This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0218
2012/218/EU: Commission Implementing Decision of 24 April 2012 exempting the production and wholesale of electricity produced from conventional sources in Germany from the application of Directive 2004/17/EC of the European Parliament and of the Council coordinating the procurement procedures of entities operating in the water, energy, transport and postal services sectors (notified under document C(2012) 2426) Text with EEA relevance
2012/218/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ April 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2426) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2012/218/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta’ April 2012 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (notifikata bid-dokument numru C(2012) 2426) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 114, 26.4.2012, pp. 21–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
26.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 114/21 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-24 ta’ April 2012
li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 2426)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/218/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(5) u (6) tagħha,
1. Wara li kkunsidrat it-talba li saret permezz tal-posta elettronika fis-26 ta’ Ottubru 2011 imressqa mill-Bundesverband der Energie-und Wasserwirtschaft e.V. (L-assoċjazzjoni Federali għall-Industrija tal-Enerġija u tal-Ilma) (minn issa 'l quddiem imsejħa BDEW).
Billi:
I. FATTI
|
(1) |
Fis-26 ta’ Ottubru 2011, BDEW bagħtet talba skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2004/17/KE lill-Kummissjoni permezz ta’ posta elettronika. Il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar it-talba fil-11 ta’ Novembru 2011 u talbet ukoll informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi bil-posta elettronika tal-10 ta’ Jannar 2012, u mingħand il-BDEW bil-posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2011. Informazzjoni addizzjonali kienet mibgħuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi bil-posta elettronika fl-14 ta’ Diċembru 2011 u mill-BDEW fis-17 ta’ Jannar 2012, fis-26 ta’ Jannar 2012 u fit-28 ta’ Frar 2012. |
|
(2) |
It-talba mressqa minn BDEW f'isem l-entitajiet kontraenti fis-settur tikkonċerna, kif deskritta fit-talba, “il-kostruzzjoni, ix-xiri u t-tħaddim (inkluż il-manutenzjoni) tat-tipi kollha tal-impjanti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ rilevanti” (2). |
|
(3) |
It-talba hija akkumpanjata minn opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji (Bundeskartellamt) datata l-25 ta’ Lulju 2011. Din l-opinjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Opinjoni) inħarġet fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti, u tindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-attività soġġetta għall-proċedura hix direttament esposta għall-kompetizzjoni. L-opinjoni hija bbażata fuq stħarriġ settorjali fuq firxa kbira tas-swieq rilevanti. |
II. IL-QAFAS LEGALI
|
(4) |
L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għaliha tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fi swieq fejn l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ xi settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, għas-settur tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (3). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (4) li wkoll ġiet sostitwita bid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (5). |
|
(5) |
Il-Ġermanja implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE iżda wkoll id-Direttivi 2003/54/KE, u 2009/72/KE. Konsegwentement, u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jitqies bħala li mhuwiex ristrett fit-territorju kollu tal-Ġermana. |
|
(6) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi evalwat abbażi ta’ diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom, ma huwa neċessarjament deċiżiv, per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f'suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni. Kriterju ieħor huwa l-livell ta’ konċentrazzjoni f'dawk is-swieq. Meta wieħed iqis il-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji oħrajn bħall-funzjonament tas-suq ta’ bbilanċjar, il-kompetizzjoni tal-prezzijiet u l-livell tal-bdil tal-fornituri mill-klijenti. |
|
(7) |
Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. |
III. VALUTAZZJONI
|
(8) |
