Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0233

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 233/2012 tas- 16 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie emendat għad-Danimarka Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 78, 17.3.2012, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2013; Imħassar b' 32013R0631

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/233/oj

    17.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 78/13


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 233/2012

    tas-16 ta’ Marzu 2012

    li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-approvazzjoni tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie emendat għad-Danimarka

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċerta enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari il-punt (b)(iii) tas-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu A tal-Anness VIII tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fl-annimali. Dan jipprevedi l-approvazzjoni tal-programmi nazzjonali tal-kontroll tal-iscrapie tal-Istati Membri jekk dawn ikunu f’konformità ma’ ċerti kriterji stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 546/2006 tal-31 ta’ Marzu 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tal-iscrapie u garanziji addizzjonali u li jidderoga minn ċerti ħtiġijiet tad-Deċiżjoni 2003/100/KE u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1874/2003 (2) approva inter alia programmi nazzjonali għall-kontroll tal-iscrapie u stabbilixxa garanziji addizzjonali relatati mal-impriżi u r-restrizzjonijiet fiċ-ċaqliq uffiċjali skont certi kondizzjonijiet għall-annimali ovini u kaprini.

    (3)

    Fil-25 ta’ Novembru 2011, id-Danimarka ppreżentat programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie emendat għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni li jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 999/2001. Sa mill-2003, l-istokk kollu maqtul tal-annimali ovini u kaprini li għandhom aktar minn 18-il, xahar kien ittestjat għall-iscrapie fid-Danimarka u ma nstab l-ebda każ ta’ scrapie klassiku. Għalhekk l-għan tal-emenda fil-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie tad-Danimarka huwa li jnaqqas in-numru ta’ testijiet imwettqa kull sena, mill-ittestjar estensiv attwali tal-annimali ovini u kaprini maqtula li għandhom aktar minn 18-il xahar għall-minimu meħtieġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

    (4)

    Ikkunsidrata s-sitwazzjoni epidemjoloġika favorevoli fid-Danimarka bħalissa, il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie emendat għal dan l-Istat Membru għandu jkun approvat.

    (5)

    Il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie emendat mhu se jkollu l-ebda impatt fuq il-kummerċ peress li l-garanziji addizzjonali u r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq uffiċjali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 546/2006 jibqgħu l-istess. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jibda japplika minnufih.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-iscrapie emendat ippreżentat mid-Danimarka lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Novembru 2011 hu hawnhekk approvat.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (2)  ĠU L 94, 1.4.2006, p. 28.


    Top