EUR-Lex Baza aktów prawnych Unii Europejskiej

Powrót na stronę główną portalu EUR-Lex

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32012D0268

2012/268/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-istat Nru SA.14554 (C 7/04) Implimentata mill-Ġermanja għall-Gesellschaft für Weinabsatz (Kumpanija Kummerċjali tal-Inbid) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4426)

ĠU L 139, 26.5.2012, str. 1—17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status prawny dokumentu Obowiązujące

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/268/oj

26.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Ġunju 2011

dwar l-Għajnuna mill-istat Nru SA.14554 (C 7/04) Implimentata mill-Ġermanja għall-Gesellschaft für Weinabsatz (Kumpanija Kummerċjali tal-Inbid)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4426)

(il-verżjoni Ġermaniża biss hija awtentika)

(2012/268/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) (1) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq (2),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Wara ilment riċevut fl-10 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talba bil-miktub lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fid-9 ta’ Novembru 2001. Il-miżura ġiet notifikata permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2002, li waslet fit-8 ta’ Marzu 2002, bi tweġiba għal din il-mistoqsija tal-Kummissjoni. Peress li dak iż-żmien il-miżura kienet diġà ġiet implimentata, ġiet elenkata fost l-iskemi ta’ għajnuna mhux notifikati (Għajnuna Nru NN 159/02).

(2)

Il-Ġermanja bagħtet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Novembru 2002, li waslet fil-25 ta’ Novembru 2002, permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ April 2003, li waslet fit-2 ta’ Mejju 2003, permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Mejju 2003, li waslet fit-28 ta’ Mejju 2003, u permezz ta’ fax datata t-2 ta’ Ottubru 2003.

(3)

Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Frar 2004, SG-Greffe (2004) D/200645, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għajnuna.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(5)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti mill-partijiet interessati (4).

(6)

Il-Ġermanja ssottomettiet kummenti lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2004, irreġistrata bħala li waslet fit-23 ta’ Marzu 2004. Kummenti oħra ġew sottomessi permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2006, irreġistrata fl-10 ta’ Jannar 2006, u permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2007, irreġistrata fis-16 ta’ Lulju 2007.

(7)

Permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Ottubru 2008, SG-Greffe (2008) D/206430, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li testendi l-proċedura li kienet inbdiet taħt l-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-għajnuna.

(8)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(9)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti minn partijiet interessati.

(10)

Il-Ġermanja ssottomettiet (wara talba għal estensjoni għal dewmien tas-17 ta’ Novembru 2008, aċċettata mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Novembru 2008) kummenti lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2008, irreġistrata fil-5 ta’ Jannar 2009.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

II.1.   Titolu tal-miżura

(11)

Kredit an die Gesellschaft für Weinabsatz mit nachfolgendem Forderungsverzicht [self lill-Gesellschaft für Weinabsatz (kumpanija kummerċjali tal-inbid) u r-rinunzja sussegwenti ta’ pretensjonijiet]

II.2.   Bażi legali

(12)

Il-miżura ġiet implimentata abbażi ta’ ftehim kuntrattwali bejn il-Wiederaufbaukasse der rheinland-pfälzischen Weinbaugebiete (fond ta’ rikostruzzjoni għaż-żoni ta’ vitikultura ta’ Rhineland-Palatinate, il-WAK) u l-Gesellschaft für Weinabsatz Pfalz GmbH (kumpanija kummerċjali tal-inbid tal-Palatinate, il-GfW).

II.3.   Objettiv

(13)

L-objettiv kien li l-GfW tingħata self biex tixtri l-most minn impriżi u minn negozjanti tal-vitikultura. L-assi assigurati ġew miftiehma bħala kollateral. Dawn l-assi kienu suġġetti wkoll għal gradi differenti ta’ ritenzjoni ta’ titolu (Eigentumsvorbehalt) mill-impriżi u min-negozjanti tal-vitikultura (Weinbaugetriebe und Kommissionäre) fil-forma ta’ retenzjoni ta’ titlu sempliċi, estiż jew prolungat. Ir-rinunzja ta’ pretensjonijiet seħħet meta l-GfW ġiet f’diffikultà finanzjarja minħabba tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tas-suq.

II.4.   Korp pubbliku

(14)

Il-WAK huwa korporazzjoni tal-liġi pubblika tal-istat federali ta’ Rhineland-Palatinate rreġistrata f’Mainz. Topera fis-settur tal-vitikultura b’mod simili bħal bank. Il-kummerċ abitwali tal-WAK huwa l-għoti ta’ self għal tqassim mill-ġdid tal-art. (Flurbereinigung). Il-WAK huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet, tariffi, self u għotjiet (l-Artikolu 8(1) tal-Weinbergsaufbaugesetz [l-att dwar l-iżvilupp tal-impriżi tal-vitikultura]).

II.5.   Benefiċjarji

(15)

Il-benefiċjarja tal-miżura kienet il-GfW, li ngħatat self mill-WAK b’termini li ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

(16)

Il-GfW kienet kumpanija sussidjarja posseduta totalment mill-Bauern- und Winzerverband Rheinland-Pfalz Süd (assoċjazzjoni tal-impriżi tal-vitikultura u tal-bdiewa tan-Nofsinhar ta’ Rhineland-Palatinate). Twaqqfet fl-1984 bl-iskop li tikkumerċjalizza l-inbid u l-kummerċ tagħha kien il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid spumanti, tal-meraq tal-għeneb, tal-jelly tal-għeneb, tal-ispirtu tal-għeneb u tal-brandi. Il-GfW ipprovdiet ukoll servizzi lill-impriżi tal-vitikultura b’rabta ma’ miżuri ta’ distillazzjoni (Destillationsmaßnahmen). Dawn il-miżuri ta’ distillazzjoni kienu jinvolvu l-miżuri koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni (6) u distillazzjoni ffinanzjata mill-istat normalment imwettqa abbażi ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill (7). B’rabta ma’ dan il-GfW avżat lill-produtturi żgħar tal-inbid u organizzat it-trasport tal-inbid lejn id-distilleriji.

(17)

Benefiċjarji possibbli oħra huma l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura li minnhom, b’riżultat tas-self, il-GfW tpoġġiet f’pożizzjoni li tixtri l-most u li ma rrinunzjaw għall-ebda pretensjoni tagħhom fuq il-GfW meta l-WAK iddeċieda li jagħmel dan fiż-żmien li l-GfW sabet ruħha f’diffikultà finanzjarja.

II.6.   Sfond tal-għajnuna

(18)

Fl-1999, permezz ta’ self ta’ EUR 15 302 696,25 mill-WAK u r-riżorsi proprji, il-GfW xtrat 44 miljun litru ta’ most. 60 % ta’ dan il-most kellu minimu ta’ 60 grad ta’ Oechsle u medja ta’ 81 grad ta’ Oechsle. 40 % tal-most kien most ordinarju tal-inbid tal-mejda b’minimu ta’ 44 grad ta’ Oechsle li kien inxtara biex jittieħed vantaġġ mill-kundizzjonijiet benefiċċjali ta’ distillazzjoni preventiva. Il-most kollu li nxtara kien bi prezz medju ta’ EUR 0,38 għal kull litru. Ma nxtara l-ebda inbid lest. Ix-xiri sar abbażi ta’ ritenzjoni sempliċi, estiża jew fit-tul ta’ titolu (einfache, erweiterte, verlängerte Eigentumsvorbehalte) mill-impriżi u min-negozjanti tal-vitikultura. Fl-istess waqt dawn l-assi assigurati ġew miftiehma bħala kollateral għall-WAK.

(19)

Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Ġermanja, il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-GfW kien li tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ distillazzjoni skont ir-Regolament (EEC) No 822/87 għal 40 % tal-most u tipproċessa 60 % tal-most f’inbid mhux ipproċessat għall-produzzjoni ta’ inbid spumanti u tbiegħu lill-produtturi tal-inbid spumanti. Barra minn hekk, il-GfW kienet qiegħda tippjana li taħżen 20 % tal-inbid mhux ipproċessat għal minn disa’ xhur sa sena sabiex tieħu vantaġġ mis-sussidji tal-UE għall-ħażna tal-inbid skont ir-regolament (KEE) Nru 822/87, qabel ma jinbiegħ fis-suq għal inbid mhux ipproċessat għall-produzzjoni tal-inbid spumanti.

(20)

Fil-11 ta’ Novembru 1999 l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura rċevew depożitu ta’ 80 % tal-prezz tax-xiri. Bħala medja tħallas depożitu ta’ EUR 0,31 għal kull litru.

(21)

Fl-1999, il-GfW bagħtet 40 % tal-ħażniet tagħha għad-distillazzjoni preventiva. Fid-dawl tal-waqgħa fil-prezzijiet tas-suq għall-inbid mhux ipproċessat, fl-aħħar tal-1999, il-GfW iddeċidiet li dik is-sena ma tbiegħ l-ebda inbid mhux ipproċessat iżda tistenna li s-suq jirkupra fis-sena 2000.

(22)

Fis-sena 2000, minħabba l-ħsad relattivament kbir u t-tnaqqis fil-bejgħ tal-inbid spumanti s-suq tal-inbid abjad saħansitra kompla jaqa’ aktar (f’xi każijiet il-prezzijiet medji waqgħu b’sa EUR 0,20). Ħafna mill-inbid fil-krietel li kien għadu maħżun kellu jintbagħat għal ċiklu ieħor ta’ distillazzjoni.

(23)

B’riżultat ta’ emenda fl-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid adottata fl-1999 u li daħlet fis-seħħ fl-1.8.2000, id-distillazzjoni preventiva skont ir-Regolament (KEE) Nru 822/87 ġiet sostitwita mid-distillazzjoni għall-provvista tas-suq tal-alkoħol għax-xorb skont ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999. It-termini kienu konsiderevolment aktar sfavorevoli, u seta’ jinkiseb biss madwar nofs il-prezz preċedenti ta’ EUR 0,50–0,55 għal kull litru għad-distillazzjoni preventiva.

(24)

Wara t-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fis-sena 2000 kien impossibbli għall-GfW li tikseb il-profitti mistennija kemm fis-suq tal-inbid u kif ukoll fid-distillazzjoni biex tissupplixxi s-suq tal-alkoħol għax-xorb. B’riżultat ta’ dan, il-valur tal-istokks skont il-kotba tal-GfW kellu jitnaqqas b’mod sinifikanti u b’riżultat ta’ dan, l-obbligazzjonijiet tal-GfW qabżu l-assi tagħha.

(25)

Fid-dawl tal-problemi kummerċjali deskritti hawn fuq, tfasslet dikjarazzjoni temporanja tal-kontijiet għas-sena sal-31 ta’ Ottubru 2000 u ġiet eżaminata minn awditur. Fil-31 ta’ Ottubru 2000 l-obbligazzjonijiet tal-GfW (EUR 15 670 155) qabżu l-assi kurrenti tagħha (EUR 9 886 856) b’EUR 5 783 299 u l-GfW kellha l-obbligazzjonijiet kif espressi fit-tabella hawn taħt. Skont rapport imħejji minn Wirtschaftsprüfungsgesellschaft Falk & Co GmbH, il-GfW dalwaqt kienet ser tiffaċċja proċeduri ta’ insolvenza minħabba li l-obbligazzjonijiet tagħha kienu jeċċedu l-assi tagħha (Überschuldung) jekk ma kien sejjer isir xejn biex dan jiġi evitat.

(26)

Tabella 1

(EUR)

Obbligazzjonijiet lil

Ammont

WAK

10 150 959

Istituzzjonijiet finanzjarji

726 892

Fornituri

218 460

Impriżi u negozjanti tal-vitikultura

4 355 581

Oħrajn

218 263

Total

15 670 155

(27)

Skont § 19 tal-liġi Ġermaniża dwar l-insolvenza (Insolvenzordnung) meta l-obbligazzjonijiet jaqbżu l-assi ta’ kumpanija dan ikun raġuni biex jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza. Minħabba dan, skont § 64 GmbHG a.F. i. V. m. § 19 InsO l-Bord eżekuttiv tal-GfW kien taħt l-obbligu, sabiex fi żmien tliet ġimgħat mid-dħul fl-istat li l-obbligazzjonijiet tagħha kienu qegħdin jaqbżu l-assi tagħha (Überschuldung) japplika għall-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza.

(28)

Bħala riżultat tal-insolvenza imminenti, il-GfW talbet lil uħud mill-kredituri (il-WAK, l-impriżi tal-vitikultura u madwar 130 negozjant involuti fix-xiri deskritt fil-premessa 18) biex jirrinunzjaw parti mill-pretensjonijiet pendenti tagħhom biex jippermettu lill-kumpanija li tkompli tinnegozja. Fil-każ tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura, ir-rinunzja kellha tkopri 90 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom, li jfisser li kienu sejrin jirċievu biss 2 % addizzjonali tal-prezz tax-xiri miftiehem. Id-defiċit pendenti kellu jiġi eliminat permezz tas-subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet neċessarji mill-WAK.

