This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0443
2012/443/EU: Council Decision of 23 July 2012 addressed to Spain on specific measures to reinforce financial stability
2012/443/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2012 indirizzata lil Spanja dwar miżuri speċifiċi biex tiġi rinfurzata l-istabbiltà finanzjarja
2012/443/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2012 indirizzata lil Spanja dwar miżuri speċifiċi biex tiġi rinfurzata l-istabbiltà finanzjarja
ĠU L 202, 28.7.2012, p. 17–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/17 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Lulju 2012
indirizzata lil Spanja dwar miżuri speċifiċi biex tiġi rinfurzata l-istabbiltà finanzjarja
(2012/443/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136(1)(b) flimkien mal-Artikolu 126(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 136(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti linji gwida ekonomiċi speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. |
(2) |
Fir-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2012 u l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabbiltà ta’ Spanja għall-2012-2015 (1), il-Kunsill irrakkomanda li Spanja għandha tieħu azzjoni biex “timplementa r-riforma tas-settur finanzjarju, b’mod partikolari tikkumplementa r-ristrutturar tas-settur bankarju li għaddej bħalissa billi tindirizza s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet dgħajfa li għad fadal, u tressaq strateġija komprensiva biex tindirizza effettivament l-assi ta’ legati fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, u tiddefinixxi pożizzjoni ċara dwar il-finanzjament u l-użu ta’ faċilitajiet ta’ salvagwardja”. |
(3) |
Id-disponibbiltà abbundanti ta’ finanzjament estern bi prezz baxx fi Spanja fis-snin 2000 tat lok għal domanda interna stimulata mill-kreditu u boom ta’ assi ikkonċentrati b’mod partikolari fis-settur immobiljari. Is-settur bankarju Spanjol ġie affettwat ħażin meta nfaqgħet il-bużżieqa tas-settur immobiljari u tal-konstruzzjoni u mir-riċessjoni ekonomika konsegwenti. B’riżultat ta’ dan, bl-eċċezzjoni ta’ għadd żgħir ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu kbar u diversifikati internazzjonalment, il-banek Spanjoli tilfu l-biċċa l-kbira tal-aċċess għas-swieq tal-finanzjament tal-operaturi b’termini affordjabbli u, għaldaqstant, saru dipendenti ħafna fuq ir-rifinanzjament tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-banek Spanjoli biex jieħdu self ġiet limitata severament mill-impatt ta’ klassifikazzjoni aktar baxxa fuq id-disponibbiltà kollaterali. |
(4) |
Il-kontrazzjoni mdaqqsa tal-ekonomija f’dawn l-aħħar snin, li qed taffettwa l-impjiegi u l-qgħad b’mod negattiv ħafna, iddeterjorat b’mod sostanzjali l-pożizzjoni baġitarja fi Spanja. Skont aġġornament mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2012, id-defiċit ġenerali tal-gvern huwa pprojettat għal 6,3 % tal-PDG fl-2012, li jitqabbel ma’ defiċit mistenni ta’ 5,3 % tal-PDG fil-programm ta’ stabbiltà tal-2012 u l-abbozz tal-liġi tal-baġit tal-2012. Id-dejn pubbliku gross tela’ għal 68,5 % tal-PDG fl-2011, u skont l-aġġornament mis-servizzi tal-Kummissjoni tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2012, mistenni jitla’ f’daqqa għal 80,9 % tal-PDG fl-2012 u għal 86,8 % fl-2013, abbażi ta’ xenarju ta’ ebda bidla fil-politika, u għalhekk ikun qabeż il-valur ta’ referenza tat-Trattat fis-snin kollha. Ir-riskji li hemm marbuta max-xenarju makroekonomiku u l-miri baġitarji, kif ukoll mal-miżuri addizzjonali ta’ salvataġġ finanzjarju, jistgħu jikkontribwixxu għal iktar żieda fid-dejn pubbliku. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, fl-10 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni lil Spanja taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) biex sal-2014 ittemm is-sitwazzjoni attwali ta’ defiċit eċċessiv. |
(5) |
L-awtoritajiet Spanjoli ħadu għadd ta’ miżuri importanti biex jiġu indirizzati l-problemi fis-settur bankarju. Dawn il-miżuri jinkludu tindifa tal-karti tal-bilanċ tal-banek, żieda tar-rekwiżiti kapitali minimi, ristrutturar tas-settur bankarju tat-tfaddil, żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta’ proviżjonament għal self relatat mal-iżvilupp tas-settur immobiljari (Real Estate Development – RED) u għal assi preklużi. Dawn il-miżuri, madankollu, ma kinux suffiċjenti biex itaffu l-pressjoni tas-suq. |
