Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0154

    2013/154/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Marzu 2013 li teżenta ċerti servizzi fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (notifikata bid-dokument C(2013) 1568) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 86, 26.3.2013, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/154/oj

    26.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 86/22


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-22 ta’ Marzu 2013

    li teżenta ċerti servizzi fis-settur postali fl-Ungerija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

    (notifikata bid-dokument C(2013) 1568)

    (It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/154/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    (1)

    Fit-3 ta’ Ottubru 2012, Magyar Posta Zrt. ippreżentat talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE bil-posta elettronika. Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ungeriżi b’dan permezz ta’ ittra mibghuta fid-19 ta’ Ottubru 2012, f’konformità mal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 30(5). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fit-22 ta’ Novembru 2012, mingħand l-Awtorità Regolatorja nazzjonali rilevanti (2) permezz ta’ ittra elettronika mibgħuta fis-7 ta’ Jannar 2013, u mingħand l-applikant permezz ta’ ittri elettroniċi mibgħutin fit-12 ta’ Novembru 2012 u s-7 ta’ Jannar 2013. L-informazzjoni addizzjonali ntbagħtet mill-awtoritajiet Ungeriżi f’ittra elettronika mibgħuta fit-13 ta’ Jannar 2013, mill-Awtorità Regolatorja fil-21 ta’ Jannar 2013 u mill-applikant fl-20 ta’ Novembru 2012 u fil-15 ta’ Jannar 2013 rispettivament.

    (2)

    It-talba li tressqet minn Magyar Posta tikkonċerna ċerti servizzi postali, kif ukoll ċerti servizzi li mhumiex postali u li jingħataw minn Magyar Posta fit-territorju tal-Ungerija. Is-servizzi kkonċernati huma deskritti fit-talba kif ġej:

    (a)

    Servizzi domestiċi ta’ pakketti standard tal-konsumatur (minn hawn ‘il quddiem imsejħa C2X), li jinkludu servizzi ta’ pakketti standard mingħand konsumatur għal ieħor (minn hawn ‘il quddiem imsejħa C2C) u servizzi ta’ pakketti standard mingħand konsumatur għal għand negozju (minn hawn ‘il quddiem imsejħa C2B);

    (b)

    Servizzi domestiċi ta’ pakketti standard tan-negozji (minn hawn ‘il quddiem imsejħa B2X), li jinkludu servizzi ta’ pakketti standard mingħand negozju għal ieħor (minn hawn ‘il quddiem imsejħa B2B) u servizzi ta’ pakketti standard mingħand negozju għal għand konsumatur (minn hawn ‘il quddiem imsejħa B2C);

    (c)

    Servizzi domestiċi express tal-pakketti;

    (d)

    Servizzi domestiċi ta’ kurjer tal-pakketti;

    (e)

    Servizzi domestiċi ta’ palits; kif ukoll

    (f)

    Servizzi ta’ loġistika tal-kuntratti.

    (3)

    Magyar Posta tipprovdi s-servizzi ta’ hawn fuq, bl-eċċezzjoni tal-loġistika tal-kuntratti u, sa ċertu punt, is-servizzi domestiċi tal-palits, fl-hekk imsejjaħ settur tal-Kurjer, Express u l-Pakketti (CEP) tal-Ungerija. Is-settur tas-CEP huwa parti mis-suq tat-trasport tal-merkanzija u s-suq postali, li jipprovdi servizzi b’garanzija ta’ żmien, fejn il-fornitur tas-servizz jieħu l-obbligu mal-ispeditur li jikkunsinna l-oġġett f’perjodu speċifikat jew fi żmien speċifiku.

    II.   QAFAS LEGALI

    (4)

    L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/17/KE, ma għandhomx ikunu soġġetti għal din id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività hija direttament esposta għall-kompetizzjoni fi swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE li tiftaħ settur partikulari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li għas-settur postali, tirreferi għad-Direttiva 97/67/KE.

    (5)

    L-applikazzjoni tikkonċerna servizzi postali bħas-servizzi domestiċi ta’ pakketti standard tal-konsumatur, servizzi domestiċi ta’ pakketti standard tan-negozji, servizzi domestiċi express tal-pakketti, servizzi domestiċi ta’ kurjer tal-pakketti u anki servizzi oħra li mhumiex servizzi postali, jiġifieri dawk is-servizzi msejħa servizzi domestiċi ta’ palits u ta’ loġistika kuntrattwali.

