Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013B0572

    2013/572/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011

    ĠU L 308, 16.11.2013, p. 216–216 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/572/oj

    16.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/216


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-17 ta’ April 2013

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011

    (2013/572/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7-0041/2013),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0070/2013),

    1.

    Jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti tal-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2011;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Martin SCHULZ

    Is-Segretarju Ġenerali

    Klaus WELLE


    (1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 80.

    (2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (4)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-17 ta’ April 2013

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7-0041/2013),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0070/2013),

    A.

    billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2011 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

    B.

    billi l-baġit ġenerali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2011 kien ta’ EUR 62,2 miljun,

    C.

    billi l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni interna rigward l-Aġenzija;

    Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota mill-kontijiet annwali finali li s-sussidju tal-Kummissjoni lill-Aġenzija għall-2011 kien jammonta għal EUR 35 445 155,69, meta mqabbel ma’ EUR 34 674 450,58 għall-2010, u li d-dħul totali kien ta’ EUR 44 447 489,45 (EUR 45 550 051,50 fl-2010); huwa sodisfatt li 132 mill-134 kariga disponibbli kienu ġew okkupati u jinnota li sal-aħħar tal-2011 in-numru ta’ aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati li kienu impjegati kien ta’ 82;

    2.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-Aġenzija għamlet ħlas lil organizzazzjoni ambjentali internazzjonali li jammonta għal EUR 6 061 b’rabta mal-parteċipazzjoni tal-persunal tal-Aġenzija fi spedizzjonijiet organizzati minn dik l-organizzazzjoni fi Frar u f’Mejju 2011; jinnota li ma seħħitx proċedura ta’ akkwist u li ma kien seħħ l-ebda kuntratt għal dawk l-ispedizzjonijiet; jinnota li l-Aġenzija ħallset l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, li kienu jammontaw għal EUR 11 625; jinnota s-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri li d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija kien membru tal-kunsill ta’ direzzjoni tal-organizzazzjoni ambjentali internazzjonali sa April 2011 u li dan setgħa jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess;

    3.

    Jirrikonoxxi li d-Direttur Eżekuttiv irriżenja mill-kunsill ta’ direzzjoni tal-organizzazzjoni l-oħra meta, f’April 2011, ġie infurmat dwar possibilità ta’ identifikazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess mill-Qorti tal-Awdituri;

    Akkwist pubbliku

    4.

    Irċieva kjarifka ulterjori dwar ir-relazzjoni kuntrattwali tal-Aġenzija ma’ Ace&Ace, kumpanija ta’ produzzjoni tal-vidjo Daniża li tinsab f’Kopenħagen; jinnota li fl-2011, l-Aġenzija tat lil Ace&Ace kuntratt ta’ produzzjoni tal-vidjo (EEA/COM/10/001 – lott 5) b’limitu baġitarju ta’ EUR 1 000 000 b’segwitu għal proċedura miftuħa ta’ offerti; jenfasizza li l-kriterji ta’ għoti kienu ferm differenti minn dawk użati għas-sejħa għall-offerti preċedenti għall-produzzjoni tal-vidjo (EEA/CCA/07/001 – lott 1) u inkludew kriterji iktar stretti, bħall-“aċċess għal servizzi ta’ editjar fil-viċinanza tal-EEA”; jirrikonoxxi d-dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv (6) li 16-il kumpanija li kienu jinsabu fil-viċinanzi tal-Aġenzija applikaw għal din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u li 15 minnhom kienu jissodisfaw il-kriterji kollha; irċieva mill-Aġenzija lista li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi tal-applikanti kollha għas-sejħa għall-offerti EEA/COM/10/001;

    5.

    Jinnota li wara sejħa miftuħa għall-offerti, ingħata kuntratt qafas fl-2007 lil N1 Creative, kumpanija bbażata f’Londra; li sottokuntrattat ċerti servizzi lil Ace&Ace; jirrimarka li, bejn l-2007 u l-2008, diġà kienu ġew konklużi żewġ kuntratti bejn l-Aġenzija u Ace&Ace, għal valur totali ta’ EUR 101 000, mingħajr ma kienet saret proċedura ta’ akkwist pubbliku; iżda konformement mar-regoli ta’ implimetnazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (drittijiet esklużivi); josserva d-dettalji dwar in-numru u t-tip ta’ proġetti li seħħew taħt dan il-kuntratt minn N1 Creative, min-naħa waħda, u minn Ace&Ace min-naħa l-oħra kif waslu mill-awtorità ta’ kwittanza;

    6.

