Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0166

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat- 23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

    ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/166(1)/oj

    24.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/49


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/166/PESK

    tat-23 ta’ Marzu 2012

    b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-Artikolu 26(2),

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (minn hawn ’il quddiem l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

    (2)

    L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “CWC”) u tal-OPCW fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa minn armi kimiċi. Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE, l-Unjoni impenjat ruħha li taħdem lejn l-aderenza universali għal trattati u ftehimiet ewlenin ta’ diżarm u non-proliferazzjoni, inkluża s-CWC. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għall-objettivi segwiti mill-OPCW, fil-kuntest tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għall-implimentazzjoni tas-CWC.

    (3)

    Fit-22 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (1), li mal-iskadenza tagħha ġiet sussegwita mill-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK (2), li min-naħa tagħha ġiet sussegwita mill-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK (3). L-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK ġiet sussegwita mid-Deċiżjoni 2009/569/PESK (4) li skadiet fit-3 ta’ Diċembru 2011.

    (4)

    Il-kontinwazzjoni ta’ tali assistenza intensiva u mmirata mill-Unjoni għall-OPCW hija meħtieġa fil-kuntest tal-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE. Hemm ħtieġa għal aktar attivitajiet li jippromwovu l-implimentazzjoni sħiħa tas-CWC kif ukoll attivitajiet li jtejbu t-tħejjija tal-Istati Partijiet għas-CWC (minn hawn ’il quddiem l-“Istati Partijiet”) għall-prevenzjoni ta’ u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi tossiċi, kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-attivitajiet kimiċi, u l-abbiltà tal-OPCW li tadatta għall-iżviluppi fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. Il-miżuri relatati mal-universalizzazzjoni tas-CWC għandhom jitkomplew u jiġu adattati u mmirati għan-numru li qed jonqos ta’ Stati mhux Partijiet għas-CWC,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Bil-fini li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi tal-Istrateġija tal-UE, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW, bl-objettivi li ġejjin:

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt is-CWC, u

    it-tisħiħ tat-tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta’ u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi tossiċi,

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta’ attivitajiet kimiċi,

    l-appoġġ għall-abbiltà tal-OCPW li tadatta għall-iżviluppi fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija,

    il-promozzjoni tal-universalità billi Stati mhux Partijiet jiġu mħeġġa jaderixxu mas-CWC.

    2.   F’dan il-kuntest, l-attivitajiet appoġġati mill-UE tal-proġetti tal-OPCW, li jikkonformaw mal-miżuri tal-Istrateġija tal-UE għandhom ikunu dawn li ġejjin:

     

    Proġett I: Implimentazzjoni Nazzjonali, Verifika u Universalità

    Attivitajiet:

    Żjarat bilaterali ta’ assistenza teknika

    Korsijiet ta’ taħriġ għal uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta’ trasferimenti tas-CWC

    Għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali

    Għodda ta’ tagħlim elettroniku għall-awtoritajiet nazzjonali / partijiet interessati assoċjati

    Komunikazzjoni ma’ Stati mhux Partijiet għas-CWC

    Investigazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ użu allegat

     

    Proġett II: Kooperazzjoni Internazzjonali

    Attivitajiet:

    Kors għall-iżvilupp ta’ kompetenzi analitiċi

    Komunikazzjoni ma’ industriji — Workshop dwar is-CWC u s-Sikurezza tal-Proċess Kimiku

     

    Proġett III: Żjarat mir-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u minn osservaturi fil-faċilitajiet tal-qerda ta’ armi kimiċi (CWDFs)

    Attivitajiet:

    Żjarat fis-CWDFs

     

    Proġett IV: Xjenza u Teknoloġija

    Attivitajiet:

    Laqgħat tal-grupp ta’ ħidma tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv (SAB)

    Kofinanzjament ta’ Workshop Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-OPCW u l-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata (IUPAC)

     

    Proġett V: Tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta’ u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi

    Attivitajiet:

    Workshops Reġjonali — l-Artikolu X tas-CWC u kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta’ rispons ta’ assistenza u ta’ emerġenza

    Eżerċizzji ta’ Simulazzjoni (TTEs) u modulu tal-eżerċizzji

    L-OPCW bħala pjattaforma għat-tisħiħ tas-sigurtà fl-impjanti kimiċi

     

    Proġett VI: Programm tal-Afrika

    Attivitajiet:

    Żjarat bilaterali ta’ assistenza teknika

    Korsijiet ta’ taħriġ għal uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta’ trasferimenti tas-CWC

    Komunikazzjoni ta’ Industriji — Workshop dwar is-CWC u s-Sikurezza tal-Proċess Kimiku

    Kors għall-Iżvilupp ta’ Kompetenzi Analitiċi

    Workshops Reġjonali — l-Artikolu X tas-CWC u kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta’ rispons ta’ assistenza u ta’ emerġenza

    Proġett reġjonali ta’ bini tal-kapaċitajiet fit-tul fil-qasam tal-assistenza u l-protezzjoni

    Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-OPCW imsemmija hawn fuq tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (minn hawn ’il quddiem is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-RGħ. Għal dan il-fini, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 2 140 000.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mas-Segretarjat Tekniku. Il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara it-23 ta’ Marzu 2012. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikulta f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-RGħ għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta’ finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dakinhar.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63.

    (2)  ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34.

    (3)  ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10.

    (4)  ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96.