    (6)

    L-Ungerija implimentat u applikat id-Direttiva 97/67/KE kif ġiet emendata bid-Direttiva 2002/39/KE u d-Direttiva 2008/6/KE, bl-użu tal-possibbiltà skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-aħħar li tirriżerva ċerti oġġetti ta’ korrispondenza (3) sal-31 ta’ Diċembru 2012 għall-fornitur tas-servizzi universali magħżul, Magyar Posta (4). L-ebda wieħed mis-servizzi kkonċernati mit-talba preżenti ma kienu rriżervati fil-ħin tat-talba. Minħabba li l-Ungerija laħqet il-livell tal-ftuħ tas-suq previst fil-leġiżlazzjoni elenkata fl-Anness XI għad-Direttiva 2004/17/KE, l-aċċess għas-suq għandu jitqies li ma għandux jiġi limitat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva aktar reċenti. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f’suq partikolari għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ diversi kriterji, li ebda wieħed minnhom mhu deċiżiv per se.

    (7)

    Fir-rigward tas-swieq milqutin minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-atturi ewlenin f’xi suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jitqies. Il-livell ta’ konċentrazzjoni f’dawn is-swieq huwa kriterju ieħor. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti li huma milqutin minn din id-Deċiżjoni, l-eżami tas-sitwazzjoni kompetittiva għandu jikkunsidra s-sitwazzjonijiet differenti fi swieq differenti.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE mhumiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-TFUE jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament dwar l-Għaqdiet) (5).

    III.   VALUTAZZJONI

    1.   Is-suq tal-Prodotti Rilevanti

    (9)

    Il-Kummissjoni sostniet f’deċiżjonijiet preċedenti meħudin abbażi tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (6), li s-suq għas-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti jista’ jinqasam kif ġej:

    Servizzi express ta’ kunsinna tal-pakketti vs dawk standard. Dan it-tqassim jikkunsidra li s-servizzi express, b’mod ġenerali, jieħdu anqas ħin u huma aktar affidabbli minn servizz standard, li kull wieħed minn dawn is-servizzi jirrikjedi infrastruttura differenti u li s-servizzi express għandhom karatteristiċi addizzjonali fis-servizz li jżidu l-valur u huma anki aktar għaljin.

    Saret ukoll distinzjoni abbażi tat-tip ta’ konsumaturi u/jew tat-tip ta’ destinatarji: (i) distinzjoni bejn is-servizzi ta’ kunsinna ta’ pakketti għall-konsumaturi u l-kunsinna tal-pakketti (C2X) (7) għan-negozji (B2X); (ii) fit-taqsima B2X, tista’ ssir distinzjoni bejn il-kunsinni lin-negozji (B2B) u l-kunsinni lill-konsumaturi (B2C), billi l-kunsinna B2C tirrikjedi netwerk aktar dens mill-kunsinni B2B sabiex id-destinatarji privati jkunu jistgħu jintlaħqu.

    Servizzi ta’ kunsinna internazzjonali vs dawk domestiċi. F’deċiżjoni reċenti (8), il-Kummissjoni għamlet distinzjoni wkoll bejn is-servizzi internazzjonali fiż-ŻEE u s-servizzi internazzjonali barra miż-ŻEE.

    (10)

    L-applikant huwa tal-fehma li s-swieq tal-prodotti rilevanti għas-servizzi tal-kunsinna tal-pakketti huma dawk elenkati fil-premessa 2 hawn fuq. B’mod ġenerali, dan l-approċċ huwa konsistenti mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, l-applikant ivvaluta s-suq domestiku B2X b’mod ġenerali (jiġifieri mingħajr ma għamel distinzjoni bejn it-taqsimiet B2B u B2C) li jista’ jkun li mhux konsistenti għalkollox mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni (9).

    (11)

    L-applikant jargumenta li Magyar Post ma tagħmilx distizjoni bejn is-servizzi B2B u dawk B2C fir-rigward ta’ prezzijiet disponibbli, u lanqas ma tiddistingwi bejn is-servizzi abbażi tal-gruppi ta’ destinatarji indirizzati. Dan l-argument jinġieb ukoll mill-Awtoritajiet Ungeriżi (10), li jenfasizzaw ukoll li skont l-informazzjoni disponibbli fil-websajt tal-kompetituri ewlenin ta’ Magyar Post, fir-rigward tal-pakketti tal-posta standard B2X, ma ssirx dinstinzjoni fir-rigward tal-prezzijiet ippubblikati, dwar jekk ir-riċevituri tal-pakketti jkunux konsumaturi jew negozji.