(6) |
Fi Frar 2011, l-awtoritajiet Spanjoli għollew ir-rekwiżit tal-proporzjon minimu tal-kapital (“capital principal”) għal 8 % tal-assi tal-bank ippeżati għar-riskju u lill-banek tawhom sa Settembru 2011 biex jikkonformaw ma’ dan ir-regolament il-ġdid. Għall-banek li huma aktar dipendenti fuq il-finanzjament tal-operaturi u kkaratterizzati minn aċċess limitat għas-suq il-proporzjon minimu tal-kapital żdied għal 10 %. Fi Frar u Mejju tal-2012, leġiżlazzjoni ġdida esiġiet li l-banek jibnu proviżjonijiet u bafers kapitali ogħla kontra telf possibbli fuq self produttiv u self improduttiv fuq l-istokk akkumulat ta’ assi tas-settur tal-kostruzzjoni u dak immobiljari. Il-volum kumplessiv mistenni ta’ dawn ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ proviżjonament ammontaw għal madwar EUR 84 biljun. |
(7) |
Minn April 2012, it-total tal-kontribuzzjoni finanzjarja grossa mill-Istat Spanjol (esklużi l-garanziji fuq il-ħruġ ta’ bonds) ammonta għal madwar EUR 15-il biljun. L-appoġġ kapitali ġie pprovdut permezz tal-Fond għar-Ristrutturar Xieraq tal-Banek (Fund for Orderly Bank Restructuring - FROB) mogħni b’kapital ta’ EUR 15-il biljun, li minnhom EUR 9 biljun kienu diġà tħallsu. L-Istat ipprovda wkoll garanziji għal bonds bankarji privileġġati li nħarġu minn banek li jammontaw għal madwar EUR 86 biljun (minn dan it-total, madwar EUR 58 biljun f’garanziji kienu pendenti). Għalkemm il-FROB kien għad baqagħlu kapaċità ta’ finanzjament ta’ tliet darbiet daqs l-allokazzjoni kapitali tiegħu, l-appoġġ disponibbli mis-settur pubbliku domestiku mhux se jkun biżżejjed biex jipprovdi protezzjoni kbira biżżejjed għat-twettiq tat-tindif meħtieġ tas-sistema kollha tas-settur bankarju. |
(8) |
Tħassib dwar il-ħtieġa għal rikapitalizzazzjoni ulterjuri tas-settur bankarju kkontribwixxa għal pressjonijiet tas-suq dejjem jiżdiedu fuq il-bonds tal-gvern Spanjol. Ir-rendiment tal-bonds sovrani laħqu livelli li jaqbżu sew il-500 punti bażi lejn l-aħħar ta’ Ġunju 2012 u l-bidu ta’ Lulju 2012, u b’hekk żied l-ispejjeż tal-finanzjament għad-dejn sovran Spanjol. Il-piż dejjem jikber tal-imgħax ikompli jkabbar l-isfida tal-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi fi Spanja u l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Għalhekk, ir-ristrutturazzjoni u r-rikapitalizzazzjoni komprensivi tas-settur bankarju huma element importanti fit-tnaqqis tal-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. |
(9) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2012, l-awtoritajiet Spanjoli talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni u r-rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju Spanjol. L-assistenza qed tintalab skont it-termini tal-Assistenza Finanzjarja għar-Rikapitalizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji mill-Faċilita Ewropea ta’ Stabbilità Finanzjarja. L-assistenza pprovduta hija soġġetta għal kundizzjonalità speċifika għas-settur finanzjarju, kif previst fil-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) innegozjat bejn il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), bl-assistenza teknika tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Dan ser jinkludi kemm kondizzjonalità speċifika għall-banek f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna Statali kif ukoll kondizzjonalità orizzontali. B’mod parallell, Spanja ser ikollha tikkonforma kompletament mal-impenji u l-obbligi tagħha skont il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew. |
(10) |
Iż-żieda fir-reżiljenza tas-settur bankarju Spanjol fuq terminu twil hija kritika biex tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja u jiġi llimitat it-tifrix tal-istress finanzjarju f’ekonomiji oħrajn taż-żona tal-euro u, għaldaqstant jiġu evitati l-effetti ħżiena fuq il-funzjonament xieraq tal-ekonomija u tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-miżuri sinifikanti li ttieħdu s’issa biex jindirizzaw dawn il-problemi ma kinux għalkollox suffiċjenti. Għalhekk huma meħtieġa aktar miżuri. B’mod partikolari, Spanja għandha timplimenta miżuri speċifiċi addizzjonali biex tittratta l-assi akkumulati b’mod effettiv, tirrestawra l-finanzjament abbażi tas-suq, tnaqqas id-dipendenza tal-banek fuq appoġġ ta’ likwidità mill-bank ċentrali, u biex isaħħaħ il-mekkaniżmi tal-identifikazzjoni tar-riskji u tal-immaniġġjar tal-kriżijiet. |