    Ġie infurmat mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija (7) li l-OLAF bħalissa qed jinvestiga dwar dawn il-kuntratti għall-produzzjoni tal-vidjo;

    Trasparenza

    7.

    Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Aġenzija tejbet it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tul is-snin; jinnota madankollu li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri xorta waħda sab konfużjoni bejn il-kriterji ta’ eliġibilità u l-kriterji ta’ għażla fir-rigward tas-snin rilevanti ta’ esperjenza professjonali meħtieġa; jinnota, barraminnhekk, li ma kienx hemm provi li l-kontenut tat-testijiet bil-miktub u l-punteġġi minimi tagħhom, kienu determinati qabel ġew eżaminati l-applikazzjonijiet;

    8.

    Jinnota li l-Aġenzija bdiet proċess ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri;

    Prestazzjoni

    9.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha teżerċita r-rwol superviżorju tagħha billi tipparteċipa fil-Bord tat-Tmexxija u l-Bureau tal-Aġenzija, fil-limiti stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 401/2009 u bir-rispett dovut għall-awtonomija legali tal-Aġenzija; jenfasizza li l-Parlament irid jinżamm infurmat regolarment;

    10.

    Jilqa’ l-fatt li l-attivitajiet tal-persunal u tal-amministrazzjoni tal-Aġenzija, il-proċessi ta’ kontroll tal-kwalità, il-prodotti u s-servizzi, u s-servizzi amministrattivi u tal-bini huma miġbura flimkien fil-qasam strateġiku “L-Istrateġija tal-EEA għall-2009-2013”;

    Kunflitt ta’ interess

    11.

    Jirrikonoxxi li l-Bord Amministrattiv u l-amministrazzjoni tal-Aġenzija saħħew il-politika dwar il-kunflitt ta’ interess tal-Aġenzija sabiex jiġu evitati problemi fil-ġejjieni; jinnota l-introduzzjoni ta’ approvazzjoni ex ante mill-Bord Amministrattiv biex id-Direttur Eżekuttiv jaċċetta sħubija fuq bordijiet esterni u korpi konsultattivi;

    12.

    Jinnota l-introduzzjoni ta’ formola li għandha tiġi ffirmata mill-konsulenti u l-kuntratturi dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, fejn jirrikonoxxu li se jevitaw kwalunkwe mġiba jew azzjoni li tista’ tipperikola l-indipendenza tagħhom jew tirrifletti b’mod negattiv fuq il-pożizzjoni u x-xogħol tagħhom jew l-immaġini tal-Unjoni;

    13.

    Jilqa’ l-proċeduri ġodda, kif approvati mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija fil-65 laqgħa tiegħu fit-12 ta’ Diċembru 2012, b’mod partikolari:

    taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess fil-programm introduttorju għall-persunal il-ġdid;

    rekwiżit ta’ firma tal-formola A1 “Obbligi tal-uffiċjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u impjegati oħra taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg”, u r-rikonoxximent tal-kisba ta’ kopja tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea,

    taħriġ dwar l-etika u l-integrità fir-rigward tal-obbligi u d-dmirijiet tal-persunal u proċedura għar-rappurtaġġ tal-inadegwatezzi (mekkaniżmu ta’ “whistleblowers”),

    l-għoti lill-membri tal-persunal ta’ kopja tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba u kopja tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Amministraturi tat-22 ta’ Ġunju 2004 għall-implimentazzjoni ta’ dak il-Kodiċi fl-Aġenzija;

    Jieħu nota tal-informazzjoni mibgħuta mill-Aġenzija dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija hawn fuq, kif ukoll dwar kwalunkwe żvilupp ulterjuri fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess;

    14.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 (8) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 80.

    (2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

    (4)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  Ara t-tweġibiet tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fis-smigħ dwar il-kwittanza għall-2011 tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE, organizzat mill-Kumitat tal-għall-Kontroll tal-Baġit fl-24 ta’ Jannar 2013.

    (7)  Ibid.

    (8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0134 (Ara paġna 374 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top