    (12)

    Id-Deċiżjonijiet preċedenti (11) skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE, rigward il-pakketti tal-posta għamlu distinzjoni bejn il-pakketti tal-posta standard B2B u dawk B2C. Madankollu, fil-każijiet kollha r-riżultat tal-valutazzjoni għaż-żewġt iswieq kien l-istess, li jista’ jidher bħala indikazzjoni tal-fatt li d-definizzjoni tas-suq tal-prodotti setgħet tħalliet miftuħa.

    (13)

    Barra minn hekk, mill-informazzjoni mogħtija mill-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (12) jidher li fiż-żewġ xenarji (jekk jitqiesu żewġt iswieq separati għall-pakketti tal-posta standard B2B u B2C, jew suq wieħed biss għall-pakketti tal-posta standard B2X) ir-riżultat tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva jkun l-istess.

    (14)

    Abbażi tal-informazzjoni fil-premessi 9 sa 13, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, jista’ jitqies li s-suq tal-prodotti rilevanti huwa B2X, filwaqt li d-definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti tista’ titħalla miftuħa billi r-riżultat tal-analiżi jibqa’ l-istess, sew jekk din tkun ibbażata fuq definizzjoni ristretta u sew jekk tkun ibbażata fuq waħda usa’.

    (15)

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni preċedenti skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE (13) kkunsidraw s-servizzi express u ta’ kurjer tal-pakketti bħala prodott wieħed. L-applikant jassumi li s-servizzi express u dawk ta’ kurjer tal-pakketti jagħmlu parti minn swieq differenti. Biex issir valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, jista’ jitqies li s-swieq tal-prodotti rilevanti huma s-servizzi express tal-pakketti u s-servizzi ta’ kurjer tal-pakketti, filwaqt li d-definizzjoni preċiża tas-suq rilevanti tista’ titħalla miftuħa billi r-riżultat tal-analiżi jibqa’ l-istess, sew jekk din tkun ibbażata fuq definizzjoni ristretta u sew jekk tkun ibbażata fuq waħda usa’.

    (16)

    Is-servizzi domestiċi ta’ palits huma parti mill-hekk imsejħa swieq ta’ dispaċċ tal-merkanzija, li ġew ivvalutati wkoll f’Deċiżjonijiet preċedenti skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fil-każijiet preċedenti, id-dispaċċ tal-merkanzija ġie ddefinit (14) bħala l-“organizzazzjoni tat-trasport tal-oġġetti (…) f’isem il-konsumaturi abbażi tal-bżonnijiet tagħhom”. Għalkemm f’każijiet preċedenti ġew ikkunsidrati ċerti delineazzjonijiet oħra tas-swieq tal-prodotti (jiġifieri bejn is-servizzi domestiċi u internazzjonali ta’ dispaċċ tal-merkanzija (15) jew bejn il-mezzi differenti tat-trasport (16)) f’dan ir-rigward, minħabba li d-definizzjoni tas-suq ma għandhiex impatt deċiżiv fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE, mhux se jiġu kkunsidrati aktar delineazzjonijiet tas-suq, għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni.

    (17)

    Id-Deċiżjonijiet Preċedenti skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet iddefinixxew (17) il-loġistika tal-kuntratti bħala: “il-parti tal-proċess tal-katina tal-provvista li tippjana, timplimenta u tikkontrolla l-fluss u l-ħażna effikaċi u effettivi tal-oġġetti, is-servizzi u l-informazzjoni relatata mill-punt tal-oriġini sal-punt tal-konsum sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-konsumatur”. Il-Kummissjoni vvalutat distinzjonijiet possibbli oħrajn (18) (jiġifieri bejn is-servizzi domestiċi u transfruntiera, b’referenza għat-tipi ta’ oġġetti mmaniġġati jew l-industrija fornuta, jew bejn il-fornituri ewlenin tal-loġistika u l-fornituri tas-servizzi tradizzjonali tal-loġistika b’kuntratt) iżda fl-aħħar mill-aħħar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti tħalla miftuħ (19). L-applikant huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, minħabba li m’hemmx indikazzjonijiet li jeħtieġ li tkompli ssir distinzjoni, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq tal-prodotti huwa ddefinit bħala loġistika kuntrattwali.