(11) |
Bħala parti mill-istrateġija kumplessiva, huwa essenzjali li tittratta l-assi akkumulati b’mod effettiv billi tesiġi segregazzjoni ċara tal-assi problematiċi ta’ banek megħjuna mill-karti tal-bilanċ tal-banek. Dan għandu japplika, b’mod partikolari, għal self relatat mal-RED u mal-assi preklużi. Segregazzjoni ta’ dan it-tip tneħħi kwalunkwe dubju li jkun baqa’ dwar il-kwalità tal-karti tal-bilanċ tal-banek, u b’hekk ikunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom ta’ intermedjazzjoni finanzjarja. |
(12) |
Barra minn hekk, it-titjib fit-trasparenza tal-karti tal-bilanċ tal-banek b’dan il-mod jista’ jiffaċilita tnaqqis xieraq tal-iskoperturi tal-banek għas-settur immobiljari, jerġa’ jibda l-finanzjamant ibbażat fuq is-suq, u jnaqqas id-dipendenza tal-banek fuq appoġġ ta’ likwidità mill-bank ċentrali. |
(13) |
L-iżgurar ta’ qafas sod għas-settur bankarju Spanjol jesiġi li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-identifikazzjoni tar-riskji u tal-immaniġġjar tal-kriżijiet. Strateġija effettiva għandha tinkludi bidliet li jkollhom l-għan li jsaħħu l-qafas regolatorju u ta’ sorveljanza, filwaqt li jqisu l-esperjenzi tal-kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, il-governanza korporattiva għandha tissaħħaħ skont l-aqwa prattiki internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-BĊE, l-ABE u l-FMI, ftehmet mal-awtoritajiet Spanjoli l-kundizzjonijiet ta’ politika speċifika għas-settur finanzjarju mehmużin mal-assistenza finanzjarja. Dawk il-kondizzjonijiet huma stabbiliti fil-MtQ li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar Faċilita’ ta’ Assistenza Finanzjarja.
Spanja għandha tirrikapitalizza b’mod xieraq u tirristruttura bl-akbar reqqa s-sistema bankarja tagħha. F’dak ir-rigward, Spanja għandha tiżviluppa b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, u b’konsultazzjoni mal-BĊE strateġija għall-istruttura, il-funzjonament u l-vijabbiltà futuri tal-banek Spanjoli li tidentifika kif se jiġi żgurat li huma kapaċi joperaw mingħajr appoġġ ulterjuri mill-istat. Din l-istrateġija ser tiġi speċifikata aktar fil-MtQ, bi żvilupp ulterjuri tal-kundizzjonijiet ta’ politika inkorportati f’din id-Deċiżjoni.
2. Il-komponenti ewlenin ta’ din l-istrateġija għandhom ikunu bidla radikali fil-partijiet dgħajfa tas-settur bankarju Spanjol u tisħiħ tal-oqfsa regolatorji u ta’ sorveljanza għas-settur bankarju.
3. Il-bidla radikali fil-partijiet dgħajfa tas-settur bankarju Spanjol għandha tkun magħmula minn dawn it-tliet elementi:
(a) |
l-identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet kapitali ta’ kull bank individwali permezz ta’ analiżi komprensiva tal-kwalità tal-assi tas-settur bankarju u test tal-istress bank b’bank, abbażi ta’ dik l-analiżi tal-kwalità tal-assi. Abbażi tar-riżultati tas-simulazzjonijiet ta’ kriżi, il-banek li jeħtieġu injezzjoni kapitali ser jitpoġġew fi tliet ġruppi differenti. Kull grupp ser ikun soġġett għall-obbligu li jippreżenta pjani ta’ ristrutturar u risoluzzjoni, u għall-miżuri komplementari u sussegwenti kollha, kif previst fil-MtQ; |
(b) |
ir-rikapitalizzazzjoni, ir-ristrutturar u/jew ir-riżoluzzjoni b’mod xieraq ta’ banek dgħajfa, abbażi ta’ pjanijiet biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas identifikat fit-test tal-istress. Dawn il-pjani ser ikunu bbażati fuq il-prinċipji ta’ vijabbilta’, jimminimizzaw l-ispiża għal min iħallas it-taxxa (kondiviżjoni tal-piżijiet) u jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għal dak il-għan, Spanja ser tadotta leġislazzjoni biex (i) tippermetti l-implimentazzjoni ta’ Eżerċizzji ta’ Responsabbiltà Subordinata, inkluż il-forom obbligatorji ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u (ii) jiġi aġġornat il-qafas ta’ risoluzzjoni tal-banek sabiex jiġu inkorporati s-setgħat ta’ risoluzzjoni rilevanti għall-FROB u l-Fond għall-Garanzija tad-Depożiti (FGD), u b’kont meħud tal-proposta regolatorja tal-UE dwar ġestjoni ta’ kriżi u r-risoluzzjoni tal-banek, inkluż għodda speċjali għar-risoluzzjoni ta’ banekk mhux vijabbli; |
