Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1020

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1020/2012 tas- 6 ta’ Novembru 2012 li jadotta l-pjan li jalloka riżorsi lill-Istati Membri li għandhom jitħallsu mis-sena baġitarja 2013 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010

ĠU L 307, 7.11.2012, p. 62–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 03/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1020/oj

7.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/62


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1020/2012

tas-6 ta’ Novembru 2012

li jadotta l-pjan li jalloka riżorsi lill-Istati Membri li għandhom jitħallsu mis-sena baġitarja 2013 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari il-punti (f) u (g) tal-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-euro (2), b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 121/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa skema fejn il-prodotti tal-ikel jistgħu jitqassmu lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni. Għal dik il-fini, jistgħu jkunu disponibbli l-prodotti fil-ħażniet tal-intervent jew, meta ħażniet tal-intervent adattati għall-iskema tat-tqassim tal-ikel ma jkunux disponibbli, il-prodotti tal-ikel jistgħu jinxtraw mis-suq.

(2)

Għall-2013, dik l-iskema hija inkluża fil-lista ta’ miżuri eleġibbli għall-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (4), f’limitu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3)

Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tadotta pjan annwali.

(4)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2010 tal-14 ta’ Settembru 2010 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-provvista ta’ ikel mill-ħażniet ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (5), dak il-pjan għandu jistabbilixxi, b’mod partikolari, għal kull Stat Membru li japplika l-miżura, ir-riżorsi finanzjarji massimi disponibbli sabiex iwettaq il-parti tiegħu tal-pjan, u l-kwantità ta’ kull tip ta’ prodott li għandha tittieħed mill-ħażniet miżmuma mill-aġenziji tal-intervent.

(5)

L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-pjan ta’ tqassim għas-sena baġitarja 2013 ipprovdew lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 807/2010.

(6)

Għall-finijiet tal-allokazzjoni tar-riżorsi, għandhom jiġu kkunsidrati l-aħjar stimi tal-għadd ta’ persuni l-aktar fil-bżonn fl-Istati Membri kkonċernati u sa liema punt l-Istati Membri utilizzaw ir-riżorsi allokati lilhom fis-snin preċedenti.

(7)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 jistipula t-trasferiment bejn l-Istati Membri ta’ prodotti li mhumiex disponibbli fil-ħażniet tal-intervent tal-Istat Membru fejn prodotti bħal dawn huma meħtieġa biex jiġi implimentat il-pjan ta’ tqassim annwali. Għalhekk, għandhom jiġu awtorizzati t-trasferimenti fi ħdan l-Unjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan għall-2013, suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 807/2010.

(8)

Sabiex jiġi infurzat il-limitu baġitarju annwali, meta jkun rilevanti, l-ispejjeż tat-trasferiment fi ħdan l-Unjoni għandhom jiġu inklużi fl-allokazzjoni finanzjarja totali disponibbli għal kull Stat Membru biex jiġi implimentat il-pjan ta’ tqassim tal-2013. Barra minn hekk, għandhom jiġu aġġustati l-iskadenzi ffissati mill-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 fir-rigward tat-tlestija ta’ operazzjonijiet ta’ ħlas għall-prodotti mmobilizzati fis-suq, it-talbiet għall-ħlas u l-esekuzzjoni tal-ħlas mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex jiġi żġurat li r-riżorsi allokati fil-pjan ta’ tqassim tal-2013 jkunu eleġibbli biss għall-appoġġ tal-Unjoni jekk dak il-ħlas ikun sar fis-sena baġitarja 2013.

(9)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 jistipula li l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru. Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw bis-sħiħ il-perjodu ta’ implimentazzjoni filwaqt li jirrispettaw l-iskadenzi relatati mal-ħlas, huwa meħtieġ li jkun permess l-għoti ta’ ħlas bil-quddiem għat-trasport tal-prodotti lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet karitatevoli u għall-ispejjeż tat-trasport, dawk amministrattivi u tal-ħżin imġarrbin mill-organizzazzjonijiet karitatevoli magħżula biex iqassmu l-prodotti. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-pjan annwali, għandha tingħata l-istess possibbiltà għall-provvista tal-prodotti f’każijiet debitament ġustifikati. Għall-istess raġuni, l-użu ta’ ħlas bil-quddiem għandu jkun limitat. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit kif u meta tkun meħtieġa garanzija.

(10)

Billi titqies in-natura bla profitti tal-organizzazzjonijiet magħżula msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati li jippermettu strumenti alternattivi ta’ garanzija meta jsir ħlas bil-quddiem lil dawk l-organizzazzjonijiet għall-ispejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħżin tagħhom.