    (18)

    B’konklużjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ dak li ntqal fuq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-swieq tal-prodotti rilevanti għandhom ikunu dawk elenkati fil-premessa 2.

    2.   Is-Suq Ġeografiku Rilevanti

    (19)

    Fil-prattika tagħha (20), il-Kummissjoni assumiet li s-swieq għas-servizzi domestiċi tal-kunsinna tal-pakketti u kull taqsima minnhom huma nazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Dan it-tqassim huwa bbażat, prinċipalment, fuq il-fatt li servizzi bħal dawn jingħataw f’livell nazzjonali. Il-fehma tal-applikant hija konsistenti mal-prattika tal-Kummissjoni.

    (20)

    Minħabba li, f’dan il-każ, m’hemmx indikazzjonijiet ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku usa’ jew aktar ristrett, għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE humiex issodisfati jew le, u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, it-territorju tal-Ungerija huwa kkunsidrat bħala s-suq ġeografiku rilevanti.

    (21)

    Fir-rigward, tas-servizzi domestiċi tal-palits u l-loġistika tal-kuntratti, l-applikant jikkunsidra li s-swieq huma nazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Billi s-servizzi kkonċernati mit-talba huma servizzi domestiċi, u Magyar Posta hija attiva biss fis-suq Ungeriż, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, it-territorju tal-Ungerija huwa kkunsidrat bħala s-suq ġeografiku rilevanti.

    3.   L-analiżi tas-suq

    (22)

    Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-talba humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett fit-tifsira tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE) li jiżgura li anki fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati tal-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2004/17/KE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati hawnhekk isir b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw l-iktar soluzzjoni vantaġġuża ekonomikament b’mod ġenerali.

    (23)

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-swieq tal-prodotti ddefiniti hawn fuq, b’mod ġenerali, huma kkaratterizzati minn għadd kbir ta’ operaturi. Madankollu, mill-informazzjoni disponibbli (21), minn fost dawn, Magyar Posta biss hija entità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/17/KE. L-akkwist tal-kompetituri ta’ Magyar Posta, għall-finijiet tat-twettiq tal-attivitajiet deskritti hawn fuq, mhuwiex suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE. Konsegwentement, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni u mingħajr ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, l-analiżi tas-suq mhix se tiffoka fuq il-livell ġenerali ta’ kompetizzjoni f’suq partikolari, iżda se tivvaluta jekk l-attivitajiet ta’ Magyar Posta humiex esposti għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess huwa ristrett.

    3.1.   Servizzi domestiċi ta’ pakketti standard tal-konsumatur (C2X)

    (24)

    Is-servizzi tal-pakketti standard tal-konsumatur għandhom jitqiesu apparti, minħabba li jissodisfaw ħtiġijiet differenti ta’ domanda (servizz postali universali) meta mqabbla ma’ pakketti kummerċjali, fejn il-proċess teknoloġiku għall-forniment ta’ dan is-servizz ġeneralment ivarja b’mod sinfikanti. Fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, il-pożizzjoni fis-suq ta’ Magyar Posta hija soda ferm b’sehem stmat tas-suq li baqa’ relattivament stabbli matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2011, b’madwar 80 % bħala valur. Il-kompetitur ewlieni għandu sehem tas-suq ta’ madwar […], filwaqt li l-bqija tal-atturi tas-suq ewlenin għandhom ishma tas-suq anqas minn […].

    (25)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li minkejja l-espansjonijiet kontinwi ta’ netwerks ta’ kompetituri differenti, bħalissa hemm differenza kunsiderevoli fid-daqs tan-netwerk ta’ Magyar Posta meta dan jitqabbel ma’ tal-kompetituri tagħha (22).

    (26)

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kategorija ta’ servizzi eżaminata hawnhekk mhix esposta direttament għall-kompetizzjoni fl-Ungerija. Dan huwa konsistenti mal-opinjonijiet tal-Awtoritajiet Ungeriżi (23). Konsegwentement, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma japplikax għal kuntratti intiżi biex jippermettu t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet fl-Ungerija.