(29)

Bħala l-kreditur prinċipali (ara t-tabella 1) b’pożizzjoni aktar dgħajfa ta’ sigurtà, il-WAK kellu interess konsiderevoli li jevita l-insolvenza imminenti. Għalhekk ipprova jikkonvinċi lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura, sabiex jaqblu li jirrinunzjaw għal parti mill-pretensjonijiet tagħhom. Il-WAK iffirma wkoll ftehim bil-miktub mal-GfW, datat l-4 ta’ Diċembru 2000, fejn qabel li jissubordina parti mill-pretensjonijiet pendenti tiegħu - li tikkorrispondi għad-defiċit tal-GfW - favur il-kredituri l-oħra. L-ammont finali tas-subordinazzjoni tal-pretensjonijiet kellu jiġi speċifikat biss ladarba kienu ġew riċevuti d-dikjarazzjonijiet tar-rinunzja tal-pretensjonijiet tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura, sabiex jiġi minimizzat l-ammont subordinat. Ġie miftiehem ukoll li l-WAK ikun jista’, jekk jiġi ppruvat meħtieġ fi stadju aktar tard biex jiġu evitati l-proċeduri ta’ insolvenza, jirrinunzja għall-istess ammont ta’ pretensjonijiet li kien issubordina.

(30)

1 700 mill-2 700 impriża u negozjanti tal-vitikultura ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jirrinunzjaw għal 90 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom, li jikkorrispondu għal madwar 60 % tal-pretensjonijiet pendenti tal-grupp kollu. Madankollu, l-impriżi u negozjanti tal-vitikultura li kien għad fadal jew speċifikament irrifjutaw l-offerta jew ma taw l-ebda tweġiba għat-talba. Kien ċar li xi wħud minnhom iddeċidew li ma jirrinunzjawx għall-pretensjonijiet tagħhom minħabba l-pożizzjoni ta’ sigurtà aktar b’saħħitha tagħhom — xi wħud kellhom ritenzjoni fit-tul ta’ titolu u kienu diġà rċevew depożitu ta’ 80 % tal-prezz miftiehem. Dan fisser li f’każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza l-qligħ tagħhom kien sejjer ikun ogħla minn 2 % tal-prezz tax-xiri miftiehem li kien qiegħed jiġi offrut.

(31)

Barra minn hekk, għadd ta’ impriżi u negozjanti tal-vitikultura kienu ressqu ilmenti kontra l-GfW u dawn l-ilmenti kienu ġew ittrattati mill-qorti li pproponiet ftehim bonarju. Skont il-ftehim bonarju l-GfW kellha tħallas 70 % tal-pretensjonijiet pendenti u 30 % kellhom jiġu rrinunzjati. Il-qorti ddeċidiet ukoll li l-GfW kellha tħallas 80 % tal-ispejjeż tal-qorti. Qrati oħra kienu pproponew ftehim bonarju simili u b’kunsiderazzjoni ta’ dan, ma kienx għadu possibbli li l-GfW tistenna li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura l-oħra jaqblu mar-rinunzja ta’ 90 % tal-pretensjonijiet pendenti. Barra minn hekk, bosta impriżi u negozjanti tal-vitikultura issa ddikjaraw li kienu sejrin jitolbu 100 % tal-ħlas lura tal-20 %li kien għad fadal.

(32)

§ 305a tal-liġi Ġermaniża tal-insolvenza tiddikjara li rimedju barra mill-qorti (außergerichtliche Einigung) sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ djun ikun falla meta kreditur wieħed jiddeċiedi li jipproċedi bl-infurzar wara li jkunu bdew in-negozjati għal rimedju barra mill-qorti.

(33)

Għalhekk, kuntrarjament għall-intenzjoni oriġinali tagħha, il-GfW ma setgħetx tibqa’ titlob lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura, sabiex jirrinunzjaw għal xi pretensjonijiet tagħhom. Minflok, il-GfW iffirmat ftehim mal-WAK datat il-21 ta’ Frar 2001 li jiddikjara li l-WAK qabel li jkopri kompletament l-iżbilanċ tal-GfW tas-sena 2000 billi jirrinunzja għal EUR 5 005 441,60 tal-pretensjonijiet tiegħu. Fuq id-dejn pendenti għall-perjodu ta’ żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2001, ma kienu sejrin jiġu imposti l-ebda interessi. Il-ftehim iddikjara wkoll li l-pretensjonijiet pendenti tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura kellhom jitħallsu kollha. B’dan il-mod, is-sigurtà tal-pretensjonijiet mhux subordinati tal-WAK kienet garantita, is-sitwazzjoni ta’ defiċit ġiet rimedjata, il-proċeduri ta’ insolvenza kienu temporanjament evitati u l-GfW setgħet tkompli tinnegozja.

(34)

Matul il-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2000 il-GfW għamlet ħlasijiet lura fuq is-self lill-WAK f’valur ta’ EUR 1 440 446,92. Matul il-perjodu ta’ bejn l-2001 u l-2005 il-GfW kompliet tinnegozja u għamlet ħlasijiet lura regolari fuq is-self tagħha lill-WAK, li jammontaw għal EUR 3 728 969,40. Barra minn hekk, matul l-2001, il-GfW għamlet ħlasijiet ta’ imgħax li jammontaw għal EUR 149 757,16 lill-WAK.

(35)

Minħabba tnaqqis fid-dħul fl-oqsma regolari ta’ negozju tal-GfW kif ukoll kapitalizzazzjoni insuffiċjenti, sal-31 ta’ Diċembru 2004 il-GfW kienet iddeċidiet li twaqqaf l-attività kollha u tillikwida lill-GfW. L-istokk kollu pendenti tal-oqsma tan-negozju li kien għad fadal ġie mibjugħ. Id-dħul kollu ntuża biex il-WAK jitħallas lura. Intlaħaq ftehim max-xerrej (persuna privata) biex il-valur tal-istokk kollu pendenti li kien għad baqa’ skont l-inventarju fl-31 ta’ Diċembru 2004 jiġi ttrasferit lill-WAK fi tmiem tal-2005. Il-valur kien sejjer ikun il-valur oriġinali tax-xiri ta’ EUR 79 579,79.

(36)

Eventwalment il-GfW ġiet xolta mill-1 ta’ Ġunju 2005 u tħassret mir-reġistru tal-kummerċ matul l-2006. La hemm suċċessur legali u lanqas xi entità ġuridika li minnha l-għajnuna setgħet tiġi rkuprata.

(37)

Sal-31 ta’ Diċembru 2005 EUR 9 897 154,65 tas-self kien tħallas lura u kienu saru EUR 793 994,99 ħlasijiet ta’ imgħax. Wara l-likwidazzjoni tal-assi pendenti tal-GfW (EUR 87 079,79), il-pretensjonijiet pendenti li kien għad baqa’ tal-WAK ta’ madwar EUR 313 000 ġew iddikjarati irrekuperabbli u ġew imħassra. Il-parti tas-self li qatt ma kienet tħallset lura għalhekk kienet tammonta għal EUR 5 318 441,60 (ir-rinunzja oriġinali ta’ pretensjonijiet ta’ EUR 5 005 441,60 flimkien mal-pretensjonijiet pendenti wara l-likwidazzjoni ta’ EUR 313 000).

II.7.   In-natura u l-intensità tal-għajnuna

(38)

Is-self ta’ EUR 15 302 696,25 tal-WAK lil-GfW ingħata f’diversi ħlasijiet fl-1999 għal terminu ta’ minn 12 sa 18-il xahar:

(EUR)

11.11.1999

5 936 061,62

25.11.1999

6 868 777,04

1.12.1999

585 429,72

13.12.1999

112 110,66

17.12.1999

1 800 317,21

Total

15 302 696,25

(39)

Ir-rati ta’ imgħax imposti kienu dawn li ġejjin:

ir-raba’ kwart tal-1999

3,28  %

l-ewwel kwart tal-2000

3,51  %

it-tieni kwart tal-2000

4,15  %

it-tielet kwart tal-2000

4,80  %

ir-raba’ kwart tal-2000

5,15  %

2001

4,55 %-5,25 %

(40)

Fil-11 ta’ Novembru 1999 il-fornituri rċevew depożitu ta’ 80 % tal-prezz miftiehem. Barra minn hekk, bħala riżultat tar-ritenzjoni fit-tul ta’ titolu mogħti lil xi wħud mill-fornituri, li ma kinitx sejra tintemm mal-ipproċessar, mal-kombinazzjoni jew mat-taħlit, parti mill-istokk intuża biex tiġi żgurata l-pretensjoni pendenti ta’ 20 % ta’ dawn il-fornituri. Ġie miftiehem ukoll li l-istokks jintużaw bħala kollateral għall-WAK. Madankollu, minħabba r-ritenzjoni tat-titolu l-WAK kellu biss pretensjoni sekondarja fuq parti mill-istokk sakemm ma kinux ġew solvuti l-pretensjonijiet b’ritenzjoni fit-tul ta’ titolu. Għalhekk l-akbar sehem fir-riskju ta’ ċaqliq fil-prezzijiet kien f’idejn il-GfW u l-kredituri tagħha li minnhom il-WAK kien dak prinċipali.

(41)

Fuq is-self mogħti mill-WAK lill-GfW tħallas biss imgħax limitat: mill-11 ta’ Novembru 1999 sal-31 ta’ Diċembru 1999 (b’rata ta’ 3,28 %), mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2000 (3,51–5,15 %) u mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2001 (4,55–5,25 %). Ma ntalab l-ebda imgħax ulterjuri wara l-31 ta’ Diċembru 2001.

(42)

Meta wieħed iqis ir-riskju li WAK ħa meta sellef il-flus lil-GfW, kellu jiġi impost primjum sostanzjali tar-riskju minbarra r-rata regolari ta’ imgħax. Peress li ma kien hemm l-ebda primjum tar-riskju miżjud mar-rata ta’ imgħax kien hemm preżenti element ta’ għajnuna fil-mument tal-għoti tas-self. Dan l-element ta’ għajnuna jista’ jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax imposta u r-rata ta’ imgħax tas-suq flimkien mal-primjum tar-riskju li kellu jiġi impost.

(43)

Skont l-avviż tal-Kummissjoni fuq il-metodu tat-twaqqif tar-referenza u rati ta’ skont (8) kif emendat bl-avviż tal-Kummissjoni dwar l-adattamenti tekniċi għall-metodu biex ikunu stabbiliti r-referenza u r-rati tal-iskont (9), applikabbli għall-perjodu in kwistjoni, ir-rata bażi ta’ referenza għall-Ġermanja kienet ta’ bejn il-5,23 % u s-6,33 %. Skont l-avviż, ir-rata ta’ referenza ddeterminata hija r-rata minima li tista’ tiżdied f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari (pereżempju, impriża f’diffikultà, jew fejn is-sigurtà normalment meħtieġa mill-banek ma tkunx ġiet ipprovduta). F’dawn il-każijiet, il-primjum jista’ jammonta għal 400 punt bażi jew aktar jekk l-ebda bank privat ma jkun qabel li jagħti s-self rilevanti.

(44)

Skont il-Ġermanja, ir-rati ta’ imgħax mitluba mill-banek Ġermaniżi matul l-istess perjodu għal krediti simili kienu bejn il-5,25 % u s-6,50 % (VR-Bank Südliche Winstrasse eG) u bejn il-5,40 % u s-6 % (Die Kreissparkasse Dürkheim Bad).

II.8.   Tul tal-miżura

(45)

Miżura ta’ darba

II.9.   Raġunijiet biex tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali

(46)

Il-Kummissjoni tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE għaliex kien hemm suspett li s-subordinazzjoni u r-rinunzja tal-pretensjonijiet setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107 tat-TFUE.

(47)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet, abbażi tal-informazzjoni disponibbli waqt il-ftuħ inizjali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, eżaminat jekk is-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet kienux saru skont it-test tal-kreditur privat.

(48)

It-test tal-kreditur privat jivvaluta jekk, taħt l-istess kundizzjonijiet tas-suq, kreditur privat kien jaġixxi jew aġixxiex bl-istess mod bħall-kreditur pubbliku. Fir-rigward tal-każ preżenti, il-kredituri privati kellhom pretensjonijiet fuq il-GfW li jammontaw għal EUR 5,5 miljun fil-31 ta’ Ottubru 2000, iżda ħadd minnhom ma kien irrinunzja l-pretensjonijiet tagħhom. Ir-rapport minn awditur indipendenti deher juri li kien jagħmel sens ekonomiku għall-WAK biex jissubordina u jirrinunzja parti mill-pretensjonijiet tagħhom, imma ma spjegax għaliex l-ebda wieħed mill-kredituri l-oħra ma kienux lesti li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet tagħhom stess.

(49)

Fil-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Kummissjoni kkonkludiet li waqt il-ftuħ tal-proċedura, ma setax jiġi eskluż li s-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet tal-WAK (is-self lill-GfW u ħlasijiet futuri ta’ imgħax fuq dan is-self) ma kienux skont it-test tal-kreditur privat peress li dehru li kienu ogħla milli kien assolutament meħtieġ u kienu jiffavorixxu b’mod eċċessiv mhux biss lill-GfW iżda wkoll lill-kredituri l-oħra (primarjament l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura) li rċevew rifużjoni sħiħa tal-pretensjonijiet tagħhom.

(50)

Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mbagħad ġiet estiża biex tinkludi l-għoti tas-self. Speċifikament, ġie espress dubju dwar jekk l-għoti tas-self kienx sar skont it-termini tas-suq (ma ġie impost l-ebda primjum tar-riskju) u b’garanziji suffiċjenti.

