EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1243

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012 tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

ĠU L 352, 21.12.2012, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/08/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0973

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1243/oj

21.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/10


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1243/2012

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 (1) jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat; il-Baħar tat-Tramuntana, is-Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant; il-Punent tal-Iskozja; u l-baħar Irlandiż, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (“il-Pjan għall-Merluzz”). L-objettiv tal-Pjan għall-Merluzz huwa li jiżgura l-isfruttament sostenibbli ta’ dawk l-istokkijiet tal-merluzz abbażi ta’ rendiment sostenibbli massimu. Dan l-objettiv għandu jintlaħaq filwaqt li jinżamm livell speċifiku ta’ mortalità mis-sajd għall-merluzz fi gruppi adatti ta’ età.

(2)

L-Artikoli 7, 8 u 9 u l-Artikolu 12 tal-Pjan għall-Merluzz fihom, għall-fini li jilħqu l-objettiv tal-Pjan għall-Merluzz, regoli speċifiċi li jippreskrivu metodoloġija dettaljata għall-iffissar annwali ta’, min-naħa waħda, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjonijiet tal-isforzi tas-sajd.

(3)

L-evalwazzjoni xjentifika tal-prestazzjoni tal-Pjan għall-Merluzz imwettqa mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (is-STECF) żvelat li kien hemm għadd ta’ problemi marbutin mat-tfassil u l-funzjonament tal-Pjan għall-Merluzz. Mingħajr ma jitqajmu mistoqsijiet dwar l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz, l-STECF ikkonkluda li dawk l-objettivi x’aktarx ma jintlaħqux f’perijodu ta’ żmien li jkun konformi mal-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg fl-2002 sakemm in-nuqqasijiet fit-tfassil tal-Pjan għall-Merluzz, li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 12 tiegħu, jiġu korretti.

(4)

L-Artikolu 9 fih regoli dettaljati għall-iffissar tat-TACs f’kondizzjonijiet ta’ data insuffiċjenti fejn ir-regoli għall-istabbiliment tat-TAC stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ma jistgħux jiġu applikati minħabba nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u rappreżentattiva biżżejjed. Minkejja li l-applikazzjoni tat-tnaqqis awtomatiku ta’ 25 % tat-TAC fis-sena kienet maħsuba biex tapplika f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, mill-2009 sal-2012, din saret ir-regola. Konsegwentement, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Pjan għall-Merluzz, it-TACs għaż-żoni kkonċernati tnaqqsu b’mod sinifikanti u aktar tnaqqis awtomatiku jwassal għall-għeluq effettiv tas-sajd tal-merluzz fiż-żoni kkonċernati. L-evalwazzjoni xjentifika mwettqa mis-STECF tissuġġerixxi li, għall-fini li jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz, ikun aktar adatt f’xi każijiet li tingħata aktar flessibbiltà biex tirrifletti l-parir xjentifiku fuq il-bażi ta’ każ b’każ. Bħala parti minn dik il-flessibbiltà, għaldaqstant huwa adatt li jiġi permess is-sospensjoni, taħt ċerti kondizzjonijiet, tat-tnaqqis annwali fit-TAC jew l-istabbiliment ta' livell alternattiv tat-TAC, mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz.

(5)

L-Artikolu 12 fih regoli dettaljati għall-iffissar tal-isforz tas-sajd permissibbli. Minħabba li japplikaw l-istess aġġustamenti perċentwali, f’konformità mal-Artikolu 12(4), għall-isforz tas-sajd permissibbli f’konformità mat-tnaqqis annwali awtomatiku fil-mortalità mis-sajd (taħt Artikoli 7 u 8) u t-tnaqqis annwali awtomatiku fit-TAC (taħt Artikolu 9), l-isforz tas-sajd permissibbli ġie mnaqqas b’25% kull sena mill-2009 sal-2012 fiż-żoni fejn applika l-Artikolu 9 u mnaqqas b’mod sinifikanti fiż-żoni fejn applika l-Artikolu 8. Konsegwentement, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Pjan għall-Merluzz, l-allokazzjonijiet tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli tnaqqsu b’mod sinifikanti għall-irkaptu ewlieni tal-qbid tal-merluzz. Skont il-parir xjentifiċu, ma jistax jiġi muri li dan it-tnaqqis awtomatiku annwali fl-isforz tas-sajd permissibbli wassal għat-tnaqqis mistenni fil-mortalità mis-sajd. Fil-prattika, it-tnaqqis awtomatiku annwali fl-isforz neħħa jew naqqas l-inċentivi għas-sajjieda li jnaqqsu l-mortalità mis-sajd permezz tal-mezzi l-oħra previsti fl-Artikolu 13. It-tkomplija tal-applikazzjoni tat-tnaqqis awtomatiku annwali fl-isforz ma twassalx biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz, iżda jkollha impatt ekonomiku u soċjali sinifikanti fuq it-taqsimiet tal-flotta li jużaw l-istess tip ta’ rkaptu, iżda li jistadu prinċipalment għal speċijiet oħrajn u mhux għall-merluzz. Għalhekk, huwa adatt li jkun possibbli approċċ aktar flessibbli li jippermetti s-sospensjoni tat-tnaqqis annwali awtomatiku fl-isforz tas-sajd, mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz.