    3.2.   Pakketti tal-posta standard domestiċi tan-negozji (B2X)

    (27)

    Fir-rigward tas-servizzi tal-pakketti standard B2X, skont l-informazzjoni disponibbli (24), is-sehem tas-suq ta’ Magyar Posta kien madwar 35 % bħala volum fl-2011, u dan kien it-tieni l-akbar volum wara l-attur ewlieni fis-suq li kellu 40 % tas-sehem tas-suq, filwaqt li t-tielet kompetitur kellu 15 % mis-sehem tas-suq. Dawn il-fatturi għalhekk għandhom jittieħdu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni ta’ Magyar Posta, fir-rigward ta’ servizzi tal-pakketti standard B2X.

    3.3.   Servizzi domestiċi express tal-pakketti

    (28)

    Is-sehem tas-suq ta’ Magyar Posta għas-servizzi domestiċi espress tal-pakketti wera tnaqqis kostanti fil-perjodu bejn l-2008 u l-2011, minn madwar 55 % bil-valur (25) fl-2008 għal madwar 41 % fl-2011, bil-valur. Is-sehem aggregat fis-suq tal-ikbar żewġ kompetituri ammonta għal ftit iktar minn 22 % bħala valur fl-2008 u żdied għal 30 % bħala valur fl-2011, jiġifieri kważi żewġ terzi tas-sehem tas-suq ta’ Magyar Posta, livell li fih ikunu jistgħu joħolqu pressjoni kompetittiva b’mod sinifikanti fuq Magyar Posta (26). Għalhekk, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

    3.4.   Servizzi domestiċi ta’ kurjer tal-pakketti

    (29)

    Skont l-applikant, is-suq għas-servizzi ta’ kurjer tal-pakketti mhuwiex ikkonċentrat ħafna. Tmien kumpaniji jikkostitwixxu bejn 60 % u 67 % tas-suq rilevanti, bħala valur. Is-suq huwa ddominat minn tliet kumpaniji, iżda s-sehem tas-suq kumulattiv tagħhom kien anqas minn 50 % tul l-aħħar erba’ snin.

    (30)

    Is-sehem tas-suq ta’ Magyar Posta għas-servizzi domestiċi ta’ kurjer tal-pakketti kien bejn 2 % u 3 % bħala valur tul l-aħħar erba’ snin. Għalhekk, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni ta’ Magyar Posta.

    3.5.   Servizzi domestiċi ta’ palits

    (31)

    Id-daqs tas-suq tas-servizzi domestiċi tal-palits huwa t-tieni l-iżgħar fis-settur tas-CEP fl-Ungerija, u minħabba l-importanza marġinali tiegħu, is-suq għandu biss ftit operaturi permanenti. Is-sehem tas-suq ta’ Magyar Posta naqas, fil-valur, minn 67,6 % fl-2008 għal 38,7 % fl-2010, imbagħad żdied fl-2011 għal 56,7 % bħala valur. L-ewwel kompetitur żied l-ishma tas-suq tiegħu b’mod kostanti bejn l-2008 u l-2011. L-ishma tas-suq kumulattivi tat-tieni u t-tielet kompetituri kienu jvarjaw bejn 20 % u 49 % bejn l-2008 u l-2011, f’liema livell dawn ikunu jistgħu jagħmlu pressjoni kompetittiva sinifikanti fuq Magyar Posta.

    (32)

    Barra minn hekk, it-talba ta’ Magyar Posta tirreferi biss għal servizzi mogħtija fis-settur tas-CEP. Barra minn hekk, is-servizzi tal-palits jingħataw ukoll minn impriżi barra mis-settur tas-CEP.

    (33)

    Għalhekk, il-fatturi elenkati fil-premessi ta’ hawn fuq għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni ta’ Magyar Posta. Din hija wkoll l-opinjoni tal-Awtoritajiet Ungeriżi (27).

    3.6.   Il-loġistika tal-kuntratti

    (34)

    L-ishma tas-suq ta’ Magyar Posta f’din it-taqsima huma anqas minn 1 %. Is-suq huwa kkaratterizzat minn għadd kbir ta’ atturi fis-suq (28) u huwa meqjus bħala suq tassew dinamiku. Għalhekk, dawn il-fatturi għandhom jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

    IV.   KONKLUŻJONIJIET

    (35)

    Minħabba l-fatturi eżaminati fil-premessi 2 sa 34, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li hija milħuqa fl-Ungerija fir-rigward tas-servizzi li ġejjin:

    (a)

    Pakketti domestiċi tal-posta standard tan-Negozji (B2X)

    (b)

    Servizzi domestiċi express tal-pakketti;

    (c)

    Servizzi domestiċi ta’ kurjer tal-pakketti;

    (d)

    Servizzi kkumbinati tal-ġarr tal-merkanzija, u

    (e)

    Loġistika tal-kuntratti.

