Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013B0546

    2013/546/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ April 2013 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri

    ĠU L 308, 16.11.2013, p. 122–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/546/oj

    16.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 308/122


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-17 ta’ April 2013

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri

    (2013/546/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 — C7-0228/2012) (2),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti pprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0092/2013),

    1.

    Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Martin SCHULZ

    Is-Segretarju Ġenerali

    Klaus WELLE


    (1)  ĠU L 68, 15.3.2011.

    (2)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.

    (3)  ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.

    (4)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-17 ta’ April 2013

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 (COM(2012) 436 — C7-0228/2012) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti pprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2011 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0092/2013),

    1.

    Jinnota li l-eżerċizzju tal-awditjar tal-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri jsir minn awditur estern indipendenti - PricewaterhouseCoopers SARL - sabiex jiġu applikati l-istess prinċipji ta’ trasparenza u ta’ obbligu ta’ rendikont li tapplika hi stess fil-konfront ta’ dawk li jkunu ġew awditjati; jieħu nota tal-opinjoni tal-awditur li d-dikjarazzjoni finanzjarja tagħti stampa reali u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti;

    2.

    Jenfasizza li fl-2011, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-Qorti tal-Awdituri kienu jammontaw għal total ta’ EUR 134 337 000 (EUR 148 600 000 fl-2010) u li s-sena li għaddiet ir-rata ta’ implimentazzjoni għal dawk l-approprjazzjonijiet kienet ta’ 93 %; jinnota li l-baġit tal-Qorti tal-Awdituri huwa purament amministrattiv;

    3.

    Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri tkompli tivvaluta l-kwalità u l-impatt ta’ ħidmitha; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lir-rieżami tal-esperti esterni fir-rigward tal-kontenut u l-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri; jinnota li fl-2011 naqset ir-rata ta’ sodisfazzjon tal-esperti esterni u jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tispjega għaliex qed jiġri dan;

    4.

    Jifraħ lill-Qorti tal-Awdituri dwar it-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tagħha, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ monitoraġġ sistematiku tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet min-naħa ta’ dawk li jkunu ġew awditjati; iqis ir-rata miksuba bħala riżultat pożittiv ħafna u jixtieq ikun jaf x’inhi l-medja ta’ żmien bejn l-għoti ta’ dawn l-evalwazzjonijiet u l-wasla tat-tweġibiet min-naħa ta’ dawk li jkunu ġew awditjati;

    5.

    Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri dwar il-ħtieġa li tikkonforma maż-żmien ippjanat, anke meta ma jkunx hemm skadenza, bħal ma hu l-każ bir-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; iqis li r-rata ta’ osservanza ta’ rapporti adottati f’waqthom jeħtieġ li titjieb;

    6.

    Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipprovdi skeda ta’ żmien li jkun fiha informazzjoni dwar l-istadji individwali ta’ rapport (mix-xogħol inizjali sal-pubblikazzjoni) f’kull wieħed mir-rapporti speċjali tagħha;

    7.

    Jaqbel mal-importanza li l-Qorti tal-Awdituri attribwixxiet lid-dikjarazzjoni ta’ sejbiet preliminari; jistieden għal dan il-għan lill-Qorti tal-Awdituri tieħu miżuri effikaċi sabiex iżżid il-persentaġġ ta’ dikjarazzjonijiet maħruġa fi żmien xahrejn;

    8.

    Jilqa’ t-tisħiħ ta’ karigi fl-awditjar l-2011, meta mqabbel man-numru ta’ persunal f’servizzi oħra; ifaħħar lill-Qorti tal-Awdituri għall-impenn kontinwu tagħha sabiex tfittex li tikseb effiċjenza fis-servizzi ta’ appoġġ; jiddispjaċih madankollu li n-numru ta’ karigi fl-awditjar fi tmiem l-2011 kien għadu għoli (25 kariga battala), anke jekk kien ħafna inqas minn dak tas-sena preċedenti (44 fl-2010); jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tħaffef ir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid għall-karigi battala fl-awditjar;

    9.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-iżbilanċ ġeografiku konsiderevoli fir-rigward ta’ postijiet ta’ diretturi: erba’ ċittadini mir-Renju Unit u wieħed minn Franza, Spanja, il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda u l-Italja;

    10.

    Iqis li l-bilanċ bejn is-sessi fil-livell ta’ Diretturi u Kapijiet tal-Unità għadu wisq żbilanċjat (72 % huma irġiel u 28 % nisa); jinnota b’sodisfazzjon li l-proporzjon ta’ nisa fil-livell AD qed jiżdied; jindika madankollu, l-importanza ta’ bilanċ ġeografiku fil-livelli kollha tal-persunal; jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi wkoll tqassim skont in-nazzjonalità;

    11.

    Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex fil-futur tippreserva l-aħjar ambjent tax-xogħol possibbli għall-persunal u għall-Membri tagħha; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri teżamina x’lezzjonijiet jistgħu jinsiltu mill-każ żvelat reċentement ta’ fastidju, u jekk il-proċedura applikata tul l-investigazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri kinitx konformi bis-sħiħ mar-Regoli ta’ Proċedura tagħha;

    12.

    Jitlob li jkun hemm miżuri preventivi ta’ salvagwardja kontra l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, u biex jintbagħtu dettalji dwar il-miżuri kollha li ttieħdu fir-rigward tal-persunal fl-uffiċċji privati tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri;

    13.

    Jifraħ lill-Qorti tal-Awdituri għall-prestazzjoni verament effiċjenti tad-Direttorat ta’ Traduzzjoni tagħha u għat-tlestija fiż-żmien ippjanat u fi ħdan il-baġit tal-bini K3;

    14.

    Jitlob informazzjoni dwar ir-raġunijiet għaliex is-sistema l-ġdida tal-IT tal-Qorti, “Assist”, ma ġietx implimentata u xi problemi kien hemm; jitlob biex ikun hemm analiżi tal-komponenti tal-ispejjeż li kien hemm s’issa, u tal-ispejjeż possibbli fil-futur, u informazzjoni dwar meta x’aktarx jiġi introdott il-programm;

    15.

    Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri b’kollox wettqet 379 żjara ta’ awditu fl-2011, 343 fi Stati Membri u 36 f’pajjiżi terzi; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri żżid kemm in-numru kif ukoll l-effettività taż-żjajjar tal-awditjar fuq il-post;

    16.

    Jinnota li fl-2011, il-Qorti tal-Awdituri b’kollox irrappurtat seba’ każijiet ta’ suspett ta’ frodi lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) b’riżultat tal-ħidma ta’ awditjar tagħha; jinnota li OLAF iddeċieda li jiftaħ inkjesta fil-każ ta’ tnejn minnhom u li dawn l-inkjesti għadhom għaddejjin; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tiċċara jekk in-numru ta’ każijiet riferuti lil OLAF u l-persentaġġ ta’ dawk li qed jiġu investigati jirriflettux il-livell attwali ta’ korruzzjoni b’rabta mal-użu tal-fondi tal-Unjoni u, jekk dan mhuwiex il-każ, x’tipproponi li jsir biex jiżdiedu dawn iċ-ċifri;

    17.

    Jinnota, barra minn hekk, li fl-2011 il-Qorti tal-Awdituri rreferiet lill-OLAF 17-il każ ta’ suspett ta’ frodi possibbli li oriġinaw minn ittri ta’ denunzja li rċeviet il-Qorti tal-Awdituri; jappoġġa l-kooperazzjoni mill-qrib li l-Qorti tal-Awdituri kontinwament għandha mal-OLAF, u jħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri biex tivvaluta jekk din iċ-ċifra tistax tiżdied, u jekk ikun il-każ, kif tista’ tiżdied b’rabta mal-immaġni, l-azzjoni u l-effettività ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri f’dan is-settur;

    18.

    Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, is-segwitu ċar tar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza mis-sena preċedenti u r-rispons regolari għar-rikjesti tal-Parlament;

    19.

    Jieħu nota tal-eżerċizzju ta’ segwitu li sar mis-servizz ta’ awditjar intern li identifika l-progress fil-konfront ta’ kontrolli interni eżistenti u l-isforzi li saru min-naħa tas-servizzi li sarilhom awditu sabiex jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni miftiehma; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-miżuri implimentati u r-riżultati li nkisbu minn dawk is-servizzi;

    20.

    Jilqa’ l-pubblikazzjoni tar-Rapport Speċjali Nru 19/2012 dwar is-segwitu tar-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri;

    21.

    Jistenna li jirċievi sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin li jirriżultaw mill-monitoraġġ tal-verifiki ex-post tas-servizz ta’ awditjar intern u r-riżultati tal-impatt li kellu dan it-tibdil fuq il-kontroll intern tal-Qorti tal-Awdituri fir-rapport annwali tal-attività tal-2012;

    22.

    Jirrikonoxxi li r-rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-istrateġija ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2009-2013 ikkonkluda li l-proċessi ewlenin huma mmonitorjati u li l-progress li sar sa issa ġie rrappurtat bir-reqqa;

    23.

    Jistenna b’interess it-tieni evalwazzjoni bejn il-pari li l-Qorti tal-Awdituri se tniedi fl-2013, li tiffoka b’mod partikolari fuq il-prattika tal-awditjar tal-prestazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri; jitlob informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-ewwel evalwazzjoni bejn il-pari introduttorja fl-2012;

    24.

    Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tas-servizz ta’ awditjar intern li jinħoloq sett ġdid ta’ indikaturi tal-prestazzjoni sabiex titkejjel l-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija.


    (1)  ĠU L 68, 15.3.2011.

    (2)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 1.

    (3)  ĠU C 344, 12.11.2012, p. 1.

    (4)  ĠU C 348, 14.11.2012, p. 130.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


    Top