EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0701

2013/701/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Novembru 2013 dwar it-twaqqif ta’ Konsorzju għal Infrastruttura ta’ Riċerka fil-Bijobanek u fir-Riżorsi Bijomolekulari (BBMRI-ERIC) bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka

ĠU L 320, 30.11.2013, p. 63–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/701/oj

30.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/63


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Novembru 2013

dwar it-twaqqif ta’ Konsorzju għal Infrastruttura ta’ Riċerka fil-Bijobanek u fir-Riżorsi Bijomolekulari (BBMRI-ERIC) bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka

(2013/701/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi BBMRI bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (BBMRI-ERIC). Ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Konfederazzjoni Svizzera, u r-Repubblika tat-Turkija se jieħdu sehem fil-BBMRI-ERIC bħala osservaturi.

(2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija ntgħażlet mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja bħala l-Istat Membru Ospitanti tal-BBMRI-ERIC.

(3)

Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka fil-Bijobanek u fir-Riżorsi Bijomolekulari bl-isem ta’ BBMRI-ERIC huwa b’dan stabbilit.

2.   L-istatuti tal-BBMRI-ERIC huma stipulati fl-Anness. Dawn l-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jsiru disponibbli għall-pubbliku fis-sit elettroniku tal-BBMRI-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-BBMRI-ERIC li emendi fihom ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, huma previsti fl-Artikoli 2, 3, 6, 7, 16, 17, 18, 19 u 24.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.


ANNESS I

L-ISTATUTI TAL-KONSORZJU GĦALL-INFRASTRUTTURA EWROPEA TA’ RIĊERKA DWAR L-INFRASTRUTTURI TA’ RIĊERKA DWAR IL-BIJOBANEK U R-RIŻORSI BIJOMOLEKULARI (“BBMRI-ERIC”)

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

MINN HAWN ’Il QUDDIEM IMSEJĦIN “IL-MEMBRI”;

u:

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA,

IR-REPUBBLIKA TAT-TURKIJA,

MINN HAWN ’Il QUDDIEM IMSEJĦIN “L-OSSERVATURI”.

BILLI l-Membri huma konvinti li kampjuni bijoloġiċi mill-bniedem, inkluża d-dejta medika assoċjata u l-għodod tar-riċerka bijomolekulari huma riżorsi prinċipali biex tinftiehem ir-relazzjoni bejn il-fatturi ġenetiċi u dawk ambjentali li jikkawżaw il-mard fil-bniedem u l-impatt fuq ir-riżultat tagħhom, l-identifikazzjoni ta’ bijomarkaturi ġodda u miri għat-terapija kif ukoll il-kontribut tagħhom biex titnaqqas l-attrizzjoni fl-iskoperta u l-iżvilupp tal-mediċini.

BILLI r-riżorsi bijomolekulari jinkludu kollezzjonijiet ta’ binders ta’ antikorpi u ta’ affinità, linji taċ-ċelloli, kollezzjonijiet ta’ kloni, libreriji ta’ siRNA u għodod oħra ta’ riċerka meħtieġa għall-analiżi ta’ kampjuni fil-bijobanek. Barra minn hekk, ir-repożitorji tal-organiżmi mudell huma kkunsidrati bħala riżorsi bijomolekulari meta dawn ikunu relevanti għall-mard tal-bniedem..

BILLI l-Infrastruttura pan-Ewropea ta’ Riċerka dwar il-Bijobanek u r-Riżorsi Bijomolekulari (BBMRI) ser tissejjes fuq kollezzjonijiet ta’ kampjuni, teknoloġiji u għarfien eżistenti, li ser ikunu kkumplementati b’mod speċifiku b’komponenti innovattivi u mdaħħlin kif xieraq f’oqfsa Ewropej xjentifiċi, etiċi, legali u soċjetali.

META WIEĦED IQIS li l-Membri jfittxu li jżidu l-eċċellenza xjentifika u l-effikaċja tar-riċerka Ewropea fix-xjenzi bijomediċi kif ukoll li jespandu u jassiguraw il-kompetittività tar-riċerka u l-industrija Ewropea f’kuntest globali u jattiraw investimenti f’faċilitajiet ta’ riċerka bijomedika u farmaċewtika, billi jistabbilixxu l-Infrastruttura tar-Riċerka Biomolekulari u dwar il-Bijobanek — Il-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka — minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala “BBMRI-ERIC”.

B’ENFASI FUQ l-impenn tal-Membri lejn il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ġiet ipproklamata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea f’Nizza f’Diċembru 2000 u b’mod partikolari mill-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta.

BILLI l-Membri jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-BBMRI skont ir-Regolament tal-ERIC bħala entità legali tal-Konsorzju Ewropew dwar l-Infrastruttura ta’ Riċerka (ERIC).

QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dawn l-Istatuti:

(1)

“Bijobanek (u Ċentri ta’ Riżorsi Bijomolekulari)” tfisser kollezzjonijiet, repożitorji u ċentri ta’ distribuzzjoni tal-kampjuni bijoloġiċi kollha li joriġinaw mill-bniedem, bħal demm, tessuti, ċelloli jew DNA u/jew dejta relatata bħal dejta klinika u ta’ riċerka assoċjata, kif ukoll riżorsi bijomolekulari, inklużi organiżmi mudelli u organiżmi mikro li jistgħu jikkontribwixxu għall-fehim tal-fiżjoloġija u l-mard tal-bniedem;

(2)

“Membru’ tfisser entità skont l-Artikolu 4(1);

(3)

“Osservatur’ tfisser entità skont l-Artikolu 4(7);

(4)

“Membru Inadempjenti’ tfisser Membru, li

(a)

ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni annwali tiegħu, jekk l-ammont pendenti jkun daqs jew jaqbeż l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li kellhom jitħallsu għas-sena finanzjarja preċedenti;

(b)

ma jissodisfax l-obbligi tiegħu serjament; jew

(c)

jikkawża jew jhedded li jikkawża disturb serju fl-operat tal-BBMRI-ERIC;

(5)

“Servizz Komuni” tfisser faċilità tal-BBMRI-ERIC skont l-Artikolu 15(1);

(6)

“Nodu Nazzjonali” tfisser entità, li mhux neċessarjament ikollha kapaċità legali, maħtura minn Stat Membru, li tikkoordina il-Bijobanek nazzjonali u r-Riżorsi Bijomolekulari u torbot l-attivitajiet tagħha mal-attivitajiet pan-Ewropej tal-BBMRI-ERIC;

(7)

“Koordinatur Nazzjonali” tfisser id-direttur ta’ Nodu Nazzjonali, maħtur minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru;

(8)

