Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0267

2013/267/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Mejju 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fir-rigward ta’ emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni u fit-92 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima fir-rigward ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza kif ukoll ta’ emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS u għall-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 dwar dħul fi spazju magħluq u eżerċizzji tas-salvataġġ

ĠU L 155, 7.6.2013, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/267/oj

7.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Mejju 2013

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fir-rigward ta’ emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni u fit-92 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima fir-rigward ta’ emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza kif ukoll ta’ emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS u għall-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 dwar dħul fi spazju magħluq u eżerċizzji tas-salvataġġ

(2013/267/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu għandha timmira biex ittejjeb is-sikurezza marittima.

(2)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fl-64 sessjoni tiegħu f’Ottubru 2012 approva emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (Riżoluzzjoni MEPC.94(46)), li jirriżultaw mill-adozzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Ispezzjonijiet matul Stħarriġ ta’ Bulk Carriers u ta’ Tankers taż-Żejt 2011. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fil-65 sessjoni tal-MEPC, li se sseħħ mit-13 sas-17 ta’ Mejju 2013.

(3)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-IMO, imlaqqa’ fil-91 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza (ISM) kif ukoll emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974 (SOLAS), għall-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 u għall-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fit-92 sessjoni tal-MSC, li se sseħħ f’Ġunju 2013.

(4)

L-emendi tal-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (CAS) għal tankers taż-żejt b’buq wieħed se jimmodifikaw il-CAS biex tirriferi għall-aħħar (2011) Programm Imtejjeb ta’ Ispezzjonijiet matul Stħarriġ ta’ Bulk Carriers u ta’ Tankers taż-Żejt jew għall-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP). Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (1) jipprovdi għall-applikazzjoni tas-CAS.

(5)

L-emendi tal-Kodiċi ISM se jintroduċu kjarifiki speċifi għal dak il-Kodiċi f’termini tal-kunsiderazzjonijiet xierqa għall-forniment ta’ ekwipaġġ u tar-responsabbiltà għall-kompiti delegati relatati mal-ISM kif ukoll tal-inseriment ta’ noti rilevanti f’qiegħ il-paġna. Il-Kodiċi ISM, għalkemm stabbilit f’Anness tar-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza fi ħdan il-Komunità (2), huwa wkoll iddefinit f’dak ir-Regolament bħala ‘fil-verżjoni aġġornata” tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 336/2006 jesiġi li l-vapuri koperti minnu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Parti A tal-Kodiċi ISM. Għalhekk il-bidliet li għandhom jiġu adottati fit-92 sessjoni tal-MSC se jkollhom effett ġuridiku dirett fuq dak ir-Regolament.

(6)

L-emendi għall-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS fir-rigward tal-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 kif ukoll tal-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku se jintroduċu fir-Regolament 19 tal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS, fil-Kapitolu 18 tal-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 u fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku obbligu għat-taħriġ ta’ salvataġġ għal dawk il-membri tal-ekwipaġġ b’responsabbiltajiet ta’ ħidma fi spazji magħluqa. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (3) tapplika speċifikament il-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 għal inġenji domestiċi tal-passiġġieri b’veloċità għolja. Għal inġenji aktar antiki li għalihom il-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja ma japplikawx, dik id-Direttiva tapplika l-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku ta’ qabel.

(7)

L-emendi li għandhom jiġu adottati fil-65 sessjoni tal-MEPC u fit-92 sessjoni tal-MSC jistgħu jitqiesu bħala żviluppi pożittivi u għalhekk għandhom jingħataw l-appoġġ tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni la hija Membru tal-IMO u lanqas parti kontraenti għall-Konvenzjonijiet u l-Kodiċijiet konċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MEPC u fl-MSC u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dawn l-emendi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-IMO għandha tkun li taqbel li jiġu adottati l-emendi għall-Iskema tal-Verifika tal-Kondizzjoni (ir-Riżoluzzjoni MEPC 94(46)), kif approvati minn dak il-kumitat fl-64 sessjoni tiegħu u kif stabbilit fl-Annessi 13 u 16 tad-dokument tal-IMO, MEPC 64/23/Add.1.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-92 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-IMO għandha tkun li taqbel li jiġu adottati l-emendi tal-Kodiċi ISM u tal-linji gwida relatati u l-introduzzjoni ta’ rekwiżit tat-taħriġ ġdid għas-salvataġġ fi spazji magħluqa fir-Regolament 19 tal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS, fil-Kapitolu 18 tal-Kodiċijiet ta’ Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 u tal-2000 u fil-Kapitolu 17 tal-Kodiċi ta’ Inġenji b’Sostenn Dinamiku, kif approvati minn dak il-Kumitat fil-91 sessjoni tiegħu u kif stabbilit fl-Annessi 22, 30 u 31 tad-dokument tal-IMO, MSC 91/22/Add. 2, u fl-Anness 4 tad-dokument tal-IMO, MSC 92/3/1, rispettivament.

3.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-IMO billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

4.   Jista’ jsir qbil dwar bidliet formali u minuri f’din il-pożizzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ emendament ta’ dik il-pożizzjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1) u (2).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)   ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3.

(2)   ĠU L 64, 4.3.2006, p. 1.

(3)   ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.


Top