Is-suq Ġermaniż tal-elettriku huwa kkaratterizzat minn għadd kbir ta’ impjanti tal-enerġija li jitħaddmu minn għadd kbir ta’ atturi tas-suq (6). Il-maġġoranza tal-kapaċità tal-produzzjoni tappartjeni għal erba' kumpaniji kbar tal-enerġija: RWE AG, E.ON AG, EnBW AG u Vattenfall Europe AG. Madankollu, peress li tnejn minn dawn il-kumpaniji, jiġifieri RWE u E.ON. huma kumpaniji privati (jiġifieri kumpaniji li mhumiex soġġetti għal influwenza dominanti diretta jew indiretta tal-awtoritajiet kontraenti kif stipulat fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE), li ma joperawx fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/17/KE, mhumiex entitajiet kontraenti fit-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE. L-akkwist tagħhom għall-finijiet tal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-elettriku għalhekk mhuwiex soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva; konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet, għandhom jiġu meqjusa bħala kompetituri tal-entitajiet kontraenti li l-attivitajiet ta’ akkwist tagħhom huma suġġetti għal din id-Direttiva. Għalhekk l-analiżi li ġejja se tiffoka fuq l-entitajiet kontraenti meta teżamina jekk l-attività hijiex esposta għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. |
|
(9) |
L-elettriku huwa kkummerċjalizzat fil-livell tal-operaturi permezz tal-Boroż, jiġifieri fis-swieq spot u forward tal-European Energy Exchange AG ('EEX) u l-European Power Exchange S.E. (EPEX), jew f'tranżazzjonijiet mhux uffiċjali li jsiru barra dawn il-Boroż. Il-prezz fil-Boroż tal-enerġija elettrika normalment iservi bħala prezz ta’ referenza għal tranżazzjonijiet li jsiru barra l-Borża. Il-kumpaniji tal-produzzjoni jottimizzaw l-operat tal-impjanti tagħhom għall-ġenerazzjoni tal-elettriku skont ir-riżultati tan-negozjar fis-suq spot tal-Boroż tal-enerġija elettrika. Fil-prinċipju, jitħaddmu biss dawk l-impjanti tal-elettriku li l-ispejjeż marġinali tagħhom huma taħt il-prezz tas-suq. |
|
(10) |
Il-Gesetz für den Vorrang Erneuerbarer Energien (7) (minn hawn 'il quddiem msemmija bħala “EEG”) jistabbilixxi r-regoli għall-elettriku ġġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (8), li, minbarra l-elettriku ġġenerat permezz ta’ sorsi konvenzjonali (9) qiegħda taqdi rwol dejjem akbar fis-suq Ġermaniż. Skont l-EEG emendata li daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2012, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-forniment tal-elettriku għandu jiżdied għal 35 % sal-2020, għal 50 % sal-2030 u għal 80 % sal-2050 |
|
(11) |
Fi tmiem l-2010, kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ 160,5 GW ġiet ikkonettjata man-netwerks tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni (TSOs) (77,6 GW) u tal-Operaturi tas-Sistema tad-Distribuzzjoni (DSOs) (82,9 GW). Meta mqabbel mal-2009 (152,7 GW), dan jirrappreżenta żieda ta’ madwar 7,8 GW. Enerġija rinnovabbli jirrappreżentaw 54,2 GW tal-kapaċità totali. Madwar 50,7 GW tal-enerġija rinnovabbli jitħallsu skont it-tariffi tal-EEG. Dan ifisser li s-sorsi rinnovabbli jirrappreżentaw madwar 34 % tal-kapaċità kumplessiva (10). |
|
(12) |
F'termini tal-provvista fil-grid [feed-in] fl-2010, total ta’ 531,2 TWh kienu fornuti lis-sistemi tat-TSO (367,5 TWh) u tad-DSO (163,7 TWh). Is-sorsi minn enerġija rinnovabbli kienu jikkostitwixxu volum ta’ 93,7 TWh, li minnhom 80,7 TWh kienu mħallsa skont ir-regoli tal-EEG. Dan ifisser li l-provvista tal-elettriku lis-sistema ta’ distribuzzjoni [il-provvista fil-grid] mill-enerġija rinnovabbli tirrappreżenta madwar 18 % tat-total tal-volum tal-provvista, proporzjon li għalhekk jaqa' taħt il-34 % tal-kapaċità totali tal-produzzjoni li dawn is-sorsi jikkostitwixxu (11). Id-differenza hi dovuta għall-fatt li l-perjodu tal-użu tas-sorsi rinnovabbli fis-sena huwa aktar baxx minn dak tas-sorsi konvenzjonali. |
|
(13) |
Element ieħor fis-suq Ġermaniż tal-elettriku jirrigwarda d-deċiżjoni reċenti tal-awtoritajiet nazzjonali, wara l-katastrofi nukleari fil-Ġappun, fil-bidu tal-2011 sabiex jingħalqu 8 impjanti nukleari, b'kapaċità totali ta’ 8 400 MW (12). Barra minn hekk, ġie deċiż li l-bqija tal-impjanti nukleari fil-Ġermanja jingħalqu sal-2022. Fuq perjodu ta’ żmien qasir dan biddel il-bilanċ bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, u għalhekk, minn esportatur nett tal-elettriku sal-2010, fl-2011 il-Ġermanja saret importatur nett. |
Definizzjoni tas-suq
Definizzjoni tas-suq tal-prodott
|
(14) |
Skont il-preċedenti tal-Kummissjoni (13), is-swieq tal-prodotti relevanti li ġejjin jistgħu jkunu osservati fis-settur tal-elettriku: (i) il-ġenerazzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi; (ii) it-trażmissjoni; (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-forniment fil-livell tal-konsumaturi. Filwaqt li wħud minn dawn is-swieq jistgħu jkunu suddiviżi saħansitra aktar, sal-lum il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (14) kienet tiċħad id-distinzjoni bejn suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u suq tal-forniment fil-livell tal-operaturi minħabba li ġenerazzjoni fil-fatt hija biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur, iżda l-volumi tal-elettriku ġġenerati huma kummerċjalizzati permezz tas-suq tal-operaturi. |
