EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0343

2012/343/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Ġunju 2012 li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 168, 28.6.2012, p. 38–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/343/oj

28.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Ġunju 2012

li ttemm il-proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2012/343/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   L-INIZJAZZJONI

(1)

Fid-19 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż li ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), (“avviż tal-bidu”), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-“RPĊ” jew il-“pajjiż ikkonċernat”).

(2)

Il-proċediment inbeda b’riżultat ta’ ilment ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2011 minn Solae Europe S.A. (“l-ilmentatur”) li jirrappreżenta biċċa kbira, f’dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata (3). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping tal-prodott imsemmi, kif ukoll ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, u li tqieset biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment.

2.   IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI MILL-PROĊEDIMENT

(3)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-bidu tal-proċediment lill-ilmentatur, lill-produttur magħruf l-ieħor tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi u lir-rappreżentanti tar-RPĊ, lill-importaturi, lill-fornituri u lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu.

(4)

Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ.

(5)

Fejn kien xieraq ġew ikkunsidrati l-kummenti verbali u bil-miktub li ppreżentaw il-partijiet interessati.

(6)

Fid-dawl tal-għadd apparentament għoli ta’ produtturi esportaturi u importaturi mhux relatati tal-Unjoni, it-teħid ta’ kampjuni kien previst fin-notifika tal-bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ teħid ta’ kampjuni u, jekk ikun il-każ, biex tkun tista’ tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha u l-importaturi mhux relatati fl-Unjoni ntalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu, kif speċifikat fin-notifika ta’ bidu, tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-prodott ikkonċernat fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-awtoritajiet tar-RPĊ ġew ikkonsultati wkoll fuq il-kampjun tal-produtturi esportaturi.

2.1.   IT-TEĦID TA’ KAMPJUN TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI

(7)

Għoxrin produttur esportatur taw l-informazzjoni mitluba fl-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni u offrew il-kooperazzjoni qabel l-iskadenzi. Il-volumi tal-bejgħ tal-UE rrapurtati minn dawn il-(gruppi ta’) produtturi esportaturi rrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet ikkonċernati fil-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-kooperazzjoni kienet meqjusa sostanzjali.

(8)

Minħabba l-għadd għoli ta’ (gruppi ta’) produtturi esportaturi li wrew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw, ġie deċiż li kien meħtieġ li jittieħed kampjun fir-rigward tal-produtturi esportaturi.

(9)

Il-Kummissjoni għażlet kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, ibbażat fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet li, b’mod raġonevoli, jista’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul inizjalment kien jikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ kumpaniji relatati, li jirrappreżentaw inter alia ħames produtturi individwali u 40 % sa 50 % tal-volum tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-UE fil-perjodu tal-investigazzjoni. Wara li waslu indikazzjonijiet li aktarx dawn iż-żewġ gruppi se jkollhom jiġu ttrattati bħala entità waħda għall-għan tal-istabbiliment ta’ dazju anti-dumping (ara l-premessa 41), il-kampjun ġie estiż biex jinkludi t-tielet grupp ta’ produtturi esportaturi, sabiex b’hekk jirrappreżenta 45 % sa 60 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet Ċiniżi ġew ikkonsultati dwar l-għażla inizjali kif ukoll dwar l-espansjoni ta’ wara tal-kampjun. Żewġ produtturi esportaturi relatati oġġezzjonaw l-espansjoni tal-kampjun billi argumentaw li, jekk il-kampjun jiġi estiż, huma jkunu jikkwalifikaw aħjar bħala t-tielet grupp ta’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għandu jkun enfasizzat li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kampjun ġdid propost kien magħmul minn tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi bl-akbar volumi tal-bejgħ tal-UE tal-prodott ikkonċernat fil-PI. Barra minn hekk, il-volumi tal-bejgħ fl-UE tal-prodott ikkonċernat matul il-PI taż-żewġ produtturi relatati li saħqu li kellhom jintgħażlu bħala t-tielet grupp, kienu żgħar ħafna, u jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-volumi korrispondenti tat-tielet grupp magħżul. Għalhekk, ġie kkonfermat li r-rappreżentattività tal-kampjun estiż kienet moqdija l-aħjar bit-tliet gruppi proposti. Ma tqajmux iktar oġġezzjonijiet.

2.2.   TEĦID TA’ KAMPJUN TAL-IMPORTATURI

(10)

Wara li ġiet eżaminata l-informazzjoni mressqa, u minћabba l-għadd kbir ta’ importaturi li indikaw li kienu lesti li jikkooperaw, ġie deċiż li kien meħtieġ kampjun fil-każ tal-importaturi mhux relatati.

(11)

Seba’ importaturi mhux relatati, li jirrappreżentaw 20 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Tliet importaturi, li jirrappreżentaw madwar 17 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ u kważi 90 % tal-importazzjonijiet tal-importaturi li kkooperaw, intgħażlu fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-għażla tal-kampjun. Ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni. Wieħed mill-importaturi fil-kampjun ma kompliex jikkoopera u ma pprovdiex tweġiba għall-kwestjonarju.

2.3.   IT-TWEĠIBIET TAL-KWESTJONARJU U L-VERIFIKI

(12)

Sabiex il-gruppi fil-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ jkunu jistgħu jitolbu trattament tal-ekonomija tas-suq (“TES”) jew trattament individwali (“TI”), f’każ li jkunu jixtiequ, il-Kummissjoni bagħtitilhom formoli ta’ applikazzjoni għal TES/IT. F’dan ir-rigward, iż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji fil-kampjun talbu TES skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-grupp ta’ kumpaniji l-ieħor fil-kampjun talab TI skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(13)

Intbagħtu wkoll formoli għal TES/TI lill-(gruppi ta’) produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kienu ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

(14)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kif ukoll lill-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kienu ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jitolbu eżami individwali, lill-ilmentatur u lill-produttur tal-Unjoni l-ieħor magħruf, lill-importaturi li kienu fil-kampjun, u lill-utenti kollha magħrufa.

(15)

Wara li talbet informazzjoni mingħand produtturi fil-pajjiżi analogi possibbli tal-Brażil, l-Iżrael u l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”), il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-produtturi fil-Brażil u l-Iżrael li kienu offrew li jikkooperaw bl-iskop li jiġi stabbilit il-valur normali għall-kumpaniji li ma setgħux jingħataw TES (ara l-premessi 60 sa 64 hawn taħt).

(16)

Waslu tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju mit-tliet gruppi fil-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ, minn produttur Brażiljan wieħed, produttur Iżraeljan wieħed, produttur wieħed tal-Unjoni (b’faċilità tal-produzzjoni waħda fil-Belġju u oħra fid-Danimarka), żewġ importaturi (minn tlieta) fil-kampjun u erba’ utenti fl-UE. Produttur Brażiljan ieħor bagħat tweġiba mhux kompluta.

(17)

Barra dan, waslu talbiet għal eżami individwali (“EI”) skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku mingħand produttur esportatur wieħed mhux fil-kampjun (“l-applikant A”) u grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi relatati mhux fil-kampjun (flimkien “applikant B”) (4). Wara li ġie analizzat it-tagħrif imressaq mill-partijiet fil-kampjun, kif ukoll dawn it-talbiet inklużi l-kwestjonarji mimlija kif suppost, ġie meqjus li l-għadd ta’ (gruppi ta’) produtturi esportaturi li kellu jiġi investigat fil-kampjun biss kien tant kbir li EI addizzjonali kienu jkunu ta’ piż mhux mistħoqq u kienu jipprevjenu t-tlestija tal-investigazzjoni fiż-żmien dovut. Għalhekk, l-applikanti ġew infurmati li t-talba tagħhom għal eżami individwali kienet miċħuda.

(18)

L-applikant B kkontesta din id-deċiżjoni li ma tiġix ikkunsidrata t-talba tiegħu għal EI. Fl-opinjoni tiegħu dan ir-rifjut ikun kontra l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6.10 tal-Ftehim ta’ Anti-dumping (“ADA”), kif interpretat reċentement mill-Korp tar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fil-każ tal-qfieli (5). It-tieninett, dan ir-rifjut ikun kontra l-prinċipju fundamentali tal-proporzjonalità.

(19)

Fir-rigward tal-ewwel argument, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 6.10 tal-ADA jippermettu espliċitament li l-awtorità investigattiva ma tqisx it-talbiet għal EI jekk l-għadd ta’ esportaturi u/jew produtturi involuti ikun tant kbir li dan l-eżerċizzju ma jkunx prattikabbli. Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-każ tal-qfieli għamilha ċara li t-talbiet fil-ħin għal EI għandhom “bħala regola” jiġu aċċettati sakemm dan ma jkunx “ta’ piż mhux mistħoqq” (6). F’dan il-każ, il-verifika tar-risposti għall-kwestjonarju u t-tweġibiet għall-formoli tat-talba għal TES tal-applikanti għal EI tkun tinvolvi investigazzjonijiet fil-post f’kumpanija waħda (l-applikant A) u żewġ kumpaniji oħra (dawk li jiffurmaw parti mill-applikant B). Matul dawn l-investigazzjonijiet fil-post, għandha tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(c) kif ukoll ir-rapporti ta’ dawn l-entitajiet kollha dwar l-istruttura, l-ispejjeż (inklużi l-ispejjeż tal-produzzjoni u x-xiri), il-bejgħ u l-profitabilità. Minħabba l-għadd kbir ta’ entitajiet fil-kampjun li diġà ġew investigati, biex jiżdied applikant addizzjonali kien ikun tabilħaqq ta’ piż mhux mistħoqq u kien jipperikola serjament it-tlestija tal-investigazzjoni fiż-żmien dovut. Għalhekk, id-deċiżjoni biex dawn it-talbiet għal eżami individwali ma jiġux aċċettati hija ġġustifikata bil-liġi u ma tiksirx il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(20)

Wara li ġie infurmat li EI ikun wisq tassattiv, l-applikant B aktar tard ippropona li jirtira t-talba tiegħu għal TES jekk minflok jiġi eżaminat għal TI. Minħabba li allega li għamel biss tranżazzjoni ta’ esportazzjoni waħda żgħira matul il-PI u li mhux se jitlob aktar TES, huwa argumenta li l-Kummissjoni mhux se jkollha għalfejn tagħmel verifika fuq il-post fir-RPĊ biex tiddeċiedi dwar id-dumping u li jkun biżżejjed li tivverifika dik it-transazzjoni ta’ esportazzjoni waħda waqt il-verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-ilmentatur fl-UE. Fuq din il-bażi, l-esportatur argumenta illi l-għoti ta’ eżami individwali ma jkunx ta’ piż.