“Nodu Organizzazzjonali” tfisser entità, li mhux neċessarjament ikollha kapaċità legali, maħtura minn organizzazzjoni intergovernattiva li tikkoordina l-Bijobank(banek) u r-Riżorsi Bijomolekulari, u torbot l-attivitajiet tagħha ma’ dawk tal-infrastruttura pan-Ewropea, il-BBMRI- ERIC;

(9)

“Koordinatur Organizzazzjonali’ tfisser id-direttur ta’ Nodu Organizzazzjonali, maħtur minn organizzazzjoni intergovernattiva;

(10)

“Bijobanek Sħab” tfisser Bijobanek li jikkollaboraw mal-BBMRI-ERIC li jikkonformaw mal-Karta tas-Sħab tal-BBMRI-ERIC (1);

(11)

“Programm ta’ Ħidma” tfisser id-deskrizzjoni tal-istrateġija, l-attivitajiet ippjanati, il-persunal u l-finanzjament tal-BBMRI-ERIC;

(12)

“Kontribuzzjonijiet obbligatorji” tfisser kontribuzzjonijiet mill-Membri/l-Osservaturi u l-kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi ospitanti għall-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali, kif ukoll għas-servizzi Komuni li huma stipulati fit-taqsima tal-baġit tal-Programm ta’ Ħidma annwali tal-BBMRI-ERIC.

Artikolu 2

Twaqqif, Tul ta’ Żmien u Sede Statutorja

1.   Jiġi stabbilit Konsorzju Ewropew ta’ Infrastruttura ta’ Riċerka fil-Bijobanek u l-Infrastruttura ta’ Riċerka Bijomolekulari (BBMRI-ERIC). Dan għandu jiġi stabbilit għal perjodu mhux limitat ta’ żmien mid-data minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi l-infrastruttura.

2.   Is-sede statutorja tal-BBMRI-ERIC għandha tkun fil-belt ta’ Graz fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“Istat Membru Ospitanti”.

3.   L-Istat Membru Ospitanti għandu jipprovdi l-post, il-faċilitajiet u s-servizzi għall-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali tal-BBMRI-ERIC kif inhu deskritt f’dikjarazzjoni bil-miktub fl-applikazzjoni għal status tal-ERIC.

Artikolu 3

Kompiti u Attivitajiet

1.   Il-BBMRI-ERIC għandu jistabbilixxi, jopera u jiżviluppa infrastruttura ta’ riċerka pan-Ewropea mifruxa tal-Bijobanek u r-Riżorsi Bijomolekulari sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riżorsi kif ukoll għall-faċilitajiet u biex tiġi appoġġjata riċerka ta’ kwalità għolja bijomolekulari u medika. Il-BBMRI-ERIC għandu jimplimenta l-Programm ta’ Ħidma tiegħu, kif jiġi adottat mill-Assemblea tal-Membri.

2.   Il-BBMRI-ERIC għandu jopera l-infrastruttura fuq bażi nonekonomika. Il-BBMRI-ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, sakemm dawn:

(a)

ikunu relatati mill-qrib mal-kompiti prinċipali tiegħu;

(b)

ma jxekklux it-twettiq tagħhom.

3.   Biex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BBMRI-ERIC għandu b’mod partikolari:

(a)

jagħti aċċess effettiv għar-riżorsi u s-servizzi tiegħu skont ir-regoli definiti f’dawn l-Istatuti lill-komunità Ewropea ta’ riċerka, magħmula mir-riċerkaturi minn fost il-Membri;

(b)

itejjeb l-interoperabbiltà bejn il-Bijobanek u ċ-Ċentri ta’ Riżorsi Bijoloġiċi tal-Membri;

(c)

jimplimenta ġestjoni ta’ kwalità inklużi proċeduri standardizzati, l-aħjar prattiki u l-għodod xierqa biex tiżdied il-kwalità tar-riżorsi miġburin u d-dejta assoċjata magħhom;

(d)

jippromwovi l-arrikkament kontinwu tar-riżorsi fil-Bijobanek u d-dejta assoċjata sabiex tinżamm provvista xierqa ta’ kampjuni biex tlaħħaq mad-domanda tal-komunità xjentifika, kif ukoll biex tiżgura li l-arrikkament kontinwu tal-informazzjoni assoċjata mal-analiżi tal-kampjuni fil-bijobanek u ġġenerata minn din l-analiżi. Din għandha tikkontribwixxi għall-użu u t-tixrid miżjudin tal-għarfien, kif ukoll għall-ottimizzazzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka bbażati fil-bijobanek madwar l-Ewropa;

(e)

jistabbilixxi u jippromwovi Servizzi Komuni għall-komunità Ewropea tal-bijobanek;

(f)

iwettaq servizzi ta’ riċerka għall-istituzzjonijiet pubbliċi u privati;

(g)

jistabbilixxi u jimplimenta żviluppi teknoloġiċi relatati mar-riżorsi u s-servizzi;

(h)

jipprovdi t-taħriġ u jiffaċilita l-mobbiltà tar-riċerkaturi bħala appoġġ għall-istabbiliment ta’ Bijobanek u Ċentri ta’ Riżorsi Molekulari Ġodda biex tissaħħaħ u tiġi strutturata ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka;

(i)

jistabbilixxi relazzjonijiet internazzjonali u jniedi attivitajiet konġunti ma’ organizzazzjonijiet Ewropej u mhux Ewropej oħra kkonċernati mill-attivitajiet tiegħu u minn oqsma relatati, u meta jkun xieraq isir membru ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn;

(j)

iwettaq kull attività oħra meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

4.   L-attivitajiet tal-BBMRI-ERIC għandhom ikunu politikament newtrali u ggwidati minn dawn il-valuri: l-ambitu pan-Ewropew, flimkien ma’ eċċellenza xjentifika, trasparenza, onestà, risponsività, għarfien etiku, konformità legali u valuri umani.

Artikolu 4

Membri u Osservaturi

1.   Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, l-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi terzi, li mhumiex pajjiżi assoċjati, u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li jkunu qablu ma’ dawn l-Istatuti huma Membri tal-BBMRI-ERIC. Il-membri fundaturi huma elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi kif ukoll l-organizzazzjonijiet intergovernattivi jistgħu jsiru membri tal-BBMRI-ERIC fi kwalunkwe ħin, suġġetti għal approvazzjoni mill-Assemblea tal-Membri skont il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 11(8)(b). Ir-rekwiżiti addizzjonali li jikkonċernaw il-Membri li jissieħbu mal-BBMRI-ERIC wara l-ewwel tliet snin għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea tal-Membri.