(11)

Għall-finijiet ta’ kontabilità, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’ċertu informazzjoni marbuta mal-ħlas bil-quddiem.

(12)

Minħabba l-qagħda attwali tas-suq fis-settur taċ-ċereali, li huwa kkaratterizzat minn livelli għoljin ta’ prezzijiet tas-suq, huwa xieraq, sabiex l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu żgurati, li tiżdied is-sigurtà finanzjarja, li għandha tkun irreġistrata mill-kuntrattur li jieħu l-impenn li jwettaq l-operazzjoni tal-provvista taċ-ċereali kif stipulat fl-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010.

(13)

Għall-implementazzjoni tal-pjan ta’ tqassim annwali, l-avveniment operattiv fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2799/98 għandu jkun id-data li fiha tibda s-sena finanzjarja għall-amministrazzjoni tal-ħażniet fil-ħażna pubblika.

(14)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, il-Kummissjoni talbet il-parir tal-organizzazzjonijiet ewlenin li huma familjari mal-problemi tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni meta kienet qed tħejji dan il-pjan ta’ tqassim annwali.

(15)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-2013, it-tqassim tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi implimentat skont il-pjan ta’ tqassim annwali stabbilit fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-pjan tal-2013 jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fil-limiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Anness I.

Il-kwantitajiet għal kull tip ta’ prodott li għandhom jiġu rtirati mill-ħażniet tal-intervent huma stabbiliti fil-punt (b) tal-Anness I.

L-allokazzjonijiet indikattivi għall-Istati Membri għax-xiri tal-prodotti tal-ikel fis-suq tal-Unjoni huma stabbiliti fil-punt (c) tal-Anness I.

Artikolu 2

It-trasferiment fi ħdan l-Unjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi awtorizzat, suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 ta-Regolament (UE) Nru 807/2010. L-allokazzjonijiet indikattivi lill-Istati Membri għar-rimborż tal-ispejjeż tat-trasferimenti fi ħdan l-Unjoni, kif meħtieġ skont il-pjan ta’ tqassim annwali imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, huma stabbiliti fil-punt (d) tal-Anness I.

Artikolu 3

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għall-pjan ta’ tqassim tal-2013, l-operazzjonijiet ta’ ħlas għall-prodotti li għandhom jiġu fornuti mill-operatur, fil-każ ta’ prodotti li għandhom jiġu mobilizzati fis-suq skont l-Artikolu 2(3)(a)(iii) u (iv) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għandhom jitwettqu qabel il-15 ta’ Ottubru 2013.

Artikolu 4

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għall-pjan ta’ tqassim tal-2013, għandhom jitressqu talbiet għall-ħlas lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru sat-30 ta’ Settembru 2013. Ħlief f’każi ta’ force majeure, ma jiġux aċċettati talbiet li jitressqu wara dik id-data.

In-nefqa, fil-limitu stabbilit fil-punt (a) tal-Anness I, għandha tkun eleġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni biss jekk din tkun tħallset mill-Istat Membru lill-benefiċjarju sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2013.

Artikolu 5

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tqassim annwali msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 u l-organizzazzjonijiet magħżula msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistgħu jressqu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat applikazzjoni għal ħlas bil-quddiem relatat mal-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet magħżula msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(7) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-ispejjeż amministrattivi, tat-trasport u tal-ħżin imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu. F’każijiet debitament iġġustifikati l-Istat Membri jista’ jipprovdi wkoll ħlas bil-quddiem relatat mal-ispejjeż tal-provvista tal-prodotti lill-operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 sakemm, l-Istat Membru kkonċernat jkun sodisfatt li dawk l-operaturi jkunu wrew li qabel il-15 ta’ Ottubru 2013:

(a)

ikunu ħadu l-impenji legalment vinkolanti biex jimplimentaw l-operazzjoni; u

(b)

ikunu ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-implimentazzjoni titlesta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħti ħlas bil-quddiem sa 100 % tal-ammont li jkun sar applikazzjoni għalih, suġġett għall-istabbiliment ta’ garanzija ekwivalenti għal 110 % tal-ħlas bil-quddiem imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-każ ta’ operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, il-garanzija msemmija f’dak l-Artikolu għandha titqies biżżejjed għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, għandu japplika r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 282/2012 (6).