    (36)

    Minħabba li l-kundizzjoni ta’ aċċess mhux ristrett għas-suq titqies li ntlaħqet, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti bl-intenzjoni li jippermettu li jingħataw is-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-premessa 35 fl-Ungerija, u lanqas meta jiġu organizzati konkorsi ta’ disinn għat-twettiq ta’ attività bħal din f’dan il-pajjiż.

    (37)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Ottubru 2012 sa Jannar 2013 kif jidher mill-informazzjoni mogħtija minn Magyar Posta u l-Awtoritajiet Ungeriżi. Din tista’ tiġi riveduta, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jibqgħux jintlaħqu, wara li jkun hemm tibdil sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali.

    (38)

    Madankollu, il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni, stipulata fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, għandha titqies li ma tintlaħaqx fir-rigward tas-servizzi domestiċi tal-pakketti standard fit-territorju Ungeriż.

    (39)

    Billi s-servizzi domestiċi ta’ pakketti standard tal-konsumatur jibqgħu suġġetti għad-Direttiva 2004/17/KE, ta’ min isemmi li l-kuntratti tal-akkwist li jkopru diversi attivitajiet għandhom jiġu trattati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Dan ifisser li, meta entità kuntrattwali tkun involuta f’akkwist “imħallat”, li jfisser akkwist użat biex jappoġġja l-prestazzjoni tat-tnejn li huma, l-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u l-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F’każ ta’ akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment l-appoġġ tas-servizzi domestiċi tal-pakketti tal-konsumatur standard, għandhom japplikaw id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE. Jekk ikun oġġettivament impossibbli li jiġi determinat għal liema attività jkun primarjament intiż il-kuntratt, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fil-paragrafi (2) u (3) tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE.

    (40)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tgħodd għall-kuntratti mogħtija minn entitajiet kuntraenti u li huma intiżi biex jippermettu li jingħataw dawn is-servizzi fl-Ungerija:

    (a)

    Servizzi domestiċi ta’ pakketti tal-posta standard tan-Negozji (B2X);

    (b)

    Servizzi domestiċi express tal-pakketti;

    (c)

    Servizzi domestiċi ta’ kurjer tal-pakketti;

    (d)

    Servizzi kkumbinati tal-ġarr tal-merkanzija; kif ukoll

    (e)

    Loġistika tal-kuntratti.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Michel BARNIER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  L-Awtorità Nazzjonali dwar il-Midja u l-Infokomunikazzjonijiet hija l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14) kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21) u mid-Direttiva 2008/6/KE (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3).

    (3)  Oġġetti ta’ korrispondenza b’piż li jlaħħaq il-50 g u darbtejn u nofs it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel fażi tal-użin tal-kategorija l-aktar li tgħaġġel.

    (4)  Mill-1 ta’ Jannar 2013, il-ftuħ sħiħ tas-suq ġie implimentat fl-Ungerija u l-qasam li qabel kien riżervat skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67/KE kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE u d-Direttiva 2008/6/KE tneħħa.

    (5)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

    (6)  Nru tal-Każ COMP/M.5152 POSTEN AB/POST DANMARK A/S tal-21 ta’ April 2009.

    (7)  Tista’ tkun prevista distinzjoni bejn is-servizzi ta’ pakketti C2C u C2B; madankollu, minħabba din is-sostitwibbiltà viċina min-naħa tal-provvista, huwa xieraq li dawn is-servizzi jiġu ttrattati bħala servizz wieħed C2X. Dan huwa konsistenti wkoll mal-analiżi adottata għall-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja f’deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE, u tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2010/142/KE (ĠU L 56, 6.3.2010, p. 8), 2007/564/KE (ĠU L 215, 18.8.2007, p. 21) u 2009/46/KE (ĠU L 19, 23.1.2009, p. 50) rispettivament.