3.   Kull Membru għandu:

(a)

jipprovdi aċċess, fi ħdan il-qafas legali u etiku applikabbli, għall-Bijobanek Sħab tal-BBMRI-ERIC, għal riżorsi bijoloġiċi u bijomolekulari u/jew dejta assoċjata skont sett komuni ta’ standards u kundizzjonijiet, kif inhu speċifikat fil-Karta dwar is-Sħab tal-BBMRI-ERIC u approvat mill-Assemblea tal-Membri;

(b)

jistabbilixxi Nodu Nazzjonali/Organizzazzjonali u jaħtar Koordinatur Nazzjonali/Organizzazzjonali;

(c)

jiżgura l-koordinazzjoni tal-Bijobanek Sħab pernezz tan-Nodi Nazzjonali/Organizzazzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżorsi bijoloġiċi u bijomolekulari u d-dejta assoċjata;

(d)

fejn ikun xieraq, jagħmel investimenti fl-infrastruttura b’appoġġ għall-BBMRI-ERIC;

(e)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità fil-qasam tal-bijobanek;

(f)

jappoġġja l-iskop primarju tal-BBMRI-ERIC u l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-BBMRI-ERIC.

4.   Kull Membru jista’, wara l-ħames snin inizjali mill-adeżjoni tiegħu mal-BBMRI-ERIC, jirtira mill-BBMRI-ERIC permezz ta’ avviż bil-miktub lill-President tal-Assemblea tal-Membri u lid-Direttur Ġenerali, tal-anqas tliet xhur qabel l-approvazzjoni tal-baġit tas-sena ta’ wara.

5.   Id-Direttur Ġenerali jista’ jipproponi lill-Assemblea tal-Membri li Membru inadempjenti jiġi eskluż.

6.   Il-lista inizjali ta’ Membri hija inkluża fl-Anness II u għandha tinżamm aġġornata onlajn mill-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali.

7.   L-Osservaturi tal-BBMRI-ERIC huma Stati Membri, pajjiżi assoċjati u pajjiżi terzi kif inhu definit fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-ERIC u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi li jkunu applikaw biex isiru Osservaturi.

8.   L-istatus ta’ Osservatur jingħata għal perjodu massimu ta’ tliet snin suġġett għall-approvazzjoni mill-Assemblea tal-Membri, kif inhu stipulat fl-Artikolu 11(8)(c). Wara l-perjodu ta’ tliet snin, l-Osservaturi għandhom japplikaw għas-sħubija jew jirtiraw mill- BBMRI-ERIC, sakemm l-Assemblea tal-Membri ma tiddeċidix mod ieħor.

9.   L-Osservaturi huma intitolati li:

(a)

jipparteċipaw — mingħajr drittijiet tal-vot — fid-dibattiti tal-Assemblea tal-Membri;

(b)

jipparteċipaw f’ċerti attivitajiet tal-BBMRI-ERIC identifikati mill-Assemblea tal-Membri.

10.   Il-lista inizjali ta’ Osservaturi hija elenkata fl-Anness II u għandha tinżamm aġġornata onlajn mill-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 5

Riżorsi tal-BBMRI-ERIC

1.   Il-baġit tal-BBMRI-ERIC għandu jiffinanzja l-operat komuni tal-BBMRI-ERIC inklużi l-kostijiet tad-Direttur Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali u s-Servizzi Komuni. Dan għandu jiġi approvat mill-Assemblea tal-Membri permezz ta’ adozzjoni tal-Programm ta’ Ħidma.

2.   Il-baġit tal-BBMRI-ERIC għandu jikkonsisti minn:

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Membri u l-Osservaturi;

(b)

kontribuzzjonijiet mill-Istat Membru Ospitanti u l-pajjiżi ospitanti tas-Servizzi Komuni;

(c)

dħul ieħor.

3.   Kull dħul iġġenerat waqt l-attivitajiet tal-BBMRI-ERIC li jakkumula mal-baġit tiegħu għandu jintuża biex il-Programm ta’ Ħidma jiġi avvanzat skont id-deċiżjoni tal-Assemblea tal-Membri.

4.   Il-Membri u l-Osservaturi għandhom iġarrbu l-kostijiet tagħhom għall-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-BBMRI-ERIC.

5.   Kull Membru u kull Osservatur tal-BBMRI-ERIC għandu jikkontribwixxi għall-baġit tal-BBMRI-ERIC. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Assemblea tal-Membri, il-kontribuzzjonijiet għandhom isiru fi flus kontanti.

6.   Il-kontribuzzjoni ta’ kull Membru għandha tkun skont it-tabella tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija li hija stipulata fl-Anness III.

7.   Il-kontribuzzjoni ta’ kull Osservatur għandha tkun 30 % tal-kontribuzzjoni tas-sħubija sħiħa, kif inhu determinat skont it-tabella tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija li hija stipulata fl-Anness III.

8.   L-iskala tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq it-tabella tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija stipulata fl-Anness III tista’ tiġi mmodifikata fil-każ tal-adeżjoni ta’ Membru jew Osservatur ġdid jew fil-każ tal-irtirar jew l-esklużjoni ta’ Membru jew Osservatur. L-iskala l-ġdida għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja ta’ wara.

9.   L-Assemblea tal-Membri tista’ tiddeċiedi li tikkunsidra kull ċirkostanza speċjali ta’ Membru jew Osservatur u taġġusta l-kontribuzzjoni tiegħu kif ikun meħtieġ.

10.   Meta jkun skont il-Programm ta’ Ħidma u r-regoli relevanti kif inhuma approvati mill-Assemblea tal-Membri, il-Membri jistgħu jagħtu kontribuzzjoni parzjali in natura għall-baġit komuni tal-BBMRI-ERIC.

11.   Il-BBMRI-ERIC huwa intitolat li jaċċetta għotjiet, kontribuzzjonijiet speċjali u pagamenti minn kwalunkwe individwu, korp privat jew pubbliku għall-finijiet stipulati f’dawn l-Istatuti. Dawn huma suġġetti għal approvazzjoni mill-Assemblea tal-Membri.

12.   L-assi akkwistati għall-kont u bi spiża tal-BBMRI-ERIC għandhom ikunu l-proprjetà tiegħu. Fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet in natura, il-kwistjonijiet ta’ proprjetà għandhom jiġu solvuti fi ftehim speċifiku li għandu jiġi konkluż bejn il-Membru jew l-Osservatur ikkonċernat u l-BBMRI-ERIC skont deċiżjoni li tittieħed mill-Assemblea tal-Membri.

Artikolu 6

Akkwist u Eżenzjoni mit-Taxxa

1.   Il-BBMRI ERIC għandu jittratta l-kandidati tal-akkwisti u lill-offerenti b’mod ugwali u mingħajr diskiminazzjoni, irrelevanti minn jekk ikunux ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika tal-akkwist tal-BBMRI-ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetizzjoni. Ir-regoli interni dwar il-proċeduri tal-akkwist u l-kriterji għandhom jiġu adottati mill-Assemblea tal-Membri.