(51)

Fl-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, reġa’ tqajjem dubju dwar l-għajnuna possibbli lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura. L-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien dehret tindika li l-prezz imħallas għall-most kien ogħla mill-prezz rilevanti tas-suq, li l-għan tat-transazzjoni ma kienx li timmassimizza l-profitti iżda biex tappoġġja s-suq tal-inbid u tal-most, u li l-pożizzjoni ta’ sigurtà mogħtija lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura skont il-kuntratt tal-bejgħ kienet aktar vantaġġuża milli taħt ċirkostanzi normali.

(52)

Id-dubju rigward il-prezz ġie enfasizzat minn dokumenti pprovduti mill-Ġermanja wara l-ewwel ftuħ tal-proċedura, li wrew ċaqliq fil-prezz għal kull litru tal-inbid tal-mejda (mhux inkluża l-VAT) fl-1999 fir-reġjun ta’ Pfalz-Rheinhessen minn minimu ta’ EUR 0,26 (Ottubru/Novembru) għal EUR 0,30 (Ġunju sa Settembru), EUR 0,35 (April), u massimu ta’ EUR 1,10 (Frar, Ġunju, Novembru/Diċembru). Il-prezz minimu tas-suq li seta’ jinkiseb għall-inbid tal-mejda fil-ħin tal-għoti tas-self kien għalhekk ta’ EUR 0,26 għal kull litru.

(53)

Għalhekk deher li l-prezz medju tax-xiri ta’ EUR 0,38 għal kull litru kien ogħla mill-aktar prezz baxx tas-suq ta’ madwar EUR 0,26 għal kull litru.

III.   ILMENTI U INFORMAZZJONI MINN PARTIJIET TERZI

(54)

Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni li tindika li r-rinunzja ta’ pretensjonijiet ta’ hawn fuq kienet iffinanzjata mill-fondi tal-WAK. Bħala l-awtorità pubblika li tiffinanzja l-WAK, intqal li l-istat federali ta’ Rhineland-Palatinate kien eżamina l-possibbiltà ta’ injezzjoni ta’ kapital minħabba t-tnaqqis fil-bażi kapitali tal-WAK, iżda fl-aħħar iddeċieda kontra dan.

(55)

Il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-allegata għajnuna mill-Istat involut fir-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK. Il-kwerelant iddikjara li l-GfW kienet qiegħda tikkompeti fil-bejgħ ta’ distillati tal-inbid u, bħala riżultat tar-rinunzja favur din il-kumpanija, il-kompetituri kien ser ikollhom problemi konsiderevoli biex ibiegħu l-prodotti tagħhom stess. Il-kwerelant issottometta diversi artikli mill-ġurnali b’informazzjoni dwar ir-rinunzja ta’ pretensjoni mill-WAK għall-benefiċċju tal-GfW.

(56)

L-istess kwerelant bagħat ukoll ittra li kien irċieva mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku f’Kaiserslautern (l-uffiċċju ċentrali kontra l-kriminalità ekonomika) bħala tweġiba għal ittra li kien bagħat hemm. L-ittra mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku f’Kaiserslautern tiġbor fil-qosor l-informazzjoni riċevuta mill-kwerelant fil-forma ta’ artikoli mill-ġurnali u dikjarazzjonijiet u fl-ittra jinforma lill-kwerelant li, abbażi ta’ din l-informazzjoni li kienu rċevew, m’hemmx raġunijiet għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali (strafrechtliches Ermittlungsverfahren einzuleiten).

IV.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(57)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummenti bħala parti mill-proċeduri ta’ investigazzjoni formali.

(58)

L-ittri ripetuti mill-kwerelant wara l-ftuħ inizjali tal-proċedura ma żiedu l-ebda fatti jew argumenti ġodda.

V.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

V.1.   Element ta’ għajnuna fil-mument tal-għoti tas-self

(59)

Il-Ġermanja pprovdiet informazzjoni komprensiva dwar il-kundizzjonijiet tas-self mogħti mill-WAK lill-GfW li ġiet inkluża fid-deskrizzjoni tal-miżura fit-taqsima II.

(60)

Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja taqbel li l-imgħax impost mill-WAK għas-self lill-GfW kien aktar baxx mir-rata tas-suq. Il-Ġermanja tirrikonoxxi li d-differenza bejn ir-rata tas-suq u r-rata tal-imgħax imposta tikkostitwixxi għajnuna lill-GfW skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(61)

Il-Ġermanja tipprovdi wkoll evidenza li l-GfW ġiet likwidata u xolta mill-1 ta’ Ġunju 2005. L-istokk pendenti kollu tal-oqsma tan-negozju li kien għad fadal ġie mibjugħ. Il-qligħ kollu ntuża biex il-WAK jitħallas lura. Intlaħaq ftehim max-xerrej (persuna privata) biex il-valur tal-istokk pendenti kollu skont l-inventarju fil-31 ta’ Diċembru 2004 jiġi trasferit lill-WAK fi tmiem l-2005. Il-valur kellu jkun il-valur oriġinali tax-xiri ta’ EUR 79 579,79. Il-GfW tħassret mir-reġistru tal-kummerċ matul l-2006 u la hemm suċċessur legali u lanqas xi entità ġuridika li minnha l-għajnuna setgħet tiġi rkuprata. Skont il-ġurisprudenza stabbilita (10) l-irkupru huwa għalhekk, skont il-Ġermanja, mhux possibbli.

(62)

Il-Ġermanja tagħti l-assigurazzjonijiet tagħhom li l-għoti ta’ ritenzjoni sempliċi, estiża jew fit-tul ta’ titolu mill-GfW lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura b’rabta mal-bejgħ tal-most, kien skont il-prattika kummerċjali komuni. Il-Ġermanja tassigura wkoll li l-aċċettazzjoni tal-assi garantiti bħala kollaterali minkejja r-ritenzjoni ta’ titolu bħal ma għamel il-WAK fil-każ tas-self lill-GfW huwa wkoll skont il-prattika kummerċjali komuni.

(63)

Barra minn hekk, il-Ġermanja tiddikjara li x-xiri tal-most fil-ħarifa tal-1999 mill-GfW kien sar skont il-prezz tas-suq minħabba li 60 % tal-most li nxtara kien most ta’ kwalità (minimu ta’ 60 grad ta’ Oechsle) u mhux most ordinarju għall-inbid tal-mejda kif wieħed kien jassumi fil-ftuħ tal-proċedura. Skont il-Ġermanja r-rekwiżiti ta’ kwalità għall-produzzjoni ta’ inbid spumanti huma ogħla mir-rekwiżiti għall-inbid tal-mejda (minimu ta’ 60 u ta’ 44 grad ta’ Oechsle rispettivament). L-40 % tal-most li kien baqa’ kien most ordinarju għall-inbid tal-mejda u kien inxtara biex jittieħed vantaġġ mill-kundizzjonijiet benefiċċjali ta’ distillazzjoni preventiva.

(64)

Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja tenfasizza li l-kunċett kummerċjali tal-GfW għal 60 % tal-istokk involut fix-xiri ta’ most ta’ kwalità għolja fi kwantitajiet kbar u l-ipproċessar sussegwenti f’lottijiet omoġenji ta’ inbid mhux ipproċessat għall-inbid spumanti (Sektgrundwein), f’konformità mar-rekwiżiti ta’ omoġeneità u ta’ kwalità tal-fabbriki tal-inbid. L-inbid mhux ipproċessat għall-produzzjoni ta’ inbid spumanti jeħtieġ livell baxx ta’ SO2 u livelli għolja ta’ aċidi tal-frott. Dan seta’ jinkiseb biss kieku l-most inxtara matul il-perjodu ta’ bejgħ tal-ħarifa u permezz tal-preparazzjoni tal-most f’inbid mhux ipproċessat mill-GfW.

(65)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, fir-rigward tas-suq għall-inbid mhux ipproċessat għal inbid spumanti, il-prezz bażiku mħallas għal litru ta’ most b’60 grad ta’ Oechsle kien ta’ EUR 0,312 għal kull litru. Għal kull grad addizzjonali ta’ Oechsle (sa massimu ta’ 80 grad ta’ Oechsle) tħallsu EUR 0,005 għal kull litru. Skont dan il-prinċipju, l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura ġew imħallsa għall-most ta’ kwalità għolja tagħhom, 60 % tal-most mixtri.

(66)

F’dan il-kuntest il-Ġermanja tagħmel referenza għas-suq rilevanti. Fl-opinjoni tagħha, il-prezz tas-suq għall-inbid ordinarju tal-mejda ma jistax jittieħed bħala parametru ta’ referenza għal dan is-60 % tal-istokk peress li s-suq rilevanti għall-GfW mhuwiex is-suq tal-inbid ordinarju tal-mejda iżda s-suq għall-inbid mhux ipproċessat ta’ kwalità ogħla biex jintuża fil-produzzjoni ta’ inbid spumanti. Il-Ġermanja tagħmel referenza wkoll għat-teorija ta’ sostituzzjoni tad-domanda li tindika li żewġ prodotti ma jiġux innegozjati fl-istess suq jekk wieħed ma jistax jiġi sostitwit mill-ieħor anki jekk il-prezz ta’ wieħed jinbidel. Fil-każ preżenti, ir-rekwiżiti speċifiċi għall-most u għall-inbid mhux ipproċessat għall-produzzjoni ta’ inbid spumanti jagħmilha impossibbli li jiġi sostitut b’most għall-inbid ordinarju tal-mejda jew b’inbid tal-mejda anki jekk il-prezz għall-inbid tal-mejda kellu jonqos b’mod sinifikanti. Għalhekk, tnaqqis fil-prezz tal-inbid tal-mejda mhuwiex sejjer jinfluwenza l-prezz tal-most għall-produzzjoni tal-inbid spumanti minħabba li ma jistgħux ikunu sostitwiti ta’ xulxin.

(67)

Skont l-istatistika dwar l-importazzjoni tal-assoċjazzjoni tal-vitikulturisti Ġermaniżi (Deutsche Weinbauverband) għas-snin 1998-2001, l-inbid abjad importat, li minħabba l-kwalità għolja tiegħu huwa adattat għall-produzzjoni tal-inbid spumanti, kellu prezz tas-suq ta’ EUR 0,38 għal kull litru, sinifikattivament ogħla mill-EUR 0,26 għal kull litru kkwotat għall-inbid tal-mejda. Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja tikkonkludi li jeżistu żewġ swieq distinti, wieħed għall-inbid ordinarju tal-mejda u għall-most ordinarju għall-inbid tal-mejda, u ieħor għall-inbid mhux ipproċessat ta’ kwalità għolja u għall-most ta’ kwalità għolja biex jintuża għall-produzzjoni tal-inbid spumanti.

(68)

Skont il-Ġermanja għandu għalhekk jiġi konkluż li s-suq rilevanti għall-inbid li ma jintbagħatx għad-distillazzjoni huwa s-suq għall-inbid mhux ipproċessat ta’ kwalità għolja għall-produzzjoni tal-inbid spumanti, li jista’ jġib prezzijiet aktar għolja (EUR 0,38 għal kull litru) u mhux il-prezz tas-suq għall-inbid ordinarju tal-mejda (EUR 0,26 għal kull litru). Għaldaqstant il-Ġermanja tirraġuna li l-prezz li l-GfW ħallset għall-most kien konformi mal-prezz tas-suq rilevanti u kien jinkludi marġni normali ta’ profitt.

(69)

Barra minn hekk, il-GfW ippjanat li tipparteċipa fil-programmi tal-UE tal-istokkjar u tad-distillazzjoni (fil-passat il-GfW kienet diġà offriet servizzi bħal dawn lill-kultivaturi tal-inbid). Taħt il-programm ta’ stokkjar tħallsu EUR 0,06 għal kull litru għal 20 % tal-istokks li aktar tard kellhom jinbiegħu bħala inbid mhux ipproċessat għall-produzzjoni tal-inbid spumanti. Taħt il-programm ta’ distillazzjoni tħallsu EUR 0,50–0,55 għal kull litru għal 40 % tal-istokk li ntbagħat għad-distillazzjoni.

(70)

Fl-opinjoni tal-Ġermanja meta l-WAK ta s-self lill-GfW kien possibbli li jsir profitt minn dawn l-attivitajiet. Min-naħa waħda, il-GfW kellha l-ħsieb li tuża 40 % tal-most mixtri għad-distillazzjoni preventiva f’Diċembru 1999 bi prezz tad-distillazzjoni konsiderevolment ogħla mill-prezz tax-xiri (EUR 0,50–0,55 għal kull litru). Min-naħa l-oħra, kien previst li l-produtturi tal-inbid spumanti kienu sejrin iħallsu prezzijiet relattivament tajbin (bejn EUR 0,36 u EUR 0,41 għal kull litru) għal-lottijiet kbar u uniformi ta’ inbid mhux ipproċessat bi kwalità garantita. Il-Ġermanja tirraġuna li l-GfW setgħet tikseb qligħ medju mill-bejgħ ta’ EUR 0,44 sa EUR 0,46 għal kull litru, ħafna ogħla mill-medja ta’ EUR 0,38 għal kull litru li tħallset lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura.

