EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0847

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 847/2012 tad- 19 ta’ Settembru 2012 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi ( “REACH” ) fir-rigward tal-merkurju Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 253, 20.9.2012, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/847/oj

20.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 253/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 847/2012

tad-19 ta’ Settembru 2012

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward tal-merkurju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li-kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju (2), il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu l-livelli ta’ merkurju fl-ambjent u fl-esponiment tal-bniedem u proponiet bħala objettivi, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni tal-merkurju fis-soċjetà billi jitnaqqsu l-provvista u d-domanda, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-merkurju u l-ħarsien kontra l-emissjonijiet tal-merkurju.

(2)

L-istrateġija ġiet riveduta fl-2010 fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju (3), li fiha l-Kummissjoni rrikonoxxiet li se tissokta l-ħidma biex ir-restrizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni eżistenti għal ċerti strumenti tal-kejl li fihom il-merkurju jiġu estiżi għal strumenti addizzjonali użati fis-settur tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari l-isfigmomanometri u għal użi professjonali u industrijali oħra.

(3)

Il-Kunsill afferma għal diversi drabi l-impenn tiegħu għall-objettiv globali ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mir-rilaxx tal-merkurju u l-komposti tiegħu billi jimminimizza u, fejn ikun vijabbli, jelimina finalment ir-rilaxxi antropoġeniċi globali tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art. F’dan il-kuntest, il-Kunsill saħaq li l-prodotti li fihom il-merkurju, fejn jeżistu alternattivi vijabbli, għandhom jitneħħew gradwalment kemm jista’ jkun malajr u kompletament, bl-għan aħħari li l-prodotti li fihom il-merkurju jitneħħew, filwaqt li jitqiesu b’mod xieraq iċ-ċirkostanzi tekniċi u ekonomiċi u l-ħtiġijiet għar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi (4).

(4)

Il-merkurju u l-komposti tiegħu huma tossiċi ħafna għall-bnedmin, l-ekosistemi u l-organiżmi slavaġ. Dożi għoljin jistgħu jkunu fatali għall-bnedmin, iżda anki dożi relattivament baxxi jista’ jkollhom impatti negattivi serji fuq l-iżvilupp newroloġiku u ġew marbuta wkoll mal-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-sistema kardjovaskulari, immunitarja u riproduttiva. Il-merkurju jitqies bħala inkwinant persistenti globali, li jiċċirkola bejn l-arja, l-ilma, is-sedimenti, il-ħamrija u l-bijota f’diversi forom. Fl-ambjent dan jista’ jinbidel f’metilmerkurju, l-aktar forma tossika tiegħu. Il-metilmerkurju jikber b’mod bijoloġiku speċjalment fil-katina alimentari akkwatika, u dan iwassal biex il-popolazzjoni umana u l-organiżmi slavaġ b’konsum għoli ta’ ħut u frott tal-baħar ikunu partikolarment vulnerabbli. Il-metilmerkurju jgħaddi faċilment kemm mill-partizzjoni tal-plaċenta kif ukoll mill-partizzjoni tad-demm tal-moħħ, u jfixkel l-iżvilupp mentali potenzjali anki qabel it-twelid, filwaqt li jqajjem tħassib serju rigward l-esponiment tat-tfal u tan-nisa fl-età li jista’ jkollhom it-tfal. Il-merkurju u l-prodotti ta’ degradazzjoni tiegħu, partikolarment il-metilmerkurju, jippreżentaw livell ta’ tħassib ekwivalenti għas-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBTs) u għandhom proprjetajiet ta’ trasport fuq medda twila.

(5)