|
(15) |
It-talba minn BDEW tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi. L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji fl-Opinjoni tiegħu jiddefinixxi s-suq tal-prodott bħala “suq primarju tal-bejgħ għall-elettriku” (15), li jkopri l-bejgħ inizjali tal-fornituri tal-elettriku kollha tal-produzzjoni tagħhom stess u l-importazzjonijiet netti tal-elettriku, iżda li ma jinkludix in-negozjar li jsegwi bejn il-parteċipanti fis-suq. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jikkunsidra li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku rregolati skont l-EEG (minn hawn 'il quddiem imsemmija l-elettriku tal-EEG) mhuwiex parti minn dan is-suq. |
|
(16) |
L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jikkunsidra li s-suq għall-elettriku tal-EEG jirrappreżenta suq separat safejn huwa kkonċernat l-ewwel bejgħ tiegħu. L-elettriku tal-EEG normalment ma jinbigħx direttament fis-suq tal-operaturi iżda l-ewwel jinxtara mill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni b'rata ta’ ħlas statutorja. Huma mbagħad ibiegħuh fit-tieni stadju fis-suq tal-operaturi. |
|
(17) |
L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jikkonkludi li l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku tal-EEG mhumiex organizzati fuq bażi kompetittiva u li l-elettriku tal-EEG huwa indipendenti mill-indikaturi tal-prezz u tad-domanda (16). |
|
(18) |
Din il-konklużjoni hija bbażżata notevolment fuq dawn il-fatti: l-elettriku tal-EEG igawdi mill-prijorità għall-introduzzjoni tal-provvista tal-elettriku fil-grid; għalhekk il-produzzjoni tal-elettriku tal-EEG hija totalment indipendenti mid-domanda. Il-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku fil-grid huma wkoll indipendenti mill-prezzijiet għaliex l-operaturi huma intitolati għal ħlas statutorju. L-elettriku tal-EEG huwa kkummerċjalizzat mit-TSOs fis-suq spot f'konformità mad-dispożizzjonijiet statutorji, mingħajr ebda marġni għal manuvri. |
|
(19) |
L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji nnota wkoll li, skont il-liġi, l-elettriku tal-EEG jista' jiġi kkumerċjalizzat direttament, u ċertu perċentwal ta’ operaturi qegħdin jużaw din l-opportunità. L-EEG jipprovdi li, l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG jistgħu jaqilbu bejn bejgħ dirett u r-riċevuta tal-ħlas tat-tariffi skont l-EEG fl-ewwel jum tax-xahar. Skont il-previżjoni tal-prezz tas-suq u skont id-domanda, l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG jistgħu għalhekk jiddeċiedu kull xahar, liema forma ta’ bejgħ hija l-aħjar għalihom. Madankollu, din il-kummerċjalizzazzjoni diretta fil-futur se tkun ta’ importanza marġinali biss. |
|
(20) |
Skont l-EEG emendata li daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2012, l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG għandhom – kif indikat hawn fuq – l-għażla li jikkummerċjalizzaw l-elettriku li jipproduċu huma stess u jirċievu wkoll primjum ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-għan tal-primjum ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa s-sostituzzjoni tad-differenza bejn il-ħlas fiss tal-EEG u l-prezz medju fix-xahar fil-Borża tal-enerġija elettrika, stabbilit ex post. L-introduzzjoni tal-primjum ta’ kummerċjalizzazzjoni hija madankollu mhux obbligatorja, jiġifieri l-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG jistgħu jibqgħu fis-sistema tal-ħlas fiss jew jerġgħu jirrikorru għaliha fi kwalunkwe xahar. L-akbar sehem tal-elettriku tal-EEG huwa, madankollu, mistenni li jinbiegħ permezz tal-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Barra minn hekk, il-mudell tal-primjum tas-suq mhux se jbiddel il-fatt li l-livell tal-ħlas totali għall-produtturi tal-EEG mhuwiex primarjament determinat mill-prezzijiet tas-suq (17). |
|
(21) |
L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji jagħraf għalhekk li, filwaqt li l-elettriku tal-EEG jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq l-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali, il-kuntrarju mhuwiex minnu; għalhekk l-elettriku tal-EEG ma jistax jiġi inkluż fl-istess suq bħal tal-elettriku konvenzjonali għaliex il-kondizzjonijiet tas-suq applikabbli għall-ewwel bejgħ ivarjaw ħafna bejn dawn iż-żewġ forom ta’ ġenerazzjoni. Minbarra dan, l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG, iseħħ l-aktar permezz tal-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Għalhekk mill-perspettiva tad-domanda, is-suq evidentement ivarja wkoll mis-suq fil-livell tal-operaturi tal-elettriku konvenzjonali. |
|
(22) |
Filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tas-suq Ġermaniż tal-elettriku, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, u bla ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, is-suq relevanti tal-prodott huwa b'dan definit bħala s-suq għall-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali. Il-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG ma jiffurmawx parti minn dan is-suq, għar-raġunijiet stipulati hawn fuq, u minn hawn 'il quddiem se jkunu vvalutati separatament. |
Definizzjoni tas-suq ġeografiku
|
(23) |
Skont l-applikazzjoni, it-talba tappartjeni għal attivitajiet fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-applikant jesplora l-possibbiltà ta’ suq usa' li jinkludi l-Ġermanja u l-Awstrija fuq il-bażi ta’ diversi xejriet fir-rigward tal-iżvilupp tal-qafas regolatorju, tal-livell tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-elettriku u tal-akkoppjament tas-swieq u l-proċeduri tal-ġestjoni tal-konġestjoni, iżda eventwalment jikkonkludi li “l-applikant ma jistax jagħmel konklużjoni finali dwar jekk is-suq Ġermaniż tal-elettriku fil-livell tal-operaturi u s-swieq relevanti fil-pajjiżi ġirien humiex suffiċjentement integrati fil-mument sabiex jitqiesu bħala suq reġjonali”. |
|
(24) |
L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, wara l-istħarriġ settorjali li sar, jassumi li hemm suq primarju komuni għall-elettriku fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ xkiel fl-interkonnetturi konfinali bejn il-Ġermanja u l-Awstrija u minħabba l-ispazju ta’ kummerċjalizzazzjoni u prezzijiet standard fil-livell tal-European Power Exchange S.E. (EPEX). |
|
(25) |
Il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni iddefinixxiet is-swieq tal-elettriku l-aktar bħala ta’ dimensjoni nazzjonali (18) jew saħansitra iżgħar (19). Xi kultant, tħalliet miftuħa l-possibbiltà ta’ swieq usa' minn dawk nazzjonali (20). |
|
(26) |
Il-Kummissjoni tqis li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE, u bla ħsara għal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mhix neċessarja konklużjoni dwar id-dimensjoni preċiża tas-suq ġeografiku relevanti għall-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku konvenzjonali, għaliex skont kwalunkwe definizzjoni tas-suq alternattiva, ir-riżultati tal-valutazzjoni għandhom ikunu l-istess. |
|
(27) |
Fir-rigward tal-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG, id-dimensjoni ġeografika ma tistax testendi lil hinn mit-territorju tal-Ġermanja billi hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet legali speċifiċi stabbiliti fl-EEG Ġermaniża. |
L-analiżi tas-suq
Il-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali
(a) L-ishma tas-suq u l-konċentrazzjoni tas-suq
|
(28) |
Peress li tirriżulta minn prassi kostanti (21) fir-rigward tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 30, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali mis-suq tal-ikbar tliet produtturi”. |
|
(29) |
Skont l-opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji (22) l-ishma tas-suq kumulattivi tal-ewwel tliet produtturi, f'termini tal-provvista tal-elettriku fil-grid, kienu ta’ 74 % fl-2007 u 73 % fl-2008 u 70 % fl-2010. Is-suq Ġermaniż tal-elettriku jinsab għalhekk f'nofs il-firxa, meta mqabbel ma’ deċiżjonijiet preċedenti ta’ eżenzjonijiet skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE (23). |
|
(30) |
Madankollu, huwa mfakkar li l-ewwel żewġ produtturi RWE u E.ON, li flimkien għandhom sehem tas-suq kumulattiv ta’ 58 % tas-suq (24), mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwist. |
|
(31) |
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jkun stabbilit jekk l-attivitajiet mill-ġenerazzjoni u mill-kummerċ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess huwa bla ħlas) li jkun jiżgura li, ukoll fin-nuqqas tad-dixxiplina mdaħħla mir-regoli dettaljati dwar l-akkwisti kif stipulati fid-Direttiva 2004/17/KE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati, jitwettaq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettu l-identifikazzjoni tas-soluzzjoni li b'mod ġenerali tkun, ekonomikament, l-aktar waħda vantaġġuża. F'dan il-kuntest huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-kumpaniji li mhumiex soġġetti għall-proċeduri tal-akkwist pubbliku (notevolment RWE u E.ON) meta jaġixxu f'dawn is-swieq, għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw pressjoni kompettitiva fuq l-atturi oħra fis-suq. Dan mhux se jinbidel ukoll jekk l-Awstrija tkun inkluża fis-suq ġeografiku rilevanti minħabba l-fatt li l-ishma tas-suq tal-produtturi prinċipali mistennija li jkunu kemmxejn inferjuri biss f'suq li jkopri kemm l-Awstrija kif ukoll il-Ġermanja (25). |
|
(32) |
Fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku u l-forniment tiegħu fil-livell tal-operaturi minn sorsi konvenzjonali l-fatti hawn fuq jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni tal-atturi fis-suq li huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-akkwisti. |