(71)

L-ippjanar kien ibbażat fuq is-suppożizzjonijiet li ġejjin tal-prezzijiet fil-mira:

 

Volum

Prezz/litru (EUR)

Distillazzjoni

40  %

0,50-0,55

Sussidju tal-UE għall-ħażna tal-inbid/most (sena 1): EUR 0,06/l u l-bejgħ sussegwenti bħala inbid mhux ipproċessat għall-inbid spumanti

20  %

0,435

Bejgħ bħala inbid mhux ipproċessat għall-inbid spumanti

40  %

0,375

(72)

Abbażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet kien mistenni prezz medju tal-bejgħ ta’ EUR 0,44 sa 0,46/l.

(73)

Il-previżjoni tal-bejgħ ta’ hawn fuq jirriżulta fil-kalkolu tal-profitt li ġej:

 

Prezz/litru (EUR)

Prezz tax-xiri u l-ipproċessar

0,37-0,38

Dħul minn bejgħ bħala inbid mhux ipproċessat għall-inbid spumanti, distillazzjoni, sussidji fuq l-istokkjar

0,44-0,46

Profitt mistenni

0,06-0,09

(74)

Abbażi ta’ volum totali ta’ madwar 44 miljun litru, kien mistenni profitt totali ta’ madwar EUR 2,64 miljun u madwar EUR 3,96 miljun.

(75)

Il-Ġermanja tagħmel referenza wkoll għall-fatt li l-prezz tas-suq għall-inbid tal-mejda kkwotat mill-Kummissjoni Ewropea fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ (EUR 0,26 għal kull litru) huwa l-aktar kwotazzjoni baxxa għal Novembru 1999 għall-inbid tal-mejda. Il-kwotazzjoni sħiħa għal Novembru 1999 hija l-prezz tas-suq għall-inbid tal-mejda ta’ bejn EUR 0,26 u EUR 0,56 għal kull litru. Barra minn hekk, din kienet il-firxa sħiħa għas-sena 1999 kollha. Għall-2000 il-firxa kienet ta’ bejn EUR 0,20 u EUR 0,41 għal kull litru. Il-Ġermanja tenfasizza wkoll li 60 % tal-most mixtri mill-GfW kellu grad medju ta’ Oechsle ta’ 81, ħafna ogħla mir-rekwiżit għall-inbid tal-mejda ta’ 44 u dan ovvjament kien rifless fil-prezz imħallas mill-GfW għall-most.

V.2.   Element ta’ għajnuna fiż-żmien tas-subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet u tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet

(76)

Skont il-Ġermanja, wara li f’Novembru 2000 tfasslet dikjarazzjoni interim tal-kontijiet, ġie stabbilit li l-GfW kienet qiegħda tiffaċċja insolvenza. Dak iż-żmien il-GfW kellha defiċit tal-kontijiet ta’ madwar EUR 6 miljun li kien ikkonfermat meta tfasslu l-kontijiet annwali għall-2000. Ir-raġunijiet għad-defiċit kienu li wara tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tas-suq il-valur tal-istokk li kien għadu fil-pussess tal-GfW kien waqa’ li fisser li l-GfW setgħet biss tbiegħ l-istokk tagħhom bi prezz aktar baxx milli kien ġie l-ewwel previst.

(77)

Skont l-informazzjoni sottomessa mill-Ġermanja, fil-31 ta’ Ottubru 2000, il-WAK kien għad kellu pretensjonijiet ta’ madwar EUR 10 miljun lejn il-GfW. Bħala kollateral il-WAK kellu l-assi assigurati tal-GfW, b’valur ta’ EUR 5,7 miljun fl-istess żmien. Dawn kienu suġġetti għal ritenzjoni ta’ titolu (sempliċi, estiża jew fit-tul) mill-impriżi u min-negozjanti tal-vitikultura li skont il-Ġermanja kienet tagħtihom prijorità fil-każ ta’ insolvenza. Għalhekk skont il-Ġermanja, fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-GfW kien ikollha tħallas il-pagamenti lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura, f’valur ta’ madwar EUR 3,5 miljun, qabel ma setgħu jsiru pagamenti li xi kredituri oħra.

(78)

Sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ defiċit fil-ħin u jiġi evitat il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza skont § 64 GmbHG AFI V. m. § 19 InsO, kien hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata.

(79)

Il-Ġermanja tfakkar li, bħala l-kreditur prinċipali b’pożizzjoni ta’sigurtà aktar dgħajfa, il-WAK kellu interess kbir li jevita l-insolvenza imminenti. Għalhekk ipprova jikkonvinċi lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura biex jirrinunzjaw għal parti mill-pretensjonijiet tagħhom u qabel ukoll dwar dan li ġej mal-GfW fl-4 ta’ Diċembru 2000:

is-subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet tal-istess ammont bħala d-defiċit wara li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura kienu qablu li jirrinunzjaw għal 90 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom.

sabiex, iżda jekk ikun neċessarju biss, jirrinunzja għall-ammont tal-pretensjoni li kienu qablu li jissubordinaw.

(80)

Minkejja bidu b’suċċess għan-negozjati b’maġġoranza tal-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura jaqblu li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet tagħhom, il-GfW eventwalment falliet minħabba l-azzjonijiet miftiehma minn xi wħud mill-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura u l-avukati tagħhom. Ma kinux lesti li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet tagħhom minħabba l-pożizzjoni ta’ sigurtà preferenzjali tagħhom bħala riżultat ta’ ritenzjoni estiża jew fit-tul ta’ titolu tagħhom u ta’ lmenti sottomessi. Dawn l-ilmenti ġew ittrattati mill-qorti li pproponiet ftehim bonarju. Skont il-ftehim bonarju l-GfW kellha tħallas 70 % tal-pretensjonijiet pendenti u 30 % kellhom jiġu rrinunzjati. Il-qorti ddeċidiet ukoll li l-GfW kienet sejra jkollha tħallas 80 % tal-ispejjeż tal-qorti. Ftehim bonarju simili kien propost minn qrati oħra. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, ma kienx għadu possibbli għall-GfW li tistenna li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura jaqblu li jirrinunzjaw għal 90 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom. Barra minn hekk, diversi impriżi u negozjanti tal-vitikultura issa ddikjaraw li kienu sejrin jitolbu 100 % tal-ħlas lura mill-20 % li kien għad fadal. Il-fatt li 1 700 minn 2 700 impriża u negozjanti tal-vitikultura kienu diġà indikaw li kienu lesti li jirrinunzjaw għal parti mill-pretensjonijiet tagħhom ma kinitx għada rilevanti peress li § 305a tal-liġi Ġermaniża tal-insolvenza tiddikjara li ftehim barra mill-qorti (außergerichtliche Einigung) biex jiġu evitati proċeduri ta’ insolvenza jfalli meta kreditur wieħed jiddeċiedi li jipproċedi bl-infurzar wara li jkunu bdew in-negozjati għal ftehim barra mill-qorti.

(81)

Fil-21 ta’ Frar 2001 il-WAK għalhekk qabel mal-GfW li jkopri l-iżbilanċ tas-sena 2000 billi jirrinunzja għal EUR 5 005 441,60 mill-pretensjonijiet tiegħu, li l-ebda imgħax mhu ser jiġi impost fuq id-dejn pendenti għall-perjodu ta’ bejn 1 ta’ Jannar 2001 – 31 ta’ Diċembru 2001 u li l-pretensjonijiet tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura kienu sejrin jitħallsu kollha. Is-sigurtà tal-pretensjonijiet mhux subordinati kienet garantita. Is-sitwazzjoni ta’ defiċit tal-GfW ġiet rimedjata, il-proċeduri ta’ insolvenza ġew evitati u l-GfW setgħet tkompli tinnegozja.

(82)

Il-Ġermanja ssostni li l-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet huma t-tnejn skont it-test tal-kreditur privat. Biex tappoġġja din il-pretensjoni, il-Ġermanja tirreferi għall-ġurisprudenza rilevanti.

(83)

Ir-rinunzja ta’ parti mill-pretensjoni tista’ tkun meħtieġa sabiex jiżdied l-ammont li effettivament jiġi rkuprat (11). Kreditur privat jaġixxi hekk sabiex jimminimizza t-telf tiegħu. Fil-każ li pretensjoni ma tkun suffiċjentement assigurata, ftehim li jipposponi l-ħlas lura jżid il-possibbiltajiet ta’ ħlas lura mingħajr telf peress li d-debitur jkollu l-opportunità li jegħleb il-kriżi u jtejjeb is-sitwazzjoni tiegħu (12). Fis-sentenza HAMSA tas-CFI, il-qorti tirrifjuta l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni li teħtieġ sehem indaqs ta’ rinunzji ta’ pretensjonijiet għall-kredituri privati u pubbliċi fir-rigward tas-sehem tagħhom tad-dejn. Minflok il-qorti stabbiliet li t-test tal-kreditur privat jista’ jiġi applikat ukoll meta r-relazzjoni tar-rinunzji bejn il-kredituri differenti tkun assimetrika. Is-CFI tenfasizza li l-istatus tal-kreditur bħala d-detentur ta’ pretensjoni garantita, preferenzjali jew ordinarja, jiġifieri l-grad tat-titoli tal-kredituri differenti, huwa deċiżiv. Is-CFI stabbiliet li kreditur pubbliku jaġixxi bħal kreditur privat meta jiddeċiedi li jirrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet tiegħu, wara evalwazzjoni estensiva u raġonevoli ta’ kemm ikun kapaċi jirkupra, tar-riskju ta’ likwidazzjoni u tal-opportunità li d-ditta terġa tirritorna għall-vijabilità. (13) Fl-aħħar nett, Il-Ġermanja tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ Huta Cynku, fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li fejn ir-ristrutturar ikun iwassal għal dħul aħjar milli minn likwidazzjoni ma jeżisti l-ebda vantaġġ u għalhekk ma teżisti l-ebda għajnuna mill-Istat (14).

(84)

Għal dawn ir-raġunijiet il-Ġermanja targumenta li meta tittieħed kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tal-WAK bħala l-kreditur prinċipali u l-pożizzjoni ta’ sigurtà aktar dgħajfa tiegħu meta mqabbel mal-impriżi u man-negozjanti tal-vitikultura, kemm is-subordinazzjoni kif ukoll ir-rinunzja tal-pretensjoni kienet skont it-test tal-kreditur privat u ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Waqt proċedura ta’ insolvenza l-WAK kien ikun tilef mill-anqas l-istess ammont u probabbilment ammont ferm akbar tal-pretensjoni pendenti tagħhom.

(85)

Huwa biss permezz tal-evitar tal-insolvenza tal-GfW u l-issettiljar tal-pretensjonijiet pendenti tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura li l-WAK kellu d-drittijiet kollha ta’ assigurazzjoni fuq l-istokk li kien għad fadal u seta’ jiżgura l-ħlas lura ogħla fuq il-pretensjonijiet pendenti tiegħu milli kien ikun realizzat fil-każ ta’ insolvenza.

(86)

Minn perspettiva ex ante, l-imġiba tal-WAK kienet, skont il-Ġermanja, korretta, speċjalment minħabba li dawn irnexxielhom jiżguraw ħlas lura ogħla billi bidlu l-pożizzjoni ta’ sigurtà dgħajfa tagħhom fi dritt primarju ta’ assigurazzjoni u evitaw l-insolvenza imminenti tal-GfW. Skont il-Ġermanja, kwalunkwe bank privat kien jaġixxi bl-istess mod fl-istess sitwazzjoni.

(87)

Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, evalwazzjoni ex-ante tal-kontijiet tal-GfW kienet tkun stmat li permezz tal-kontinwazzjoni tal-GfW, il-WAK kien ikun kapaċi jirrealizza ħlasijiet lura ta’ EUR 5 112 918,81 miljun. Min-naħa l-oħra, kieku l-GfW kienet daħlet fi proċeduri ta’ insolvenza, il-WAK kien ikun kapaċi jirrealizza biss ħlas lura ta’ massimu ta’ EUR 2,4 miljun. Dan iħalli differenza ta’ minimu ta’ EUR 2,7 miljun.

(88)

Dan ġie kkonfermat minn rapport mit-3 ta’ Frar 2003, imħejji minn awditur indipendenti (15), ikkummissjonat mill-WAK u ppreżentat mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Ir-rapport jasal għall-konklużjoni li kien jagħmel sens ekonomiku għall-WAK li jissubordina l-pretensjonijiet tagħhom, jirrinunzja għal parti mill-ammont imsemmi hawn fuq u jirrinunzja għall-ħlasijiet futuri ta’ imgħax. Ir-raġunijiet għal din il-konklużjoni ġew sottomessi mill-Ġermanja u huma kif ġej:

Kieku l-WAK ma ssubordinax u ma rrinunzjax għall-pretensjonijiet u l-ħlasijiet ta’ imgħax tiegħu l-GfW kien ikollha tapplika għall-insolvenza u l-GfW kienet tkun stralċjata. Il-pretensjonijiet tal-WAK kien ikollhom jiġu sodisfatti mill-bejgħ tal-istokks tal-GfW.

Kieku l-kumpanija kellha tkun stralċjata l-valur tal-istokks tal-GfW kienu jaqgħu. Il-qligħ attwali mill-bejgħ tal-istokks kien ikun biss ta’ madwar 50 % sa 70 % tal-valur skont il-kotba. Għalhekk, permess tad-drittijiet ta’ assigurazzjoni, il-qligħ kien ikun jammonta għal bejn EUR 1,84 miljun u EUR 2,4 miljun.