(6)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, hu essenzjali li l-Artikoli 9 u 12 tal-Pjan għall-Merluzz jiġu emendati b’mod urġenti sabiex ir-regoli l-ġodda jkunu jistgħu japplikaw għall-fini tal-iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd għall-2013.

(7)

L-Artikolu 43(2) TFUE jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd prevista fl-Artikolu 40(1) tiegħu kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd. L-Artikolu 43(3) TFUE jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(8)

L-emendi għall-Artikoli 9 u 12 jistabbilixxu regoli speċifiċ dettaljati għall-fini tal-iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd espress permezz tat-TAC u tal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd. Huma jadattaw ir-regoli applikabbli attwali għall-iffissar ta’ opportunitajiet ta’ sajd mingħajr ma jemendaw l-objettiv tal-Pjan għall-Merluzz. Konsegwentement, huma miżuri għall-iffissar u l-allokazzjoni tat-TACs u l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd u ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd, u lanqas bħala dispożizzjonijiet oħra meħtieġa għall-insegwiment tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd.

(9)

Regolament (KE) Nru 1342/2008 għandu, għalhekk, jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Proċedura speċjali biex jiġu stabbiliti t-TACs

1.   F’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif biex it-TACs jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 7, it-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, fil-Punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż għandhom jiġu stabbiliti fil-livell indikat mill-parir xjentifiċu. Madankollu, jekk il-livell indikat mill-parir xjentifiċu jkun ogħla mit-TACs tas-sena ta’ qabel b’iktar minn 20 %, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jkun 20 % ogħla mit-TACs tas-sena ta’ qabel, jew jekk il-livell indikat fil-parir xjentifiċu jkun inqas mit-TACs tas-sena ta’ qabel b’iktar minn 20 %, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jkun 20 % inqas mit-TACs tas-sena ta’ qabel.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn il-parir xjentifiku jindika li m’għandu jkun hemm ebda sajd dirett u li:

(a)

il-qabda inċidentali għandha tiġi mminimizzata jew imnaqqsa għall-iktar livell baxx possibbli; u/jew

(b)

il-qabdiet ta’ merluzz għandhom jitnaqqsu għall-iktar livell baxx possibbli,

il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma japplikax aġġustament annwali għat-TAC fis-sena sussegwenti jew fis-snin sussegwenti, bil-kondizzjoni li t-TAC stabbilit ikun biss għall-qabda inċidentali.

3.   F’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif biex it-TACs jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, it-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u fil-Kanal tal-Lvant għandhom jiġu stabbiliti billi jiġu applikati l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu mutatis mutandis, sakemm il-konsultazzjonijiet man-Norveġja ma jwasslux għal livell differenti tat-TAC.

4.   Meta l-parir xjentifiku jindika li l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8(1) sa (4) mhijiex adatta biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan, il-Kunsill jista', minkejja d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiddeċiedi fuq livell alternattiv tat-TAC”.

(2)

L-Artikolu 12 huwa b’dan emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għall-gruppi aggregati tal-isforz li l-perċentwal tal-qabda kumulattiva tagħhom, ikkalkulat skont il-paragrafu 3(d), huwa ta’ 20 % jew ta’ iktar minn hekk, għandhom japplikaw l-aġġustamenti annwali. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli tal-gruppi kkonċernati għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

f’każijiet fejn japplikaw l-Artikoli 7 jew 8, billi jiġi applikat l-istess perċentwal ta’ aġġustament għall-valur ta’ referenza bħal dak stabbilit f’dawk l-Artikoli għall-mortalità mis-sajd;

(b)

f’każijiet fejn japplika l-Artikolu 9, billi jiġi applikat l-istess perċentwal ta’ aġġustament għall-isforz tas-sajd bħal dak applikat għat-TAC meta mqabbel ma’ tas-sena ta’ qabel.”;

(b)

Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   B’deroga mill-paragrafu 4, meta l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jkun tnaqqas għal erba’ snin konsekuttivi, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma japplikax aġġustament annwali għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli fis-sena ta’ wara jew fis-snin ta’ wara.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

S. ALETRARIS


(1)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.


Top