|
(33) |
Ta' min wieħed jinnota wkoll li, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “2009-2010 Rapport dwar il-progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” ta’ Ġunju 2011 (26) indika tnaqqis fil-konċentrazzjoni tas-suq fil-Ġermanja (27) meta mqabbel mas-snin preċedenti u jqiegħed lis-suq Ġermaniż tal-elettriku fil-kategorija ta’ “swieq moderatament konċentrati” (28) jiġifieri dawk is-swieq b'indiċi Herfindahl-Hirchman (HHI) (29) minn kapaċità, bejn 750 u 1 800. |
|
(34) |
Fir-rigward taċ-ċifri hawn fuq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u bla ħsara għal-liġi tal-kompetizzjoni, wieħed jista jassumi fir-rigward tal-entitajiet kontraenti li l-grad ta’ konċentrazzjoni tas-suq jista' jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni ta’ ċertu livell ta’ esponiment għall-kompetizzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-elettriku fil-livell tal-operaturi minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja. |
(b) Fatturi oħra
|
(35) |
Fl-aħħar snin, fil-fatt sa Marzu 2011, il-Ġermanja kienet esportatur nett tal-elettriku. Madankollu, minħabba d-deċiżjoni li l-produzzjoni tal-elettriku minn bosta impjanti nukleari titneħħa gradwalment, il-Ġermanja saret importatur nett. Għalhekk bħalissa fis-suq teżisti pressjoni kompetittiva li toriġina mill-potenzjal għall-importazzjoni tal-elettriku minn sorsi esterjuri għall-Ġermanja. Dan jiżgura li l-investiment fis-settur tal-elettriku fil-Ġermanja ma jistax isir mingħajr ma jitqiesu produtturi oħra fil-pajjiżi ġirien. Dawn il-fatturi għandhom għalhekk jitqiesu bħala kompattibbli mal-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali huma esposti għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, analiżi tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-bdil tal-fornitur (30) u l-grad ta’ likwidità fis-suq tal-operaturi (31) turi li dawn il-fatturi huma kompatibbli mal-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali huma esposti għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, għandu jkun osservat ukoll li s-suq Ġermaniż ta’ bbilanċjar (32) u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu (prezzijiet ibbażati fuq is-suq u differenza fil-prezz bejn l-l-aġġustmenti pożittivi u negattivi fil-forniment tal-enerġija) lanqas ma jmorru kontra l-konklużjoni li l-entitajiet kontraenti li joperaw fis-suq Ġermaniż tal-produzzjoni minn sorsi konvenzjonali huma esposti għall-kompetizzjoni. |
Produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG
|
(36) |
L-elettriku tal-EEG jibbenefika minn konnessjoni prijoritarja mal-grid, u għandu prijorità fuq l-elettriku konvenzjonali għall-provvista tal-elettriku fil-grid, li jfisser li produzzjoni tal-elettriku tal-EEG hija indipendenti mid-domanda. Billi l-elettriku tal-EEG huwa ġeneralment prodott bi spejjeż li huma ogħla mill-prezz tas-suq, ġiet stabbilita sistema li permezz tagħha l-elettriku tal-EEG jirċievi appoġġ partikolari. L-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG (33) għandhom id-dritt li jirċievu rata ta’ ħlas statutorja mill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni għal perjodu ta’ 20 sena b'żieda mas-sena li fiha s-servizz ġie kkommissjonat. Dan il-ħlas ikopri l-ispejjeż tagħhom u huwa għalhekk ogħla mill-prezz tas-suq. Huma jistgħu għalhekk jintroduċu l-elettriku li jipproduċu fil-grid irrispettivament mill-prezz fil-Boroż tal-enerġija elettrika (34). |
|
(37) |
L-elettriku tal-EEG normalment ma jinbigħx direttament fis-suq tal-operaturi iżda l-ewwel jinxtara mill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni b'rata ta’ ħlas statutorja. L-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni huma responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-elettriku tal-EEG fis-suq spot għan-negozjar tal-elettriku u dan konsegwentement jikkawża telf għalihom. Dawn l-ispejjeż finalment jitħallsu mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jħallsu tariffa addizzjonali tal-EEG lill-fornituri tal-enerġija tagħhom li mbagħad tingħata lill-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Il-fornituri tal-enerġija li jixtru aktar minn 50 % tal-elettriku tal-EEG li jinkludi mill-inqas 20 % tal-elettriku minn enerġija solari jew mir-riħ, jħallsu tariffa mnaqqsa tal-EEG. |
|
(38) |