    ANNESS

    Appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

    Proġett I:   Implimentazzjoni Nazzjonali, Verifika u Universalità

    Objettiv:

    Tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt is-CWC u biex Stati mhux Partijiet għas-CWC jiġu mħeġġa jifhmu aħjar il-benefiċċji jekk jaderixxu mas-CWC u jkunu involuti aktar fl-attivitajiet tal-OPCW.

    Fini:

    Fini 1 — L-Istati Partijiet jagħmlu progress lejn:

    it-twettiq tar-rekwiżiti ta' implimentazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu VII tas-CWC,

    konformità mad-dikjarazzjonijiet tagħhom u r-rekwiżiti tad-dikjarazzjonijiet ta' ispezzjoni skont l-Artikolu VI tas-CWC,

    tmexxija aktar effiċjenti tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom,

    l-iffaċilitar tat-taħriġ bażiku tal-awtoritajiet nazzjonali,

    it-tħejjija għal investigazzjonijiet ta' użu allegat skont l-Artikoli IX u X tas-CWC.

    Fini 2 — Stati mhux Partijiet għas-CWC jiġu aktar involuti f’attivitajiet tal-OPCW u jsiru jifhmu aktar is-CWC u l-benefiċċji tagħha.

    Riżultati:

    Riżultat 1

    L-awtoritajiet nazzjonali saħħew il-kapaċità tagħhom li jabbozzaw leġislazzjoni nazzjonali ta' implimentazzjoni u huma f'pożizzjoni li jippreżentaw leġislazzjoni għall-adozzjoni.

    L-uffiċjali tad-dwana saħħew il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw sustanzi kimiċi rilevanti għas-CWC u jippreżentaw trasferimenti preċiżi ta’ data dwar sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali.

    L-awtoritajiet nazzjonali saħħew il-kapaċità tagħhom li jikkomunikaw mal-OPCW u jibagħtulha dokumentazzjoni u dikjarazzjonijiet.

    Il-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali saħħaħ il-kapaċità tiegħu li jifhem u jimplimenta l-prinċipji bażiċi tas-CWC u jagħmel użu aktar kosteffettiv minn opportunitajiet ta' taħriġ wiċċ imb' wiċċ.

    L-Istati Partijiet għandhom għarfien aħjar tal-investigazzjonijiet ta' użu allegat u ispezzjonijiet ta' sfida, bħala għodod fundamentali għad-dispożizzjoni tagħhom biex jipprovdu assistenza u/jew biex jiċċaraw nuqqas ta' konformità possibbli mas-CWC.

    L-Istati Partijiet jirċievu assigurazzjonijiet li s-Segretarjat Tekniku huwa lest imexxi investigazzjonijiet ta' użu allegat u ispezzjonijiet ta' sfida.

    Riżultat 2

    L-Istati mhux Partijiet għas-CWC huma aktar involuti fl-attivitajiet tal-OPCW u saru jifhmu aħjar tal-benefiċċji tas-sħubija fis-CWC.

    Attivitajiet:

     

    Żjarat bilaterali ta' assistenza teknika: Ser jingħata appoġġ lil Stati Partijiet permezz ta’ żjarat ta’ assistenza teknika li ser jitfasslu fuq bażi ta’ każ b’każ u jsiru biex tingħata assistenza ffukata biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tat-talbiet magħmulin mill-Istati Partijiet. In-natura ta’ dan l-appoġġ ser tinkludi sforzi ta’ sensitizzazzjoni u komunikazzjoni permezz ta’ workshops ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali, korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati, assistenza għall-abbozzar ta’ leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali u miżuri relatati, u s-suġġetti relatati mal-industrija fl-Artikolu VI għas-CWC. Skont l-objettiv tagħhom, dawn iż-żjarat ser jinkludu ħidma kkoordinata li tinvolvi, kif adatt, il-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tas-Segretarjat Tekniku, l-Uffiċċju tal-Konsulent Legali, il-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet u l-Fergħa tal-Verifika tal-Industrija.

     

    Taħriġ ta’ uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta’ trasferimenti tas-CWC: Ġie pprovdut appoġġ għall-uffiċjali tad-dwana taħt l-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK u d-Deċiżjoni 2009/569/PESK. Abbażi ta’ esperjenza miksuba, ser issir komunikazzjoni ma’ uffiċjali tad-dwana permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ bil-ħsieb li jittejbu l-ġbir u t-trasmissjoni ta’ data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali. Il-korsijiet ta’ taħriġ reġjonali u subreġjonali li se jsiru ser joffru dimostrazzjonijiet u eżerċizzji prattiċi u b’involviment dirett. Ser isir kors reġjonali wieħed fir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew u ser isir kors subreġjonali wieħed fir-reġjun Asjatiku. Il-korsijiet ser isiru mill-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tas-Segretarjat Tekniku bil-ħila esperta teknika mill-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet.

     

    Għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali: L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw ta' spiss jiġu mxekkla fl-abbiltà tagħhom li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi taħt is-CWC minħabba nuqqas ta' tagħmir bażiku (kompjuters, printers, software, magni tal-ikkuppjar eċċ). Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw tagħmir bażiku tal-uffiċċju, huma jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw livell ogħla ta' effiċjenza u professjonaliżmu fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw is-CWC. Id-disponibbiltà ta' tali tagħmir ser tintuża wkoll bħala inċentiva għall-awtoritajiet nazzjonali biex jimpenjaw ruħhom b'mod aktar attiv fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw is-CWC, b'mod partikolari jekk id-disponibbiltà ta' dan it-tagħmir issir tiddependi fuq il-kisba ta' ċerti miri ddefiniti minn qabel.