2.   Il-ħelsien mit-tassazzjoni skont l-Artikolu 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (2) u skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (3) għal prodotti u servizzi ta’ riċerka u żvilupp li huma:

(a)

marbutin b’mod dirett mal-maniġment u s-servizzi tal-BBMRI-ERIC;

(b)

relatati mill-qrib mal-miri u l-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 3;

(c)

jipprovdu benefiċċju lill-komunità xjentifika kollha kemm hi;

(d)

jaqbżu l-valur ta’ EUR 250;

(e)

jiġu rimunerati u akkwistati mill-BBMRI-ERIC.

3.   L-akkwist minn membri individwali ma għandux jibbenfika mill-eżenzjoni mit-taxxa. Ma għandhomx japplikaw aktar limiti.

Artikolu 7

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom kif inhu stipulat fl-Anness III.

2.   Il-BBMRI-ERIC għandu jieħu l-assigurazzjonijiet xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-konstruzzjoni u l-operat tiegħu u li mhumiex koperti skont il-paragrafu 1.

Artikolu 8

Prinċipji baġitarji, Kontijiet u Awditi

1.   Il-punti tad-dħul u tan-nefqa kollha tal-BBMRI-ERIC għandhom jiġu inklużi fi stimi li għandhom jinħadmu għal kull sena finanzjarja u li għandhom jintwerew fit-taqsima tal-baġit tal-Programm ta’ Ħidma. Id-dħul u n-nefqa murija fil-baġit għandhom ikunu bbilanċjati.

2.   Il-Membri għandhom jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji tal- ġestjoni finanzjarja soda.

3.   Il-baġit għandu jiġi stabbilit u implimentat u l-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati skont il-prinċipju tat-trasparenza.

4.   Il-BBMRI-ERIC għandu jżomm kont tal-introjtu u l-ispejjeż kollha. Il-kontijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja.

5.   Il-BBMRI-ERIC għandu jkun suġġett għall-istandards tal-kontabbiltà kif inhuma stipulati fil-liġi applikabbli fl-Istat Membru Ospitanti.

6.   Is-sena finanzjarja tal-BBMRI-ERIC hija sena kalendarja.

7.   L-Assemblea tal-Membri għandha taħtar awdituri esterni biex jeżaminaw il-kontijiet. Il-ħatra tal-awdituri esterni għandha tkun imġedda perjodikament skont id-dispożizzjoni speċifika stipulata fir-Regoli Finanzjarji kif ġew approvati mill-Assemblea tal-Membri.

8.   L-awdituri esterni għandhom jippreżentaw rapport dwar il-kontijiet annwali permezz tal-Kumitat tal-Finanzi lill-Assemblea tal-Membri. Id-Direttur Ġenerali għandu jipprovdi lill-awdituri bl-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

KAPITOLU III

GOVERNANZA U ĠESTJONI

Artikolu 9

L-Istruttura tal-Governanza

L-istruttura tal-governanza tal-BBMRI ERIC għandha tinkludi l-korpi li ġejjin:

(a)

l-Assemblea tal-Membri;

(b)

il-Kumitat tal-Finanzi;

(c)

id-Direttur Ġenerali appoġġjat mill-Kumitat ta’ Ġestjoni;

(d)

il-Bord ta’ Konsulenza Xjentifika u Etika.

Artikolu 10

L-Assemblea tal-Membri

1.   L-Assemblea tal-Membri għandha tkun il-korp li bih il-Membri jieħdu deċiżjonijiet kollettivi dwar kwistjonijiet relatati mal-BBMRI-ERIC. Dawk id-deċiżjonijiet għandhom imbagħad jiġu implimentati mid-Direttur Ġenerali, flimkien mal-persunal tal-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali u l-Kumitat ta’ Ġestjoni.

2.   L-Assemblea tal-Membri għandha, wara l-ewwel laqgħa, tkun magħmula mill-Membri wara li l-BBMRI jiġi stabbilit bħala ERIC.

3.   L-Assemblea tal-Membri għandha tkun magħmula mill-Membri kollha tal-BBMRI-ERIC. Kull Membru għandu jkun rappreżentat minn sa żewġ delegati li jinħatru uffiċjalment mill-awtorità kompetenti. Dawn jistgħu jkunu akkumpanjati minn massimu ta’ tliet konsulenti li jistgħu jkunu supplenti għad-delegati. Il-Membri għandhom jiddikjaraw fl-ittra tal-ħatra l-isem tad-delegat bid-drittijiet tal-vot u l-ordni tar-rappreżentazzjoni.

4.   Sa żewġ rappreżentanti, li jiġu appoġġjati uffiċjalment minn kull Osservatur, jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri f’kapaċità ta’ osservaturi.

5.   Osservaturi oħra jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri skont ir-Regoli ta’ Proċedura adottati mill-Assemblea tal-Membri.

6.   L-Assemblea tal-Membri għandha:

(a)

tadotta l-Programm ta’ Ħidma annwali u l-baġit, flimkien ma’ Programm ta’ Ħidma preliminari u baġit għas-sentejn ta’ wara;

(b)

tadotta r-Regoli ta’ Proċedura, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Interni skont l-Artikolu 11(8)(a);

(c)

tadotta r-regoli, ir-regolamenti u l-politiki kollha neċessarji għall-ġestjoni soda tal-Programm ta’ Ħidma, partikolarment il-proċedura ta’ aċċess għar-riżorsi bijoloġiċi, id-dejta fil-Bijobanek u s-servizzi żviluppati mill-BBMRI;

(d)

tiddefinixxi l-kompiti tal-Kumitat tal-Finanzi;

(e)

teleġġi u tkeċċi lill-President u l-Viċi President;

(f)

teleġġi u tkeċċi lill-President u l-Viċi President tal-Kumitat tal-Finanzi;

(g)

taħtar u tkeċċi lid-Direttur Ġenerali;

(h)

tapprova l-ħatra u t-tkeċċija ta’ persunal ieħor ta’ livell għoli skont ir-Regoli Interni;

(i)

tistabbilixxi l-Bord ta’ Konsulenza Xjentifika u Etika u kwalunkwe kumitat, bord jew korp ieħor bħall-Forum tal-Partijiet Interessati u tiddefinixxi l-kompiti u d-deċiżjonijiet tagħhom;

(j)

tipprovdi gwida u direzzjoni lid-Direttur Ġenerali;

(k)

tapprova r-rapport annwali, il-kontijiet annwali u r-rapporti ta’ kwalunkwe kumitat konsultattiv tal-BBMRI-ERIC;

(l)

tikkunsidra kull kwistjoni relatata mal-BBMRI-ERIC jew l-operat tiegħu, ippreżentati minn kwalunkwe Membru;

(m)

taċċetta l-membri u tittermina s-sħubija ta’ kwalunkwe Membru skont l-Artikolu 11(8)(b);

(n)

taċċetta l-Osservaturi u tittermina s-sħubija ta’ kwalunkwe Osservatur skont l-Artikolu 11(8)(c);

(o)

taġġusta l-iskali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 5(8);

(p)

tiddeċiedi dwar l-emendi fl-Istatuti skont l-Artikolu 11(7); kif ukoll

(q)

twettaq kull funzjoni oħra mogħtija lilha mill-Istatuti, inkluż minn kwalunkwe Anness jew modifikazzjoni fih.