(21)

Madankollu, jekk tingħata EI, ikun jeħtieġ issir verifika fuq il-post tal-applikant B, billi mingħajr verifika fuq il-post fir-RPĊ taż-żewġ produtturi fil-grupp, l-eżistenza ta’ bejgħ ieħor lejn l-UE matul il-PI ma tistax tiġi eskluża. Din il-verifika kienet tkun ta’ piż mhux mistħoqq minħabba d-daqs tal-kampjun bi tliet gruppi kbar ta’ kumpaniji. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(22)

Id-deċiżjoni li mhux se jiġu aċċettati t-talbiet għal trattament individwali nżammet. Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, ġie deċiż definittivament li t-talbiet għal eżami individwali ma kinux se jintlaqgħu peress li kieku l-investigazzjoni tkun ta’ piż ikbar milli hemm bżonn u jżommu l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin.

(23)

Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset meħtieġa biex jiġi determinat id-dumping, il-ħsara li rriżultat jew it-theddida tal-ħsara, u l-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi esportaturi fir-RPĊ:

Gushen Biological Technology Group Co., Ltd. u l-kumpaniji relatati tagħha, Dezhou,

Shandong Crown Soya Protein Co., Ltd. u l-kumpaniji relatati tagħha, Shenxian, Qingdao, Yucheng,

Shandong Sinoglory Health Food Co., Ltd. u l-kumpaniji relatati tagħha, Liaocheng, Qingdao.

(b)

Il-produttur tal-Unjoni:

Solae Europe, b’faċilitajiet tal-produzzjoni fi:

il-Belġju, Ieper (Solae Belgium), u

id-Danimarka, Aarhus (Solae Denmark).

(c)

Il-produtturi fil-pajjiż analogu:

Bremil Industria De Produtos Alimenticios Ltda., Arroio do Meio,

Solae do Brasil Ind. Com. Alimentos Ltda., Esteio, Sao Paulo.

3.   IL-PERJODU TAL-INVESTIGAZZJONI

(24)

L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-2007 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

4.   IS-SEJBIET FL-ISTADJU INTERIM

(25)

Fl-istadju interim tqies li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji ma tkunx xierqa, b’mod partikolari minħabba l-bżonn li titkompla l-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata mir-RPĊ u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

5.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(26)

Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti l-miżuri provviżorji (“l-iżvelar interim”), diversi partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(27)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex l-informazzjoni li kien jidhrilha meħtieġa għas-sejbiet finali tagħha. Minbarra l-verifiki msemmija fil-premessa 23 hawn fuq, saret verifika oħra fil-post ta’ Kerry fi Bristol, ir-Renju Unit, wieħed mill-importaturi u l-utenti tal-proteini tas-sojja li kkooperaw fl-investigazzjoni.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(28)

Il-prodott ikkonċernat ġie definit fl-avviż ta’ notifika bħala prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, li 65 % jew aktar mill-piż tagħhom ikun proteini (N × 6,25), ikkalkulat fuq il-piż niexef bl-esklużjoni tal-vitamini, il-minerali, l-amino aċidi u l-addittivi tal-ikel miżjuda, li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat” jew “CCSPP”) u li bħalissa għandu l-kodiċi NM ex 2106 10 20, ex 2106 90 92, ex 2309 90 10, ex 2309 90 99 (ex 2309 90 96 mill-1 ta’ Jannar 2012) u ex 3504 00 90.

(29)

Fi ħdan l-ambitu tal-prodott ta’ hawn fuq, żewġ gruppi ewlenin ta’ prodotti jistgħu jiġu ddistingwiti: (i) konċentrati tal-proteina tas-sojja (“SPCs” jew “konċentrati” inklużi konċentrati sempliċi/bażiċi u konċentrati pproċessati ulterjorment), li jkollhom kontenut ta’ proteina ta’ aktar minn 65 % iżda inqas minn 90 %; u (ii) proteini tas-sojja iżolati (“ISPs” jew “iżolati”), li jkollhom kontenut ta’ proteina ta’ 90 % jew aktar.

(30)

Ġie stabbilit ukoll li filwaqt li l-konċentrat sempliċi huwa prodott pjuttost bażiku b’valur miżjud baxx, l-iżolati u l-konċentrati ipproċessati ulterjorment jeħtieġu sostanzjalment aktar ipproċessar u għalhekk huma prodotti b’valur miżjud ogħla.

(31)

L-ambitu tal-prodott kif deskritt hawn fuq jinkludi wkoll konċentrati sempliċi (mhux ipproċessati ulterjorment) għall-għalf tal-annimali. Dawn ġew prodotti fil-perjodu meqjus fl-UE minn impjant wieħed tal-ilmentatur li jinsab fi Franza u minn kumpanija oħra, ADM, ibbażata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

(32)

Wara l-iżvelar interim il-ilmentatur talab bidla fl-ambitu tal-prodott billi jiġu eliminati l-konċentrati użati għall-għalf tal-annimali. L-ilmentatur oppona l-approċċ propost fid-dokument interim u argumenta li l-esklużjoni tad-dejta mill-impjant Franċiż li għalaq fl-2009 (i.e. fin-nofs tal-perjodu meqjus) irriżultat f’inkonsistenza fid-dejta li jifdal (bid-dejta ta’ ADM inkluża). Konsegwentament, il-bejgħ u s-sehem tas-suq ta’ produtturi tal-UE tal-prodott taħt l-investigazzjoni kienu artifiċjalment minfuħa.

(33)

L-ilmentatur argumenta li minħabba d-domanda relattivament stabbli, xi wħud mill-provvisti mill-impjant Franċiż Solae sakemm għalaq fl-2009 kienu meħuda mill-kompetitur tagħhom fl-UE, ADM. Konsegwentement, l-esklużjoni tad-dejta tal-impjant Franċiż wasslet għal paragun qarrieqi tad-dejta tas-sena 2008, meta ADM kellha biss sehem iżgħar mis-suq tal-konċentrati tal-annimali, ma’ dik tal-PI, meta AMD kellha sehem ferm akbar minn dak is-suq.

(34)

B’mod partikolari, l-ilmentatur ipprovda informazzjoni dwar id-differenzi tekniċi u kimiċi bejn il-konċentrati għall-għalf tal-annimali fuq naħa waħda u iżolati u konċentrati oħrajn min-naħa l-oħra. Apparti dan, jintużaw kanali ta’ distribuzzjoni differenti għal dawn is-sottogruppi. Barra minn hekk, il-konċentrati għall-għalf tal-annimali għandhom kodiċi NM differenti minn konċentrati oħra (għall-ikel) u l-iżolati.

(35)

Wara s-sottomissjoni tal-ilmentatur, esportatur wieħed ma qabilx mat-talba li jiġi llimitat l-ambitu tal-prodott. Madankollu, dan l-esportatur ma fehemx it-talba u kien ħaseb li t-talba kienet li jiġu esklużi l-konċentrati tal-proteina tas-sojja kollha, filwaqt li, fil-fatt, din tirreferi biss għal SPC sempliċi għall-għalf tal-annimali. Barra minn hekk, l-esportatur ma tax raġunament fattwali għaliex it-talba ma kinitx tkun iġġustifikata.

(36)

Huwa nnota wkoll li, abbażi tal-informazzjoni miġbura fl-investigazzjoni, l-importazzjonijiet tal-konċentrati tal-proteina tas-sojja għall-għalf tal-annimali jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-importazzjonijiet totali Ċiniżi fl-Unjoni tal-prodott taħt l-investigazzjoni (kif definit oriġinarjament).

(37)

Minħabba dawn ta’ hawn fuq u, partikolarment, id-differenzi ċari — tekniċi, kimiċi u relatati mas-suq — huwa meqjus xieraq li l-ambitu tal-prodott jiġi limitat billi jiġu esklużi t-tipi ta’ konċentrati tal-proteina tas-sojja sempliċi użati fl-għalf tal-annimali. Konsegwentement, il-prodott ikkonċernat huwa l-prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, esklużi dan it-tip ta’ prodotti użati fl-għalf ta’l-annimali, u li 65 % jew iktar mill-piż tagħhom ikun proteini (N × 6,25) ikkalkulat fuq il-piż niexef bl-esklużjoni tal-vitamini, il-minerali, l-amino aċidi u l-addittivi tal-ikel miżjuda, li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat” jew “CCSPP”) u li bħalissa għandu l-kodiċi NM ex 2106 10 20, ex 2106 90 92 u ex 3504 00 90.

(38)

Il-prodott ikkonċernat jintuża l-aktar fl-industrija tal-ikel fl-applikazzjonijiet tal-laħam u sostituti tal-laħam. Applikazzjonijiet oħra tal-laħam jinkludu taħlita għal fuq l-insalata, sopop, trabijiet tax-xorb, bars tal-enerġija, sostituti tal-ħalib, deżerti ffriżati, krema maħbuta, formoli tat-tfal, ħobż, ċereali għall-fatra, għaġin eċċ. Minħabba l-funzjonalitajiet tiegħu, il-prodott ikkonċernat għandu wkoll xi applikazzjonijiet speċifiċi inklużi l-adeżivi, asfalt, rażi, materjali tat-tindif, kożmetiċi, linka, ġilda, żebgħa, kisjiet tal-karti, pestiċidi/fungiċidi, plastik, poliesteri u fibri tat-tessuti.

(39)

Minkejja xi differenzi fl-applikazzjonijiet finali possibbli, it-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat, konċentrati u iżolati, kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi. Għalhekk jitqiesu li jikkostitwixxu prodott wieħed u uniku.

2.   IL-PRODOTT SIMILI

(40)

Il-prodott ikkonċernat u ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku tar-RPĊ u fis-suq domestiku tal-Brażil, li serva b’mod provviżorju bħala pajjiż analogu, kif ukoll ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata, prodotti u mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, instabu li għandhom l-istess karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi. Għalhekk, dawn il-prodotti jitqiesu simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   ID-DUMPING

1.   IR-RELAZZJONI BEJN IL-GRUPP SINOGLORY U L-GRUPP GUSHEN

(41)

Il-produtturi esportaturi fil-kampjun kienu Shandong Crown Soya Protein Co. Ltd. u l-kumpaniji relatati tagħha (“il-grupp Crown”), Gushen Biological Technology Group Co. Ltd u l-kumpaniji relatati tagħha (“il-grupp Gushen”) u Sinoglory Health Food Co. Ltd u l-kumpaniji relatati tagħha (“il-grupp Sinoglory”). Fi stadju bikri tal-investigazzjoni ġie kkunsidrat li kien hemm mnejn li l-grupp Gushen u l-grupp Sinoglory grupp jkollhom jiġu ttrattati bħala esportaturi relatati. Madankollu, wara l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-esportaturi kkonċernati, ġie deċiż finalment li l-grupp Gushen u l-grupp Sinoglory ikunu kkunsidrati bħala entitajiet separati għall-għanijiet ta’ din l-investigazzjoni.

2.   TRATTAMENT TA’ EKONOMIJA TAS-SUQ (“TES”)

(42)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi minn 1 sa 6 tal-Artikolu msemmi għal dawk il-produtturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(43)

Fil-qosor, u għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji ġew stabbiliti fil-forma mqassra hawn taħt:

1.