    Dawn il-miri ser jiġu ddefiniti fuq bażi ta' każ b'każ u f'konsultazzjoni mal-Istati Partijiet ikkonċernati.

     

    Għodda ta' tagħlim elettroniku għall-awtoritajiet nazzjonali/ partijiet interessati assoċjati: Sabiex jiġu massimizzati opportunitajiet ta' taħriġ wiċċ imb' wiċċ, l-elementi bażiċi u ġeneriċi tat-taħriġ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-OPCW ser isiru disponibbli f'format elettroniku, u ser jiġu tradotti għal-lingwi uffiċjali kollha tal-OPCW (l-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol u r-Russu). F'konformità ma' dan, ħames moduli ta' tagħlim elettroniku, ibbażati fuq materjali eżistenti fis-Segretarjat Tekniku, ser jiġu żviluppati bl-użu tas-servizzi ta' fornitur kummerċjali. Il-preżentazzjonijiet li qed jintużaw attwalment li jkunu konvertiti f'għodod ta' tagħlim elettroniku huma dawn li ġejjin:

    Ħarsa Ġenerali tas-CWC

    Introduzzjoni għall-OPCW

    Is-CWC artikolu b'artikolu

    Is-CWC — l-iskedi 1, 2 u 3

    It-tmexxija effettiva ta' awtorita nazzjonali

     

    Komunikazzjoni ma’ Stati mhux Partijiet għas-CWC: Ir-rappreżentanti ta’ Stati mhux Partijiet għas-CWC li huma f’pożizzjoni li jinfluwenzaw azzjonijiet nazzjonali relatati mal-adeżjoni/ir-ratifika u dawk involuti direttament fi kwistjonijiet ta’ rilevanza għas-CWC ser jiġu sponsorjati biex jattendu programmi differenti organizzati mid-Diviżjoni Internazzjonali ta’ Koperazzjoni u Assistenza (ICA). Dawn il-programmi ser jinkludu workshops reġjonali għall-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Partijiet u workshops reġjonali għall-awtoritajiet tad-dwana. Fejn meħtieġ, il-membri tal-persunal tad-Diviżjoni tar-Relazzjonijiet Esterni tas-Segretarjat Tekniku ser jiġu sponsorjati wkoll biex jattendu dawn il-laqgħat sabiex iwettqu l-kuntatti u l-interazzjoni meħtieġa mal-parteċipanti sponsorjati mill-Istati mhux Partijiet għas-CWC. Barra minn hekk, u kif ikun meħtieġ, f’din l-iskema ta’ appoġġ għall-Istati mhux Partijiet għas-CWC, huma previsti wkoll żjarat u arranġamenti mfasslin apposta biex jinvolvu l-Istati mhux Partijiet għas-CWC.

     

    Investigazzjoni ta' eżerċizzji ta' użu allegat: Mid-dħul fis-seħħ tas-CWC, is-Segretarjat Tekniku, ħafna drabi f'kooperazzjoni mal-Istati Partijiet, wettaq għadd ta' eżerċizzji marbuta mal-Artikoli IX u X tas-CWC, inklużi ż-żewġ investigazzjonijiet ta' użu allegat (IAU) u ispezzjonijiet ta' sfida (CI). Għalkemm ħafna lezzjonijiet meħuda f'rabta ma' eżerċizzji ta' CI japplikaw għall-IAU, u viċi versa, qatt ma saret reviżjoni komprensiva. F’tali reviżjoni komprensiva ser jiġu analizzati l-lezzjonijiet miksuba u rapporti ta' evalwazzjoni preċedenti minn eżerċizzji ta' IAU u CI (kemm ta' simulazzjoni kif ukoll fil-post), u ser jiġi organizzat workshop biex jitlaqqgħu esperti involuti f'tali eżerċizzji sabiex jaqsmu l-aħjar prassi, u biex jagħtu informazzjoni utli għal eżerċizzji futuri, speċjalment f'rabta ma' investigazzjonijiet ta' użu allegat.

    Proġett II:   Kooperazzjoni Internazzjonali

    Objettiv:

    Biex jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-kimika għal attivitajiet li l-finijiet tagħhom mhumiex projbiti taħt is-CWC

    Biex jiġu promossi l-missjoni tal-OPCW u l-objettivi tas-CWC permezz ta' impenn aktar b'saħħtu tal-Istati Partijiet f'inizjattivi ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku tal-kimika

    Fini:

    Fini 1 — Biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-laboratorji li huma ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jimplimentaw is-CWC fil-qasam tal-użu paċifiku tal-kimika

    Fini 2 — Biex Stati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jiġu megħjuna jsaħħu l-approċċi għall-ġestjoni tas-sikurezza kimika f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-industrija kimika

    Riżultati:

    Riżultat 1 — Livell ogħla ta’ kompetenza teknika f’laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet b’ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jiġu analizzati sustanzi kimiċi relatati mal-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC u fl-applikazzjoni paċifika ta’ kimika li tuża metodi analitiċi moderni speċjalment Kromatografija tal-Gass (GC) u Kromatografija tal-Gass / Spettrometrija tal-Massa (GC-MS).