L-operaturi tal-installazzjonijiet tal-EEG għandhom ukoll il-possibbiltà li jagħmlu “kummerċjalizzazzjoni diretta” tal-elettriku prodott. Dan ifisser li l-operatur ta’ impjant tal-EEG jista' jirrinunzja għall-ħlas statutorju u jagħżel li jbigħ l-elettriku direttament fis-suq spot. Minħabba l-ispejjeż għoljin tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tal-EEG, il-kummerċjalizzazzjoni diretta li ma tkunx skont il-kundizzjonijiet statutorji normalment mhix għażla vijabbli. Fil-passat, dan il-metodu ntuża l-aktar għal ammont limitat f'każijiet meta x-xerrejja setgħu jiksbu eżenzjoni mit-tariffa addizzjonali tal-EEG billi jikkombinaw ċertu ammont ta’ elettriku tal-EEG mal-elettriku konvenzjonali mixtri direttament minn produttur (35). Bid-dħul fis-seħħ tal-liġi ġdida tal-EEG fil-bidu tal-2012, il-possibbiltà għal din l-eżenzjoni speċifika ġiet limitata u dan mistenni li jnaqqas din il-forma ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta (36). |
|
(39) |
Il-liġi l-ġdida fiha possibbiltà ġdida ta’ '“kummerċjalizzazzjoni diretta” li, madankollu, tinkludi l-ħlas tal-hekk imsejjaħ “primjum tas-suq” lill-produtturi tal-elettriku tal-EEG li jkopri d-differenza bejn l-ispejjeż ogħla tagħhom u l-prezz medju tas-suq (bis-saħħa ta’ dan li ġej:). “il-mudell tal-primjum tas-suq”. L-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni jistmaw li fl-2012 il-proporzjon tal-bejgħ skont il-mudell tal-primjum tas-suq għandu jammonta għal 15 % għat-tipi kollha flimkien tal-enerġija rinnovabbli (37). Wieħed jista jikkonkludi li fil-preżent u fil-futur qrib, sikurament l-akbar parti mill-elettriku tal-EEG hija kkummerċjalizzata skont is-sistema ta’ pagamenti statutorji u permezz tal-operaturi tal-grid ta’ trażmissjoni. Il-kummerċjalizzazzjoni diretta mhux issussidjata se jkollha rwol marġinali biss. |
|
(40) |
Għar-raġunijiet indikati hawn fuq, il-ġenerazzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG jiffurmaw parti minn sistema regolata fejn il-produtturi jitħallsu fuq il-bażi ta’ ħlas statutorju. Dawn mhumiex esposti għall-kompetizzjoni billi jistgħu jintroduċu l-elettriku tal-EEG tagħhom fil-grid irrispettivament mill-prezz prevalenti tas-suq. Minħabba l-prijorità tal-introduzzjoni tal-provvista tal-elettriku fil-grid huma jistgħu wkoll ibiegħu l-kwantitajiet kollha li jipproduċu. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li l-attività tal-produtturi tal-elettriku tal-EEG hija esposta għall-kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan, ma hemmx il-ħtieġa li jiġu vvalutati indikaturi oħrajn, bħal m'huma dawk elenkati fil-premessa 6. |
IV. KONKLUŻJONIJIET
|
(41) |
Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li hija ssodisfata fir-rigward tal-entitajiet kontraenti għall-produzzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja. |
|
(42) |
Barra minn hekk, il-kundizzjoni tal-aċċess mhux ristrett għas-suq hija meqjusa li ġiet issodisfata, u għalhekk id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti intenzjonati sabiex jippermettu l-produzzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali fil-Ġermanja u lanqas meta jorganizzaw kuntesti ta’ disinn għat-twettiq ta’ tali attività f'dik iż-żona ġeografika. |
|
(43) |
Madankollu, il-kundizzjoni ta’ esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li mhix issodisfata fir-rigward tal-entitajiet kontraenti għall-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG fil-Ġermanja. |
|
(44) |
Ladarba l-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku tal-EEG għadhom suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE, huwa mfakkar li l-kuntratti tal-akkwist li jkopru bosta attivitajiet għandhom jiġu ttrattati skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Dan ifisser li, meta entità kuntrattwali tiġi ingaġġata f'akkwist “imħallat”, li jfisser akkwist użat biex jappoġġja l-prestazzjoni tat-tnejn li huma, l-attivitajiet eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u l-attivitajiet li mhumiex eżentati, għandhom jitqiesu l-attivitajiet li għalihom huwa intenzjonat prinċipalment il-kuntratt. F'każ ta’ akkwist imħallat bħal dan, meta l-iskop ikun prinċipalment l-appoġġ tal-produzzjoni u l-kummerċ fil-livell tal-operaturi tal-elettriku tal-EEG, għandha tapplika d-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE. Jekk huwa oġġettivament impossibbli li jkun stabbilit għal liema attività l-kuntratt kien intenzjonat prinċipalment, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/17/KE. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn Ottubru 2011 sa Frar 2012 kif tidher mill-informazzjoni mressqa mill-BDEW u mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Hija tista' tiġi riveduta, fil-każ li bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali jkunu jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE fir-rigward tal-produzzjoni u l-forniment fil-livell tal-operaturi tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali ma baqgħux jiġu ssodisfati. |
|
(45) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettu l-produzzjoni u l-ewwel bejgħ tal-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali li għandhom isiru fil-Ġermanja.