Artikolu 11

It-teħid ta’ Deċiżjonijiet mill-Assemblea tal-Membri

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “preżenti” għandha tfisser wiċċ imb’wiċċ, bit-telefown, b’konferenza bil-vidjow jew b’mezzi prattiċi oħra kif inhu determinat fir-Regoli ta’ Proċedura.

2.   Kworum għandu jkun iffurmat meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

maġġoranza tal-Membri jkunu preżenti, u dawn jirrappreżentaw 75 % tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji annwali tal-Membri;

(b)

għad-deċiżjonijiet meħudin skont il-paragrafu 8, 75 % tal-Membri jkunu preżenti, u dawn jirrappreżentaw 75 % tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji annwali tal-Membri;

(c)

mill-Membri preżenti, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandu jkollhom il-maġġoranza tal-voti (4).

3.   Kull Membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Membri inadempjenti ma għandux ikollhom vot.

4.   Fid-deċiżjonijiet kollha l-Assemblea tal-Membri għandha tagħmel l-isforzi kollha tagħha biex tilħaq kunsens.

5.   Jekk ma jintlaħaqx kunsens, maġġoranza sempliċi ta’ dawk il-Membri preżenti u li jivvutaw għandha tkun biżżejjed biex tgħaddi deċiżjoni sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor b’mod espliċitu f’dawn l-Istatuti jew fir-Regoli ta’ Proċedura.

6.   F’każ li l-voti jkunu ndaqs, il-maġġoranza tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji għandu jkollha l-vot deċiżiv.

7.   Deċiżjonijiet biex tiġi ppreżentata proposta lill-Kummissjoni biex jiġu emendati l-Istatuti għandu jkollhom approvazzjoni unanima.

8.   Id-deċiżjonijiet li ġejjin għandu jkollhom qbil ta’ mill-anqas 75 % tal-Membri kollha li jirrappreżentaw tal-anqas 75 % tal-kontribuzzjonijiet annwali obbligatorji tal-Membri:

(a)

l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura u tar-Regoli Finanzjarji u Interni u bidliet fihom;

(b)

l-aċċettazzjoni ta’ Membri ġodda;

(c)

l-aċċettazzjoni ta’ Osservaturi ġodda;

(d)

il-voti dwar il-Membri Inadempjenti, inklużi iżda mhux limitati għall-esklużjoni tal-Membri (il-Membri kkonċernati jiġu esklużi mill-votazzjoni);

(e)

id-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni tal-BBMRI-ERIC.

9.   Id-deċiżjonijiet li ġejjin għandu jkollhom qbil ta’ mill-anqas 75 % tal-Membri preżenti u li jivvutaw u li jirrappreżentaw tal-anqas 75 % tal-kontribuzzjonijiet annwali obbligatorji tal-Membri:

(a)

id-deċiżjonijiet dwar il-Programm ta’ Ħidma u l-baġit;

(b)

l-approvazzjoni tar-rapport annwali u tal-kontijiet annwali;

(c)

l-aġġustament tal-iskala tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 5(8);

(d)

il-ħatra jew it-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali;

(e)

id-deċiżjonijiet dwar l-istralċ tal-BBMRI-ERIC f’każ tat-terminazzjoni tal-infrastruttura.

10.   Il-President u l-Viċi President tal-Assemblea tal-Membri u tal-Kumitat tal-Finanzi għandhom jittellgħu minn fost id-delegati tal-Membri b’tal-anqas 75 % tal-Membri preżenti u li jivvutaw għal terminu ta’ sena bil-possibbiltà li jerġgħu jittellgħu darbtejn. Il-Viċi President għandu, fin-nuqqas jew l-inkapaċità tal-President, jirrappreżenta lill-President.

11.   L-Assemblea tal-Membri għandha tiltaqa’ tal-anqas darba f’sena. Din tista’ tiltaqa’ wkoll f’sessjoni straordinarja fuq talba tal-President jew fuq talba ta’ kwart tal-Membri tagħha.

Artikolu 12

Kumitat tal-Finanzi

1.   Il-Kumitat tal-Finanzi għandu jkun kumitat konsultattiv u preparatorju tal-Assemblea tal-Membri sabiex:

(a)

jagħti pariri lill-Assemblea tal-Membri u lid-Direttur Ġenerali dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni u t-tħejjija tal-baġit tal-BBMRI-ERIC, in-nefqa u l-kontijiet tiegħu, u l-ippjanar futur finanzjarju;

(b)

jipprovdi lill-Assemblea tal-Membri u lid-Direttur Ġenerali b’pariri dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji tar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi l-oħra tal-BBMRI-ERIC;

(c)

fuq talba, jipprovdi avviż dwar kwistjonijiet finanzjarji oħra relatati mal-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-BBMRI-ERIC;

(d)

jippreżenta proposta li tikkonċerna l-ħatra ta’ awdituri esterni lill-Assemblea tal-Membri.

2.   L-awdituri esterni għandhom jirrapportaw direttament u personalment lill-Kumitat tal-Finanzi wara li jkunu indirizzaw ir-rapporti tagħhom lid-Direttur Ġenerali.

3.   Il-Kumitat tal-Finanzi għandu jopera skont ir-Regoli ta’ Proċedura u r-Regoli Finanzjarji adottati mill-Assemblea tal-Membri.

Artikolu 13

Id-Direttur Ġenerali

1.   Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Assemblea tal-Membri għal terminu ta’ tal-anqas tliet snin, bil-possibbiltà li jerġa jinħatar. Id-Direttur Ġenerali jista’ jitkeċċa bl-istess proċedura. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun impjegat mill-BBMRI-ERIC. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun assistit fit-twettiq tal-funzjonijiet maniġerjali mill-persunal tal-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali u s-Servizzi Komuni.