    Riżultat 2 — Livelli mtejba ta’ kompetenza u fehim mill-persunal ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet industrijali u l-awtoritajiet nazzjonali/istituzzjonijiet governattivi ta’ Stati Partijiet li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni rigward prattiki ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-proċessi

    Attivitajiet:

     

    Kors għall-iżvilupp ta’ ħiliet analitiċi: Il-kors ser isir fuq perijodu ta' ġimagħtejn, li matulhom il-parteċipanti ser jirċievu taħriġ teoretiku u esperjenza b'involviment dirett fil-GC u GC-MS. Is-suġġetti koperti jinkludu: hardware; validazzjoni u ottimizzazzjoni tas-sistemi; soluzzjoni ta' problemi; tħejjija ta' kampjuni ambjentali; u analiżi GC/GC-MS ta' tali kampjuni għal sustanzi kimiċi b'rabta mas-CWC. Il-parteċipanti ser jirċievu wkoll taħriġ intensiv b'involviment dirett fit-tħejjija ta' matriċi kampjuni differenti li għandhom jiġu analizzati bil-GC b'detetturi selettivi skont l-element u b'GC MS f''modi ta' impatt ta' elektrons u ijonizzazzjoni kimika. Finalment, il-parteċipanti ser issirilhom introduzzjoni għal firxa ta' proċeduri ta' estrazzjoni, tindif u derivatizzazzjoni. Il-kors ser jiġi implimentat bl-appoġġ ta' VERIFIN, istituzzjoni magħrufa magħżula permezz ta' proċess ta' għoti tal-offerti trasparenti, u li l-OPCW daħlet magħha fi ftehim ta' 5 snin.

     

    Komunikazzjoni mal-Industrija — Workshop dwar is-CWC u s-Sikurezza tal-Proċess Kimiku: Dan il-workshop ser jitqassam fuq jumejn u nofs. Hu ser ikopri, fost l-oħrajn, kwistjonijiet ta' sigurtà u sikurezza fl-industrija kimika; strateġiji ta' ġestjoni kimika; ġestjoni tas-sikurezza tal-proċess kimiku; l-aħjar prattiki fl-industrija; u introduzzjoni għal Responsible Care®.

    Ser tiġi ppreżentata wkoll ħarsa ġenerali tas-CWC u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-ewwel laqgħa. Ser jiġi organizzat seminar reġjonali wieħed fir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew u jekk ikun meħtieġ, ser tiġi pprovduta traduzzjoni għall-Ispanjol.

    Proġett III:   Żjarat mir-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u minn osservaturi fis-CWDFs

    Objettiv:

    Tiġi avvanzata u żgurata t-tneħħija tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi u l-faċilitajiet ta' produzzjoni soġġett għall-miżuri ta’ verifika previsti fis-CWC.

    Finijiet:

    Fini 1 — L-Istati Partijiet ikunu jistgħu jissorveljaw il-progress li jsir lejn it-twettiq tal-qerda kompleta tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi u jkunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw problemi fit-twettiq tal-qerda fi stadju bikri.

    Fini 2 — L-Istati Partijiet ikunu aktar fiduċjużi li jkunu qed isiru passi tanġibbli u konkreti għall-qerda kompleta tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi minn dawk li jipposseduhom.

    Riżultati:

    Riżultat 1 — L-Istati Partijiet jifhmu aħjar il-problemi u d-diffikultajiet tekniċi relatati mal-qerda ta’ armi kimiċi.

    Riżultat 2 — L-Istati Partijiet ikunu aktar fiduċjużi li jkunu qed isiru passi tanġibbli u konkreti għall-qerda kompleta tal-istokkijiet ta’ armi kimiċi.

    Attività:

    Żjarat fis-CWDFs: Sa issa, saru ħames żjarat - tlieta fl-Istati Uniti tal-Amerika fis-CWDFs li jinsabu f'Anniston, Alabama (Ottubru 2007); Pueblo, Colorado, u Umatilla, Oregon (Mejju/Ġunju 2009), u Tooele u Pueblo (Frar-Marzu 2011) u żewġ żjarat fil-Federazzjoni Russa fi Shchuchye, fir-reġjun ta' Kurgansk (Settembru 2008) u Pochep, Bryanskaya Oblast (Settembru 2010). Iż-żjarat li saru s’issa taw prova tal-valur tagħhom bħala mezz biex jiġu indirizzati mistoqsijiet jew tħassib dwar programm ta’ Stat Parti pussessur għar-rispett tal-obbligi tiegħu dwar il-qerda tal-armi kimiċi tiegħu sal-iskadenza estiża approvata. Jekk l-iskadenza estiża finali ma tiġix rispettata, huwa mistenni li, b'segwitu għal deċiżjoni ġdida tal-Konferenza tal-Istati Partijiet, l-Istati Partijiet ikkonċernati ser ikomplu jilqgħu tali żjarat fis-CWDFs operattivi tagħhom u f'faċilitajiet li attwalment qed jinbnew sakemm il-qerda tkun tlestiet.

    Proġett IV:   Xjenza u Teknoloġija

    Objettiv:

    Biex id-Direttur Ġenerali tal-OPCW jkun jista' jagħti parir u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Istati Partijiet, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u l-Istati Partijiet dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija li huma rilevanti għas-CWC.

    Finijiet:

    Fini tal-Laqgħat tal-gruppi ta' ħidma temporanji tas-SAB: Sabiex id-Direttur Ġenerali jkun jista’ jagħti parir speċjali lill-organi li jfasslu l-politika tal-OPCW u lill-Istati Partijiet dwar l-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC.

