Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0055

2013/55/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Jannar 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ĠU L 22, 25.1.2013, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/55/oj

25.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/16


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Jannar 2013

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2013/55/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u partikolarment l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fl-20 ta’ April 2012, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mil-Latvija permezz ta’ ittri bid-dati tat-30 u l-31 ta’ Lulju 2012. B’ittra li ġġib id-data tat-2 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3)

Is-suq tal-injam fil-Latvja għadu ddominat minn impriżi lokali żgħar u minn fornituri individwali. In-natura tas-suq u n-negozji involuti wasslu għal frodi fiskali li l-awtoritajiet tat-taxxa sabuha diffiċli jikkontrollaw. Sabiex tiġi miġġielda dik il-frodi, iddaħħlet dispożizzjoni speċjali fil-leġiżlazzjoni tal-Latvja dwar il-VAT, li tistipula li, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet fl-injam, il-persuna responsabbli biex tħallas it-taxxa hija l-persuna taxxabbli li lilha tkun saret il-provvista taxxabbli ta’ prodotti jew servizzi. Dik id-dispożizzjoni tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tipprovdi li, bis-sistema interna, il-persuna taxxabbli li tforni prodotti jew servizzi hija normalment responsabbli għall-ħlas tat-taxxa.

(4)

Is-sitwazzjoni legali u fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura derogatorja taħt id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) ma nbidlitx u għadha teżisti. Fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut mil-Latvja, jidher li l-livell ta’ riskju ta’ frodi tal-VAT fis-settur għadu għoli. Għalhekk, il-Latvja għandha tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga matul perjodu limitat ieħor.

(5)

Fil-każ li l-Latvja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga għal wara l-2015, hij għandha sal-31 ta’ Marzu 2015, tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura lill-Kummissjoni flimkien mat-talba tagħha għal estenzjoni.

(6)

Il-miżura ta’ deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, id-data “31 ta’ Diċembru 2012” hija sostitwita b’dik tal-“31 ta’ Diċembru 2015”;

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2015 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30.


Top