritarji skont l-istrateġija Ċeka ta' kontra l-korruzzjoni għall-2011-2012. Strateġija ġdida ta' kontra l-korruzzjoni għall-2013-2014 adottata mill-Gvern f'Jannar 2013 trid tiġi segwita bl-adozzjoni urġenti ta' atti prijoritarji pendenti, bħall-Att dwar il-Ħaddiema taċ-Ċivil. Dan l-Att ġdida se jkun jeħtieġ li jissepara adegwatament il-persuni maħturin mill-persunal mhux politiku, jiggarantixxi l-indipendenza u l-istabbiltà tal-uffiċjali tal-Istat kif ukoll toħloq sistema li tiffunzjona ta' karrieri sabiex jitnaqqas iċ-ċaqliq tal-persunal għoli. Ir-Repubblika Ċeka għamlet progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Att tal-Akkwist Pubbliku, li daħal fis-seħħ f'April 2012. Madankollu diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Akkwist Pubbliku ġew irrappurtati mill-awtoritajiet lokali. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE, bosta mill-miżuri inklużi fil-pjan ta' azzjoni sabiex jissaħħu s-sistemi ta' mmaniġjar u kontroll kienu implimentati sal-aħħar tal-2012. Madankollu l-Awtoritajiet Ċeki se jkollhom jiżguraw il-monitoraġġ kontinwu tal-pjan ta' azzjoni.

(17)

Fil-livell ta' edukazzjoni obbligatorja, l-istudenti Ċeki jġibu kollox ma' kollox riżultati medji meta mqabblin internazzjonalment. Fil-matematika u x-xjenza, madankollu, ir-riżultati tat-tagħlim iggravaw b'mod rapidu biż-żmien. L-awtoritajiet Ċeki rrispondew b'sett ta' miżuri li jirrikjedu l-iżvilupp ta' standards ta' edukazzjoni minimi, li għandhom jintużaw għall-ittestjar tal-istudenti fuq skala nazzjoanli. Madankollu, sistema aktar integrata għandha tiġi żviluppata, biex tiżgura li l-istudenti, l-għalliema u l-iskejjel li ma jkollhomx prestazzjoni tajba fit-testijiet jirċievu appoġġ sistematiku biex il-livell tal-ambizzjoni tar-riforma jkompli jogħla. L-isfida prinċipali li s-sistema Ċeka ta' edukazzjoni għolja qed tiffaċċa hija li tiżgura li l-għadd ta' studenti li dejjem qed jikber, ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex ikollhom suċċess fis-suq tax-xogħol. Riforma fl-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja qed jiġi diskuss sabiex jiġu introdotti arranġamenti ta' finanzjament differenzjati kif ukoll jissaħħaħ l-akkrediment. Hemm proposti relevanti u ambizzjużi, għalkemm l-impatt reali tagħhom se jiddependi fuq id-disinn finali tar-riforma. L-awtoritajiet qed jippjanaw ukoll li jadottaw standards ta' evalwazzjoni riveduti għall-finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' riċerka. Żieda fil-kwota tal-indikaturi ta' kwalità, inkluż it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni mas-settur kummerċjali, jgħinu lis-sistema Ċeka ta' riċerka u innovazzjoni tilħaq livell ta' eċċellenza ogħla.

(18)

Ir-Repubblika Ċeka għandha l-ogħla għadd ta' professjonijiet irregolati fost l-Istati Membri. Konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju għall-professjonijiet twettaq fl-2012 u r-riżultati se jiġu ppreżentati fl-2013. Dan huwa pass importanti sabiex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-ostakoli għal dawk il-professjonijiet li għalihom ir-regolamentazzjoni mhijiex meħtieġa jew hija kkunsidrata eċċessiva (fosthom it-tul ta' apprendistat obbligatorju) u li għalihom aċċess aktar faċli jista' jiftaħ aktar impjiegi u tkabbir. Minkejja t-titjib fis-snin reċenti, ir-Repubblika Ċeka għad għandha waħda mill-ogħla intensitajiet tal-enerġija fl-Unjoni u effiċjenza baxxa fil-binjiet.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonmika tar-Repubblika Ċeka. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (7) hawn taħt.

(20)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka tieħu azzjoni fil-perijodu 2013-2014 biex:

1.