    (8)  Id-Deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2013 li tipprojbixxi l-akkwiżiżżjoni ppjanata ta’ TNT Express mill-UPS

    (9)  Nru tal-Każ COMP/M.5152 POSTEN AB/POST DANMARK A/S tal-21 ta’ April 2009.

    (10)  Ittra tal-Awtoritajiet Ungeriżi tat-13 ta’ Jannar 2013, (paġna 9, paragrafu 2)

    (11)  Id-Deċiżjoni 2010/142/KE; id-Deċiżjoni 2009/46/KE; id-Deċiżjoni 2007/564/KE.

    (12)  L-ittra elettronika tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-21 ta’ Jannar 2013 tipprovdi stimi tal-volumi tas-suq B2X u b’mod separat għas-swieq B2B u B2C, abbażi tad-dejta mitluba mingħand Magyar Posta u mingħad l-ewwel tliet kompetituri tagħha. Skont din l-informazzjoni, fl-2011, Magyar Posta kienet it-tieni attur tas-suq fis-suq B2X (35 % tal-ishma tas-suq) wara l-attur prinċipali (40 % tal-ishma tas-suq) u segwita mit-tielet attur tas-suq (15 % tal-ishma tas-suq). Fis-suq B2C, Magyar Posta kellha 51 % tal-ishma tas-suq, filwaqt li l-kompetituri prinċipali tagħha kellhom 26 %, 11 % u 10 % mill-ishma tas-suq rispettivament. Fis-suq B2B, Magyar Posta kienet it-tielet attur tas-suq (16 % tal-ishma tas-suq), filwaqt li l-atturi prinċipali kellhom 57 % u 22 % rispettivament.

    (13)  Id-Deċiżjoni 2009/46/KE, id-Deċiżjoni 2007/564/KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/169/KE (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 28).

    (14)  Nru tal-Każ COMP/M. 1794 Deutsche Post/Air Express International, tas-7 ta’ Frar 2000, il-paragrafu 8.

    (15)  Każ COMP/M. 5152 Posten AB/Post Danmark, tal-21 ta’ April 2009, il-paragrafu 108.

    (16)  Każ COMP/M. 1794 Deutsche Post/Air Express International, tas-7 ta’ Frar 2000, il-paragrafu 9.

    (17)  Każ COMP/M. 3496 TNT forwarding Holding AB/Wilson Logistics Holding AB

    (18)  Każ COMP/M. 1895 Ocean Group/Exel tat-3 ta’ Mejju 2000, il-paragrafi 8 u 9.

    (19)  Każ COMP/M. 3971Deutsche Post/Excel tal-24 ta’ Novembru 2005, il-paragrafu 20.

    (20)  Każ COMP/M.5152 POSTEN AB/POST DANMARK A/S tal-21 ta’ April 2009, Każ COMP/M.3971 Deutsche Post/Exel, eċċ.

    (21)  Ittra tal-Awtoritajiet Ungeriżi, tat-13 ta’ Jannar 2013, paġna 3.

    (22)  Skont il-paġna 20 tal-applikazzjoni Magyar Posta għandha netwerk ta’ 2735 ħanut tal-posta mifruxin mal-pajjiż. Skont l-ittra li waslet mingħand Magyar Posta fl-20 ta’ Novembru 2012, il-kompetitur ewlieni għandu netwerk ta’ 372 punt ta’ ġbir, filwaqt li kompetitur ieħor reċentement laħaq l-400 punt ta’ ġbir.

    (23)  Ittra tal-Awtoritajiet Ungeriżi, tat-13 ta’ Jannar 2013, il-paġna 8.

    (24)  Ittra elettronika tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-21 ta’ Jannar 2013.

    (25)  Meta mkejjel bil-volum, fl-2008 is-sehem tal-Post fis-suq kien madwar 43 %.

    (26)  L-istess raġunament kien applikat f’Deċiżjonijiet preċedenti, ara pereżempju l-premessa 11 tad-Deċiżjoni 2010/142/KE.

    (27)  Ittra tal-Awtoritajiet Ungeriżi, tat-13 ta’ Jannar 2013, il-paġna 10.

    (28)  jiġifieri DHL Group, Kuehne Nagel Kft, Liegl&Dachser Kft, GEbruder Weiss Szállítmányozási és Logisztikai Kft; Waberer’s Group; Trans-Sped Group; Masped Group, eċċ.


    Top