Id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat;

2.

Il-kotba tal-kontijiet jiġu vverifikati indipendentement u skont in-normi tal-kontabilità internazzjonali u applikati għall-għanijiet kollha;

3.

Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

4.

Il-liġijiet dwar il-proprjetà u dwar il-falliment jipprovdu stabbiltà u ċertezza ġuridika; kif ukoll

5.

Il-kambju tal-flus jinħadem bir-rata tas-suq.

(44)

It-TES ġie ddikjarat mill-grupp Crown u l-grupp Sinoglory.

(45)

Għaż-żewġ gruppi, Crown u Sinoglory, il-Kummissjoni talbet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni mressqa fil-formoli ta’ talba għat-TES u kull informazzjoni oħra li qieset meħtieġa, fl-istabbilimenti tal-kumpaniji kkonċernati.

(46)

L-investigazzjoni stabbiliet li ż-żewġ gruppi ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku biex jingħataw TES.

(47)

Partikolarment, il-kumpaniji miż-żewġ gruppi naqsu milli jissodisfaw il-kriterji 1, 2, u 3.

L-EWWEL GRUPP

(48)

Fil-każ ta’ Grupp wieħed, wieħed mill-produtturi fil-grupp ma ssodisfax il-kriterju 1 minħabba l-eżistenza ta’ obbligu li jbigħ il-prodotti kollha tiegħu fis-suq internazzjonali. Għalkemm il-kumpanija saħqet li din id-dispożizzjoni ma kinitx vinkolanti, il-kumpanija effettivament qatt ma biegħet fis-suq domestiku (bl-eċċezzjoni ta’ bejgħ żgħir fl-2007). Rigward il-kriterju 2, instabu diversi problemi tal-kontabilità għaż-żewġ produtturi fil-grupp. Barra minn hekk, waħda mill-kumpaniji fil-grupp ma ssottomettietx il-formola tat-talba għal TES. Barra minn hekk, kumpanija waħda fil-grupp tikri parti mill-art tagħha mingħajr l-ebda reġistru tad-dħul mill-kera fil-kontijiet tagħha billi ma nħarġet l-ebda fattura jew prova tal-ħlas għal dawn il-ħlasijiet. Meta ttrasferiet għal sit tal-produzzjoni ġdid u parti mill-apparat tagħha sar inattiv, ma sar l-ebda test għall-ħsara. Fl-aħħarnett, meta waħda mill-kumpaniji fil-grupp xtraw biċċa art ġdida, hija rċeviet trasferiment mill-gvern biex jintuża bħala kumpens għan-nies tar-raħal li kellhom jiċċaqalqu. Madankollu, dan il-ħlas ma ntużax għal dak l-iskop imma biex jitnaqqas il-kost tad-dritt għall-użu tal-art. Rigward il-kriterju 3, iż-żewġ produtturi fil-grupp ipartu l-materja prima minn fornitur komuni mingħajr kwalunkwe dokumentazzjoni jew reġistri xierqa, fuq il-bażi ta’ arranġamenti informali ħafna mingħajr ebda aġġustamenti għad-differenzi fil-prezzijiet jew miżati: din hija forma ta’ kummerċ bit-tpartit. Barra minn hekk, produttur wieħed seta’ juża l-art li hija proprjetà tal-azzjonist maġġoritarju tagħha mingħajr kwalunkwe ħlas għal bosta snin. Skont dik il-kumpanija, dan kien possibbli minħabba li d-drittijiet tal-użu tal-art relatati kienu ġew akkwistati għal prezz baxx ħafna mill-kumpanija prinċipali fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tagħha.

(49)

Wara li ġew żvelati r-riżultati dettaljati tat-TES u l-iżvelar interim, il-grupp tenna l-istqarrijiet ta’ qabel li wieħed miż-żewġ produtturi ma għandux jitqies bħala marbut legalment mal-bqija tal-grupp. Madankollu, rigward din il-pretensjoni, instab li ż-żewġ produtturi kienu jsegwu strateġija kummerċjali u industrijali kkoordinata flimkien mal-bqija tal-grupp, inklużi prattiċi kummerċjali ta’ tpartit imsemmija fil-premessa 48 hawn fuq. Il-pretensjoni hija għalhekk miċħuda.

(50)

Il-grupp stqarr ukoll li r-restrizzjoni fuq il-bejgħ għal wieħed mill-produtturi tiegħu kienet imsemmija biss fl-Artikoli tal-Assoċjazzjoni, u mhux fil-liċenzja tan-negozju jew iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni. Skont il-kumpanija, ir-restrizzjoni għalhekk ma kinitx vinkolanti. Barra minn hekk, saħaq li l-kumpanija li ma kinitx bagħtet formola ta’ talba għat-TES ma kinitx kumpanija tal-produzzjoni jew tal-kummerċ iżda pjuttost aġent tal-ħlas u li dak il-grupp kien għamel mill-aħjar biex jipprovdi l-informazzjoni kollha disponibbli.

(51)

Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, il-produttur ikkonċernat ikkonforma biċ-ċar mar-restrizzjoni fuq il-bejgħ. Barra minn hekk, l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni huma parti mid-dokumenti li huma sottomessi għall-approvazzjoni lill-awtoritajiet meta titwaqqaf il-kumpanija u għalhekk huwa ċar li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jifforma l-bażi għal operazzjonijiet attwali tal-kumpanija. Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-kumpanija li ma ssottomettietx formola tat-talba għal TES, instab li din il-kumpanija kienet fil-fatt involuta f’ċerti aspetti marbuta mal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u, għalhekk, kien messha tressaq formola ta’ talba għal TES. Għalhekk, dawn iż-żewġ pretensjonijiet mhumiex aċċettati.

IT-TIENI GRUPP

(52)

Fil-każ tal-grupp l-ieħor, wieħed mill-produtturi esportaturi kien ukoll suġġett għal limitazzjoni tal-bejgħ tiegħu, fejn 70 % tal-produzzjoni tiegħu għandu jinbiegħ għall-esportazzjoni, u għalhekk ma kkonformax mal-kriterju 1. Rigward il-kriterju 2, instabu għadd ta’ problemi li jikkonċernaw id-deprezzament tal-assi u bidliet fil-politiki tal-kontabilità. Rigward il-kriterju 3, il-valur attribwit għal żewġ biċċiet ta’ art fil-kontijiet ta’ waħda mill-kumpaniji jvarja b’mod sinifikanti, u huwa meqjus li bl-akkwist ta’ biċċa art bi prezz li biċ-ċar huwa inqas mill-valur tas-suq, il-kumpanija rċeviet sussidju moħbi. Barra minn hekk, kumpanija oħra fil-grupp ibbenefikat minn kiri b’xejn ta’ biċċa art għal sena u akkwistat id-drittijiet tal-użu tal-art għal prezz aktar baxx mill-valur tas-suq. Finalment, kien hemm numru ta’ garanziji bejn il-grupp li ma ġewx żvelati fin-noti għall-kontijiet, bi ksur tal-IAS 24.

(53)

Wara li ġew żvelati r-riżultati dettaljati tat-TES u l-iżvelar interim, il-grupp saħaq li l-bejgħ de facto taż-żewġ produtturi ma kienx suġġett għal xi restrizzjoni fuq il-bejgħ. Skont il-kumpaniji, il-fatt li l-volumi tal-esportazzjoni rispettivi tagħhom kienu konformi mar-restrizzjonijiet fl-Artikoli tal-Assoċjazzjoni tagħhom kien biss minħabba l-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-proteina tas-sojja. Huma enfasizzaw li dawn id-disposizzjonijiet restrittivi kienu tneħħew minn dawn it-testi malajr wara l-PI. Barra minn hekk, rigward il-kriterju 2, il-grupp saħaq li apparti żbalji żgħar tal-kontabilità, huwa kien kompletament konformi mal-GAAP Ċiniż li huma għandhom jimplimentaw minflok l-IAS. Fir-rigward tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-grupp saħaq li l-valur differenti ta’ dawn il-biċċtejn art kien minħabba l-ispejjeż ta’ livellar ta’ waħda minnhom. Fl-aħħar nett, ġie enfasizzat li l-kiri b’xejn ta’ biċċa art oħra kien minħabba dewmien amministrattiv qabel ma seta’ effettivament jiġi akkwistat id-dritt għall-użu tal-art u li, xorta waħda, il-valur tal-eżenzjoni kien biss wieħed żgħir jekk jiġi mqabbel mad-dħul operattiv tal-kumpanija.

(54)

Rigward il-kriterju 1, l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni huma parti mid-dokumenti li huma sottomessi lill-awtoritajiet u approvati meta titwaqqaf il-kumpanija. Il-fatt li l-kumpanija kkonformat mar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ jitqies li hu minħabba rekwiżit biex din tagħmel hekk u huwa ċar li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jifforma l-bażi għall-operazzjonijiet attwali tal-kumpanija. Barra minn hekk, huwa enfasizzat li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet mill-Artikoli tal-Assoċjazzjoni seħħet wara l-IP u għalhekk mhijiex rilevanti għal din l-investigazzjoni. Rigward il-kriterju 2, kien ċar li l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tar-reġistri ma setgħux jiġu kkonfermati. Barra minn hekk, ir-reġistri tal-kontabilità tal-kumpanija għandhom jiġu vverifikati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità li ma setgħux jiġu kkonfermati waqt il-verifika. Fir-rigward tal-kriterju 3, ma setgħetx tiġi sottomessa evidenza waqt il-verifika fuq il-post li tissostanzja l-ispejjeż għal-livellar tal-biċċa art ikkonċernata. Fl-aħħarnett, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet mressqa, jibqa’ l-fatt li waħda mill-kumpaniji kriet l-art tagħha bla ħlas għal ċertu perjodu ta’ żmien u għalhekk gawdiet minn sussidju. Għalhekk, il-kummenti ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet tat-TES. Dawk is-sejbiet huma b’dan ikkonfermati.

3.   TRATTAMENT INDIVIDWALI (“TI”)

(55)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, qiegħed jiġi stabbilit dazju għall-pajjiż kollu, jekk ikun il-każ, għal dawk il-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, għajr f’dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji jkunu kapaċi juru li huma jissodisfaw il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Fil-qosor, u għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti hawn taħt:

Fil-każ ta’ kumpaniji li huma kompletament jew parzjalment proprjetà ta’ sidien barranin jew intrapriżi konġunti, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti,

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu determinati liberament,

Il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lill-persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jidhru fil-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom jew ikunu fil-minoranza jew inkella għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-interferenza tal-Istat,

Il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rata tas-suq, kif ukoll

l-interferenza tal-Istat mhijiex tali li tippermetti ċ-ċirkumvenzjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħataw rati tad-dazju differenti.