L-istrumenti tal-kejl tal-merkurju jintużaw ħafna mal-Ewropa kollha, u dan iwassal għall-possibbiltà ta’ rilaxx tal-merkurju fl-ambjent matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u jikkontribwixxi għall-emissjonijiet globali tal-merkurju, u b’hekk anki għall-esponiment tal-popolazzjoni umana u ta’ speċijiet oħrajn permezz tal-ambjent.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fl-annotazzjoni 18a tal-Anness XVII, jipprevedi projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta’ termometri tad-deni li fihom il-merkurju, kif ukoll strumenti tal-kejl oħra li fihom il-merkurju maħsuba għall-bejgħ lill-pubbliku ġenerali, u jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni tad-disponibbiltà ta’ alternattivi affidabbli u aktar sikuri li huma teknikament u ekonomikament vijabbli għall-isfigmomanometri u strumenti tal-kejl oħra li fihom il-merkurju li jintużaw fil-qasam tal-kura tas-saħħa kif ukoll f’oqsma professjonali u industrijali oħrajn. Abbażi ta’ dik ir-reviżjoni, jew malli tkun disponibbli informazzjoni ġdida dwar alternattivi affidabbli u aktar sikuri għal sfigmomanometri u strumenti oħra tal-kejl li fihom il-merkurju, il-Kummissjoni hi mitluba, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva biex testendi r-restrizzjonijiet li diġà huma stipulati f’dik l-annotazzjoni għall-isfigmomanometri u strumenti oħra tal-kejl li jintużaw fil-qasam tal-kura tas-saħħa kif ukoll f’oqsma professjonali u industrijali oħrajn, sabiex il-merkurju fi strumenti tal-kejl jitneħħa gradwalment kull meta jkun teknikament u ekonomikament vijabbli.

(7)

Abbażi tal-ammont konsiderevoli ta’ informazzjoni ġdida miġubra, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta’ reviżjoni tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) u talbitha biex tħejji dossier li jikkonfoma mar-rekwiżiti tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 69 ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-Aġenzija ħejjiet dossier fejn tipproponi li l-merkurju jiġi ristrett fl-istrumenti tal-kejl li ġejjin, użati f’applikazzjonijiet industrijali u professjonali (inkluża l-kura tas-saħħa): barometri, igrometri, manometri, sfigmomanometri, strain gauges użati mal-pletismografi, tensjometri, termometri u applikazzjonijiet termometriċi oħrajn mhux tal-elettriku li fihom il-merkurju, strumenti tal-kejl tal-merkurju għad-determinazzjoni tal-punt tat-trattib u piknometri tal-merkurju. Id-dossier juri li tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi indirizzat ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li joħloq l-użu tal-merkurju f’dawn l-istrumenti tal-kejl.

(9)

Issa saru disponibbli strumenti tal-kejl alternattivi mingħajr merkurju, li jippreżentaw riskji assoċjati ferm aktar baxxi mir-riskji għas-saħħa u l-ambjent maħluqa mill-istrumenti tal-kejl tal-merkurju.

(10)

Għall-istudji epidemjoloġiċi li jinsabu għaddejjin u li jużaw l-isfigmomanometri tal-merkurju, il-metodju tal-kejl ma għandux jinbidel, u għalhekk għandha tingħata deroga sakemm jitlestew dawn l-istudji. Għall-isfigmomanometri użati bħala standard ta’ referenza għall-validazzjoni ta’ strumenti ħielsa mill-merkurju, ma setax jiġi stabbilit iż-żmien meħtieġ biex jiġu żviluppati u rikonoxxuti, bħala standard ta’ referenza, l-alternattivi ħielsa mill-merkurju, u għalhekk id-deroga għal dawn l-istrumenti għandha tkun mingħajr limitu ta’ żmien.

(11)

Għal termometri maħsuba esklużivament biex iwettqu testijiet skont l-istandards li jirrikjedu l-użu ta’ termometri tal-merkurju, jinħtieġ perjodu ta’ żmien biex jiġu emendati dawk l-istandards, u għalhekk id-deroga għandha tingħata għal perjodu ta’ ħames snin. Billi l-merkurju jinħtieġ bħala punt ta’ referenza fl-Iskala Internazzjonali tat-Temperatura tal-1990, għandha tingħata wkoll deroga, mingħajr limitu ta’ żmien, għaċ-ċelloli tal-merkurju għall-kejl tal-punt triplu li jintużaw għall-kalibrazzjoni ta’ termometri ta’ reżistenza tal-platinu.

(12)

Fil-każ tal-porożimetri, tal-elettrodi tal-merkurju użati fil-voltametrija u tas-sondi tal-merkurju użati biex jiddeterminaw il-kapaċitanza u l-vultaġġ, għad ma jeżistux alternattivi vijabbli, u għalhekk mhi proposta l-ebda restrizzjoni għal dawn l-istrumenti tal-kejl.