    Fini tal-Workshop Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-OPCW / IUPAC: Sabiex is-SAB jiġi megħjun fit-tħejjija tal-abbozzar tar-rapport tiegħu għat-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni.

    Riżultati:

    Riżultat 1 — Pariri u rakkomandazzjonijiet dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC mogħtija mis-SAB u riċevuti mill-Istati Partijiet.

    Riżultat 2 — L-Istati Partijiet ikunu aġġornati u aktar informati dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC.

    Riżultat 3 — L-Istati Partijiet jiġu megħjuna jivvalutaw l-impatt potenzjali ta' avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija dwar l-implimentazzjoni tas-CWC.

    Attivitajiet:

     

    SAB laqgħat tal-grupp ta' ħidma: Fl-2012-13 ser isiru żewġ laqgħat tal-grupp ta' ħidma temporanju dwar il-konverġenza tal-kimika u l-bijoloġija u żewġ laqgħat ta' grupp ta' ħidma temporanju dwar l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni. L-objettiv tal-grupp ta' ħidma temporanju dwar il-konverġenza tal-kimika u l-bijoloġija għandu jesplora aktar il-konverġenza tal-kimika u l-bijoloġija, u l-implikazzjonijiet potenzjali tagħha għas-CWC, kif irrakkomandat mis-SAB waqt is-Sittax-il Sessjoni tagħha. Il-grupp ta' ħidma temporanju ser jivvaluta dawn l-implikazzjonijiet u ser jagħmel rakkomandazzjonijiet lis-SAB. Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' ħidma temporanju ser jintużaw mis-SAB fir-rapport tiegħu lit-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni. L-objettiv tal-laqgħat tal-grupp ta' ħidma temporanju dwar l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni, li għandu jiġi stabbilit, ser jiffoka fuq kif għandha ssir komunikazzjoni mal-komunità xjentifika u dwar kif għandha tiġi żviluppata u msaħħa r-relazzjoni bejn l-OPCW u l-komunità xjentifika.

     

    Kofinanzjament tal-Workshop Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-OPCW - IUPAC: L-objettiv tal-workshop hu li jiġu riveduti x-xejriet u l-avvanzi fil-kimika, l-inġinerija kimika, ix-xjenzi tal-ħajja u d-dixxiplini relatati bil-ħsieb li jiġi vvalutat kif jaffettwaw l-implimentazzjoni tas-CWC. Ir-rapport li għandu jiġi prodott mill-workshop ser jassisti lis-SAB fit-tħejjija tar-rapport tiegħu stess li jinkludi l-valutazzjoni tiegħu tal-impatt tal-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija fuq il-funzjonament tas-CWC.

    Dan ir-rapport ser jiġi pprovdut, bħala kontribut tad-Direttur Ġenerali, għat-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni tas-CWC li għandha ssir fl-2013. Il-Workshop Internazzjonali dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-OPCW - IUPAC ser jipprovdi kontribut siewi għat-tħejjija tar-rapport tas-SAB bil-ħsieb tat-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni.

    Proġett V:   Tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta’ u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi

    Objettiv:

    Kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-Istati Partijiet fil-prevenzjoni ta', it-tħejjija għal u r-rispons għal attakk terroristiku bl-użu ta' armi kimiċi u għat-titjib tar-rispons tagħhom għat-talbiet għal assistenza fil-każ li jintużaw jew li jkun hemm theddida li jintużaw sustanzi kimiċi.

    Finijiet:

    Fini tal-workshops reġjonali:

    Fini 1 — Titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-Istati Partijiet dwar l-importanza li jippreżentaw dikjarazzjonijiet kompleti u fil-ħin dwar programmi nazzjonali relatati mal-finijiet protettivi

    Fini 2 — Żieda tal-kontribut tal-Istati Partijiet għat-tħejjija tal-OPCW biex jingħata rispons għat-talbiet għal assistenza

    Fini 3 — Inkoraġġiment tal-Istati Partijiet fir-reġjuni jew is-subreġjuni biex irawmu l-ħolqien ta' netwerks reġjonali biex itejbu r-rispons koordinat tagħhom għal emerġenza ta' armi kimiċi.

    Finijiet tat-TTEs u l-modulu tal-eżerċizzji:

    Fini 1 — Eżerċizzju u evalwazzjoni tal-prevenzjoni nazzjonali ta', it-tħejjija għal u r-rispons għal attakk terroristiku bl-użu ta' armi kimiċi u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar passi ulterjuri li għandhom jittieħdu biex jissaħħaħ il-livell ta' tħejjija

    Fini 2 — Eżerċizzju u evalwazzjoni għall-koordinazzjoni tal-komunità internazzjonali fil-prevenzjoni u r-rispons għal attakk terroristiku bl-użu ta' armi kimiċi. Identifikazzjoni tan-nuqqasijiet potenzjali fl-appoġġ ipprovdut mill-OPCW u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn lill-Istati Partijiet għat-tħejjija tagħhom għal attakki terroristiċi bl-użu ta' armi kimiċi

    Fini tal-OPCW bħala pjattaforma għat-tisħiħ tas-sikurezza f'impjanti kimiċi:

    Fini 1 — Appoġġ għall-gvernijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija kimika tal-Istati Partijiet benefiċjarji fis-sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza kimika u t-tisħiħ tagħha bl-adozzjoni tal-aħjar prattiki

    Fini 2 — Żieda tas-sikurezza kimika fl-Istati Partijiet benefiċjarji impenjati fil-proċess bit-trawwim tal-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati kollha inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija kimika, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija kimika, il-komunità xjentifika u l-NGOs

    Fini 3 — Aġġornament sħiħ tal-Istati Partijiet dwar l-iżviluppi l-ġodda fl-isfera tas-sikurezza kimika u l-aħjar prattiki dwar is-sikurezza kimika

    Riżultati:

    Riżultati tal-workshops reġjonali:

    Riżultat 1 — Sensibilizzazzjoni tal-Istati Partijiet dwar l-importanza li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati mal-finijiet protettivi.