(56)

Il-grupp Gushen biss talab TI. Din it-talba ġiet eżaminata u ma nstab l-ebda element li jindika li l-kumpanija mhijiex konformi mal-kriterji msemmija hawn fuq. B’hekk, ġie konkluż li l-Grupp Gushen seta’ jingħata TI.

(57)

Saret ukoll valutazzjoni tal-grupp Crown u tal-grupp Sinoglory, billi ma ngħatax TES lil dawn il-kumpaniji. Fiż-żewġ każijiet, ma nstab l-ebda element li jindika li l-kumpaniji mhumiex konformi mal-kriterji msemmija hawn fuq. Għalhekk huwa konkluż li ż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji setgħu jingħataw TI.

(58)

Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur esprima n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-għoti ta’ TI lill-gruppi ta’ esportaturi fil-kampjun. Madankollu, minħabba li l-miżuri mhux se jiġu imposti, ma kienx hemm bżonn li din tiġi eżaminata iktar.

4.   IL-VALUR NORMALI

(59)

Kif spjegat fil-premessa 46, ma ngħatax TES liż-żewġ gruppi fil-kampjun li kienu talbuha. It-tielet grupp fil-kampjun ma applikax għal TES. Għalhekk, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-gruppi kollha ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur mibni f’pajjiż analogu.

(a)    Il-pajjiż analogu

(60)

Fl-avviż ta’ bidu, il-Kummissjoni wriet il-ħsieb tagħha li tuża lill-Istati Uniti bħala l-pajjiż analogu xieraq sabiex jiġi stabbilit il-valur normali għar-RPĊ u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar dan.

(61)

Wasal għadd ta’ kummenti u ġew proposti pajjiżi oħrajn bħala alternattiva, partikolarment il-Brażil u l-Iżrael. L-argument ewlieni ppreżentat kontra l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu kien li fl-Istati Uniti l-prodott ikkonċernat isir minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata, filwaqt li dan ma jiġrix fir-RPĊ. L-użu ta’ fażola tas-sojja ġenetikament modifikata (“ĠM”) jista’ potenzjalment iwassal biex il-prodott jintuża minn utenti u/jew industriji tal-ipproċessar differenti. Issemma wkoll minn produttur esportatur illi s-sussidjarja fl-Istati Uniti tal-ilmentatur ikollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-Istati Uniti, u dan jirriżulta fi prezzijiet tal-bejgħ domestiku minfuħa.

(62)

Fid-dawl ta’ dawn il-kummenti rċevuti, il-Kummissjoni talbet il-kooperazzjoni tal-produtturi CCSPP magħrufa kollha fil-Brażil, l-Iżrael u l-Istati Uniti billi saqsithom għadd ta’ mistoqsijiet ewlenin dwar il-produzzjoni, il-bejgħ u s-swieq lokali tagħhom u saqsithom jekk humiex lesti jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata dwar l-ispejjeż u l-prezzijiet tagħhom, f’każ li l-pajjiż tagħhom jintgħażel bħala l-pajjiż analogu. Produttur wieħed mill-Istati Uniti u żewġ produtturi Brażiljani biss wieġbu billi pprovdew l-informazzjoni mitluba u offrew aktar kooperazzjoni. Fi stadju aktar tard, produttur Iżraeljan ukoll bagħat risposta sħiħa għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni wkoll għamlet ħilitha biex tikseb informazzjoni dwar is-swieq imsemmija u swieq potenzjali oħra b’mezzi oħra.

(63)

L-informazzjoni miġbura b’dan il-mod ġiet analizzata bir-reqqa. Kien ikkonfermat li l-prodott tal-Istati Uniti kien fil-biċċa l-kbira magħmul minn fażola tas-sojja MĠ, għall-kuntrarju tas-CCSPP mir-RPĊ, il-Brażil jew l-Iżrael. Madankollu, ma seta’ jkun hemm l-ebda konklużjoni fir-rigward tal-impatt ta’ dik id-differenza fil-materji primi ewlenin fuq il-karatteristiċi, l-użi, l-ispejjeż jew il-prezz tal-prodott. Barra minn hekk, għalkemm is-suq Brażiljan kellu dazju tal-importazzjoni ta’ 14 %, kien hemm volumi sinifikanti ta’ CCSPP importat fil-Brażil li jikkompeti mal-prodott li jiġi prodott lokalment. Fil-fatt, iż-żewġ produtturi Brażiljani, li t-tnejn offrew li jikkooperaw, irrappreżentaw, bejn wieħed u ieħor, ¾ tal-konsum fil-Brażil, filwaqt li s-suq tal-Istati Uniti deher li kien iddominat biċ-ċar minn żewġ produtturi domestiċi kbar ħafna, li wieħed minnhom biss kien offra li jikkoopera. Għalhekk, għalkemm id-daqs totali tas-suq tal-Istati Uniti kien ikbar, deher li kien hemm kundizzjonijiet iktar qawwija ta’ kompetizzjoni fil-Brażil, b’żewġ produtturi domestiċi kbar u importazzjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, globalment, il-volumi ta’ bejgħ domestiku tal-produtturi Brażiljani li kkooperaw dehru li kienu tal-istess daqs bħall-volumi ta’ bejgħ lill-UE mill-produtturi Ċiniżi fil-kampjun, u l-firxiet tal-prodotti kienu komparabbli. Fl-aħħarnett, instab li s-suq domestiku Brażiljan kien akbar sewwa minn dak Iżraeljan.

(64)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Brażil intgħażel bħala l-pajjiż analogu. Din l-għażla hija kkonfermata.

(b)    Id-determinazzjoni tal-valur normali

(65)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata li ġiet ipprovduta mill-produtturi fil-pajjiż analogu. Fil-każijiet fejn it-tipi tal-prodott fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu ma jkunux saru fl-andament normali tal-kummerċ jew fejn ma kinux jinbiegħu tipi simili, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku.

(66)

Wara l-iżvelar interim, il-kalkoli ġew raffinati iktar sabiex iqisu wkoll il-kummenti sottomessi mill-partijiet.

5.   IL-PREZZ TAL-ESPORTAZZJONI

(67)

Il-produtturi esportaturi għamlu bejgħ ta’ esportazzjoni lill-Unjoni, direttament lill-klijenti indipendenti jew permezz tal-kumpaniji tal-kummerċ relatati, li jinsabu fir-RPĊ. Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni effettivament imħallsa jew li jridu jiġu mħallsa.

(68)

Wara l-iżvelar interim, il-kalkoli ġew raffinati iktar sabiex iqisu wkoll il-kummenti sottomessi mill-partijiet.

6.   IT-TQABBIL

(69)

Il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Bil-għan li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti xierqa għall-iskontijiet, it-trasport, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tat-tqandil u t-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, u t-tassazzjoni indiretta fil-każijiet kollha fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u appoġġjati b’evidenza vverifikata.

7.   MARĠNIJIET TAD-DUMPING

(70)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi ġew espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas.

(71)

Għal kull wieħed mit-tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw fil-kampjun, ġie stabbilit marġni tad-dumping fuq il-bażi ta’ paragun tal-medja ddifferenzjata tal-valur normali fil-pajjiż analogu mal-medja ddifferenzjata tal-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(72)

Għall-kumpaniji li kkooperaw u li ma kinux fil-kampjun, il-marġini tad-dumping ġie kkalkulat bħala l-medja tat-tliet gruppi ta’ kumpaniji fil-kampjun.

(73)

Minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni, fejn il-kumpaniji li kkooperaw kienu jirrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ fil-PI, għal kull kumpanija li ma kkooperatx ġie stabbilit marġni għall-pajjiż kollu bl-użu tal-ogħla wieħed mill-marġnijiet li nstabu għall-gruppi ta’ kumpaniji fil-kampjun.

(74)

Fuq din il-bażi l-livelli definittivi ta’ dumping huma kif ġej:

Il-kumpanija

Il-marġni tad-dumping

Il-grupp Crown

59,4  %

Il-grupp Gushen

55,8  %

Il-grupp Sinoglory

67,0  %

Il-kumpaniji li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun

61,3  %

Kumpaniji oħra

67,0  %

D.   Il-ĦSARA

1.   RIMARKI INTRODUTTORJI

(75)

Wara r-reviżjoni tal-ambitu tal-prodott (l-esklużjoni tal-konċentrati għall-għalf tal-annimali), kumpanija waħda — ADM fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-produzzjoni tagħha hija limitata għal konċentrati għall-għalf tal-annimali — ma għadhiex meqjusa parti mill-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, l-ilmentatur (Solae) biss immanifattura l-prodott simili fl-Unjoni fil-perjodu tal-investigazzjoni. Solae bħalissa għandha żewġ siti tal-manifattura fl-UE — wieħed fil-Belġju li jipproduċi l-iżolati tal-proteina tas-sojja u ieħor fid-Danimarka li jipproduċi l-konċentrati tal-proteina tas-sojja (l-SPC bażiku u l-konċentrati pproċessati ulterjoment b’valur għoli li għalihom l-SPC bażiku jservi bħala prodott intermedju). Sit ieħor ta’ manifattura ta’ Solae f’Boudreaux, Franza, li mmanifattura u qiegħed fis-suq biss konċentrati sempliċi għall-għalf tal-annimali, għalaq fil-bidu tal-2009.

(76)

Safejn għandha x’taqsam il-produzzjoni fl-UE, l-investigazzjoni żvelat li l-proċess tal-manifattura ta’ Solae huwa bbażat esklussivament fuq ftehim ta’ tolling mal-kumpanija omm tagħha fl-Isvizzera, Solae Europe. Skont dan il-Ftehim Solae Belgium u Solae Denmark jipproċessaw il-materja prima pprovduta minn Solae Europe għal miżata għas-servizz. Matul il-proċess, Solae Europe tibqa’ l-uniku proprjetarju tal-materja prima, ta’ kull prodott intermedju u tal-prodott finali.

(77)

Billi s-sjieda tal-materja prima u tal-prodotti lesti tibqa’ tal-prinċipal, l-arranġamenti ta’ tolling huma legalment differenti minn arranġamenti oħrajn tal-produzzjoni possibbli. Madankollu, fil-każ attwali, il-valur miżjud minn dawk il-kumpaniji fl-UE jammonta għal madwar 50 % tal-ispiża tal-manifattura. Dan is-sehem mill-valur miżjud jirrifletti wkoll, l-investimenti teknoloġiċi u kapitali bbażati fl-Unjoni. Il-valur nett ta’ investimenti bħal dawn fl-UE huwa sinifikanti u l-industrija timpjega għadd kbir ta’ persuni fl-Unjoni.

(78)

Għandu jiġi nnutat ukoll li l-operazzjonijiet tat-tolling fl-UE jikkostitwixxu “l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali” u għalhekk, jikkonferixxu lill-prodotti l-oriġini fl-UE.

