EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1059

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1059/2012 tat- 12 ta’ Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 412/2008 fir-rigward tad-diviżjoni tal-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar f’subperjodi

ĠU L 313, 13.11.2012, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1059/oj

13.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1059/2012

tat-12 ta’ Novembru 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 412/2008 fir-rigward tad-diviżjoni tal-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar f’subperjodi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 144(1) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 412/2008 (2) fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni taċ-ċanga ffriżata għall-ipproċessar għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

(2)

Żviluppi reċenti fis-suq dinji tal-laħam taċ-ċanga, prinċipalment spinta sostanzjali fil-prezzijiet dinjija u volatilità akbar minħabba żieda fid-domanda globali għaċ-ċanga, urew li l-possibbiltà li d-drittijiet tal-importazzjoni jiġu applikati darba fis-sena biss, tista’ toħloq xi diffikultajiet kummerċjali għall-proċessuri. Il-proċessuri ma jistgħux jadattaw il-ħtiġijiet tal-importazzjoni tagħhom mas-sitwazzjoni tas-suq li dejjem tinbidel jekk huma ikollhom japplikaw għal drittijiet tal-importazzjoni fil-bidu tal-perjodu tal-kwota annwali. Bħala konsegwenza ta’ dan uħud minnhom jitilfu l-garanzija ddepożitata fil-mument tal-applikazzjoni għad-drittijiet tal-importazzjoni.

(3)

Li l-proċessuri jingħataw il-possibbiltà li japplikaw għal drittijiet ta’ importazzjoni fuq bażi trimestrali minflok darba fis-sena għandu jgħinhom biex jippjanaw l-importazzjonijiet tagħhom f’perjodi iqsar ta’ żmien u sabiex ikunu f’qagħda aħjar biex iwieġbu għat-tibdil mgħaġġel fis-suq dinji taċ-ċanga.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 412/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 412/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Kwota tariffarja ta’ importazzjoni ta’ 63 703 tunnellata f’ekwivalenti ta’ laħam bl-għadam ta’ ċanga ffriżata li taqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 0202 20 30, 0202 30 10, 0202 30 50, 0202 30 90 jew 0206 29 91 u maħsuba għall-ipproċessar fl-Unjoni (minn hawn il-quddiem imsejħa “il-kwota”) hija b’dan miftuħa għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena segwenti (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “perjodi tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni”) suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   Il-perjodu tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jinqasam f’erba’ subperjodi kif ġej:

(a)

mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru;

(b)

mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru;

(c)

mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu;

(d)

mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju.”

(2)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-applikazzjonijiet għad-drittijiet tal-importazzjoni għall-produzzjoni jew ta’ prodotti-A inkella ta’ prodott-B għandhom jiġu ppreżentati fl-ewwel sebat ijiem tax-xahar qabel kull subperjodu, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2), u f’kwalunkwe każ mhux iktar tard mis-13:00, ħin ta’ Brussell, fis-seba’ jum rilevanti.”

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mhux iktar tard mis-13:00, ħin ta ‘Brussell, fl-14-il jum tax-xahar li fih l-applikazzjonijiet jiġu sottomessi skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali li saret applikazzjoni għalihom għal kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ prodotti, espressi f’ekwivalenti ta’ laħam bl-għadam espressi f’kilogrammi, fir-rigward tas-subperjodu kkonċernat.”

(3)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom jingħataw mit-23 jum tax-xahar li fih l-applikazzjonijiet jiġu sottomessi skont l-Artikolu 6(1) u mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ dak ix-xahar. Id-drittijiet tal-importazzjoni għandhom ikunu validi mill-ewwel jum tas-subperjodu li fih tkun ġiet sottomessal-applikazzjoni, u sat-30 ta’ Ġunju tal-perjodu tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni kkonċernata.

2.   Jekk l-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 tirriżulta f’inqas drittijiet tal-importazzjoni għall-allokazzjoni milli tressqu applikazzjonijiet għalihom, il-garanzija ppreżentata skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament, għandha tkun rilaxxata proporzjonalment mingħajr dewmien.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissospendi s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal drittijiet tal-importazzjoni sa tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja ta’ importazzjoni għan-numri tal-ordni li għalihom ikunu spiċċaw il-kwantitajiet disponibbli.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 125, 9.5.2008, p. 7.


Top