Il-proċeduri ta’ insolvenza huma għaljin.

Il-Liġi Ġermaniża tal-Insolvenza (“InsO”) jipprovdi għal dritt ta’ separazzjoni għal prodotti b’ritenzjoni ta’ titolu, madankollu, dan jiġi ddeterminat abbażi tal-għażla tal-amministratur tal-insolvenza li jagħżel bejn it-twettiq tal-kuntratt u s-separazzjoni tal-assi (il-Paragrafu 103 tal-InsO). Is-separazzjoni tal-assi hija possibbli biss jekk l-amministratur tal-insolvenza jirrifjuta li jwettaq il-kuntratt, f’liema każ il-kreditur jista’ jirtira mill-kuntratt u jitlob is-separazzjoni tal-assi, u huwa intitolat għal kumpens għal nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt. Ħlasijiet parzjali jistgħu jiġu paċuti. Bi tpattija, il-GfW tista’ titlob l-irkupru tal-ħlasijiet li diġà saru, li jistgħu jiġu paċuti kontra l-kumpens għal nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt.

Min-naħa l-oħra, wara li l-WAK issubordina parti mill-pretensjonijiet tiegħu, kien legalment possibbli għall-GfW li tevita proċeduri ta’ insolvenza u wara li rrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet u l-ħlasijiet tal-imgħax tiegħu, il-WAK kellu pretensjonijiet pendenti ta’ EUR 5,15 miljun li seta’ jistenna li jirkupra bħala riżultat tal-fatt li l-GfW setgħet tkompli tinnegozja.

Osserva wkoll li kieku kienu nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza l-ħlasijiet lura ta’ EUR 1 440 476,92 fuq is-self li saru mill GfW lill-WAK fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2000 setgħu jiġu kkontestati mill-GfW skont ir-regoli tal-insolvenza. Dan kien iwassal biex il-WAK ikun obbligat li jħallas lura dawn il-fondi.

(89)

Il-Ġermanja tenfasizza li evalwazzjoni ex-post turi li l-alternattiva ta’ subordinazzjoni u ta’ rinunzja ta’ pretensjonijiet tagħmel aktar sens ekonomiku peress li l-ħlasijiet lura riċevuti bl-evitar tal-insolvenza tal-GfW kienu ta’ EUR 4 670 517,65, li jagħmilhom superjuri għall-massimu ta’ EUR 2,4 miljun li setgħu ġew assigurati taħt il-proċeduri ta’ insolvenza.

(90)

Il-Ġermanja tikkonkludi li peress li s-subordinazzjoni u rinunzja ta’ pretensjonijiet kienu skont it-test tal-kreditur privat, ma kien hemm l-ebda għajnuna lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura fil-ħin tas-subordinazzjoni u tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK.

VI.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

VI.1.   Organizzazzjoni tas-suq komuni

(91)

Sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (16), il-vitikultura u l-ipproċessar tal-inbid kienu koperti mir-Regolament (KE) Nru 1493/1999. L-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jiddikjara li l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat (issa l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE) għandhom japplikaw għall-produzzjoni ta’ u l-kummerċ fil-prodotti koperti minnu. Qabel il-31 ta’ Lulju 2000, il-vitikultura u l-ipproċessar tal-inbid kienu koperti mir-Regolament (KEE) Nru 822/87. L-Artikolu 76 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87 jiddikjara li l-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat (issa l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE) għandhom japplikaw għall-produzzjoni ta’ u l-kummerċ fil-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament. Għalhekk, il-miżuri in kwistjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

VI.2.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(92)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi mill-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti hija pprojbita, jekk taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(93)

Il-WAK huwa korporazzjoni tal-liġi pubblika u parzjalment iffinanzjat minn fondi tal-istat federali ta’ Rhineland-Palatinate u parzjalment minn kontribuzzjonijiet parafiskali. Il-miżura hija għalhekk iffinanzjata minn riżorsi statali.

(94)

Għajnuna lil xi impriża tidher li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta dik l-impriża topera f’suq miftuħ għall-kummerċ fl-Unjoni. (17) Hemm ammont sostanzjali ta’ kummerċ fl-Unjoni fi prodotti agrikoli. Għalhekk, l-għajnuna preżenti tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (18).

(95)

Il-Qorti ddeċidiet li sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huwa wkoll meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (19) u/jew jekk il-miżura tkunx ippermettiet lill-impriża li tevita li ġġorr spejjeż li normalment kien ikollhom jitħallsu mir-riżorsi finanzjarji tagħha stess (20). Dan ikun tabilħaqq biżżejjed biex jindika distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni. (21)

VI.2.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna lill-Gesellschaft für Weinabsatz (GfW)

VI.2.1.a.   L-għoti ta’ self mill-WAK

(96)

Is-self ta’ EUR 15 302 696,25 mill-WAK kien ingħata fil-ħarifa tal-1999. Il-GfW ġiet imposta rata ta’ imgħax ta’ bejn it-3,28 % u l-5,25 % matul il-perjodu tas-self. Ma ġiet imposta l-ebda primjum tar-riskju. Ir-rata ta’ referenza għall-Ġermanja għal dan il-perjodu kienet ta’ bejn il-5,23 % u s-6,33 %.

(97)

Il-Ġermanja taqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-għoti tas-self ma kienx sar skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Kieku s-self kien ingħata skont il-kundizzjonijiet tas-suq, kien ikollha tiġi imposta rata bażi ogħla u kien jiżdied primjum tar-riskju meta wieħed iqis il-garanzija limitata offruta mill-kollateral għas-self.

(98)

Wieħed jista' jikkonkludi li s-self mogħti lill-GfW kien fih element ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE peress li l-GfW irċeviet vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. L-element ta’ għajnuna jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn l-imgħax impost u r-rata ta’ referenza flimkien ma’ primjum xieraq tar-riskju.

(99)

Il-possibbiltà li l-għajnuna tgħaddi lis-suċċessuri legali

(100)

Skont il-Ġermanja, il-GfW ġiet likwidata u xolta mill-1 ta’ Ġunju 2005. L-istokk kollu pendenti fl-oqsma tan-negozju li kien għad fadal ġie mibjugħ. Il-qligħ kollu ntuża biex il-WAK jitħallas lura. Ġie miftiehem max-xerrej (persuna privata) li l-valur tal-istokk pendenti kollu skont l-inventarju fl-31 ta’ Diċembru 2004 jiġi trasferit lill-WAK fi tmiem l-2005. Il-valur kellu jkun il-valur oriġinali tax-xiri ta’ EUR 79 579,79. Il-GfW tħassret mir-reġistru tal-kummerċ matul l-2006 u la hemm suċċessur legali u lanqas xi entità ġuridika li minnha l-għajnuna setgħet tiġi rkuprata. Skont il-ġurisprudenza stabbilita (22) għalhekk, skont il-Ġermanja, l-irkupru mhuwiex possibbli.

(101)

Peress li l-assi pendenti tal-GfW kienu nbiegħu, il-persuna li xtrathom setgħet possibbilment ibbenefikat mill-għajnuna mogħtija lill-GfW. Madankollu, peress li l-persuna kienet ħallset il-prezz oriġinali tax-xiri u s-suq kien naqas matul is-snin li għaddew, huwa ċar li l-prezz imħallas mix-xerrej kien mill-inqas il-prezz tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma ġiet mgħoddija l-ebda għajnuna lix-xerrej tal-istokk pendenti tal-GfW. Fl-istess ħin, il-GfW ma baqatx teżisti u għalhekk ma hemm l-ebda għajnuna li trid tiġi rkuprata.

VI.2.1.b.   Is-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK

(102)

Is-subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet u l-ħlasijiet ta’ imgħax kienu ffinanzjati mir-riżorsi proprji tal-WAK u minn self korrispondenti meħud mill-WAK u għalhekk għandhom jitqiesu bħala ffinanzjati permezz ta’ riżorsi mill-Istat.

(103)

Biex jiġi stabbilit jekk is-subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet u l-ħlasijiet ta’ imgħax jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE lill-GfW huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-GfW tirċevix vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq u/jew jekk il-miżura ppermettietx lill-GfW li tevita li tħallas spejjeż li normalment kien ikollha tħallas mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħha. Din l-evalwazzjoni għandha ssir permezz ta’ test tal-kreditur privat. It-test tal-kreditur privat jivvaluta jekk, taħt l- istess kundizzjonijiet tas-suq, kreditur privat ikunx aġixxa jew aġixxiex bl-istess mod bħall-kreditur pubbliku.

(104)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, ir-rinunzja ta’ parti mill-pretensjoni tista’ tkun meħtieġa sabiex jiżdied l-ammont li effettivament jiġi rkuprat. Kreditur privat jaġixxi b’tali mod sabiex jimminimizza t-telf tiegħu. (23) Fil-każ li pretensjoni ma tkunx ġiet suffiċjentement assigurata, ftehim biex il-ħlas lura jiġi pospost iżid il-possibbiltajiet ta’ ħlas lura mingħajr telf peress li d-debitur ikollu l-opportunità li jegħleb il-kriżi u jtejjeb is-sitwazzjoni tiegħu. (24)

(105)

Fis-sentenza HAMSA (25) tas-CFI, il-qorti tirrifjuta l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni li teħtieġ sehem indaqs ta’ rinunzji ta’ pretensjonijiet għal kredituri privati u pubbliċi fir-rigward tas-sehem tad-dejn tagħhom. Minflok il-qorti stabbiliet li t-test tal-kreditur privat jista’ jiġi applikat ukoll meta r-relazzjoni tar-rinunzji bejn il-kredituri differenti tkun assimetrika. Il-paragrafu 168 u 169 tas-sentenza jaqra:

“(168)

Meta ditta affaċċjata b’deterjorazzjoni sostanzjali fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tipproponi ftehim jew sensiela ta’ ftehimiet għall-arranġament tad-dejn lill-kredituri tagħha bil-għan li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata u tiġi evitata l-likwidazzjoni, kull kreditur għandu jieħu deċiżjoni wara li jikkunsidra l-ammont offrut lilu skont il-ftehim propost, fuq naħa waħda, u l-ammont li jistenna li jkun kapaċi jirkupra wara l-likwidazzjoni possibbli tad-ditta, min-naħa l-oħra. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn għadd ta’ fatturi, inkluż l-istatus tal-kreditur bħala d-detentur ta’ pretensjoni assigurata, preferenzjali jew ordinarja, in-natura u l-firxa ta’ xi titoli li jista’ jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li d-ditta tiġi restawrata għall-vijabilità, kif ukoll l-ammont li jirċievi fil-każ ta’ likwidazzjoni. Jekk jirriżulta, pereżempju, li fil-każ li d-ditta tiġi likwidata, il-valur tar-realizzazzjoni tal-assi tagħha kien ikun biżżejjed biss biex ikopri ipoteki u pretensjonijiet preferenzjali, il-pretensjonijiet ordinarji ma kien ikollhom l-ebda valur. Fit-tali xenarju, li kreditur ordinarju jaċċetta l-kanċellazzjoni tal-parti kbira tal-pretensjoni tiegħu ma jkunx verament sagrifiċċju.

(169)

Jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ għarfien dwar il-fatturi li jiddeterminaw il-valuri rispettivi tal-għażliet offruti lill-kredituri, is-sempliċi fatt li hemm nuqqas apparenti ta’ proporzjon bejn l-ammonti li d-diversi kredituri jkunu ħassru, fih innifsu mhuwiex konklużiv għar-raġunijiet li wassluhom biex jaċċettaw ir-remissjonijiet tad-dejn proposti.

(106)

Barra minn hekk, fil-każ HAMSA (26) Is-CFI li, kreditur pubbliku jaġixxi bħala kreditur privat meta jiddeċiedi li jirrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet tiegħu, wara evalwazzjoni estensiva u raġonevoli ta’ kemm jista’ jkun kapaċi jirkupra, tar-riskju ta’ likwidazzjoni u tal-possibbiltà li d-ditta terġa’ tiġi restawrata għall-vijabilità. Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ Huta Cynku (27), il-Kummissjoni ddeċidiet li fejn ir-ristrutturar ikun iwassal għal dħul aħjar milli minn likwidazzjoni, ma jeżisti l-ebda vantaġġ u għalhekk l-ebda għajnuna mill-Istat.

(107)

B’referenza għall-ġurisprudenza kkwotata hawn fuq, waqt l-evalwazzjoni ta’ jekk kreditur privat ikunx aġixxa jew aġixxiex bl-istess mod bħall-WAK, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-għażliet li l-WAK kellu meta kkonkluda li l-GfW kienet qiegħda tiffaċċja l-insolvenza u x’kienu jkunu l-implikazzjonijiet ekonomiċi marbuta ma’ dawn l-għażliet. Bħala tieni pass, huwa meħtieġ wkoll li jsir l-istess eżami għall-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura u mbagħad jiġi evalwat jekk is-sitwazzjoni affaċċjata mill-WAK tistax tiġi mqabbla ma’ u evalwata abbażi tal-azzjonijiet tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura.