(79)

Minħabba dak li ssemma hawn fuq, ġie konkluż li attività ekonomika bħal dik imwettqa minn Solae Belgium u Solae Denmark fl-UE tista’ tkun potenzjalment mhedda minn prattiċi ta’ dumping u għalhekk setgħet tiġġustifika protezzjoni irrispettivament min-natura legali ta’ tali attività (tolling jew arranġament ta’ produzzjoni differenti). Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li Solae Belgium u Solae Denmark jiġu kkunsidrati bħala produtturi tal-Unjoni li jiffurmaw parti mill-industrija tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(80)

Wara l-iżvelar interim, esportatur wieħed ikkummenta li l-kumpaniji tat-tolling ma jikkwalifikawx bħala produtturi tal-Unjoni u mhumiex relevanti għall-investigazzjonijiet anti-dumping. L-esportatur argumenta li billi s-sjieda tal-materja prima u l-prodotti lesti tibqa’ ta’ Solae Europe li hija rreġistrata fl-Isvizzera (jiġifieri barra l-UE), Solae Belgium u Solae Denmark ma setgħux jiġu meqjusa produtturi tal-Unjoni u ma kienx jistħoqqilhom protezzjoni minn prattiċi tad-dumping.

(81)

L-esportatur indikat li f’każijiet preċedenti, bħal waħda dwar l-importazzjonijiet ta’ xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw fir-RPĊ (7), l-istituzzjonijiet iddeċidew li jeskludu żewġ kumpaniji Ċiniżi minn kampjun ta’ produtturi esportaturi għax ma kinux huma stess li pproduċew ammont kbir ta’ prodotti esportati ddikjarati, imma fil-fatt kienu pproċessawhom għal produtturi esportaturi oħrajn.

(82)

Ta’ min jinnota li l-qagħda fil-każ li semma l-esportatur mhuwiex komparabbli ma’ dik tal-każ preżenti. L-ewwel nett, il-kumpaniji Ċiniżi fil-każ tal-ixkejjer u l-basktijiet tal-plastik imsemmi hawn fuq kellhom il-produzzjoni (mhux tolled) tagħhom stess (iżda l-bejgħ tal-prodotti mmanifatturati minnhom kien żgħir wisq biex il-kumpaniji jiġu inklużi fil-kampjun), filwaqt li fis-sitwazzjoni preżenti Solae Belgium u Solae Denmark jaħdmu esklussivament bl-arranġament tat-tolling.

(83)

Barra minn hekk, filwaqt li Solae Belgium u Solae Denmark huma kompletament proprjetà ta’ Solae Europe, l-investigazzjoni tal-kumpaniji Ċiniżi esklużi mill-kampjun ma tistabbilixxix relazzjoni ta’ pussess ma’ produtturi esportaturi oħra li pproċessaw il-prodotti għalihom.

(84)

Fis-sottomissjoni tiegħu l-esportatur semma investigazzjoni oħra fil-passat, dik dwar l-importazzjonijiet tal-gliċina li joriġinaw fir-RPĊ (8), fejn il-Kummissjoni ttrattat xi kumpaniji Ċiniżi bħala negozjanti minflok produtturi, billi l-attività li wettqu nstabet li ma kinitx tikkwalifika bħala produzzjoni.

(85)

Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li l-każ tal-gliċina lanqas ma jsostni l-argument tal-esportatur, billi f’dak il-każ, il-kumpaniji esportaturi Ċiniżi sempliċiment wettqu xi operazzjonijiet ta’ pproċessar li ma kinux jibdlu l-kompożizzjoni kimika jew il-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott ikkunsidrat. Din hija sitwazzjoni kompletament differenti minn din preżenti fejn l-operazzjonijiet immexxija mill-kumpaniji tal-UE jikkonvertu l-fażola tas-sojja jew il-flejks tas-sojja fi proteini tas-sojja u mhux biss ibiddlu l-kompożizzjoni kimika jew il-karatteristiċi fiżiċi tal-materjal iżda wkoll iżidu valur sinifikanti lill-prodott finali.

(86)

L-esportatur argumenta wkoll li ċ-ċentru tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-produzzjoni tat-tolling kollu fl-Unjoni jinsab esklużivament f’kumpanija barra l-UE u li d-destin kollu tal-kumpaniji tat-tolling huwa kompletament u esklussivament dipendenti fuq il-kumpanija omm Żvizzera tagħhom. L-esportatur żied jgħid li f’każ differenti, dwar l-importazzjonijiet tal-aċetat tal-vinil li joriġinaw fl-Istati Uniti (9), il-Kummissjoni eskludiet produttur tal-UE mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba r-relazzjoni tagħha ma’ kumpanija f’pajjiż fil-mira.

(87)

Parti oħra ssuġġerixxiet ukoll li fl-analiżi tal-kwistjoni ta’ arranġament tat-tolling u l-kwalifika tiegħu bħala produzzjoni, kwistjonijiet bħal fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali, iċ-ċentru tal-interess u l-impenn lejn is-suq tal-UE, għandhom jiġu analizzati b’mod simili għall-analiżi tal-kumpaniji relatati fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(88)

Tabilħaqq, bħala grupp, Solae għandu rabtiet strutturali mal-kumpanija omm Svizzera tagħha u aktar rabtiet korporattivi ma’ kumpaniji Amerikani. Mhix xi ħaġa ġdida fi proċedimenti kontra d-dumping li l-kumpaniji bi preżenza qawwija fl-UE jkollhom tali rabtiet strutturali, kapitali jew korporattivi barra l-UE. Madankollu, dawn ir-rabtiet strutturali u korporattivi barra l-UE ma jistgħux idgħajfu l-konklużjoni li l-ilmentaturi jikkwalifikaw bħala produtturi tal-UE.

(89)

Ta’ min jinnota li dawn l-argumenti jkunu relevanti għall-għanijiet tal-Artikolu 4(1)a tar-Regolament bażiku u għad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni biss fil-każ li Solae Europe kienet kumpanija f’pajjiż fil-mira, jiġifieri r-RPĊ f’dan il-każ. Huwa evidenti li dan mhuwiex il-każ, u għalhekk l-argument tal-esportatur mhuwiex relevanti.

(90)

Barra minn hekk, huwa mtenni li s-sjieda tal-materjal użat u/jew tal-prodott lest mhuwiex il-kriterju deċiżiv għad-definizzjoni ta’ produttur tal-Unjoni. Filwaqt li t-tolling huwa legalment differenti minn arranġamenti tal-produzzjoni oħra, il-kumpaniji li jipproduċu t-tolling jistgħu jitqiesu produtturi tal-Unjoni.

(91)

Din l-istrateġija hija konsistenti mal-prattika preċedenti tal-istituzzjonijiet, bħal pereżempju reviżjoni tal-iskadenza għall-importazzjonijiet tal-alkoħol furfuriliku li joriġina fir-RPĊ (10).

(92)

Huwa mtenni li fil-każ attwali l-valur miżjud mill-kumpaniji fl-UE jammonta għal iktar minn 50 % tal-ispiża tal-manifattura. Dan is-sehem ta’ valur miżjud jirrifletti l-investimenti teknoloġiċi u kapitali bbażati fl-Unjoni. Il-valur nett ta’ investimenti bħal dawn fl-UE huwa sinifikanti u l-industrija timpjega għadd kbir ta’ persuni fl-Unjoni.

(93)

Bħala konklużjoni, Solae Belgium u Solae Denmark huma meqjusa produtturi tal-Unjoni li jiffurmaw parti mill-industrija tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u minn hawn ‘il quddiem se jissejħu l-“industrija tal-Unjoni”.

(94)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku ġie stabbilit fuq il-bażi tat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-ilmentatur.

(95)

Billi l-industrija tal-Unjoni għandha biss produttur wieħed, id-dejta hawn taħt hija ppreżentata f’format indiċjati sabiex tinżamm il-kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

2.   IL-KONSUM TAL-UNJONI

(96)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volumi tal-bejgħ tal-produzzjoni tolled tal-industrija tal-Unjoni destinata għas-suq tal-Unjoni, il-volumi tal-importazzjoni fis-suq tal-Unjoni miksuba minn Eurostat, u l-istimi mill-ilmentatur.

(97)

Il-kodiċijiet tan-NM li jkopru ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata jkopru firxa usa’ ta’ prodotti, u mhux biss il-prodott li qed jiġi investigat. Abbażi ta’ riċerka estensiva u l-għarfien tas-suq, l-ilmentatur għamel stimi tal-valur u l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat lejn l-Unjoni. Dawn l-istimi ġew eżaminati matul l-investigazzjoni u huma meqjusa bħala affidabbli. Is-servizzi tal-Kummissjoni ma rċevew l-ebda kumment bi proposta alternattiva li tista’ toħloq dubji dwar l-użu ta’ dawn l-istimi għall-iskop ta’ din l-investigazzjoni.

(98)

Parti waħda saħqet li l-metodoloġija tal-kalkolu tal-importazzjonijiet ma ġietx spjegata biżżejjed. Din il-kritika, madankollu, ma ġietx sostanzjata aktar. Il-parti kkritikat l-approċċ tal-Kummissjoni mingħajr, iżda, ma ssuġġeriet alternattiva aktar adattata jew aktar affidabbli. Il-kritika kienet marbuta prinċipalment mal-fatt li l-parti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta. Ta’ min ifakkar li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment, li tistabbilixxi b’mod dettaljat il-metodoloġija tal-esklużjoni, kienet disponibbli fil-fajl mhux kunfidenzjali minn mindu tnediet il-proċedura.

(99)

Ta’ min ifakkar li s-servizzi tal-Kummissjoni vverifikaw id-dejta pprovduta fl-ilment u ma setgħu jistabbilixxu xejn li kien jimmina r-raġonevolezza tal-metodu magħżul. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-partijiet ma pproponewx metodu ta’ esklużjoni alternattiv, il-kummenti tagħhom tqiesu bħala li ma kinux sostanzjati.

(100)

Matul il-perjodu meqjus id-domanda fis-suq tal-Unjoni naqset bi 8 %. Aktar speċifikament, il-konsum tal-Unjoni baqa’ stabbli bejn l-2007 u l-2008, naqas bi 8 % fl-2009 u baqa’ stabbli fil-PI.

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

2007

2008

2009

PI

Il-volum (f’tunnellati)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

100

92

92

Sors:

Ir-risposti għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni u l-istimi tal-ilmentatur ibbażati fuq dejta ta’Eurostat

3.   L-IMPORTAZZJONIJIET MILL-PAJJIŻ IKKONĊERNAT

(a)    Volum

(101)

Il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdied bi 15 % fil-perjodu meqjus u laħaq 20 117-il tunnellata fil-PI. Aktar speċifikament, l-importazzjonijiet mir-RPĊ baqgħu stabbli bejn l-2007 u l-2008, qabel ma żdiedu b’26 punt perċentwali fl-2009, meta laħqu l-quċċata tagħhom. Ta’ min jinnota li l-importazzjonijiet mir-RPĊ waqgħu b’madwar 9 punti perċentwali fil-PI.