Timplimenta kif previst il-baġit għas-sena 2013 sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv fl-2013 b'mod sostenibbli u twettaq l-isforz ta' aġġustament strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont il-PDE. Mis-sena 2014 'il quddiem, issaħħaħ u timplimenta bir-reqqa l-istrateġija tal-baġit, appoġġata b'miżuri suffiċjentement speċifikati, sabiex tiżgura sforz fiskali adegwat biex tagħmel progress suffiċjenti lejn l-OTM. Tagħmel prijorità n-nefqa li ttejjeb it-tkabbir inkluż twettaq fil-ħin il-proġetti kkofinanzjati mill-fondi tal-UE li jifdal skont il-qafas finanzjarju attwali.

2.

Tnaqqas il-livel għoli ta' tassazzjoni fuq ix-xogħol billi titfa' taxxi fuq oqsma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħat-taxxi rikorrenti fuq id-djar u taxxi fuq il-vetturi li jiċċirkolaw. Tnaqqas aktar id-diskrepanzi fit-trattament tat-taxxa bejn min hu impjegat u min jaħdem għal rasu. Ittejjeb il-konformità fiskali u tnaqqas l-ispejjeż ta' konformità billi tistabbilixxi Punt tal-Ġbir Uniku u tarmonizza l-bażijiet tat-taxxa għat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet tas-saħħa u soċjali.

3.

Iżżid l-età tal-irtirar effettiva billi l-età tal-irtirar jew il-benefiċċji tal-pensjoni jiġu allinjati mat-tibdiliet fl-istennija tal-għomor, u tirrevedi l-mekkaniżmu tal-indiċjar. Takkumpanja ż-żieda fl-età tal-irtirar ma' miżuri li jixprunaw l-impjegabbiltà ta' ħaddiema akbar fl-età u tnaqqas il-mod kif wieħed jirtira kmieni. B'mod partikolari, tneħħi s-sussidju fuq l-iskema ta' rtirar kmieni. Tieħu miżuri biex ittejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza tan-nefqa għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari għall-kura fl-isptarijiet.

4.

Tagħmel sforzi addizzjonali biex issaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja tas-servizz pubbliku tal-impjiegi. Iżżid b'mod sinifikanti d-disponibbiltà tal-faċilitajiet inklussivi għall-indukrar tat-tfal b'attenzjoni fuq it-tfal ta' mhux aktar minn tliet snin, u l-parteċipazzjoni tat-tfal Rom, b'mod partikolari billi tadotta u timplimenta l-liġi dwar l-għoti ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tas-servizzi kemm pubbliċi kif ukoll privati għall-indukrar tat-tfal.

5.

Tiżgura l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' kontra l-korruzzjoni għall-2013-2014. Tadotta l-Att dwar il-Ħaddiem taċ-Ċivil li għandu jiżgura servizz amministrattiv tal-Istat stabbli, effiċjenti u professjonali. Ittejjeb l-immaniġjar tal-fondi tal-UE fid-dawl tal-perijodu ta' programmar 2014-2020. Issaħħaħ il-kapaċità tal-implimentazzjoni tal-offerti pubbliċi fuq livell lokali u reġjonali.

6.

Tistabbilixxi qafas komprensiv ta' evalwazzjoni fl-edukazzjoni obbligatorja, u tieħu miżuri mmirati biex tappoġġa l-iskejjel li jikklassifikaw 'l isfel fir-riżultati tat-tagħlim. Tadotta miżuri biex ittejjeb l-akkreditazzjoni u l-iffinanzjar tal-edukazzjoni għolja. Iżżid il-kwota ta' finanzjament abbażi tal-prestazzjoni tal-istituti ta' riċerka.

7.

Billi tibbaża fuq l-eżami li jinsab għaddej, tipproċedi b'riforma fil-professjonijiet irregolati, billi żżid jew telimina l-ostakli għad-dħul u għar-riżervi tal-attivitajiet fejn huma ġġustifikati. Tieħu aktar miżuri biex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija fis-setturi industrijali u tal-bini.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2013 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tas-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).

(3)  ĠU C 219, 24.7.2012, p.17.

(4)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(5)  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika għall-2012 jinkludi impatt ta' darba li jgħolli d-defiċit tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-kumpens finanzjarju lill-knejjes (1,5 % tal-PDG).

(6)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top