2.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli lejn l–Assemblea tal-Membri għal:

(a)

l-amministrazzjoni effiċjenti tal-BBMRI-ERIC;

(b)

il-finanzi u l-ġestjoni tal-persunal tal-BBMRI-ERIC;

(c)

l-iżgurar tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Assemblea tal-Membri.

3.   Id-Direttur Ġenerali għandu:

(a)

ikun inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-Programm ta’ Ħidma, inkluż it-twaqqif tas-Servizzi Komuni u n-nefqa tal-baġit;

(b)

jipprepara l-aġenda tal-laqgħat tal-Assemblea tal-Membri u jipprepara d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea tal-Membri;

(c)

jipprepara u jippreżenta lill-Assemblea tal-Membri, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel il-bidu ta’ kull sena finanzjarja, abbozz annwali tal-Programm ta’ Ħidma, inkluż abbozz tal-baġit u pjan tal-persunal, flimkien ma’ abbozz preliminari tal-Programm ta’ Ħidma u abbozz tal-baġit għas-sentejn ta’ wara;

(d)

jipprovdi lill-Assemblea tal-Membri b’rapport annwali teknikament sostantiv dwar il-Programm ta’ Ħidma, inklużi l-kontijiet finanzjarji, il-kompiti mwettqin, il-kompiti mhux imwettqin u kull spjegazzjoni xierqa;

(e)

jipprepara u jippreżenta, wara approvazzjoni mill-Assemblea tal-Membri, kull dokumentazzjoni mitluba mill-Kummissjoni Ewropea;

(f)

jikkoordina l-iskambju tal-informazzjoni u l-attivitajiet tan-Nodi Nazzjonali/Organizzazzjonali tal-BBMRI-ERIC u s-Servizzi Komuni permezz tal-Kumitat ta’ Ġestjoni u bit-twaqqif ta’ kumitati li jkunu meqjusa meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-BBMRI- ERIC;

(g)

jorganizza l-proċedura ta’ għażla għat-twaqqif tas-Servizzi Komuni u kull kwistjoni li tirrikjedi proċedura bħal din skont l-Anness IV;

(h)

jaħtar lid-diretturi tas-Servizzi Komuni wara konsultazzjoni mad-delegati nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsabu s-Servizzi Komuni;

(i)

jorganizza l-Bord ta’ Konsulenza Xjentifika u Etika għall-evalwazzjoni tal-proposti ta’ riċerka li jaslu għand l-Uffiċċju tal-Maniġment Eżekuttiv Ċentrali;

(j)

jipproponi l-ammissjoni u l-esklużjoni tal-Membri u l-Osservaturi lill-Assemblea tal-Membri;

4.   Id-Direttur Ġenerali għandu jkun l-Uffiċjal Eżekuttiv Prinċipali u r-rappreżentant legali tal-BBMRI-ERIC u għandu jirrappreżenta lill-BBMRI-ERIC f’kull litigazzjoni. Id-Direttur Ġenerali jista’ jiddelega s-setgħat fi kwalunkwe tilwim. Id-Direttur Ġenerali jista’ jiddelega s-setgħat, skont il-gwida u d-direzzjonijiet provduti mill-Assemblea tal-Membri, lill-persunal tal-BBMRI-ERIC.

Artikolu 14

Il-Kumitat ta’ Ġestjoni

1.   Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għandu jkun stabbilit mid-Direttur Ġenerali u għandu jinkludi l-Koordinaturi tan-Nodi Nazzjonali/Organizzazzjonali u s-Servizzi Komuni.

2.   Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għandu jkun ippresedut mid-Direttur Ġenerali. Il-Kumitat ta’ Ġestjoni jista’ jeleġġi minn fost il-membri tiegħu Viċi President biex jappoġġja lid-Direttur Ġenerali fit-twettiq tal-kompiti maniġerjali tiegħu.

3.   Il-Kumitat ta’ Ġestjoni għandu jkun responsabbli mill-:

(a)

kontribut u l-appoġġ lid-Direttur Ġenerali fl-iżvilupp ta’ abbozz ta’ Programm ta’ Ħidma annwali u abbozz tal-baġit, flimkien ma’ abbozz preliminari tal-Programm ta’ Ħidma u abbozz tal-baġit għas-sentejn ta’ wara;

(b)

għoti ta’ appoġġ lid-Direttur Ġenerali fl-eżekuzzjoni tal-Programm ta’ Ħidma u biex jippermetti l-interazzjoni effiċjenti bejn il-BBMRI-ERIC u l-Bijobanek Sħab tal-Membri.

Artikolu 15

Servizzi Komuni

1.   Is-Servizzi Komuni għandhom jikkonsistu mill-faċilitajiet tal-BBMRI-ERIC li jipprovdu għarfien espert, servizzi u għodod biex jitwettqu l-kompiti u l-attivitajiet tal-BBMRI-ERIC, elenkati fil-Programm ta’ Ħidma.

2.   Is-Servizzi Komuni għandhom jiġu stabbiliti mill-BBMRI-ERIC u taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Ġenerali.

3.   Is-Servizzi Komuni għandhom ikunu ospitati f’pajjiżi li huma Membri tal-BBMRI-ERIC. Il-proċedura tal-għażla biex jiġu ospitati s-Servizzi Komuni għandha ssegwi l-prinċipji stipulati fl-Anness IV.

4.   Kull wieħed mis-Servizzi Komuni għandu jkun ġestit minn direttur, maħtur mid-Direttur Ġenerali wara konsultazzjoni mad-delegati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 16

Il-Bord ta’ Konsulenza Xjentifika u Etika

1.   L-attivitajiet tal-BBMRI-ERIC għandhom jiġu evalwati perjodikament minn Bord ta’ Konsulenza Xjentifika u Etika (Scientific and Ethical Advisory Board — SEAB). Is-SEAB għandu jagħti pariri wkoll lill-Assemblea tal-Membri fir-rigward tal-proposti lid-Direttur Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma.

2.   Is-SEAB għandu jkun magħmul minn xjentisti jew esperti distinti maħturin fuq mertu tagħhom stess, mhux bħala rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ta’ sfond tagħhom jew tal-Membri.

3.   L-Assemblea tal-Membri għandha taħtar lill-membri tas-SEAB u tiddeċiedi dwar ir-rotazzjoni tagħhom u t-termini ta’ referenza tas-SEAB.

Artikolu 17

Persunal

1.   Il-BBMRI-ERIC jista’ jimpjega persunal li għandu jinħatar u jitkeċċa mid-Direttur Ġenerali. Il-ħatra u t-tkeċċija ta’ persunal ta’ livell għoli, kif inhu definit fir-regoli interni, għandhom jiksbu approvazzjoni mill-Assemblea tal-Membri.