(13)

Għandha tingħata deroga biex ikunu permessi l-bejgħ u x-xiri ta’ strumenti tal-kejl abbażi tal-merkurju antiki u ta’ valur storiku, li jistgħu jitqiesu bħala antikitajiet jew oġġetti kulturali. Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fl-annotazzjoni 18a tal-Anness XVII, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl li fihom il-merkurju maħsuba biex jinbiegħu lill-pubbliku ġenerali, għajr termometri għad-deni, jekk ikollhom aktar minn 50 sena fit-3 ta’ Ottubru 2007. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, għandhom japplikaw l-istess determinanti ta’ età ħlief fir-rigward ta’ strumenti tal-kejl antiki użati fl-applikazzjonijiet industrijali u professjonali (inkluża l-kura tas-saħħa).

(14)

Għandha tingħata wkoll deroga għall-istrumenti tal-kejl li jidhru f’wirjiet għal finijiet kulturali u storiċi, inklużi dawk li kellhom anqas minn 50 sena fit-3 ta’ Ottubru 2007 iżda xorta waħda għandhom valur storiku u kulturali.

(15)

Fit-8 ta’ Ġunju 2011, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta, li qies bħala l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f’termini tal-effikaċja fit-tnaqqis tar-riskji.

(16)

Fil-15 ta’ Settembru 2011 il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta, li qies bħala l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f’termini tal-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha mal-ispejjeż soċjoekonomiċi tagħha.

(17)

L-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika.

(18)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(19)

Huwa xieraq li jingħata perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-partijiet interessati kkonċernati biex jieħdu l-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għall-konformità mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(20)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-10 ta’ April 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  COM(2005) 20 finali.

(3)  COM(2010) 723 finali.

(4)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2011“Reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju”, tal-4 ta’ Diċembru 2008“Nindirizzaw l-isfidi globali tal-merkurju” u tal-24 ta’ Ġunju 2005“Dwar l-Istrateġija Komunitarja Dwar il-Merkurju”.


ANNESS

Fl-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 l-annotazzjoni 18a hi emendata kif ġej:

(1)

il-paragrafu 4 qed jitħassar;

(2)

qed jiżdiedu l-paragrafi 5 sa 8 li ġejjin:

 

“5.

L-istrumenti tal-kejl li ġejjin, li fihom il-merkurju u huma maħsuba għal użi industrijali u professjonali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq wara l-10 ta’ April 2014:

(a)

barometri;

(b)

igrometri;

(c)

manometri;

(d)

sfigmomanometri;

(e)

strain gauges biex jintużaw mal-pletismografi;

(f)

tensjometri;

(g)

termometri u applikazzjonijiet termometriċi mhux tal-elettriku oħrajn.

Ir-restrizzjoni għandha tapplika wkoll għal strumenti tal-kejl fil-punti (a) sa (g) li jitqiegħdu fis-suq vojta jekk ikunu maħsuba biex jimtlew bil-merkurju.

6.

Ir-restrizzjoni fil-paragrafu 5 ma għandhiex tapplika għal:

(a)

sfigmomanometri li jridu jintużaw:

(i)

fi studji epidemjoloġiċi li jkunu għaddejjin fl-10 ta’ Ottubru 2012

(ii)

bħala standards ta’ referenza fi studji ta’ validazzjoni klinika ta’ sfigmomanometri ħielsa mill-merkurju;

(b)

termometri maħsuba esklużivament għat-twettiq ta’ testijiet skont l-istandards li jirrikjedu l-użu ta’ termometri tal-merkurju sal-10 ta’ Ottubru 2017;

(c)

ċelloli tal-merkurju għall-kejl tal-punt triplu li jintużaw għall-kalibrazzjoni ta’ termometri ta’ reżistenza tal-platinu.

7.

L-istrumenti tal-kejl li ġejjin, li jużaw il-merkurju u huma maħsuba għal użi professjonali u industrijali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq wara l-10 ta’ April 2014:

(a)

piknometri tal-merkurju;

(b)

strumenti tal-kejl tal-merkurju għad-determinazzjoni tal-punt tat-trattib.

8.

Ir-restrizzjonijiet fil-paragrafi 5 u 7 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

strumenti tal-kejl li fit-3 ta’ Ottubru 2007 ikollhom aktar minn 50 sena;

(b)

strumenti tal-kejl li jridu jidhru f’wirjiet pubbliċi għal finijiet kulturali u storiċi.”


Top