(108)

Meta ġie infurmat li l-GfW kienet qiegħda tiffaċċja insolvenza, il-WAK kellu żewġ għażliet. Seta’ jew iħalli l-proċeduri ta’ insolvenza jinfetħu, jew seta’ jipprova jevita dan billi jilħaq ftehim mal-GfW li kien jippermetti lill-GfW li tkompli tinnegozja. Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-Ġermanja u appoġġjata minn rapport mit-3 ta’ Frar 2003 imħejji minn awditur indipendenti (ara l-premessa 88), l-implikazzjonijiet ekonomiċi marbuta ma’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet huma, skont il-Ġermanja, kif ġej. Ex-ante, fil-każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, il-WAK seta’ jistenna li jirkupra massimu ta’ madwar EUR 2,4 miljun tal-pretensjonijiet tiegħu. Fil-każ li l-WAK kien iffirma ftehim mal-GfW, li jirrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet tiegħu u b’hekk jippermetti lill-GfW li tkompli tinnegozja, il-WAK seta’ jistenna ex ante’ li jirkupra madwar EUR 5,1 miljun mill-pretensjonijiet tiegħu. Dan iħalli differenza ta’ EUR 2,7 miljun favur li l-GfW tiġi permessa li tevita proċedurii ta’ insolvenza. Jekk l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura kienux lesti li jagħmlu l-istess, kellu biss impatt żgħir fuq il-kalkoli ta’ rkupru, iżda ma biddilx ir-riżultat dwar il-paragun bejn iż-żewġ alternattivi.

(109)

L-istima ta’ rata ta’ rkupru fil-każ ta’ insolvenza ta’ EUR 2,4 miljun fir-rapport hija bbażata fuq is-suppożizzjoni Ġermaniża li l-pretensjonijiet ta’ EUR 4,4 miljun tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura għandhom ikunu ġew riżolti qabel dawk tal-WAK. Madankollu, skont il-Kummissjoni Ewropea, il-liġi Ġermaniża tal-insolvenza tgħid li d-dejn biss lill-dawk l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura b’ritenzjoni fit-tul ta’ titolu kien ikollu jiġi riżolt qabel id-djun tal-WAK. Id-djun l-oħra kienu jkunu fl-istess pożizzjoni bħad-dejn tal-WAK. Madankollu, il-kalkoli proprji tal-Kummissjoni Ewropea juru li anki fil-każ fejn il-pretensjonijiet tal-WAK u tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura kienu jkunu kollha fl-istess pożizzjoni, il-WAK seta’ jistenna li jirkupra l-massimu ta’ EUR 4,7 miljun fil-każ ta’ insolvenza (abbażi ta’ total massimu ta’ ħlas lura ta’ EUR 6,8 miljun fil-każ ta’ insolvenza u li l-WAK u l-impriżi tal-vitikultura jirċievu ħlas lura fi proporzjon ma’ dak li kienu dovuti - EUR 10 miljun u EUR 4,4 miljun rispettivament għall-WAK u għall-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura). Għalhekk jista’ jiġi konkluż li ex-ante l-għażla l-aktar favorevoli għall-WAK kienet tkun li jippermetti lill-GfW li tevita l-insolvenza.

(110)

Min-naħa l-oħra l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura ffaċċjaw kalkolu differenti ħafna. L-ewwel nett, kienu diġà rċevew 80 % tal-ħlas għall-oġġetti konsenjati tagħhom. It-tieni nett, skont l-offerta mill-GfW kienu sejrin jirċievu biss 10 % tal-20 % li kienu għadhom dovuti lilhom. Fil-fatt dan kien ifisser li huma kienu sejrin jirċievu 2 % addizzjonali tal-prezz tax-xiri miftiehem kieku ffirmaw il-ftehim. Ċertament dan huwa anqas minn dak li setgħu jistennew fi proċeduri ta’ insolvenza, irrispettivament mill-pożizzjoni ta’ sigurtà tagħhom (ritenzjoni sempliċi, estiża jew fit-tul ta’ titolu). Bħala medja setgħu jistennew li jirċievu 48 % tat-pretensjonijiet pendenti tagħhom (EUR 2,1 miljun mit-total ta’ EUR 4,4 miljun dovuti lilhom). Għalhekk ma hija l-ebda sorpriża li xi wħud mill-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura rrifjutaw l-offerta mill-GfW. It-tielet nett, kellu jkun evidenti li kien ikun fl-interess tal-WAK li jirrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet tiegħu u jevita l-insolvenza anki jekk l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura ma jagħmlux l-istess, li għal darb’oħra kien jippermetti lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura li jiksbu sehem akbar tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom mill-10 % offruti. Ir-raba’ nett, ħafna minnhom kienu diġà tellgħu lill-GfW il-qorti u l-qorti kienet iddeċidiet favur tagħhom, u obbligat lill-GfW sabiex tħallas 80 % tal-pretensjonijiet pendenti.

(111)

Jista’ jiġi konkluż li minkejja l-fatt li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura u l-WAK kienu kollha kredituri tal-GfW, l-għażliet u r-riżultat ta’ dawk l-għażliet għall-WAK u għall-impriżi u għan-negozjanti tal-vitikultura kienu tant differenti li ma kienux komparabbli. Il-fatt li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura għażlu li ma jirrinunzjawx għall-pretensjonijiet tagħhom ma għandux ikollu effett negattiv waqt l-analiżi ta’ jekk il-WAK kienx aġixxa skont it-test tal-kreditur privat.

(112)

Meta qieset l-għażliet differenti għall-WAK kontra xulxin, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-subordinazzjoni u r-rinunzja parzjali ta’ pretensjonijiet tal-4 ta’ Diċembru 2000 u tal-21 ta’ Frar 2001 b’total ta’ EUR 5 005 441,60 u r-rinunzja ta’ ħlasijiet ta’ imgħax mill-31 ta’ Diċembru 2000 kienet l-aktar għażla favorevoli għall-WAK u hija għalhekk konformi mat-test tal-kreditur privat. Is-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet jagħmlu differiment tad-dejn, li huwa aktar favorevoli għall-kreditur meta mqabbel ma’ likwidazzjoni. Skont il-ġurisprudenza stabbilita (28), kreditur pubbliku għandu jibbilanċja l-vantaġġ inerenti fil-kisba tas-somma offruta skont il-pjan ta’ ristrutturar u s-somma li jkun jista’ jirkupra permezz tal-likwidazzjoni tad-ditta. Għaldaqstant, il-GfW ma rċeviet l-ebda vantaġġ li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk ma ġiet mogħtija l-ebda għajnuna mill-Istat lill-GfW bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-WAK li jissubordina u jirrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet tiegħu.

(113)

Fil-ftuħ tal-proċeduri kien espress dubju dwar jekk il-WAK kienx żamm is-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet għal minimu strett. Madankollu, skont il-kummenti tal-Ġermanja, il-WAK irrinunzja għas-sehem tal-pretensjonijiet meħtieġa tiegħu biex ikopri d-defiċit tal-GfW għall-2000, li skont il-liġi Ġermaniża tal-insolvenza (ara l-premess 25) kien meħtieġ sabiex jiġu evitati proċeduri ta’ insolvenza u biex il-GfW tkun tista’ tkompli tinnegozja. Fl-ewwel kuntratt (iffirmat fl-4 ta’ Diċembru 2000) bejn il-GfW u l-WAK, sabiex tiġi evitata l-insolvenza tal-GfW, il-WAK jaqbel mal-GfW dwar subordinazzjoni ta’ pretensjonijiet tal-istess ammont bħala d-defiċit tal-GfW wara li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura kienu qablu li jirrinunzjaw għal 90 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom u biex, jekk ikun neċessarju, jirrinunzjaw għall-ammont tal-pretensjoni li kienu qablu li jissubordinaw (ara l-premessa 79 u 80). Ir-raġuni għaliex ir-rinunzja kienet akbar minn kemm wieħed l-ewwel stenna kien li minkejja l-isforzi tal-WAK u tal-GfW biex jikkonvinċu lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura biex jikkontribwixxu sabiex jgħinu lill-GfW tevita l-insolvenza (ara l- premessa 79 u 80), id-deċiżjoni tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura li ma jirrinunzjaw għall-ebda waħda mill-pretensjonijiet tagħhom għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa 108 hawn fuq. Kif imsemmi fil-premess 110, id-deċiżjoni tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura li ma jirrinunzjawx għal sehem mill-pretensjonijiet pendenti tagħhom kellha biss impatt limitat fuq l-evalwazzjoni ekonomika tal-WAK u ma biddlitx l-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni: li kien ekonomikament preferenzjali għall-WAK li jippermetti lill-GfW tevita proċeduri ta’ insolvenza.

(114)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li s-subordinazzjoni parzjali u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK kienet l-aktar għażla favorevoli għall-WAK u għalhekk huma skont il-prinċipju tal-kreditur privat u għalhekk ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE lill-GfW.

VI.2.2.   L-eżistenza ta’ għajnuna għall-impriżi u għan-negozjanti tal-vitikultura

(115)

Fil-ftuħ u fl-estensjoni sussegwenti tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tqajmu mistoqsijiet dwar l-għajnuna possibbli lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura. L-ewwel nett, il-pożizzjoni ta’ sigurtà mogħtija lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura mill-GfW fil-mument tax-xiri dehret relattivament b’saħħitha u tqajmu dubji dwar jekk il-pożizzjoni ta’ sigurtà mogħtija kinitx verament skont il-prattika normali tan-negozju. It-tieni nett, il-prezz imħallas għall-most mixtri kien stmat li kien ogħla mill-prezz tas-suq. It-tielet nett, tqajmu dubji dwar id-deċiżjoni tal-impriżi u tan-negozjanti tal-vitikultura li ma jirrinunzjaw għall-ebda waħda mill-pretensjonijiet tagħhom meta l-GfW ġiet affaċċjata bl-insolvenza flimkien mad-deċiżjoni tal-WAK li jissubordina u mbagħad jirrinunzja għal parti mill-pretensjonijiet tiegħu, minkejja li l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura ddeċidew li ma jirrinunzjawx għad-90 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom (20 % tal-valur tal-istokk).

VI.2.2.a.   Fil-ħin tax-xiri tal-most – il-pożizzjoni ta’ sigurtà mogħtija

(116)

Fil-kummenti tagħhom, il-Ġermanja tat l-assigurazzjonijiet tagħha li r-ritenzjonijiet sempliċi, estiżi jew fit-tul ta’ titolu mogħtija lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura differenti b’rabta max-xiri tal-most, kien tabilħaqq skont il-prattika normali tan-negozju. Dan ifisser li għalkemm din tat lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura pożizzjoni relattivament qawwija ta’ sigurtà, speċjalment dawk mogħtija ritenzjoni fit-tul ta’ titolu, dan kien skont il-prattika normali tan-negozju u ma kinitx aktar b’saħħitha milli kieku għamlu arranġamenti ma’ xerrej privat.

(117)

Il-Kummissjoni tagħmel referenza għar-rakkomandazzjonijiet (29) irreġistrati mill-Federazzjoni tal-fabbriki tal-inbid u tal-bejjiegħa tal-inbid Ġermaniżi, Trier, il-Federazzjoni ta’ negozjanti tal-inbid Ġermaniżi, Mainz u l-Assoċjazzjoni ta’ Vitikulturisti Ġermaniżi, Bonn (Der Bundesverband der Deutschen Weinkellereien und des Weinfachhandels e.V., Trier, der Bundesverband der Deutschen Weinkommissionäre e.V., Mainz und der Deutsche Weinbauverband e.V., Bonn) mal-awtoritajiet Ġermaniżi dwar il-kompetizzjoni (Bundeskartellamt) f’konformità ma’ § 22 Abs. 3 Nr. 2 tal-Att kontra r-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni (des Gesetzes gegen Wettbewerbsbeschränkungen) (30). L-ewwel verżjoni tar-rakkomandazzjonijiet kienet irreġistrata fl-1990 u l-verżjoni attwali fl-2005. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jagħmluha ċara li f’każijiet fejn il-prezz sħiħ tax-xiri ma jkunx tħallas fil-ħin tat-trasferiment tal-merkanzija, il-bejjiegħ għandu jżomm it-titolu ta’ sjieda sakemm ikun tħallas il-prezz sħiħ. Il-pożizzjonijiet ta’ sigurtà mogħtija lill-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura fil-każ in kwistjoni taw gradi differenti ta’ sigurtà. Dawk biss li kellhom ritenzjoni fit-tul ta’ titolu kellhom garanzija sħiħa għall-ħlas. Dan ifisser li bħala medja l-pożizzjoni ta’ sigurtà għall-impriżi u għan-negozjanti tal-vitikultura ma kinitx b’saħħitha kif ġie rrakkomandat fil-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni għalhekk taċċetta, b’referenza għar-rakkomandazzjonijiet u l-pożizzjoni ta’ sigurtà attwali mogħtija, l-assigurazzjonijiet tal-Ġermanja li hija prattika normali tan-negozju li jingħataw pożizzjonijiet ta’ sigurtà kif kien sar lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura f’dan il-każ u li l-pożizzjoni ta’ sigurtà mogħtija ma kienetx aktar b’saħħitha milli kieku taħt kuntratt normali bejn żewġ atturi privati u għalhekk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

VI.2.2.b.   Fil-ħin tax-xiri tal-most - il-prezz imħallas għall-most mixtri

(118)

Fil-ftuħ tal-proċeduri, intqal li l-prezz imħallas mill-GfW għall-most mixtri kien ogħla mill-prezz tas-suq. Bħala prezz tas-suq ġie użat il-prezz għall-inbid tal-mejda u l-prezz ikkwotat bħala prezz ta’ referenza kien ta’ EUR 0,26 għal kull litru. Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja tat informazzjoni sostanzjali dwar l-istrateġija tan-negozju tal-GfW, li turi li s-suq tal-inbid ordinarju tal-mejda mhuwiex is-suq rilevanti u li l-istrateġija ta’ GfW kellha tlett aspetti. L-ewwel, li tixtri most għall-inbid tal-mejda li bih tista’ tipparteċipa fil-programm ta’ distillazzjoni tal-UE (40 % tal-istokk). It-tieni, biex tixtri most ta’ kwalità għolja bl-intenzjoni li tbiegħu fis-suq tal-inbid mhux ipproċessat ta’ kwalità għolja biex jintuża għall-produzzjoni tal-inbid spumanti (60 % tal-istokk). It-tielet, biex tipparteċipa fil-programm ta’ stokkjar tal-UE b’20 % tal-istokk qabel ma jinbiegħ għall-produzzjoni tal-inbid spumanti. Waqt l-analiżi ta’ jekk żewġ prodotti jagħmlux parti mill-istess suq, il-Kummissjoni tagħmel użu mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ suq rilevanti għall-iskop tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni  (31). Skont il-punt 7 tan-nota, ‘suq rilevanti tal-prodotti jinkludi dawk il-prodotti u/jew servizzi kollha li huma meqjusa bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom’.