Tabella 2

 

2007

2008

2009

PI

Il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat (tunnellati)

17 495

17 557

22 017

20 117

L-indiċi (2007 = 100)

100

100

126

115

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat — indiċjat

100

100

136

125

Sors:

L-istimi tal-ilmentatur ibbażati fuq dejta tal-Eurostat

(b)    Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati

(102)

L-indiċi li jirrifletti l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ, żdied b’25 % fil-perjodu meqjus. Baqa’ stabbli bejn l-2007 u l-2008, iżda żdied b’36 % fl-2009. Fil-PI naqas bi 11-il punt perċentwali.

(c)    Il-prezzijiet

(i)   L-evoluzzjoni tal-prezzijiet

(103)

Il-prezz medju tal-importazzjoni żdied b’37 % fil-perjodu meqjus. Aktar speċifikament, żdied inizjalment b’saħansitra 48 % bejn l-2007 u l-2008, u mbagħad naqas fl-2009 bi 11-il punt perċentwali u baqa’ f’dak il-livell fil-PI. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-PI kien ta’ EUR 1 569 kull tunnellata.

Tabella 3

 

2007

2008

2009

PI

Il-prezz CIF tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (EUR/tunnellata)

1 149

1 704

1 570

1 569

L-indiċi (2007 = 100)

100

148

137

137

Sors:

L-istimi tal-ilmentatur ibbażati fuq dejta tal-Eurostat

(ii)   It-twaqqigħ tal-prezz

(104)

Għall-iskop tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, il-prezzijiet tal-bejgħ medji ddifferenzjati tal-produttur tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni u aġġustati, partikolarment għal spejjeż tal-kreditu, spejjeż ta’ kunsinna, imballaġġ u kummissjonijiet, għal livell ex-works, tqabblu mal-medja ddifferenzjata korrispondenti tal-prezzijiet CIF tal-esportaturi li kkooperaw mir-RPĊ lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustati biex ikopru l-ispejjeż kollha relatati mar-rilaxx mid-dwana, jiġifieri, it-tariffa doganali u l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, (il-prezz tal-iżbark).

(105)

It-tqabbil wera li matul il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu orħos mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’madwar 12 %.

Il-kumpanija

L-offerta ta’ bejgħ taħt il-prezz

Il-grupp Crown

11,1  %

Il-grupp Gushen

9,6  %

Il-grupp Sinoglory

15,0  %

(106)

Parti waħda kkummentat li ovvjament il-livell tat-twaqqigħ fil-prezz kien kkalkulat biss għall-PI u li l-livelli ta’ twaqqigħ preċedenti mhumiex magħrufa. Madankollu, il-parti ssuġġeriet li, minħabba li bejn l-2007 u l-PI il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’mod sinifikanti aktar mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, jista’ jiġi inferit li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien qed jonqos.

(107)

Tabilħaqq, huwa rikonoxxut li filwaqt li bejn l-2007 u l-PI, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’37 %, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu biss bi 15 % (ara l-premessa 119 hawn taħt). Konsegwentement, huwa ċar li fir-rigward tal-prezzijiet medji, id-distakk bejn il-prezzijiet Ċiniżi u l-prezzijiet tal-UE naqas bejn l-2007 u l-PI.

4.   IS-SITWAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(108)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni inkludiet valutazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li affettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu meqjus.

(109)

Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, l-indikaturi tal-ħsara ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mit-tweġibiet sħaħ u vverifikati tal-kwestjonarju mill-ilmentatur.

(a)    Il-produzzjoni

(110)

Il-produzzjoni tal-Unjoni naqset b’14 % bejn l-2007 u l-PI. Aktar speċifikament, naqset bi 8 % fl-2008, qabel ma kompliet tonqos bi 15-il punt perċentwali oħra fl-2009. Madankollu, kien hemm titjib ċar bejn l-2009 u l-PI, meta l-produzzjoni żdiedet b’9 punti perċentwali.

Tabella 4

 

2007

2008

2009

PI

Il-produzzjoni (tunnellati)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

92

77

86

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(b)    Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(111)

Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produttur tal-Unjoni baqgħet relattivament stabbli fil-perjodu meqjus:

Tabella 5

 

2007

2008

2009

PI

Il-kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

100

100

100

L-użu tal-kapaċità

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

92

77

86

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(112)

L-indiċi li jirrifletti l-evoluzzjoni tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqas b’14 % fil-perjodu meqjus. Bejn l-2007 u l-2008 naqas bi 8 % u bi 15-il punt perċentwali oħra fl-2009. Imbagħad żdied b’9 punti perċentwali fil-PI. Ix-xejra għar-rata tal-utilizzazzjoni tirrifletti l-iżvilupp tal-produzzjoni fil-perjodu meqjus, minħabba li l-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet stabbli.

(113)

Ta’ min jinnota li minkejja tnaqqis ġenerali, l-użu tal-kapaċità baqa’ relattivament għoli u fil-PI kien ogħla minn 80 %.

(c)    Il-volum tal-bejgħ

(114)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-UE naqas bi 8 % fil-perjodu meqjus. Il-bejgħ naqas b’9 % bejn l-2007 u l-2008 u b’5 punti perċentwali oħra fl-2009. Madankollu, kien hemm titjib ċar bejn l-2009 u l-PI, meta l-bejgħ żdied b’xi 6 punti perċentwali.

Tabella 6

 

2007

2008

2009

PI

Il-bejgħ fl-UE (tunnellati)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

91

86

92

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(d)    Is-sehem mis-suq

(115)

Kumplessivament, matul il-perjodu meqjus, l-industrija Komunitarja żammet is-sehem tagħha mis-suq. Aktar speċifikament, l-indiċi naqas b’9 % bejn l-2007 u l-2008, iżda fl-2009 kien diġà tela’ b’1 punt perċentwali u żdied b’7 punti perċentwali oħra fil-PI.

Tabella 7

 

2007

2008

2009

PI

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

91

92

99

Sors:

Ir-risposti għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni u l-istimi tal-ilmentatur ibbażati fuq dejta ta’ Eurostat

(e)    It-tkabbir

(116)

Bejn l-2007 u l-PI, filwaqt li l-konsum tal-Unjoni naqas bi 8 %, il-volum tal-bejgħ naqas ukoll bi 8 %, u s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni baqa’ stabbli.

(f)    L-impjiegi

(117)

L-impjiegi naqsu b’7 % bejn l-2007 u il-PI. Żdiedu modestament bejn l-2007 u l-2008 qabel tnaqqis qawwi ta’ 10 punti perċentwali fl-2009. Madankollu, l-impjiegi żdiedu mill-ġdid b’2 punti perċentwali fil-PI.

Tabella 8

 

2007

2008

2009

PI

L-impjiegi (persuni)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

101

91

93

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(g)    Il-produttività

(118)

Il-produttività, imkejla bħala produzzjoni (tunnellati) għal kull impjegat fis-sena, naqset b’7 % fil-perjodu meqjus. Dan it-tnaqqis jirrifletti l-fatt li l-produzzjoni naqset b’pass iktar mgħaġġel mill-impjiegi. Madankollu, ta’ min jinnota li bejn l-2009 u l-PI il-produttività żdiedet bi 8 punti perċentwali u dan jirrifletti ż-żieda fil-produzzjoni b’ritmu saħansitra ogħla miż-żieda fl-impjiegi.

Tabella 9

 

2007

2008

2009

PI

Il-produttività (tunnellati għal kull impjegat)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

91

85

93

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(h)    Fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-bejgħ

(119)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu b’madwar 15 % fil-perjodu meqjus. Il-prezz medju żdied fl-2008 u l-2009 (bi 8 % u 10 punti perċentwali rispettivament), qabel ma naqas ħarira fil-PI bi 3 punti perċentwali. Inġenerali, il-prezzijiet CCSPP jiddependu ħafna fuq l-ispejjeż tal-materja prima (jiġifieri l-fażola tas-sojja jew flejks tal-fażola tas-sojja) u l-enerġija. Flimkien dawn jammontaw għal proporzjon kbir tal-ispiża tal-manifattura. Ta’ min jinnota li s-suq għall-fażola tas-sojja huwa volatili u kkaratterizzat minn varjazzjonijiet sinifikanti annwali jew anke kull xahar.

(120)

Minħabba l-varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ bejn it-tipi differenti tal-prodott li qed jiġi investigat, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ medji għandha tiġi studjata b’kawtela billi kwalunkwe bidla fil-prezz medju hija influwenzata ħafna minn kwalunkwe bidla fit-taħlita tal-prodotti.

Tabella 10

 

2007

2008

2009

PI

Il-prezz ta’ unità fis-suq tal-UE (EUR/tunnellata)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

108

118

115

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju

(i)    Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(121)

Minħabba l-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġnijiet attwali tad-dumping ma jistax jitqies li hu negliġibbli.

(j)    L-istokk

(122)

Il-livell tal-istokk tal-għeluq baqa’ ġeneralment stabbli bejn l-2007 u l-PI. Ta’ min jinnota li l-istokk jirrappreżenta porzjon pjuttost żgħir mill-produzzjoni annwali u għaldaqstant ir-rilevanza ta’ dan l-indikatur fl-analiżi tal-ħsara hija limitata.

Tabella 11

 

2007

2008

2009

PI

L-istokk tal-għeluq (tunnellati)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

90

110

99

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju

(k)    Il-pagi

(123)

L-ispiża tax-xogħol annwali żdiedet b’7 % bejn l-2007 u l-PI. Din żdiedet b’5 % bejn l-2007 u l-2008 qabel ma naqset b’2 punti perċentwali fl-2009 u wara żdiedet b’4 punti perċentwali fil-PI.

Tabella 12

 

2007

2008

2009

PI

L-ispiża tax-xogħol annwali (EUR)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

105

103

107

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju

(l)    Il-profittabbiltà u r-redditu mill-investimenti

(124)

Matul il-perjodu meqjus, il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-UE lil konsumaturi mhux relatati, espressa bħala perċentwali tal-bejgħ nett, kienet qed tvarja ħafna. Filwaqt li fl-2007 u l-2009 l-industrija tal-Unjoni għamlet il-qligħ, hija sofriet telf fl-2008 u fil-PI. Il-varjazzjoni fil-profittabbiltà tista’ tkun riflessjoni tal-varjazzjonijiet fis-suq tal-fażola tas-sojja.

Tabella 13

 

2007

2008

2009

PI

Il-profittabbiltà tal-UE (% ta’ bejgħ nett)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

–89

10

–45

ROI (il-profitt f’% tal-valur nett tal-ktieb tal-investimenti)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

– 160

–9

– 109

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju

(125)

Ir-redditu fuq l-investimenti espress bħala l-profitt f’perċentwali tal-valur nett deprezzat tal-investimenti, segwa fil-biċċa l-kbira x-xejra tal-profittabbiltà.

