Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0427

    2012/427/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ Lulju 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 198, 25.7.2012, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2015; Imħassar b' 32015D0887

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/427/oj

    25.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/17


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-24 ta’ Lulju 2012

    dwar ir-rikonoxximent tal-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (2012/427/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (2), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7c(6) tagħha,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2009/28/KE,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE t-tnejn li huma jistipulaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7b u 7c u tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 18 u tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (2)

    Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (3)

    Il-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28/KE tiddikjara li l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija għandha tiġi evitata u li l-iskemi volontarji jistgħu jgħinu biex jinħolqu soluzzjonijiet effiċjenti biex tiġi ppruvata l-konformità ma’ dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà.

    (4)

    Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew li skema volontarja nazzjonali jew internazzjonali biex jitkejjel kemm qed jiġu ffrankati emissjonijiet tal-gassijiet serra fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tal-istess Direttiva.

    (5)

    Il-Kummissjoni tista’ tirrikonoxxi skema volontarja bħal din għal perjodu ta’ ħames snin.

    (6)

    Meta operatur ekonomiku jipprovdi provi jew dejta miksuba skont skema volontarja li tkun ġiet irrikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b’dik id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jesiġi li l-fornitur jipprovdi aktar evidenza tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà.

    (7)

    L-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” tressqet quddiem il-Kummissjoni b’talba għal rikonoxximent fis-27 ta’ Marzu 2012. L-iskema tkopri l-qamħ tax-xitwa, il-qamħirrum u ż-żerriegħa tal-kolza prodotti fit-Tramuntana tal-Gran Brittanja sal-ewwel punt ta’ kunsinna ta’ dawn l-uċuħ. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE. Il-Kummissjoni għandha tqis l-aspetti tas-sensittività kummerċjali u tista’ tiddeċiedi li tippubblika biss parti mill-iskema.

    (8)

    Valutazzjoni tal-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” sabet li din tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE, kif ukoll li din tapplika, sal-ewwel punt ta’ kunsinna ta’ dawn l-uċuħ, metodoloġija ta’ bilanċ tal-massa li hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE. L-iskema tipprovdi dejta preċiża dwar żewġ elementi neċessarji għall-finijiet tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, b’mod partikolari, iż-żona ġeografika li minnha jkunu ġejjin l-uċuħ u l-emissjonijiet, fuq bażi annwali, li jkunu ġejjin minn bidliet fl-istokk tal-karbonju kkawżati minn bidla fl-użu tal-art. Perċentwal żgħir ta’ membri fl-iskema ma jissodisfawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà għal parti mill-art tagħhom. L-iskema tindika l-istat ta’ konformità sħiħa jew parzjali tal-art tal-membri tagħha fil-bażi tad-dejta tal-membri tagħha li tinsab onlajn u turi l-konformità tal-kunsinni mal-kriterji ta’ sostenibbiltà fuq il-passaport imsejjaħ “Scottish Quality Crops”.

    (9)

    L-evalwazzjoni tal-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” sabet li din tissodisfa standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti.

    (10)

    Kwalunkwe element addizzjonali ta’ sostenibbiltà kopert bl-iskema msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” mhuwiex meqjus f’din id-Deċiżjoni. Dawn l-elementi addizzjonali ta’ sostenibbiltà mhumiex obbligatorji biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà previsti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iskema volontarja msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” li għaliha tressqet talba għar-rikonoxximent quddiem il-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2012, turi, permezz tal-passaport tagħha msejjaħ “Scottish Quality Crops”, li l-kunsinni tal-qamħ tax-xitwa, tal-qamħirrum u ż-żerriegħa tal-kolza huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 17(3), 17(4) u 17(5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikoli 7b(3), 7b(4) u 7b(5) tad-Direttiva 98/70/KE. Din l-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet, fuq bażi annwali, li jkunu ġejjin minn bidliet fl-istokk tal-karbonju kkawżati minn bidla fl-użu tal-art (e l ), imsemmija fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE, li l-iskema turi li huma ekwivalenti għal żero, u maż-żona ġeografika msemmija fil-punt 6 tal-parti C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fil-punt 6 tal-parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

    L-iskema volontarja msejħa “Scottish Quality Farm Assured Combinable Crops Limited” tista’ tintuża sal-ewwel punt ta’ kunsinna, għall-kunsinni kkonċernati, biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames snin minn meta tidħol fis-seħħ. Jekk isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni b’tali mod li dan jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, it-tali tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta jew le.

    Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka din id-Deċiżjoni jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta’ dawk l-elementi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

    (2)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

    (3)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88.


    Top