(119)

Is-suq għall-most mixtri biex jittieħed vantaġġ mill-programm ta’ distillazzjoni tal-UE huwa ċertament dak għall-inbid ordinarju tal-mejda. Madankollu, il-prezz rilevanti għandu jkun il-prezz imħallas għall-inbid mibgħut għad-distillazzjoni.

(120)

Bħall-miżuri tradizzjonali kollha ta’ intervent fis-swieq agrikoli, id-distillazzjoni preventiva tal-inbid skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (KEE) Nru 822/87 għandha bħala l-għan prinċipali tagħha t-tneħħija ta’ provvista eċċessiva mis-suq tal-inbid u għalhekk il-prezz ta’ din id-distillazzjoni volontarja kellu jkun għoli biżżejjed biex jagħti lill-produtturi l-inċentiv li jibgħatu l-inbid għad-distillazzjoni. Il-prezz annwali attwali tal-miżura ta’ distillazzjoni ġie definit mill-Kunsill bħala 65 % tal-hekk imsejjaħ prezz gwida.

(121)

Il-prezz gwida nnifsu kien jiġi deċiż mill-Kunsill darba fis-sena u l-prezz kien espressament stabbilit biex jappoġġja s-suq. Biex dan iseħħ, kellu ovvjament jiġi stabbilit f’livell għoli biżżejjed. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/1999 tad-19 ta’ Lulju 1999 li jistabbilixxi l-prezz gwida għall-inbid għas-sena tal-inbid 1999/2000 (32) iffissa l-prezzijiet gwida għall-kategoriji differenti ta’ inbid. Il-prezz għall-kategorija AII (inbid abjad tal-mejda mill-varjetajiet ta’ dwieli tat-tip Sylvaner, Müller-Thurgau) kien iffissat f’EUR 82,81 għal kull ettolitru u dak għall-AIII (inbid abjad tal-mejda mill-varjetajiet ta’ dwieli tat-tip Riesling) f’EUR 94,57 għal kull ettolitru. Skont l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/1999 tas-26 ta’ Lulju 1999 li jistabbilixxi l-prezzijiet tax-xiri, l-għajnuna u ċerti ammonti oħra applikabbli għas-sena tal-inbid 1999/2000 għal miżuri ta’ intervent fis-settur tal-inbid (33), l-ammont eżatt imħallas għad-distillazzjoni kien jiddependi fuq il-grad ta’ alkoħol tal-inbid ikkonsenjat minħabba li l-prezz għad-distillazzjoni preventiva (65 % tal-prezz gwida) kien ġie kkalkulat mill-Kummissjoni mhux għal kull ettolitru iżda skont il-grad ta’ alkoħol għal kull ettolitru ta’ dik is-sena.

(122)

Ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-distillazzjoni tal-inbid kien li tevalwa s-sitwazzjoni attwali tas-suq u tiffissa b’mod xieraq il-kwantitajiet aċċettati kull sena għad-distillazzjoni preventiva f’kull Stat Membru. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2367/1999 tal-5 ta’ Novembru 1999 introducing preventive distillation as provided for in Article 38 of Council Regulation (EEC) No 822/87 for the 1999/2000 wine year (34) alloka 148 000 ettolitru lis-suq Ġermaniż għas-sena tal-inbid 1999/2000. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 546/2000 tal-14 ta’ Marzu 2000 (35) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2367/1999 żied dan għal 468 000 ettolitru. Ir-Regolament (KE) Nru 2367/1999 illimita l-kwantità tal-inbid li jintbagħat għad-distillazzjoni għal 40 % tal-produzzjoni. Skont ir-reġistri tal-Kummissjoni l-produtturi Ġermaniżi ddistillaw madwar 400 000 ettolitru taħt din l-iskema.

(123)

Skont il-Ġermanja, il-prezz imħallas għall-inbid mibgħut għad-distillazzjoni kien ta’ EUR 0,50-0,55 għal kull litru. B’kunsiderazzjoni tal-metodu ta’ kalkolazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-prezz ikkwotat mill-Ġermanaj huwa realistiku.

(124)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li minħabba l-intervent fis-suq tal-UE għal sehem sostanzjali tal-inbid inħolqu żewġ swieq separati. Wieħed fejn il-prezz ta’ referenza kien dak imħallas għall-inbid mibgħut għad-distillazzjoni, f’dan il-każ ta’ EUR 0,50-0,55 għal kull litru, u ieħor fejn il-prezz ta’ referenza kien dak tas-suq. Il-valur ta’ EUR 0,26 għal kull litru kkwotat fil-ftuħ tad-deċiżjoni tal-proċedura għalhekk ma jistax jiġi meqjus bħala l-prezz ta’ referenza rilevanti għall-most mixtri li għandu jintbagħat għad-distillazzjoni.

(125)

Sabiex jiġi stabbilit liema kien is-suq rilevanti għall-most mixtri biex jinbidel f’inbid mhux ipproċessat għall-produzzjoni tal-inbid spumanti, l-ewwel huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk jeżistux swieq separati għall-inbid u jekk il-most mixtri mill-GfW jagħmilx parti mill-istess suq bħall-inbid tal-mejda jew le. Sejjer ikun meħtieġ ukoll li jiġi deċiż jekk inbid ta’ kwalità ogħla jistax jikseb prezzijiet ogħla. Fl-istatistika tagħha l-Kummissjoni dejjem tirreferi għal prezzijiet differenti skont il-kwalità tal-inbid. Skont l-esperti interni tal-inbid tal-Kummissjoni l-prezz tal-inbid mhuwiex l-istess għal kull lott u l-istatistika disponibbli tal-inbid tagħti biss prezzijiet medji għall-kwalità differenti ta’ inbid. Il-prezz attwali jiġi influwenzat minn bosta elementi. L-elementi ewlenin huma l-kwalità, il-maturazzjoni, ir-reputazzjoni, id-domanda u l-grad/gradi alkoħoliċi ta’ Oechsle. Il-grad ta’ Oechsle jindika l-maturità u l-livell ta’ zokkor preżenti fl-għeneb. Huwa importanti għaliex jiddetermina l-grad alkoħoliku naturali finali tal-inbid. Skont id-Deutsches Weininstitute (istitut Ġermaniż tal-inbid) il-produzzjoni ta’ sect/inbid spumanti teħtieġ grad għoli ta’ kontenut alkoħoliku fl-inbid mhux ipproċessat (36).

(126)

Dan jappoġġja d-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja li l-grad ta’ Oechsle fil-most jeħtieġ li jkun ogħla jekk il-prodott finali sejjer ikun inbid spumanti milli kieku kien sejjer ikun inbid tal-mejda u li għandu jitħallas primjum għall-most bi grad ogħla ta’ Oechsle. Il-Kummissjoni għalhekk taċċetta l-argumenti tal-Ġermanja li jeżistu swieq separati u li l-prezz għandu fil-fatt ikun ogħla għall-most li sejjer jintuża għall-produzzjoni tal-inbid spumanti aktar milli għall-most użat għall-produzzjoni tal-inbid tal-mejda. Bħala riżultat, il-Kummissjoni taċċetta wkoll li l-prezz imħallas mill-GfW fil-ħin tax-xiri ma jistax jiġi mqabbel mal-prezz għall-inbid tal-mejda, ta’ EUR 0,26 għal kull litru, kif kien sar fil-ftuħ tal-proċedura.

(127)

Il-Ġermanja tgħaddi biex tipprovdi informazzjoni dwar il-prezz li jista’ jinkiseb fis-suq rilevanti, is-suq għall-most ta’ kwalità għolja biex jintuża għall-produzzjoni tal-inbid spumanti. Skont din l-informazzjoni, dwar is-suq tal-inbid mhux ipproċessat għall-inbid spumanti, il-prezz bażiku mħallas għal litru wieħed ta’ most b’60 grad ta’ Oechsle kien ta’ EUR 0,312 għal kull litru. Għal kull grad addizzjonali ta’ Oechsle (sa massimu ta’ 80 grad ta’ Oechsle) tħallas EUR 0,005 għal kull litru. Skont dan il-prinċipju l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura ġew imħallsa għall-most ta’ kwalità għolja tagħhom, 60 % tal-most mixtri. Barra minn hekk, skont l-istatistika tal- importazzjoni tal-assoċjazzjoni tal-vitikulturisti Ġermaniżi (Deutsche Weinbauverband) għas-snin 1998-2001, li ġiet sottomessa mill-Ġermanja, l-inbid abjad importat bil-ingrossa, li minħabba l-kwalità għolja tiegħu huwa adattat għall-produzzjoni tal-inbid spumanti, kellu prezz tas-suq ta’ EUR 0,38 għal kull litru.

(128)

Il-Kummissjoni hija lesta taċċetta l-argumenti tal-Ġermanja għal prezz rilevanti tas-suq ta’ madwar EUR 0,38 għal kull litru, abbażi tal-informazzjoni mill-esperti interni tagħha tal-inbid dwar kif jiġi stabbilit il-prezz tal-inbid, l-informazzjoni mill-Weininstitute Deutsches kif iddikjarat hawn fuq u mill-kalkolu tal-profitt fil-pjan tan-negozju tal-GfW.

(129)

Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-GfW, ippreżentat mill-Ġermanja, juri li waqt ix-xiri tal-most, il-GfW kienet qiegħda tistenna li tkun tista’ tibgħat 40 % tal-istokk għad-distillazzjoni preventiva bi prezz ta’ EUR 0,50–0,55 għal kull litru, li tbiegħ 60 % tal-istokk bil-prezz ta’ EUR 0,375 għal kull litru u għal 20 % tal-istokk, stennew li jiksbu sussidju addizzjonali mill-UE għall-istokkjar tal-inbid ta’ EUR 0,06 għal kull litru qabel ma jbigħuh għal EUR 0,375 għal kull litru sena wara. B’kollox, stennew li jbiegħu l-istokk bi prezz medju ta’ EUR 0,44 sa EUR 0,46 u li jagħmlu profitt ta’ bejn EUR 0,06 u EUR 0,09 għal kull litru. Dan kien sejjer iħalli profitt totali ta’ bejn madwar EUR 2,64 miljun u EUR 3,96 miljun.

(130)

Fl-1999, il-GfW bagħtet 40 % tal-istokks tagħha għad-distillazzjoni preventiva li għalihom irċeviet prezz ta’ EUR 0,50–0,55 għal kull litru. Fid-dawl ta’ tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-inbid fl-aħħar tal-1999 - li ma kienx mistenni mill-GfW meta wieħed jikkunsidra l-prezzijiet ogħla s-sena ta’ qabel – il-GfW iddeċidiet li ma tbiegħx l-istokk pendenti dik is-sena iżda li taħżnu u tbiegħu fl-2000, jew jekk il-prezzijiet fis-suq kienu sejrin jibqgħu baxxi, tieħu vantaġġ minn ċiklu ieħor ta’ distillazzjoni preventiva. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li d-distillazzjoni preventiva kienet sejra titkompla. Madankollu, ir-Regolament il-ġdid (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid neħħa d-distillazzjoni preventiva. Minflok introduċa l-għażla ta’ distillazzjoni volontarja għall-provvista tas-suq tal-alkoħol tajjeb għax-xorb. Il-miżura ta’ distillazzjoni ta’ kriżi li kienet għadha kif ġiet introdotta tista’ tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali ta’ tfixkil fis-suq. Il-premessa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 tirreferi espliċitament għall-eliminazzjoni tas-sistema ta’ distillazzjoni bħala żbokk artifiċjali għal produzzjoni żejda. Ir-Regolament il-ġdid daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 2000.