(m)    Il-likwidità u l-kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital

(126)

Il-likwidità netta mill-attivitajiet operattivi naqset b’mod sinifikanti fil-perijodu kkunsidrat. Minn ċifra pożittiva fl-2007, din iddeterjorat fl-2008 meta saret negattiva, iżda tjiebet fl-2009 biex għal darb’oħra reġgħet saret negattiva fil-PI. B’mod ġenerali, il-fluss tal-likwidità segwa ġeneralment ix-xejra tal-profittabbiltà.

(127)

Ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-industrija tal-Unjoni sabet xi diffikultajiet biex issib il-kapital, l-aktar minħabba l-fatt li hija inkorporata fi grupp akbar.

Tabella 14

 

2007

2008

2009

PI

Il-likwidità (EUR)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

–93

24

–7

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju

(n)    L-investimenti

(128)

L-investimenti annwali fil-produzzjoni tal-prodott simili żdiedu b’4 % bejn l-2007 u l-2008 u mbagħad komplew jiżdiedu b’ 29 punti perċentwali fl-2009. Naqsu ftit b’5 punti perċentwali fil-IP. B’mod ġenerali, l-investmenti naqsu bi 28 % fil-perjodu meqjus.

Tabella 15

 

2007

2008

2009

PI

L-investimenti nett (EUR)

Id-dejta kunfidenzjali tan-negozju

L-indiċi (2007 = 100)

100

104

133

128

Sors:

Tweġiba għall-kwestjonarju

5.   IL-KONKLUŻJONI DWAR IL-ĦSARA

(129)

L-analiżi tad-dejta turi li b’mod ġenerali l-industrija tal-Unjoni naqqset il-produzzjoni tagħha, l-utilizzar tal-kapaċità, il-bejgħ, l-impiegi u l-produttività fil-perjodu meqjus. L-ispiża tal-pagi żdiedet ukoll.

(130)

Fl-istess ħin, din l-istampa negattiva hija mitigata mill-fatt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-indikaturi esperjenzaw żvilupp pożittiv bejn 2009 u l-PI (2010). Partikolarment bejn l-2009 u l-2010 (PI), il-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità żdiedet b’9 punti perċentwali; il-bejgħ fl-UE u s-sehem mis-suq żdied b’6 u 7 punti perċentwali rispettivament; l-impjiegi żdiedu b’2 punti perċentwali, filwaqt li l-produttività żdiedet bi 8 punti perċentwali.

(131)

Ukoll, is-sehem mis-suq kumplessiv tal-industrija tal-Unjoni baqa’ stabbli fil-perjodu meqjus. Filwaqt li niżel fl-2008, fl-2009 diġà kien żdied. Fl-2010 huwa laħaq livell qrib ħafna dak tal-2007.

(132)

Il-profittabbiltà, kif ukoll ir-redditu fuq l-investiment u l-likwidità (it-tnejn relatati mill-qrib mal-profittabbiltà), ilkoll juru stampa mħallta tal-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li naqsu kumplessivament (bejn l-2007 u l-PI), huma jvarjaw ħafna u juru l-karattru instabbli tas-suq.

(133)

L-investiment nett kien qed jiżdied b’mod evidenti bejn l-2007 u l-2009 (b’33 %) u dan esperjenza biss tnaqqis żgħir (b’5 punti perċentwali) fl-2010 (IP).

(134)

Barra minn hekk, il-livell attwali ta’ telf imġarrab mill-industrija tal-Unjoni fil-PI huwa relattivament moderat.

(135)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa konkluż li l-industrija tal-Unjoni soffriet xi ħsara. Madankollu, minħabba l-livell relattivament insinifikanti ta’ telf reali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fil-PI, u minħabba s-sinjali ta’ rkupru lejn tmiem il-perjodu meqjus, dik il-ħsara ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

(136)

Wara l-iżvelar tas-sejbiet finali, l-ilmentatur argumenta li l-ħsara f’dan il-każ għandha titqies bħala materjali minħabba li f’xi każijiet oħra b’ċirkustanzi allegatament simili (jiġifieri ġew osservati xejriet pożittivi lejn tmiem il-perjodu meqjus) (11) is-sejbiet kienu differenti. L-ilmentatur argumenta wkoll li jkun inkompatibbli mal-liġi tad-WTO li wieħed iħares lejn il-parti tal-aħħar tal-perjodu meqjus u jfassal konklużjonijiet minn sinjali ta’ rkupru f’dak il-perjodu (12).

(137)

Ta’ min jinnota f’dan ir-rigward li kull każ irid jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu. F’dan il-każ partikolari, l-investigazzjoni mhux biss stabbiliet sinjali ċari ta’ rkupru tal-industrija tal-Unjoni lejn tmiem il-perjodu meqjus, iżda wkoll li d-daqs tax-xejriet negattivi kien relattivament limitat. Pereżempju, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġeneralment baqa’ stabbli u relattivament għoli, il-kapaċità tal-utilizzazzjoni naqset ftit imma baqgħet f’livell ogħla mit-80 %, u l-investimenti żdiedu. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-Aċidu ossaliku  (13), pereżempju, l-industrija tal-Unjoni tilfet 9 % tas-sehem mis-suq fil-PI meta mqabbel mal-ewwel sena tal-perjodu tal-investigazzjoni tal-ħsara (14). Fil-każ tal-Aċidu ċitriku  (15) kien hemm telf simili tas-sehem mis-suq u kien hemm tnaqqis fl-investimenti (16).

(138)

Fir-rigward tal-obbligi tad-WTO, ir-rapport tal-bord ikkwotat jirreferi għal sitwazzjoni kompletament differenti fejn l-awtorità investigattiva analizzat biss dejta parzjali minn sitt xhur biss ta’ kull sena minn tliet snin konsekuttivi u bbażat is-sejbiet tagħha fuq din l-analiżi mhux kompluta. Jidher ċar li s-sitwazzjoni fil-każ preżenti hija differenti billi l-analiżi tal-ħsara tkopri dejta ta’ sena sħiħa minn erba’ snin konsekuttivi u, addizzjonalment, hemm xi enfasi fuq il-fatt li sa tmiem dak il-perjodu ta’ erba’ snin kien hemm żvilupp pożittiv f’ħafna mix-xejriet analizzati meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-PI.

(139)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, qed jiġi definittivament konkluż li kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni mhijiex karatterizzata bħala materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

E.   IL-KAWŻALITÀ

1.   INTRODUZZJONI

(140)

Bla ħsara għad-determinazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħsara materjali u skont l-ipotesi li l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni setgħet tkun ikkaratterizzata bħala materjali, il-Kummissjoni eżaminat il-potenzjal ta’ rabta kawżali.

(141)

Skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-ħsara materjali sofruta mill-industrija tal-Unjoni kinitx ikkawżata mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat. Minbarra dan, fatturi magħrufa oħra għajr l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, li setgħu għamlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati biex jiġi żgurat li kwalunkwe ħsara kkawżata minn dawk il-fatturi l-oħra ma kinitx attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

2.   L-EFFETTI TAL-IMPORTAZZJONIJIET LI HUMA L-OĠĠETT TA’ DUMPING

(142)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdiedu bi 15 % bejn l-2007 u l-PI u s-sehem mis-suq rispettiv tagħhom żdied b’25 % minkejja d-domanda dejjem iżgħar fis-suq tal-Unjoni. Dawk l-iżviluppi ġeneralment ħabtu mas-sitwazzjoni ekonomika dgħajfa tal-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżomm is-sehem tagħha mis-suq, l-importazzjonijiet Ċiniżi kisbu iktar minn 5 punti perċentwali.

(143)

Fuq dik il-bażi, jidher mal-ewwel daqqa t’għajn, li hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(144)

Madanakollu, analiżi aktar dettaljata tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma jidhirx li turi korrelazzjoni ċara. Pereżempju, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ bilkemm żdiedu bejn l-2007 u l-2008 (il-premessa 101) u l-prezz CIF tal-importazzjoni tagħhom żdied bi 48 punt perċentwali (il-premessa 103), madankollu l-industrija tal-Unjoni sofriet telf sinifikanti fl-2008 u tilfet xi sehem mis-suq. B’kuntrast, filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’26 % bejn l-2008 u l-2009, u prezz CIF tal-importazzjoni tagħhom naqas bi 11-il punt perċentwali, l-industrija tal-Unjoni żammet is-sehem tas-suq tagħha u rkuprat mit-telf tal-2008. Barra minn hekk, bejn l-2009 u l-PI filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żammew il-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet biċ-ċar kif diskuss hawn fuq fl-analiżi tal-ħsara.

(145)

Dan in-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ u x-xejriet tal-indikaturi tal-ħsara jissuġġerixxi bil-qawwa li kien hemm fatturi oħra li kkontribwew u possibbilment ikkawżaw kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Din il-kwistjoni se tiġi esplorata iktar hawn taħt.

3.   L-EFFETTI TA’ FATTURI OĦRA

(146)

Il-fatturi l-oħra li ġew eżaminati fil-kuntest tal-kawżalità huma: (i) it-tnaqqis fid-domanda tal-Unjoni, probabbilment relatat parzjalment mal-kriżi finanzjarja u ekonomika fis-snin 2008/2009 u (ii) il-volatilità tas-suq tal-fażola tas-sojja.

(i)   Tnaqqis fid-domanda, probabbilment relatat parzjalment mal-kriżi finanzjarja u ekonomika fis-snin 2008/2009

(147)

Fil-perjodu meqjus seta’ jiġi osservat tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, jiġifieri bi 8 % jekk wieħed iqabbel l-2007 mal-2010 (il-PI). Ħafna mill-fatturi tal-ħsara żviluppaw l-aktar skont dak il-fattur. Pereżempju, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-UE ukoll naqas bi 8 % jekk wieħed iqabbel iż-żewġ perjodi msemmija qabel. Eżempji oħra huma l-impjiegi — 7 % inqas fl-2010 milli fl-2007 — u l-produttività — ukoll 7 % inqas fl-2010 milli fl-2007. Għalhekk huwa ċar li t-tnaqqis fid-domanda, tkun xi tkun il-kawża sottostanti tiegħu, kien fattur prinċipali fl-iżviluppi tal-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(148)

Għalkemm ir-raġuni għat-tnaqqis fid-domanda mhijiex direttament rilevanti għall-analiżi tal-kawżalità, jista’ jkun ukoll li ġie kkawżat, almenu parzjalment, mill-kriżi finanzjarja u ekonomika. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li d-domanda niżlet b’mod partikolari bejn l-2008 u l-2009. Minħabba l-koinċidenza fiż-żmien tagħha, it-tnaqqis ta’ 8 punti perċentwali bejn l-2008 u l-2009 aktarx kien marbut mal-kriżi ekonomika. Konsegwentement, jista’ jiġi argumentat li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kienet ikkawżata mill-kriżi ekonomika u t-tnaqqis li rriżulta fid-domanda.