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-elettriku prodott minn sorsi konvenzjonali tfisser l-elettriku li ma jaqax fl-ambitu tal-EEG. Barra minn hekk, skont it-tifsira tal-EEG, u skont il-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk, “sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” tfisser l-idroenerġija, inklużi l-enerġija tal-mewġ, l-enerġija mill-marea, il-pressjoni osmotika, l-enerġija mir-riħ, ir-radjazzjoni solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija mill-bijomassa, inklużi l-bijogass, il-bijometanu, il-gass mill-miżbla u l-gass mit-trattament tad-drenaġġ, kif ukoll il-porzjon bijodegradabbli tal-iskart muniċipali u tal-iskart industrijali.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2012.
Għall-Kummissjoni
Michel BARNIER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
(2) It-talba għall-eżenzjoni hija maħsuba biex tkopri wkoll l-attivitajiet marbuta mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, bħall-impjanti għall-koġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana.
(3) ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.
(4) ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.
(5) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.
(6) Skont id-data tal-Eurostat dwar l-ambjent u l-enerġija ta’ 11/2010, fl-2008 kien hemm irrappurtati aktar minn 450 kumpanija li jiġġeneraw l-elettriku fil-Ġermanja li jirrappreżentaw mill-inqas 95 % tal-produzzjoni netta tal-elettriku.
(7) L-EEG tirregola hekk: konnessjoni prijoritarja mas-sistemi tal-grid għall-forniment ġenerali tal-elettriku għall-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u mill-gass tal-minjieri; ix-xiri prijoritarju, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħlas għal tali elettriku mill-operaturi tas-sistemi tal-grid, kif ukoll b'rabta mal-elettriku mill-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-gass (CHP — combined heat and power), u inkużi l-primjums għall-integrazzjoni ta’ dan l-elettriku fis-sistema tal-provvista tal-elettriku; u l-iskema nazzjonali tal-ekwalizzazzjoni għall-kwantità tal-elettriku mixtri li għalih tħallset tariffa jew primjum.
(8) Skont it-tifsira tal-EEG, u skont il-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk, “sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” tfisser l-idroenerġija, inklużi l-enerġija tal-mewġ, l-enerġija mill-marea, il-pressjoni osmotika, l-enerġija mir-riħ, ir-radjazzjoni solari, l-enerġija ġeotermali, l-enerġija mill-bijomassa, inklużi l-bijogass, il-bijometanu, il-gass mill-miżbla u l-gass mit-trattament tad-drenaġġ, kif ukoll il-parti frazzjonali bijodegradabbli tal-iskart muniċipali u tal-iskart industrijali.
(9) Skont it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni l-elettriku ġġenerat minn sorsi konvenzjonali, u l-elettriku konvenzjonali tfisser l-elettriku li ma jaqax fl-ambitu tal-EEG.
(10) Skont il-Rapport dwar il Monitoraġġ 2011 tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, p. 9.
(11) Skont il-Rapport dwar il Monitoraġġ 2011 tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, p. 10.
(12) Skont il-Rapport dwar il Monitoraġġ 2011 tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,
(13) Il-każ COMP m -4110 EO N – ENDESA, 25.4.2006, il-paragrafu 10, p. 3.
(14) Il-każ COMP/M. 3696 E.ON – MOL tal-21.1.2005, il-paragrafu 223, il-każ COMP/M.5467, RWE- ESSENT tal-23.6.2009, il-paragrafu 23.
(15) L-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, p. 5.
(16) Skont l-Opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, p. 5.
(17) Il-ħlas ta’ operatur individwali jista' madankollu jvarja skont jekk hux se jirnexxielu jbiegħ l-elettriku tiegħu fis-suq bi prezz ogħla mill-prezz medju fix-xahar.
(18) Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/585/KE (ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28, premessa 9), u 2008/741/KE, (ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35, premessa 9), u l-Każ COMP/M.3440 — ENI/EDP/GDP tad-9.12.2004, paragrafu 23.
(19) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/403/KE (ĠU L 186, 20.7.2010, p. 44, premessa 9).
(20) Il-każ COMP/M. 3268 SYDKRAFT/GRANINGE tat-30.10.2003, il-paragrafu 27 u COMP/M. 3665 ENEL/SLOVENSKE ELEKTRARNE tas-26.4.2005, il-paragrafu 14.
(21) Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2009/47/KE (ĠU L 19, 23.1.2009, p. 57); 2008/585/KE,; 2008/741/KE; 2007/141/KE (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23); 2007/706/KE (ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18); 2006/211/KE (ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6) u 2006/422/KE (ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33).