(131)

Għall-GfW dan kien ifisser li l-miżuri ta’ distillazzjoni fis-sena tal-inbid 2000/01 kienu konsiderevolment anqas favorevoli minn dawk tas-snin preċedenti. Fid-distillazzjoni għall-forniment tas-suq tal-alkoħol tajjeb għax-xorb seta’ jintlaħaq biss madwar nofs il-prezz medju li kien inkiseb qabel ta’ EUR 0,50–0,55 għal kull litru.

(132)

Fil-fehma tal-Ġermanja dan l-iżvilupp ma setax jiġi mbassar meta l-GfW kienet iddeċidiet li żżomm l-inbid fil-ħażna. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, temmen li dan l-iżvilupp kien fil-fatt prevedibbli. L-organizzazzjoni komuni l-ġdida tas-suq tal-inbid kellha l-għan espliċitu li telimina s-sistema ta’ distillazzjoni. Għalhekk kellu jkun ċar għall-GfW, fiż-żmien li ġie deċiż li tmur għal ċiklu ieħor ta’ distillazzjoni, li l-miżuri ta’ distillazzjoni fit-tieni parti tal-2000 u ’l quddiem ma kienux sejrin jipprovdu l-ebda rimedju kontra t-tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-inbid.

(133)

Madankollu, l-argumenti dwar jekk il-GfW kellhiex tkun taf dwar il-bidla fir-Regolament huma irrilevanti. Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju fil-ħin tax-xiri, li abbażi tiegħu għandha tiġi ġġudikata l-imġiba tal-GfW bħala investitur privat, kien jinkludi biss l-ewwel ċiklu ta’ distillazzjoni preventiva, li ma kinitx seħħet u li għaliha l-GfW rċeviet EUR 0,50 - EUR 0,55 għal kull litru. Ma kienx jinkludi ċiklu ieħor ta’ distillazzjoni preventiva u għalhekk il-profitt mistenni minn din id-distillazzjoni ma kienx parti mill-kalkolu tal-profitt totali fil-ħin tax-xiri. Ma kienx parti mill-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u għalkemm ma hemm l-ebda dubju li d-deċiżjoni tal-GfW li tmur għal ċiklu ieħor ta’ distillazzjoni meta l-prezz tas-suq waqa’ kienet waħda ħażina, ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura fil-ħin tax-xiri.

(134)

Fuq bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li GfW ħallset il-prezz tas-suq għall-most li nxtara fil-ħarifa tal-1999 u li għalhekk, skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE ma kienet ingħatat l-ebda għajnuna mill-Istat lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura.

VI.2.2.c.   Fil-ħin tas-subordinazzjoni u tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK

(135)

Fil-premessa 114 ġie konkluż li s-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK saru biss fl-interess propju u skont it-test tal-kreditur privat u li għalhekk ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-Istat lill-GfW. Il-fatt li d-deċiżjoni tal-WAK iffavorixxiet l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura ma għandha l-ebda rilevanza peress li din ma kinitx l-intenzjoni, iżda biss konsegwenza tal-WAK li kien qiegħed jipprova jimmassimizza l-irkupru tal-fondi proprji.

(136)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li waqt is-subordinazzjoni u r-rinunzja tat-talbiet tiegħu, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE l-WAK ma ta l-ebda għajnuna mill-Istat lill-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura.

VI.3.   Klassifikazzjoni tal-għajnuna bħala għajnuna illegali

(137)

Peress li l-element ta’ għajnuna fis-self mill-WAK favur il-GfW kien ingħata u tħallas mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, dan huwa illegali skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (37).

VI.4.   Eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 tat-Trattat dwar is-self lill-GfW

(138)

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk tapplikax waħda mill-eżenzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE tapplikax.

(139)

Mill-perspettiva attwali, l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) u (3)(a), (b) u (d) mhumiex applikabbli, peress li l-għajnuna in kwistjoni la hija:

għajnuna biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ żoni fejn il-livell ta’ għajxien hu abnormalment baxx jew fejn hemm qgħad serju, u lanqas

għajnuna biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew biex tirrimedja għal taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, u lanqas

għajnuna biex tippromwovi l-konservazzjoni tal-kultura u tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li tkun kontra l-interess komuni.

(140)

L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE huwa għalhekk l-uniku eżenzjoni li possibbilment tista’ tapplika.

(141)

Fil-ħin tal-għoti tal-għajnuna, l-għajnuna lill-produtturi primarji ġiet direttament evalwata skont l-Artikolu107((3)(c) tat-TFUE. Skont il-prassi ta’ dak iż-żmien, l-għajnuna għall-investimenti, il-kreditu, is-settur tal-bhejjem, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-pubbliċità u promozzjoni, il-kumpens għal danni kkawżati mill-mard, il-primjums ta’ assigurazzjoni u l-assistenza teknika setgħu meta jissodisfaw ċerti kriterji jitqiesu kompatibbli mas-suq intern. Madankollu ma tista’ tintuża l-ebda waħda mill-forom ta’ għajnuna kompatibbli msemmija sabiex teżenta l-għajnuna in kwistjoni.

(142)

Barra minn hekk, konxja sabiex ma tħalli l-ebda triq mhux eżaminata, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-linji gwida għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà jistgħu ma jkunx applikabbli għall-każ in kwistjoni. L-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta minn impriża jekk trid tibbenefika minn għajnuna ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturar hija li għandha tiġi kkunsidrata bħala f’diffikultà skont il-linji gwida dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti li jinsabu f’diffikultà (38). Mill-informazzjoni miżmuma mill-Kummissjoni ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-impriża kienet f’diffikultà skont il-linji gwida msemmija hawn fuq meta ngħatat l-għajnuna. Kien biss sena aktar tard minħabba tnaqqis qawwi fis-suq li l-GfW sabet ruħha f’diffikultà.

(143)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tixtieq tosserva li huwa f’idejn l-Istat Membru kkonċernat li jissodisfa l-obbligu ta’ kooperazzjoni li għandu lejn il-Kummissjoni billi jipprovdi l-elementi kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-kundizzjonijiet kollha tad-deroga li minnha qiegħed jitlob li jibbenefika jkunu ġew sodisfatti (39). Fil-każ in kwistjoni, il-Ġermanja ma tat l-ebda informazzjoni suffiċjenti li kienet tippermetti lill-Kummissjoni li tevalwa l-informazzjoni fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida, u lanqas l-awtoritajiet Ġermaniżi ma taw l-ebda dokumentazzjoni suffiċjenti li kienet tippermetti lill-Kummissjoni li tevalwa l-għajnuna fid-dawl tal-forom l-oħra ta’ għajnuna kompatibbli msemmija fil-paragrafu 126, u dan minkejja l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-punt 44 tad-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura investigattiva.

(144)

Il-miżuri ta’ għajnuna li l-kompatibbiltà tagħhom għandha tiġi evalwata direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, dan għandu jsir b’mod restrittiv. Għandu jintwera b’mod ċar li l-effetti pożittivi tal-miżura ta’ għajnuna jegħlbu l-effetti dannużi li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Miżuri unilaterali ta’ għajnuna mill-istat li huma sempliċiment maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur mhumiex ikkunsidrati li jissodisfaw dawn il-kriterji u għalhekk jikkostitwixxu għajnuna operattiva li mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

(145)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, l-għajnuna mogħtija lill-GfW bħala element tas-self mhijiex konformi mal-ebda waħda mill-eżenzjonijiet possibbli għall-Artikolu 107(3). Għalhekk tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern.

(146)

L-ebda eċċezzjonijiet oħra skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE ma huma applikabbli.

VII.   KONKLUŻJONIJIET

(147)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li s-self mogħti lill-GfW ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-Ġermanja implimentat il-miżura illegalment.

(148)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-subordinazzjoni sussegwenti ta’ pretensjonijiet u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet u l-ħlasijiet ta’ imgħax fil-futur ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat favur il-GfW u lanqas favur l-impriżi u n-negozjanti tal-vitikultura.

(149)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li x-xiri tal-most sar skont il-prezzijiet tas-suq u skont il-prattika kummerċjali komuni u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura.

(150)

Fejn jinstab li għajnuna mogħtija illegalment mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern, il-konsegwenza naturali hija li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata sabiex - sa fejn ikun possibbli – tiġi restawrata l-pożizzjoni kompetittiva li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għajnuna.

(151)

Peress li ma jeżisti l-ebda suċċessur legali tal-GfW, l-irkupru mhuwiex possibbli skont il-ġurisprudenza stabbilita (40).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, li tammonta għad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax fuq is-self lill-GfW u r-rata ta’ imgħax tas-suq flimkien mal-primjum tar-riskju li kellu jiġi applikat fuq is-self, mogħtija illegalment mill-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur GmbH Gesellschaft für Pfalz Weinabsatz hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Is-subordinazzjoni u r-rinunzja ta’ pretensjonijiet mill-WAK ma jikkostitwixxux għajnuna lill-GfW jew lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Ix-xiri tal-most fl-1999 mill-GfW ma jikkostitwixxix għajnuna lill-impriżi u lin-negozjanti tal-vitikultura skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Il-Ġermanja ma għandhiex bżonn tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju peress li l-benefiċjarju huwa fallut u tħassar mir-reġistru tal-kummerċ u ma hemm l-ebda suċċessur legali tiegħu.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Bl-effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(2)  ĠU C 69, 19.3.2004, p. 11 u ĠU C 329, 24.12.2008, p. 18.

(3)  ĠU C 69, 19.3.2004, p. 11.

(4)  Il-kwerelant bagħat ittri biex ifakkar lill-Kummissjoni, imma ma ssottomettiex kummenti addizzjonali formali.

(5)  ĠU C 329, 24.12.2008, p. 18.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 822/87 tas-16 ta’ Marzu 1987 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 84, 27.3.1987, p. 1), mill-1 ta’ Awwissu 2000 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-inbid (ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1).

(7)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/808/KE tad-19 ta’ Diċembru 2000 dwar l-għoti ta’ għajnuna nazzjonali eċċezzjonali mill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għad-distillazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-settur tal-inbid (ĠU L 328, 23.12.2000, p. 49).

(8)  ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3.

(9)  ĠU C 241,26.8.1999, p. 9.

(10)  ECJ, 21.3.1990, il-Belġju kontra l-Kummissjoni (Tubemeuse) C-142/87, ECR I-959.

(11)  ECJ, 29.4.1999, Spanja kontra l-Kummissjoni, C-342/96, ECR I-2459.

(12)  ECJ, 22.11.2007, Spanja kontra Lenzing, C525/04, ECR I-9947.

(13)  CFI, 11.7.2002, HAMSA kontra l-Kummissjoni, T-152/99, ECR II-3049.

(14)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, 25.9.2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 32/06 (ex N 179/06) implimentata mill-Polonja għal Huta Cynku Miasteczko Śląskie SA, 2008/142/KE.

(15)  Wirtschaftsprüfungsgesellschaft Falk & Co. GmbH.

(16)  ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1.

(17)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-ECJ, 13.7.1988, Franza kontra l-Kummissjoni, C-102/87, ECR I-4067.

(18)  Il-kummerċ intra-komunitarju tal-inbid tal-Ġermanja ammonta għal 10 364 600 miljun litru (importazzjonijiet) u 1 881 900 miljun litru (esportazzjonijiet) fl-1999. Ma hija disponibbli l-ebda dejta għal Rhineland-Palatinate. (Sors: Uffiċju Federali tal-Istatistika.)

(19)  ECJ, 11.7.1996, SFEI u Oħrajn, C-39/94, ECR I-3547, paragrafu 60.

(20)  ECJ, 14.2.1990, Franza kontra l-Kummissjoni, C-301/87, ECR I-307, paragrafu 41.

(21)  ECJ, 17.9.1980, Philip Morris kontra l-Kummissjoni, C-730/79, ECR 2671.

(22)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

(23)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

(24)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

(25)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

(26)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

(27)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

(28)  ECJ, 29.4.1999, Spanja kontra l-Kummissjoni, C-342/96, ECR I-2459, paragrafu 46; ECJ, 29.6.1999, DMT, C-256/97, ECR I-3913, paragrafu 24; u CFI, 11.7.2002, HAMSA kontra l-Kummissjoni, T-152/99, ECR II-3049, paragrafu 168.

(29)  http://www.doerr-weinkommission.de/fileadmin/user_upload/agb_doerr.pdf

(30)  http://www.bundeskartellamt.de/wDeutsch/download/pdf/Merkblaetter/Merkblaetter_deutsch/Konditionenempfehlungen0509.pdf

(31)  ĠU C 372, 9.12.1997, p 5.

(32)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 7.

(33)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 15.

(34)  ĠU L 283, 6.11.1999, p. 10.

(35)  ĠU L 67, 15.3.2000, p. 7.

(36)  http://www.deutscheweine.de/icc/Internet-EN/nav/0f2/0f207d71-9ffe-401e-76cd-461d7937aae2&sel_uCon=02a235d6-994d-7017-288b-5952196117f5&uTem=0e3307d7-19ff-e401-e76c-d461d7937aae.

(37)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(38)  ĠU, C 288, 9.10.1999, p. 2.

(39)  CFI, 15.6.2005, Regione autonoma della Sardegna kontra l-Kummissjoni, T-171/02, ECR. II-2123, paragrafu 129.

(40)  ECJ, 2.7.2002, Il-Kummissjoni kontra Spanja (Magefesa), C 499/99, ECR I-6031.


Góra