2.   L-Assemblea tal-Membri għandha tapprova l-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal imħejji mid-Direttur Ġenerali filwaqt li tapprova l-Programm ta’ Ħidma.

3.   Il-proċeduri tal-għażla tal-applikanti għall-pożizzjonijiet ta’ persunal tal-BBMRI-ERIC għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs.

Artikolu 18

Aċċess

1.   Il-BBMRI-ERIC għandu jagħmel il-kampjuni u d-dejta fil-bażijiet ta’ dejta affiljati ma’ jew żviluppati mill-Bijobanek Sħab tal-BBMRI- ERIC disponibbli għar-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka skont il-proċedura ta’ aċċess u l-kriterji kif approvati mill-Assemblea tal-Membri. L-aċċess għandu jirrispetta l-kondizzjonijiet stipulati mill-fornituri tal-kampjuni u d-dejta li jaffiljaw il-bażijiet ta’ dejta tagħhom mal-BBMRI- ERIC. L-ebda dispożizzjoni f’dawn l-Istatuti ma għandha tiftiehem li qed tirrestrinġi d-drittijiet tas-sidien tal-Bijobanek jew tar-Riżorsi Bijomolekulari affiljati mal-BBMRI-ERIC biex jiddeċiedu fuq l-għoti ta’ aċċess għal kwalunkwe kampjun u dejta.

2.   Il-BBMRI-ERIC għandu jipprovdi aċċess għall-kampjuni u d-dejta klinika relatata bbażata fuq l-eċċellenza xjentifika tal-proġett propost kif jiġi determinat minn reviżjoni tal-pari indipendenti u wara reviżjoni etika tal-proposta tal-proġett ta’ riċerka.

3.   Il-BBMRI-ERIC għandu jfittex li jiżgura li s-sorsi tal-kampjuni u tad-dejta jkunu rikonoxxuti kif xieraq u għandu jitlob li attribuzzjoni bħal din tinżamm fl-użu sussegwenti tal-kampjuni u d-dejta.

Artikolu 19

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

1.   L-ebda dispożizzjoni f’dawn l-Istatuti ma għandha tinftiehem li qed tfittex li tibdel il-kamp ta’ applikazzjoni u l-applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u l-Ftehimiet dwar il-Kondiviżjoni tal-Benefiċċji kif inhu determinat fil-liġijiet u r-regolamenti relevanti tal-Membri u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom ikunu Parti.

2.   Il-BBMRI-ERIC jista’ jiddikjara Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali xierqa disponibbli fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali applikabbli b’rabta mal-għodda, id-dejta, il-prodotti jew kwalunkwe riżultat ieħor żviluppat jew iġġenerat mill-BBMRI-ERIC waqt li jwettaq il-Programm ta’ Ħidma.

Artikolu 20

Rappurtar u Kontroll

Il-BBMRI-ERIC għandu joħroġ rapport annwali, li jinkludi b’mod partikolari l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tiegħu. Dan għandu jiġi approvat mill-Assemblea tal-Membri u mibgħut lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi relevanti fi żmien sitt xhur wara li tispiċċa s-sena finanzjarja korrispondenti. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 21

Ir-Reġim Lingwistiku u l-Lingwa ta’ Ħidma

1.   Il-verżjonijiet kollha ta’ dawn l-Istatuti fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom jitqiesu awtentiċi. L-ebda verżjoni lingwistika ma għandha tieħu preċedenza fuq verżjonijiet oħra.

2.   Meta l-verżjonijiet tal-lingwi ma jiġux koperti mill-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ emendi f’dawn l-Istatuti li ma jirrikjedux Deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-BBMRI-ERIC għandu jipprovdi traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali tal-Membri tiegħu tal-UE.

3.   Il-lingwa ta’ ħidma tal-BBMRI-ERIC għandha tkun l-Ingliż.

Artikolu 22

Regoli ta’ Proċedura

Fl-ewwel laqgħa tagħha l-Assemblea tal-Membri għandha tadotta r-Regoli ta’ Proċedura għall-BBMRI- ERIC skont il-proċedura tal-votazzjoni stipulata fl-Artikolu 11(8)(a). Ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu mmodifikati skont l-istess proċedura.

Artikolu 23

Verżjoni kkonsolidata tal-Istatuti

1.   L-istatuti għandhom jinżammu aġġornati u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

2.   Kull emenda fl-Istatuti għandha tkun indikata b’mod ċar b’nota li tispeċifika jekk l-emenda tikkonċernax element essenzjali jew mhux essenzjali tal-Istatuti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u l-proċedura segwita għall-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 24

L-Istralċ tal-BBMRI-ERIC

1.   L-Assemblea tal-Membri tista’ tiddeċiedi li tittermina lill-BBMRI-ERIC, suġġett għal votazzjoni skont l-Artikolu 11(8)(e).

2.   Suġġett għal kwalunkwe ftehim li jista’ jintlaħaq bejn il-Membri fil-ħin tad-dissoluzzjoni, l-Istat Membru Ospitanti għandu jkun responsabbli mil-likwidazzjoni.

3.   Il-Membri għandhom jiddeċiedu li jittrasferixxu l-akkreditar tal-introjtu u l-propertajiet tal-BBMRI-ERIC għand entità pubblika waħda jew aktar jew entitajiet legali oħra li ma jagħmlux profitt, abbażi ta’ votazzjoni skont l-Artikolu 11(9)(e).

Artikolu 25

Il-Liġi Applikabbli — Ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim

1.   It-twaqqif u l-funzjonament intern tal-BBMRI-ERIC għandhom ikunu amministrati skont:

(a)

il-Liġi tal-Unjoni Ewropea, partikolarment ir-Regolament tal-ERIC u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u 12(1) tar-Regolament li ssemma qabel;

(b)

il-liġi tal-Istat Membru Ospitanti fil-każ ta’ kwistjonijiet mhux irregolati, jew mhux irregolati parzjalment, minn atti msemmija fil-punt (a);

(c)

l-Istatuti u r-regoli ta’ implimentazzjoni (regoli ta’ proċedura, regoli finanzjarji u interni).

2.   Il-Membri għandhom jagħmlu minn kollox biex jirrisolvu kull tilwima li tista’ tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dawn l-Istatuti b’mod amikevoli.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni fost il-Membri b’rabta mal-BBMRI-ERIC, bejn il-Membri u l-BBMRI-ERIC u fuq kull litigazzjoni li għaliha l-Unjoni Ewropea tkun parti.

4.   Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għat-tilwim bejn il-BBMRI-ERIC u partijiet terzi. F’każijiet li ma jkunux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-liġi tal-Istat Membru Ospitanti għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bħal dan.