(c) |
is-segregazzjoni tal-assi f’dawk il-banek li jirċievu appoġġ pubbliku fl-isforz tar-rikapitalizzazzjoni tagħhom u t-trasferiment tagħhom tal-assi danneġġati lil Kumpanija Maniġerjali tal-Assi (KMA) esterna, biex jilħqu l-valur fit-tul tagħhom. Spanja, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-ABE u bl-assistenza teknika tal-FMI, ser tħejji qafas legislattiv komprensiv għall-istabbiliment u l-funzjonament tal-KMA, sabiex tagħmilha kompletament operattiva sa Novembru 2012. |
4. Sabiex jiġi żgurat qafas sod għas-settur bankarju, Spanja għandha ssaħħaħ ukoll l-oqfsa regolatorji u ta’ sorveljanza kif ukoll tirrinforza l-governanza. L-istrateġija u l-kundizzjonalità, li hija speċifikata b’mod komprensiv fil-MtQ, għandha fost l-oħrajn tinkludi l-miżuri li ġejjin:
(a) |
teħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-kreditu Spanjoli li jżidu l-proporzjon tagħhom ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-anqas għal 9 % skont id-definizzjoni tal-kapital stabbilita fl-eżerċizzju ta’ rikapitalizzazzjoni tal-ABE; |
(b) |
teħtieġ, mill-1 ta’ Jannar 2013, li l-istituzzjonijiet tal-kreditu Spanjoli japplikaw id-definizzjoni ta’ kapital stabbilita fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (Capital Requirements Regulation - CRR); |
(c) |
l-analiżi mill-ġdid tal-qafas legali għall-proviżjonament tat-telf mis-self. B’mod partikolari, abbażi tal-esperjenzi tal-kriżi finanzjarja, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jagħmlu proposti biex iġeddu l-qafas permanenti għall-proviżjonament tat-telf mis-self, filwaqt li jqisu l-miżuri temporanji introdotti matul dawn l-aħħar xhur, kif ukoll il-qafas tal-kontabilità tal-UE; |
(d) |
it-tisħiħ ulterjuri tal-indipendenza operazzjonali tal-Banco de España; f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet u standards internazzjonali, bit-trasferiment tas-setgħat ta’ sanzjonar u ta’ liċenzjar tal-Ministeru tal-Ekonomija fir-rigward tas-settur bankarju lill-Banco de España; |
(e) |
it-tisħiħ ulterjuri tal-proċeduri ta’ sorveljanza tal-Banco de España abbażi ta’ awditjar intern; |
(f) |
ir-reviżjoni tal-arranġamenti ta’ governanza tal-aġenziji li joffru sikurezza finanzjarja (il-FROB u l-FGD – il-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti) biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali; |
(g) |
it-tisħiħ tar-regoli dwar il-governanza tas-settur bankarju tat-tfaddil u tal-banek li huma proprjetà tal-banek tat-tfaddil; |
(h) |
l-emendar tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u dwar it-titoli biex tillimita l-bejgħ mill-banek ta’ strumenti ta’ dejn subordinarju (jew stumenti mhux koperti mill-FGD) lil klijenti bl-imnut mhux kwalifikati, u t-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-konformità mill-awtoritajiet; |
(i) |
it-teħid ta’ passi biex tiġi minimizzata l-ispiża għal min iħallas it-taxxa tar-ristrutturar tal-banek. Wara l-allokazzjoni tat-telf lit-titolari tal-ekwità, l-awtoritajiet Spanjoli ser jeħtieġu miżuri ta’ kondiviżjoni tal-piż minn detenturi ta’ kapital ibridu u detenturi tad-dejn subordinarju f’banek li jirċievu kapital pubbliku; |
(j) |
l-impenn biex jiġu llimitati l-livelli tal-paga tal-membri tal-bord eżekuttiv u dak superviżorju tal-banek kollha megħjuna mill-Istat; |
(k) |
it-tisħiħ tar-reġistru tal-kreditu pubbliku ser jissaħħaħ. |
5. L-awtoritajiet ser jipprovdu lill-Kummissjoni, il-BĊE, l-ABE u l-FMI, taħt kundizzjonijiet stretti ta’ kunfidenzjalità, id-data meħtieġa għall-monitoraġġ tas-settur bankarju.
6. Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-BĊE u l-ABE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijijet ta’ politika marbutin mal-assistenza finanzjarja jiġu sodisfatti permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Spanjoli kull tliet xhur. Il-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-FROB fil-kuntest tal-programm ser isir b’mod regolari.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU C 219, 24.7.2012, p. 81.