    Riżultat 2 — L-Istati Partijiet ikunu f'pożizzjoni aħjar biex joffru assistenza lill-OPCW fir-rispons għal talba għal assistenza.

    Riżultat 3 — Sensibilizzazzjoni akbar tal-Istati Partijiet, li l-ekonomiji tagħhom qed jizviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni, rigward il-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni fir-rigward tal-emerġenzi dwar l-armi kimiċi fil-każ ta' attakk.

    Riżultati tat-TTEs u l-moduli tal-eżerċizzji:

    Riżultat 1 — Żvilupp ta' modulu għat-tħejjija u t-twettiq tat-TTEs li jkun flessibbli u li jista' jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi diversi fl-Istati Partijiet differenti

    Riżultat 2 — Tisħiħ tat-tħejjija għall-prevenzjoni ta' u r-rispons għal attakki terroristiċi bl-użu ta' armi kimiċi identifikati mill-Istat Parti li jospita t-TTE

    Riżultat 3 — Tisħiħ tat-tħejjija għall-prevenzjoni ta' u r-rispons għal attakki terroristiċi bl-użu ta' armi kimiċi li waslu għalihom l-Istati Partijiet li jipparteċipaw fit-TTE

    Riżultat 4 — Żieda tal-fehim mill-organizzazzjonijiet parteċipanti tal-oqsma fejn il-koordinazzjoni mtejba tista' tnaqqas in-nuqqasijiet u fejn jistgħu jinbdew attivitajiet ġodda

    Riżultati tal-OPCW bħala pjattaforma għat-tisħiħ tas-sikurezza f'impjanti kimiċi:

    Riżultat 1 — Sensibilizzazzjoni akbar tal-benefiċjarji dwar ir-rekwiżiti u l-aħjar prattiki fis-sikurezza kimika

    Riżultat 2 — Disseminazzjoni tal-aħjar prattiki fis-sikurezza kimika fost l-Istati Partijiet benefiċjarji, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija tagħhom u partijiet interessati oħrajn

    Riżultat 3 — Dokument ta' kunċett għal miżuri ta' segwitu possibbli li jinvolvu l-awtoritajiet nazzjonali, ix-xjenzjati, l-amministraturi tal-laboratorji, u l-industrija kimika dwar l-aħjar prattiki fis-sikurezza kimika bl-appoġġ ta' materjali tat-taħriġ

    Riżultat 4 — Pubblikazzjonijiet dwar is-sikurezza kimika għall-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija kimika/l-amministraturi tal-laboratorji, u dwar l-aħjar prattiki fis-sikurezza kimika u s-sigurtà kimika.

    Attivitajiet:

     

    Workshops Reġjonali — l-Artikolu X tas-CWC u kwistjonijiet ta' kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tar-rispons ta' assistenza u emerġenza: Il-Workshops Reġjonali huma maħsubin biex irawmu d-diskussjoni u l-analiżi ta' diversi kwistjonijiet ta’ assistenza u dawk relatati mal-protezzjoni b'fokus speċjali fuq oqsma bħad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Partijiet taħt l-Artikolu X tas-CWC, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ programmi protettivi, l-importanza tal-offerti ta' assistenza mill-Istati Partijiet, l-analiżi tad-dgħufijiet u d-diffikultajiet tal-Artikolu X tas-CWC, u ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ta’ assistenza u protezzjoni fir-reġjun. L-Istati Partijiet ser jagħmlu preżentazzjonijiet sabiex jikkondividu l-esperjenzi u l-lezzjonijiet miksuba. Ser isiru żewġ workshops fuq perijodu qasir fir-reġjun Asjatiku u f'dak Latin Amerikan u tal-Karibew u ser jiġu organizzati mill-Fergħa tal-Assistenza u l-Protezzjoni.

     

    It-TTE u l-modulu tal-eżerċizzji: Din l-attività għandha l-għan li tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet fil-prevenzjoni ta', it-tħejjija għal u r-rispons għal attakk terroristiku bl-użu ta' armi kimiċi. Xenarju bażiku tal-eżerċizzji ser ikun attakk terroristiku f’impjant / istallazzjoni / trasport kimiku b'rilaxx ta' sustanzi kimiċi tossiċi. L-ispeċifiċitajiet tax-xenarju li għandu jintuża matul it-TTE ser jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-Istat Parti li jospita t-TTE. Dan ser jinkludi inventarju ta' responsabbiltajiet nazzjonali u reviżjoni tal-proċeduri eżistenti u eżerċizzju ta' gwida u ta' diskussjoni tal-faċilità / istallazzjoni tal-eżerċizzju magħżula fil-livell nazzjonali qabel ma jsir it-twettiq tat-TTE b'parteċipazzjoni reġjonali u internazzjonali. L-eżerċizzju ser jeżamina t-teħid ta' deċiżjonijiet intergovernattivi, l-iskambju ta' informazzjoni u l-għoti ta' assistenza bejn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti. Ser isiru żewġ TTEs f'żewġ reġjuni differenti. Ser jiġi żviluppat ukoll modulu għat-tħejjija u t-twettiq tat-TTEs dwar l-attakki b'sustanzi kimiċi tossiċi li jinvolvu entitajiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. L-attività ser tiġi organizzata u koordinata mill-Uffiċċju ta' Proġetti Speċjali.