(1)  1. Għandha tiġi adottata mill-Assemblea tal-Membri.

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1.

(4)  F’każ ta’ adozzjoni mill-Kunsill tal-emenda tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, l-Artikolu 9(3), fir-rigward tal-abilitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati fl-ERIC fl-istess livell tal-Istati Membri tal-UE, mill-jum minn meta l-emenda tidħol fis-seħħ (c) għandu jinqara “Mill-Membri preżenti, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom il-maġġoranza tal-voti”.


ANNESS II

LISTA TA’ MEMBRI U OSSERVATURI U L-ENTITAJIET LI JIRRAPPREŻENTAWHOM

Membri

Entità rappreżentanti (pereżempju ministeru, kunsill ta’ riċerka)

Ir-Renju tal-Belġju

Il-Politika tax-Xjenza tas-Servizzi tal-Ippjanar Pubbliku Federali (BELSPO)

Ir-Repubblika Ċeka

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni (MŠMT)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:

Il-Ministeru Federali tal-Ġermanja għall-Edukazzjoni u r-Riċerka (BMBF)

Ir-Repubblika tal-Estonja

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka tar-Repubblika tal-Estonja (MER EE)

Ir-Repubblika Ellenika

Il-Fondazzjoni tar-Riċerka Bijomedika tal-Akkademja ta’ Ateni (BRFAA)

Ir-Repubblika Franċiża

L-Istitut għas-Saħħa u r-Riċerka Medika (INSERM)

Ir-Repubblika Taljana

L-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa (ISS)

Ir-Repubblika ta’ Malta

L-Università ta’ Malta (UoM)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

L-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għar-Riċerka u l-Iżvilupp tas-Saħħa (ZonMW)

Ir-Repubblika tal-Awstrija

Il-Ministeru Federali tal-Awstrija għax-Xjenza u r-Riċerka (BMWF)

Ir-Repubblika tal-Finlandja

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura tar-Repubblika tal-Finlandja (OKM)

Ir-Renju tal-Isvezja

Il-Kunsill Svediż għar-Riċerka (SRC)


Osservaturi

Entità rappreżentanti (pereżempju ministeru, kunsill ta’ riċerka)

In-Norveġja

Il-Kunsill għar-Riċerka tan-Norveġja

Ir-Repubblika tal-Polonja

Il-Ministeru tax-Xjenza u l-Edukazzjoni Għolja tar-Repubblika tal-Polonja (MNiSW)

L-Isvizzera

Il-Fondazzjoni Nazzjonali Svizzera tax-Xjenza (SNSF)

It-Turkija

L-Università Dokuz Eylul ta’ Izmir


ANNESS III

IT-TABELLA TA’ KONTRIBUZZJONIJIET TAS-SĦUBIJA

(1)

Dan l-anness jistipula l-mekkaniżmu għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri/Osservaturi. L-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri/Osservaturi għandu jiġi ddefinit fil-Programm ta’ Ħidma annwali u fil-Baġit.

(2)

Il-kontribuzzjoni tas-sħubija għandha tkun magħmula minn kontribuzzjoni fissa u minn sehem li jvarja.

(3)

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni fissa għandu jkun hemm żewġ kategoriji

(a)

Membri b’inqas minn 3 miljun abitant jew li huma organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom iħallsu kontribuzzjoni fissa skont il-kategorija aktar baxxa; u

(b)

Membri bi 3 miljun abitant jew aktar għandhom iħallsu kontribuzzjoni fissa skont il-kategorija ogħla.

(4)

Fiż-żmien meta dawn l-Istatuti jidħlu fis-seħħ il-kontribuzzjoni fissa għandha tkun:

(a)

EUR 20 000 għall-Membri tal-kategorija aktar baxxa; u

(b)

EUR 25 000 għall-Membri tal-kategorija ogħla.

(5)

Il-kontribuzzjoni fissa għall-Osservaturi għandha tkun 30 % tal-kategorija rispettiva.

(6)

L-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom iħallsu sehem li jvarja li jiġi deċiż mill-Assemblea tal-Membri abbażi ta’ każ b’każ.

(7)

L-ammont totali tal-proporzjon tas-sehem varjabbli tal-Istati Membri/Osservaturi huwa ddeterminat billi jitnaqqas l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet fissi tal-Membri/Osservaturi u s-sehem varjabbli tal-organizzazzjonijiet internazzjonali mill-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tal-Membri/Osservaturi.

(8)

L-ammont totali tas-sehem varjabbli jinqasam bejn l-Istati Membri abbażi tal-persentaġġ tagħhom tal-PDG tal-Istati Membri kollha.

(9)

Il-kalkolu tas-sehem varjabbli tal-Istati Osservaturi jiġi bbażat fuq 30 % tal-PDG rispettiv tagħhom.

(10)

L-ebda wieħed mill-Membri ma għandu jħallas aktar minn 25 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet mill-Membri/Osservaturi. F’każ li skont il-mudell tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija msemmi hawn fuq, il-kontribuzzjoni ta’ Membru taqbeż dan il-livell, id-differenza mbagħad tinqasam bejn l-Istati Membri/Osservaturi skont il-livelli ta’ persentaġġi tagħhom ta’ PDG.


ANNESS IV

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA GĦALL-OSPITAR TAS-SERVIZZI KOMUNI

Il-proċedura ta’ għażla li ġejja għandha tiġi applikata għas-Servizzi Komuni kollha fejn il-benefiċċji jakkumulaw għall-komunità xjentifika kollha u jiġu rimunerati mill-BBMRI-ERIC:

(1)

L-ospiti tas-Servizzi Komuni għandhom jintgħażlu permezz ta’ proċedura ta’ sejħa miftuħa. Deskrizzjoni tas-servizz li jkun ser jintgħażel għandha titħejja mid-Direttur Ġenerali u tiġi approvata mill-Assemblea tal-Membri. Din għandha tkun disponibbli pubblikament meta titnieda s-sejħa miftuħa għal Servizz Komuni. L-applikanti tal-Membri tal-BBMRI-ERIC biss huma eliġibbli li jirrispondu s-sejħa.

(2)

L-Assemblea tal-Membri għandha tiddefinixxi l-kompożizzjoni ta’ kumitat ad hoc biex jevalwa l-applikazzjonijiet, kif ukoll biex jistabbilixxi sett ta’ objettivi u kriterji ta’ evalwazzjoni nondiskriminatorji li l-kumitat ad hoc għandu japplika.

(3)

L-Assemblea tal-Membri għandha tiddeċiedi dwar l-għażla ta’ Servizz Komuni bbażat fuq ir-riżultati tal-kumitat ad hoc u wara rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kumitat tal-Finanzi.


Top