4.   Fil-każ ta’ organizzazzjonijiet magħżula msemmija fil-paragrafu 1, l-aġenzija tal-pagamenti tista’ taċċetta garanzija bil-miktub minn awtorità pubblika, skont id-dispożizzjonijiet applikati fl-Istati Membri, li tkopri ammont ugwali għall-perċentwali msemmija fil-paragrafu 2, sakemm dik l-awtorità pubblika tintrabat li tħallas l-ammont kopert minn dik il-garanzija fil-każ li d-dritt għall-ħlas bil-quddiem imħallas ma jkunx stabbilit. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll għal strument b’effett ekwivalenti, skont id-dispożizzjonijiet applikati fl-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan jiżgura r-rimborż tal-ħlas bil-quddiem mogħti fil-każ li ma jkunx stabbilit id-dritt għalih.

5.   L-ammont totali ta’ ħlas bil-quddiem mogħti skont il-paragrafu 2 ma għandux jaqbeż il-75 % tal-ammont totali disponibbli għal kull Stat Membru skont il-punt (a) tal-Anness I.

6.   Sa mhux aktar tard mill-15 ta Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont totali tal-ħlas bil-quddiem magħmul sal-15 ta’ Ottubru 2013 skont il-paragrafu 2 li ma jkunx ġie approvat u li jkun marbut mal-operazzjonijiet li ma jkunux għadhom tlestew.

Artikolu 6

B’deroga mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għall-pjan ta’ tqassim tal-2013, qabel ma jitneħħew iċ-ċereali mill-intervent, il-kuntrattur impenjat li jwettaq l-operazzjoni tal-provvista għandu jirreġistra garanzija li tkun ekwivalenti għal EUR 150 kull tunnellata.

Artikolu 7

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tqassim annwali msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, id-data tal-avveniment operattiv fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2799/98 għandha tkun l-1 ta’ Ottubru 2012.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 349, 24.12.1998, p. 1.

(3)  ĠU L 44, 16.2.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 242, 15.9.2010, p. 9.

(6)  ĠU L 92, 30.3.2012, p. 4.


ANNESS I

PJAN TA’ TQASSIM ANNWALI GĦALL-2013

(a)

Ammonti totali tar-riżorsi finanzjarji elenkati għal kull Stat Membru:

(f’EUR)

Stat Membru

Ammont

Il-Belġju

12 020 447

Il-Bulgarija

19 093 054

Ir-Repubblika Ċeka

183 869

L-Estonja

2 421 256

L-Irlanda

2 597 813

Il-Greċja

22 017 677

Spanja

85 618 342

Franza

71 367 188

L-Italja

98 269 856

Il-Latvja

5 208 791

Il-Litwanja

7 866 396

Il-Lussemburgu

171 704

L-Ungerija

13 951 019

Malta

548 475

Il-Polonja

76 924 105

Il-Portugall

19 517 541

Ir-Rumanija

55 880 716

Is-Slovenja

2 588 445

Il-Finlandja

3 753 305

Total

500 000 000

(b)

Kwantità għal kull tip ta’ prodott li għandha tiġi rtirata mill-ħażniet tal-intevent tal-Unjoni għat-tqassim għal kull Stat Membru fil-limiti stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan l-Anness:

(f’tunnellati)

Stat Membru

Ċereali

Il-Litwanja

8 832,782

Total

8 832,782

(c)

Allokazzjonijiet indikattivi għall-Istati Membri għax-xiri tal-prodotti tal-ikel fis-suq tal-Unjoni fil-limiti stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan l-Anness:

(f’EUR)

Stat Membru

Ammont

Il-Belġju

11 286 805

Il-Bulgarija

17 927 750

Ir-Repubblika Ċeka

172 647

L-Estonja

2 273 480

L-Irlanda

2 439 261

Il-Greċja

20 673 876

Spanja

80 392 810

Franza

67 011 444

L-Italja

92 272 165

Il-Latvja

4 890 884

Il-Litwanja

6 209 748

Il-Lussemburgu

161 224

L-Ungerija

13 099 548

Malta

515 000

Il-Polonja

72 229 206

Il-Portugall

18 326 330

Ir-Rumanija

52 470 156

Is-Slovenja

2 430 465

Il-Finlandja

3 524 230

Total

468 307 029

(d)

Allokazzjonijiet indikattivi għall-Istati Membri għar-rimborż tal-ispejjeż ta’ trasferiment fi ħdan l-Unjoni fil-limiti stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan l-Anness:

(f’EUR)

Stat Membru

Ammont

Il-Litwanja

300 000

Total

300 000


ANNESS II

Trasferimenti taċ-ċereali fi ħdan l-Unjoni awtorizzati skont il-pjan ta’ tqassim għas-sena baġitarja 2013:

Kwantità

(f’tunnellati)

Detentur

Riċevitur

8 832,782

SJV, L-Isvezja

Lietuvos žemės ūkio ir maisto produktų rinkos reguliavimo agentūra. Il-Litwanja


Top