Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1028

    Regolament (UE) Nru 1028/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli

    ĠU L 316, 14.11.2012, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1308

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1028/oj

    14.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 316/41


    REGOLAMENT (UE) Nru 1028/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Ottubru 2012

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u l-appoġġ għal min ikabbar id-dwieli

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 103o tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4) jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu għajnuna diżakkoppjata taħt l-iskema ta’ pagament uniku lil min ikabbar id-dwieli. Diversi Stati Membri użaw din il-miżura ta’ appoġġ speċifiku.

    (2)

    Madankollu, il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw trasferimenti għall-iskema ta’ pagament uniku mill-programmi ta’ appoġġ darba fis-sena u li l-programmi ta’ appoġġ jdumu ħames snin filwaqt li d-drittijiet għall-pagament li jwasslu għal pagamenti diretti jingħataw għal perijodu indefinit ta’ żmien irriżulta f’piżijiet amministrattivi u baġitarji.

    (3)

    Sabiex tkun issimplifikata l-ġestjoni ta’ din il-miżura ta’ appoġġ speċifiku u tkun żgurata l-konsistenza tagħha mal-objettivi tar-regoli għall-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa, huwa adatt li tinbidel fil-possibilità għall-Istati Membri li jnaqqsu b’mod definittiv il-fondi allokati għall-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid u b’hekk jiżdiedu l-limiti massimi nazzjonali għall-pagamenti diretti.

    (4)

    Huwa adatt li l-Istati Membri jitħallew ikomplu japplikaw l-appoġġ previst fl-Artikolu 103o tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għall-2014.

    (5)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 103n, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Sal-1 ta’ Awwissu 2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, mill-2015, inaqqsu l-ammont disponibbli għall-programmi ta’ appoġġ imsemmija fl-Anness Xb sabiex iżidu l-limiti massimi nazzjonali tagħhom għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

    L-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis imsemmi fl-ewwel paragrafu definittivament m’għandux jaqbeż il-limiti massimi nazzjonali għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u m’għandux jibqa’ iktar disponibbli għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 103p sa 103y.”;

    (2)

    L-Artikolu 103o huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “Artikolu 103o

    Skema ta’ pagament uniku u appoġġ lil min ikabbar id-dwieli

    1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, sal-1 ta’ Diċembru 2012, li għall-2014 jipprovdu appoġġ lil min ikabbar id-dwieli billi jallokaw drittijiet għal pagament fi ħdan it-tifsira tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

    Jekk l-ammont tal-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu huwa ikbar mill-ammont ta’ appoġġ ipprovdut għas-sena 2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu juża d-differenza sabiex jalloka d-drittijiet għal pagament fi ħdan it-tifsira tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 lil min ikabbar id-dwieli skont il-punt C tal-Anness IX għal dak ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri li biħsiebhom jipprovdu l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jipprevedu tali appoġġ fil-programmi ta’ appoġġ tagħhom skont l-Artikolu 103k(3).

    3.   L-appoġġ għall-2014 imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

    (a)

    jibqa’ fl-iskema ta’ pagament uniku u ma jkunx iktar disponibbli taħt l-Artikolu 103k(3) għall-miżuri elenkati fl-Artikoli 103p sa 103y;

    (b)

    inaqqas b’mod proporzjonat l-ammont ta’ fondi disponibbli għall-miżuri elenkati fl-Artikoli 103p sa 103y fil-programmi ta’ appoġġ.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 116.

    (2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 174.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.

    (4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.


    Top