     

    L-OPCW bħala pjattaforma għat-tisħiħ tas-sikurezza fl-impjanti kimiċi: Fl-ewwel fażi tal-attività, ser tiġi żviluppata analiżi dwar ir-rwoli u l-funzjonijiet possibbli tal-OPCW u s-sinerġiji tagħha mal-partijiet interessati fil-qasam tas-sikurezza kimika. Ser isir avveniment biex jiġu diskussi u mxerrda l-aħjar prattiki fis-sigurtà u s-sikurezza kimika.

    L-avveniment huwa maħsub biex irawwem id-diskussjoni u l-analiżi tal-kwistjonijiet prattiċi u l-esperjenzi relatati mat-tisħiħ tas-sikurezza tal-faċilitajiet kimiċi. L-esperjenza tas-sħab internazzjonali l-oħrajn fil-promozzjoni tas-sikurezza kimika, u f'sens usa' d-diskussjoni biex l-Istati jingħataw għajnuna fit-titjib tal-kapaċità tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni u t-tħejjija għat-theddidiet relatati mal-armi ta' qerda massiva u l-materjali relatati, ser isiru disponibbli għall-benefiċjarji. L-avveniment ser jidentifika wkoll l-opportunitajiet u r-rekwiżiti għal miżuri ta' segwitu biex isir progress fil-proċess tat-tisħiħ tas-sikurezza kimika, u għall-iżvilupp tal-OPCW bħala pjattaforma għall-iskambji dwar din il-kwistjoni.

    Riżultat tal-proġett ser ikun serje ta' proposti prattiċi dwar kif l-OPCW tista' tiġi żviluppata aktar bħala pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-qasam tas-sikurezza kimika. L-attività ser tiġi organizzata u koordinata mill-Uffiċċju ta' Proġetti Speċjali.

    Proġett VI:   Programm tal-Afrika

    Objettiv:

    It-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Partijiet Afrikani biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt is-CWC.

    Fini:

     

    Fini 1 — L-Istati Partijiet Afrikani jagħmlu progress lejn:

    it-twettiq tar-rekwiżiti ta' implimentazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu VII tas-CWC

    ikunu konformi mad-dikjarazzjonijiet tagħhom u r-rekwiżiti tad-dikjarazzjonijiet ta' ispezzjoni skont l-Artikolu VI tas-CWC

     

    Fini 2

    Tisħiħ tal-kapaċità tal-laboratorji tagħhom li huma ffinanzjati pubblikament fl-Istati Partijiet Afrikani b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni biex jimplimentaw is-CWC fil-qasam tal-użu paċifiku tal-kimika

    Tisħiħ tal-approċċi tal-ġestjoni tas-sikurezza kimika fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-industrija kimika fl-Istati Partijiet Afrikani li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni.

     

    Fini 3

    Titjib tas-sensibilizzazzjoni tal-Istati Partijiet Afrikani dwar l-importanza li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma’ finijiet protettivi

    Żieda tal-kontribut tal-Istati Partijiet Afrikani għat-tħejjija tal-OPCW biex tagħti rispons għat-talbiet għal assistenza

    Inkoraġġiment tal-Istati Partijiet Afrikani biex irawmu l-ħolqien ta' netwerks reġjonali fir-reġjuni jew subreġjuni Afrikani biex itejbu r-rispons koordinat tagħhom għal emerġenza ta’ armi kimiċi

    Inkoraġġiment tal-Istati Partijiet Afrikani biex jistabbilixxu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-subreġjuni fir-rispons għall-emerġenzi kimiċi

    Riżultati:

    Riżultat 1

    L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Partijiet Afrikani saħħew il-kapaċità tagħhom li jabbozzaw leġislazzjoni nazzjonali ta' implimentazzjoni u huma f'pożizzjoni li jippreżentaw leġislazzjoni għall-adozzjoni.

    L-Uffiċjali tad-Dwana fl-Istati Partijiet Afrikani jkunu saħħew il-kapaċità tagħhom biex jidentifikaw sustanzi kimiċi rilevanti għas-CWC u jippreżentaw trasferimenti preċiżi ta’ data dwar sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali.

    Riżultat 2

    Il-laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet Afrikani jkollhom livell ogħla ta' kompetenza teknika biex jiġu analizzati sustanzi kimiċi relatati mal-implimentazzjoni tas-CWC u fl-applikazzjoni paċifika ta' kimika li tuża metodi analitiċi moderni speċjalment GC u GC-MS.

    Il-persunal tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-awtoritajiet nazzjonali/l-istituzzjonijiet governattivi tal-Istati Partijiet Afrikani għandhom livelli aġġornati ta' kompetenza u fehim fir-rigward il-prattiki tal-proċess tal-ġestjoni tas-sikurezza.

    Riżultat 3

    L-Istati Partijiet Afrikani jkunu konxji mill-importanza li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma’ finijiet protettivi.

