EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0382

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/382/PESK tal- 15 ta’ Lulju 2013 li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan

ĠU L 193, 16.7.2013, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 22/07/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/382/oj

16.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/382/PESK

tal-15 ta’ Lulju 2013

li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/168/PESK (1) biex ħatar lis-Sur Vygaudas UŠACKAS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fl-Afganistan. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2013.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż b’perijodu ieħor ta’ 12-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Vygaudas UŠACKAS bħala r-RSUE fl-Afganistan huwa b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2014. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi terminat qabel dan, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għolti għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

Ir-RSUE għandu jirrappreżenta lill-Unjoni u jippromovi l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni fl-Afganistan, b’koordinazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan. B’mod aktar speċifiku, ir-RSUE għandu:

(a)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan u jmexxi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Afganistan u l-Pakistan, sa fejn dan ikun jikkonċerna lill-Afganistan, b’hekk jaħdem mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan;

(b)

jappoġġa d-djalogu politiku bejn l-Unjoni u l-Afganistan;

(c)

jappoġġa r-rwol ċentrali li għandha n-Nazzjonijiet Uniti (NU) fl-Afganistan b’enfasi partikolari fuq il-kontribut għal assistenza internazzjonali kkoordinata aħjar, b’hekk jippromovi l-implimentazzjoni tal-Communiqués tal-Konferenzi ta’ Londra, Kabul, Bonn, Istanbul, Chicago u Tokjo, kif ukoll ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jitwettaq il-mandat, ir-RSUE għandu, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan:

(a)

jippromovi l-fehmiet tal-Unjoni dwar il-proċess politiku u l-iżviluppi fl-Afganistan;

(b)

iżomm kuntatt mill-qrib ma’, u jappoġġa l-iżvilupp ta’, istituzzjonijiet Afgani rilevanti, b’mod partikolari l-Gvern u l-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet lokali. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ gruppi politiċi Afgani oħra u atturi rilevanti oħra fl-Afganistan;

(c)

iżomm kuntatt mill-qrib ma’ partijiet interessati internazzjonali u reġjonali rilevanti fl-Afganistan, b’mod partikolari mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU u r-Rappreżentant Ċivili Superjuri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u ma’ msieħba u organizzazzjonijiet ewlenin oħrajn;

(d)

jagħti parir dwar il-progress miksub biex jintlaħqu l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan, tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Afganistan u l-Pakistan, sa fejn dan jikkonċerna l-Afganistan, u tal-Konferenzi ta’ Kabul, Bonn, Istanbul, Chicago u Tokjo, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

il-bini tal-kapaċità ċivili, b’mod partikolari fil-livell subnazzjonali,

il-governanza tajba u l-istabbiliment tal-istituzzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari ġudikatura indipendenti,

ir-riformi elettorali,

ir-riformi fis-settur tas-sigurtà, inkluż it-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet ġudizzjarji, tal-armata nazzjonali u tal-forza tal-pulizija, u partikolarment l-iżvilupp tas-servizz tal-pulizija ċivili,

il-promozzjoni tat-tkabbir, l-aktar permezz tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali,

ir-rispett għall-obbligi tal-Afganistan fir-rigward tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, inkluż ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi u għad-drittijiet tan-nisa u t-tfal,

ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt;

it-trawwim tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-amministrazzjoni pubblika, fis-soċjetà ċivili u, f’konformità mar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-proċess ta’ paċi,

ir-rispett għall-obbligi internazzjonali tal-Afganistan, inkluża l-kooperazzjoni fl-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-proliferazzjoni tal-armamenti u l-armi ta’ qerda massiva u materjali relatati,

il-faċilitazzjoni ta’ assistenza umanitarja u r-ritorn b’mod ordnat ta’ refuġjati u ta’ persuni spostati internament, u

it-tisħiħ tal-effikaċja tal-preżenza u l-attivitajiet tal-Unjoni fl-Afganistan u l-kontribut għall-formulazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni regolari ta’ kull sena dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, kif mitlubin mill-Kunsill;

(e)

jipparteċipa b’mod attiv f’fora ta’ koordinazzjoni lokali bħall-Bord Konġunt ta’ Koordinazzjoni u Monitoraġġ, waqt li jżomm lill-Istati Membri mhux parteċipanti infurmati bis-sħiħ dwar id-deċiżjonijiet meħudin f’dawk il-livelli;

(f)

jagħti pariri dwar is-sehem u l-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’konferenzi internazzjonali dwar l-Afganistan;

(g)

jieħu rwol attiv fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali permezz ta’ inizjattivi rilevanti, inklużi l-Proċess ta’ Istanbul u l-Konferenza Reġjonali għall-Kooperazzjoni Ekonomika dwar l-Afganistan (RECCA);

(h)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal f’żoni milquta mill-konflitt, speċjalment billi ikunu mmonitorjati u indirizzati l-iżviluppi f’dan ir-rigward;

(i)

jipprovdi, skont kif ikun meħtieġ, appoġġ għal proċess ta’ paċi inklużiv u mmexxi mill-Afganistan li jwassal għal soluzzjoni politika konsistenti mal-“linji l-ħomor” maqbula fil-Konferenza ta’ Bonn.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti kompetenti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2014 għandu jkun ta’ EUR 6 585 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ skwadra. L-iskwadra għandha tinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront u regolarment dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew għas-SEAE jistgħu wkoll jiġu ssekondati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal ikuntrattat internazzjonalment għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiż ospitanti, skont kif ikun meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont kif ikun meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Siġurtà

Konformement mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, konformement mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali li jkunu speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment sigur ta’ persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona tal-missjoni, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill skont kif meħtieġ. Ir-rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, konsistenza u effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b’mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk tar-RSUE għall-Asja Ċentrali u mad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Pakistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b’aġġornamenti regolari.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza fir-rigward ta’ talbiet

Ir-RSUE u l-persunal tiegħu għandhom jassistu fil-provvediment ta’ elementi bħala rispons għal kwalunkwe talba u kwalunkwe obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-Rappreżentanti Speċjali għall-Unjoni Ewropea preċedenti fl-Afganistan, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali fini.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress sal-aħħar ta’ Diċembru 2013 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  ĠU L 75, 23.3.2010, p. 22.

(2)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.


Top