(22) Skont l-Opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, il-paragrafu 2 tal-paġna 7.
(23) L-ishma tas-suq kumulattivi tal-ewwel tliet produtturi fir-Renju Unit (39 %), fl-Awstrija (52 %) u fil-Polonja (55 %) għandhom valuri aktar baxxi, iżda l-valuri korrispondenti fil-Finlandja (73,6 %) u fl-Isvezja (87 %) huma ogħla.
(24) Il-produzzjoni hija kkalkulata bil-kunsiderazzjoni tal-impjanti tagħhom stess għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, tal-ishma f'impjanti tal-elettriku li huma koproprjetarji tagħhom u tal-output fit-tul iggarantit fuq bażi kuntrattwali (drawing rights)
(25) Skont l-Opinjoni tal-Uffiċċju Federali tal-Konsorzji, il-paragrafu 3 tal-paġna 7
(26) http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/legislation/doc/20100609_internal_market_report_2009_2010.pdf
(27) Ara paġna 7, il-paragrafu 4 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
(28) Tabella 3.1 tal-Anness Tekniku, p. 12 tal-Anness Tekniku sabiex id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Rapport tal-2009-2010 dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” ta’ Ġunju 2011
(29) L-indiċi Herfindahl Hirshmann: Huwa definit bħala s-somma tal-kwadri tal-ishma tas-suq ta’ kull kumpanija individwali. Il-firxa tiegħu tista' tvarja minn kważi 0 sa 10 000, u minn ammont kbir ħafna ta’ impriżi żgħar ħafna sa produttur wieħed biss f'każ ta’ monopolju. Tnaqqisiet fl-HHI ġeneralment jindikaw żieda fil-kompetizzjoni, filwaqt li ż-żidiet jimplikaw l-oppost.
(30) Skont it-Tabella 2.1, paġna 6 u Tabella 2.2, paġna 7 tal-Anness Tekniku tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Rapport tal-2009-2010 dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” ta’ Ġunju 2011 fl-2009 l-Ġermanja kellha rata ta’ bdil tal-fornituri mill-klijent [client switching] għall-industriji kbar ta’ 10,7 % f'volum u ta’ 15,6 % skont il-miter eliġibbli.
(31) Skont ir-Rapport tal-2011 [Monitoring Benchmark Report] tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, paġna 28, is-suq Ġermaniż fil-livell tal-operaturi huwa estremament likwidu. Fl-2010, il-volum tal-kummerċ fil-livell tal-operaturi huwa stmat li jammonta għal 10 600 TWh, li huwa 17 il-darba aktar mid-domanda attwali għall-elettriku fil-Ġermanja.
(32) Ukoll jekk dawn jirrappreżentaw parti żgħira biss mill-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkunsmat fi Stat Membru, il-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ bbilanċjar għandu jitqies bħala indikatur addizzjonali. Dan għaliex jekk ikun hemm differenza kbira bejn il-prezz iffatturat mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni jipprovdu l-enerġija għall-ibbilanċjar u l-prezz li bih jixtru lura l-produzzjoni żejda, din tista' tkun ta’ problema għall-parteċipanti fis-suq iżgħar u tfixkel l-iżvilupp tal-kompetizzjoni.
(33) Skont it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni u skont l-EEG, “installazzjoni tal-EEG” tfisser kwalunkwe faċilità li tiġġenera l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri. Installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri tfisser ukoll dawk il-faċilitajiet kollha li jirċievu l-enerġija li ġiet maħżuna temporanjament u li toriġina esklussivament minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri u jaqilbuha f'elettriku; “operatur tall-installazzjoni tal-EEG” tfisser kull persuna, irrispettivament mill-kwistjoni tal-pussess, li juża l-installazzjoni biex jiġġenera l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jew minn gass tal-minjieri.
(34) Ir-rati ta’ ħlas għall-elettriku tal-EEG huma ogħla b'mod regolari mill-prezz fil-Borża tal-enerġija elettrika, l-elettriku tal-EEG huwa għalhekk iktar għali minn dak tal-elettriku prodott bil-mod konvenzjonali. Dawn l-ispejjeż addizzjonali għandhom jitħallsu minn konsumaturi tal-enerġija permezz tal-imposta tal-EEG (3,5 ċenteżmi/kWh fl-2011).
(35) Dan il-fenomenu xi kultant jissejjaħ “Grünstromprivileg” [privileġġ b'rabta mal-elettriku ekoloġiku].
(36) L-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni jistmaw is-sehem ta’ tali kummerċjalizzazjoni diretta (§33b EEG (2012)) għal 3,7 % fl-2012.
Ara http://www.eeg-kwk.net/de/file/111115_Eckwerte_Einspeisung_final.pdf.
(37) Ara http://www.eeg-kwk.net/de/file/111115_Eckwerte_Einspeisung_final.pdf.