(149)

Huwa wkoll innutat li Solae Belgium tirrikonoxxi fir-rapport annwali tagħha mill-2009 li introjtu iktar baxx mill-assi finanzjarji kkawżat mill-kriżi finanzjarja kellu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

(150)

Huwa mtenni wkoll li l-industrija tal-Unjoni tejbet is-sitwazzjoni ekonomika tagħha bejn l-2009 u l-PI. Dan it-titjib jikkoinċidi b’mod ċar mal-irkupru ekonomiku ġenerali.

(151)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, huwa kkunsidrat li t-tnaqqis fid-domanda, probabbilment ikkawżata parzjalment mill-kriżi ekonomika, kien kawża ewlenija ta’ kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(152)

Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur saħaq li l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi ma kkawżawx il-ħsara, iżda ma pprovda l-ebda argument konvinċenti f’dan ir-rigward u sempliċiment irrefera għal għadd ta’ każijiet oħra (17) fejn is-sejbiet kienu differenti.

(153)

F’dan ir-rigward, hu mtenni li kull każ irid jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu. F’dan il-każ partikolari jibqa’ l-fatt li filwaqt li hemm nuqqas ta’ korrelazzjoni ċara bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, it-tnaqqis fid-domanda, li x’aktarx kien ikkawżat parzjament mill-kriżi ekonomika, kien fattur li kkontribwixxa għas-sitwazzjoni ħażina tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, tal-inqas sa ċertu punt, kif spjegat hawn fuq, dan ġie rikonoxxut espliċitament fir-rapport annwali ta’ Solae Belgium tal-2009.

(154)

Madankollu, hemm differenzi importanti bejn il-każijiet imsemmija mill-ilmentatur u l-każ preżenti. Xi wħud minn dawn id-differenzi huma elenkati fil-premessi li ġejjin.

(155)

Fil-każ tal-aċidu ossaliku (18), għalkemm xi indikaturi tabilħaqq immarkaw żvilupp pożittiv bejn l-2009 u l-PI, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas, filwaqt li fil-każ preżenti dan żdied kważi għal-livell tal-2007 (19). Barra minn hekk, il-każ tal-aċidu ossaliku ma jurix assenza sena wara sena ta’ korrelazzjoni bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u x-xejriet tal-indikaturi tal-ħsara, li hija karatteristika tal-każ preżenti. Ix-xejriet tal-profittabbiltà huma differenti wkoll. Notevolment, fil-każ preżenti l-profittabbiltà tvarja konsiderevolment. Fl-aħħar nett, fil-każ preżenti s-suq huwa volatili ferm.

(156)

Fil-każ tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ (20), is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas kull sena, u b’kollox naqas bi 12-il punt perċentwali (21). Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi kiber konsistentement sena wara sena, u b’kollox bi 12,4 punti perċentwali (22). Fil-każ preżenti, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied sal-2009 u mbagħad naqas bejn l-2009 u l-PI. Fl-istess ħin, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien diġà naqas fl-2008 u mbagħad irkupra kważi sal-livell tal-2007.

(157)

Fil-każ tal-fibri tal-ħġieġ (23), is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping kiber konsistentement sena wara sena, u b’kollox b’6,3 punti perċentwali (24).

(158)

Fil-każ tal-madum taċ-ċeramika (25), is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kien qed jiżdied b’mod kostanti (26). Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-istokk kienet differenti ħafna. Fil-każ tal-madum taċ-ċeramika ż-żieda fl-istokk kienet fattur indikattiv tal-ħsara (27). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni fil-każ tal-madum taċ-ċeramika wriet li minkejja l-irkupru fis-settur tal-kostruzzjoni, l-indikaturi tal-industrija tal-Unjoni baqgħu juru xejra negattiva (28).

(159)

Fl-aħħar nett fil-każ tal-alkoħol xaħmi (29), l-iżvilupp tal-indikaturi tal-ħsara bejn l-2009 u l-PI kienu differenti minn tal-każ preżenti (eż. l-impjiegi naqsu) (30), u l-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu bejn l-2009 u l-PI (31).

(160)

Konsegwentement, il-klejm tal-ilmentatur għandha tiġi miċħuda.

(ii)   Il-volatilità tas-suq tal-fażola tas-sojja

(161)

Hawn fuq intwera li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni toxxilla ħafna u tindika li s-suq għandu natura volatili.

(162)

Dik il-volatilità hi marbuta mill-qrib mal-varjazzjonijiet fis-suq tal-materja prima. Is-suq immedjat għall-materja prima prinċipali — il-fażola tas-sojja — huwa karatterizzat tradizzjonalment minn varjazzjonijiet mensili u annwali sinifikanti (32), filwaqt li l-prezzijiet għall-prodott finali — CCSPP — għandhom tendenza li jkunu pjuttost stabbli (billi huma bbażati fuq kuntratti itwal). Konsegwentement, il-livell ta’ profittabbiltà għall-prodott li qed jiġi investigat huwa dipendenti ħafna fuq is-sitwazzjoni prevalenti fis-suq tal-fażola tas-sojja.

(163)

F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li tassew kien hemm żieda sinifikanti fil-prezz tal-fażola tas-sojja fl-2008 li kellha impatt importanti fuq il-profittabbiltà u is-sitwazzjoni globali tal-industrija tal-Unjoni. L-ilmentatur stess irrikonoxxa li ż-żieda fil-prezz tal-fażola tas-sojja kkontribwiet għas-sitwazzjoni fqira tiegħu fl-2008.

(164)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, huwa ċar li l-volatilità tas-suq tal-fażola tas-sojja wkoll kien kawża ewlenija ta’ kwalunkwe ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(165)

Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur saħaq li l-volatilità tal-prezzijiet tal-fażola tas-sojja lanqas ma setgħu jkissru r-rabta kawżali u li din kienet rilevanti biss għat-telf tal-2008. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza ssostanzjata f’dan ir-rigward.

(166)

Ta’ min jinnota li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-fażola tas-sojja jikkoinċidu mar-rendiment finanzjarju batut tal-industrija tal-Unjoni u, peress li l-prezzijiet għolja tal-fażola tas-sojja kienu meqjusa bħala l-kawża prinċipali tat-telf tal-2008, ma hemm l-ebda raġuni partikolari għalfejn it-telf tal-2010 li kkoinċida ma’ żieda oħra fil-prezzijiet tal-fażola tas-sojja għandu jiġi ttrattat b’mod differenti.

(167)

Konsegwentement, il-klejm tal-ilmentatur għandha tiġi miċħuda.

4.   IL-KONKLUŻJONI DWAR IL-KAWŻALITÀ

(168)

Fatturi oħra, u partikolarment it-tnaqqis fid-domanda (probabbilment ikkawżat parzjalment mill-kriżi ekonomika tal-2008/2009) u l-karattru volatili tas-suq tal-materja prima ewlenija kienu kawżi importanti ta’ kwalunkwe ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

(169)

Għalhekk, anke bis-suppożizzjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali, billi dawk il-fatturi l-oħra jiksru r-rabta kawżali, ma jistax jiġi konkluż li l-ħsara kienet ikkawżata minn importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(170)

Billi instab hawn fuq li l-industrija tal-Unjoni mhijiex qiegħda ġġarrab ħsara li tista’ tkun ikkwalifikata bħala materjali u li, fi kwalunkwe każ, fatturi oħra jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u dik il-ħsara, mhux meħtieġ li jiġi eżaminat l-interess tal-Unjoni.

G.   IT-TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(171)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward in-nuqqas ta’ ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u fir-rigward tan-nuqqas ta’ rabta kawżali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Bażiku, il-proċediment għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri.

(172)

Il-partijiet kollha kkonċernati ġew infurmati bis-sejbiet finali u l-intenzjoni li l-proċediment jiġi tterminat u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom tqiesu iżda ma biddlux il-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-proteina tas-sojja kkonċentrata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa b’dan itterminat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 121, 19.4.2011, p. 71.

(3)  Minkejja r-relazzjoni tiegħu ma’ grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi, l-ilmentatur hu meqjus bħala produttur tal-Unjoni, speċjalment billi l-evidenza disponibbli tindika li l-esportazzjonijiet minn dak il-grupp relatat lejn l-UE huma limitati ħafna.

(4)  Għall-informazzjoni, ta’ min jinnota li l-applikant B huwa relatat mal-kwerelant.

(5)  Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO tal-15 ta’ Lulju 2011, WT/DS397/AB/R, Komunitajiet Ewropej – miżuri anti-dumping definittivi fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina.

(6)  Ara r-Rapport tal-Korp tal-Appell imsemmi hawn fuq tal-15 ta’ Lulju 2011, il-premessa 319.

(7)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.

(8)  ĠU L 118, 19.5.2000, p. 6.

(9)  ĠU L 209, 17.8.2011, p. 24.

(10)  ĠU L 323, 10.12.2009, p. 48.

(11)  L-ilmentatur jikkwota partikolarment Aċidu ossaliku mill-Indja u ċ-Ċina (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1) u Aċidu ċitriku miċ-Ċina (ĠU L 143 3.6.2008, p. 13)

(12)  L-ilmentatur jirreferi għar-Rapport Finali tal-Bord fit-tilwima WT/DS331/R il-Messiku — Dazji anti-dumping fuq pajpijiet u tubi tal-azzar mill-Gwatemala.

(13)  ĠU L 106, 18.4.2012, p. 1.

(14)  Ara Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1043/2011 li jimponi dazji provviżorji (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1), il-premessa 77.

(15)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 1

(16)  Ara Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 488/2008 li jimponi dazji provviżorji (ĠU L 143, 3.6.2008, p. 13), fil-premessi 68 u 72 rispettivament.

(17)  Drappijiet tal-malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ (ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9); Aċidu ossaliku mill-Indja u r-RPĊ (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1); Fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ (ĠU L 67, 15.3.2011, p. 1) u Madum taċ-ċeramika mir-RPĊ (ĠU L 70, 17.3.2011, p. 5).

(18)  ĠU L 275, 20.10.2011, p. 1.

(19)  Ibid., il-premessa 75.

(20)  ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.

(21)  Ibid., il-premessa 75.

(22)  Ibid., il-premessa 66.

(23)  ĠU L 67, 15.3.2011, p. 1.

(24)  Ibid., il-premessa 64.

(25)  ĠU L 70, 17.3.2011, p. 5.

(26)  Ibid., il-premessa 73.

(27)  Ibid, il-premessi 93-95 u 125.

(28)  Ibid., il-premessa 124.

(29)  ĠU L 122, 11.5.2011, p. 47.

(30)  Ibid., il-premessa 85.

(31)  Ibid., il-premessa 70.

(32)  Dejta disponibbli pubblikament (ara pereżempju: http://www.indexmundi.com) turi li l-varjazzjonijiet mensili fil-prezz għall-fażola tas-sojja jistgħu jkunu saħansitra +/– 15 %.


Top