    L-Istati Partijiet Afrikani jkunu f’pożizzjoni aħjar biex joffru assistenza lill-OPCW fir-rispons għal talba għal assistenza.

    Sensibilizzazzjoni akbar tal-Istati Partijiet Afrikani, li l-ekonomiji tagħhom qed jizviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni, rigward il-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni fir-rigward tal-emerġenzi dwar l-armi kimiċi fil-każ ta' attakk.

    Grupp ta' istrutturi mill-Istati Partijiet Afrikani li jistgħu jappoġġaw il-pjan ta' rispons għal emerġenza kimika permezz ta' taħriġ għal dawk li jagħtu l-ewwel rispons.

    Attivitajiet:

     

    Żjarat bilaterali ta' assistenza teknika: Ser jingħata appoġġ lil Stati Partijiet Afrikani permezz ta’ żjarat ta’ assistenza teknika li ser jitfasslu fuq bażi ta’ każ b’każ u jsiru biex tingħata assistenza ffukata fuq biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tat-talbiet magħmulin mill-Istati Partijiet Afrikani.

    In-natura ta’ dan l-appoġġ ser tinkludi sforzi ta’ sensitizzazzjoni u komunikazzjoni permezz ta’ workshops ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali, korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati, assistenza għall-abbozzar ta’ leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali u miżuri relatati, u s-suġġetti relatati mal-industrija fl-Artikolu VI tas-CWC. Skont l-objettiv tagħhom, dawn iż-żjarat ser jinkludu ħidma kkoordinata li tinvolvi, kif adatt, il-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tas-Segretarjat Tekniku, l-Uffiċċju tal-Konsulent Legali, il-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet u l-Fergħa tal-Verifika tal-Industrija.

     

    Taħriġ ta' uffiċjali tad-dwana dwar l-aspetti tekniċi tar-reġim ta’ trasferimenti tas-CWC: Ġie pprovdut appoġġ għall-uffiċjali tad-dwana taħt l-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK u d-Deċiżjoni 2009/569/PESK. Abbażi ta’ esperjenza miksuba, ser issir komunikazzjoni ma’ uffiċjali tad-dwana permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ bil-ħsieb li jittejbu l-ġbir u t-trasmissjoni ta’ data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali. Il-korsijiet ta’ taħriġ subreġjonali li ser isiru fl-Istati Partijiet Afrikani ser joffru dimostrazzjonijiet u eżerċizzji prattiċi u b’involviment dirett. Dawn il-korsijiet ser isiru mill-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni bil-ħila esperta teknika tal-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet.

     

    Komunikazzjoni tal-Industriji — Workshop dwar is-Sikurezza tal-Proċess Kimiku u s-CWC: Dan il-workshop ser isir fuq jumejn u nofs. Dan ser ikopri, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet dwar is-sigurtà u s-sikurezza fl-industrija kimika; strateġiji ta' ġestjoni kimika; il-ġestjoni tas-sikurezza tal-proċess kimiku; l-aħjar prattiki fl-industrija; u l-introduzzjoni għal Responsible Care®. Ser tiġi ppreżentata wkoll ħarsa ġenerali tas-CWC u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-laqgħa tal-ftuħ. Ser tiġi pprovduta traduzzjoni bil-Franċiż.

     

    Kors għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi: Il-kors ser isir fuq ġimagħtejn, li matulhom il-parteċipanti mill-Istati Partijiet Afrikani ser jirċievu taħriġ teoretiku u esperjenza b'involviment dirett fil-GC u GC-MS. Is-suġġetti koperti jinkludu: hardware; validazzjoni u ottimizzazzjoni tas-sistemi; trouble-shooting; tħejjija ta' kampjuni ambjentali; u l-analiżi GC /GC-MS ta' tali kampjuni għas-sustanzi kimiċi relatati mas-CWC. Il-parteċipanti ser jirċievu wkoll taħriġ intensiv b'involviment dirett fit-tħejjija ta' matriċijiet ta' kampjuni differenti li għandhom jiġu analizzati bil-GC b'detetturi selettivi skont l-element u b'GC-MS f'impatt ta' elettroni u f'modi ta' jonizzazzjoni kimika.

    Finalment, il-parteċipanti ser issirilhom introduzzjoni għal firxa ta' proċeduri ta' estrazzjoni, tindif u derivatizzazzjoni.

    Il-kors ser jiġi implimentat bl-appoġġ ta' VERIFIN, istituzzjonijiet magħrufa simili magħżula permezz ta' proċess ta' għoti tal-offerti trasparenti, u li l-OPCW daħlet magħhom fi ftehim ta' ħames snin. Il-korsijiet ser isiru bl-Ingliż.

     

    Workshop Reġjonali — L-Artikolu X tas-CWC u kwistjonijiet ta' kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tar-rispons ta' assistenza u emerġenza: Il-Workshop Reġjonali għall-Istati Partijiet Afrikani huwa maħsub biex irawwem id-diskussjoni u l-analiżi ta' diversi kwistjonijiet ta’ assistenza u dawk relatati mal-protezzjoni b’attenzjoni speċjali fuq oqsma bħad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Partijiet taħt l-Artikolu X tas-CWC, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ programmi protettivi, l-importanza tal-offerti ta' assistenza mill-Istati Partijiet, l-analiżi tad-dgħufijiet u d-diffikultajiet tal-Artikolu X tas-CWC, u ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ta’ assistenza u protezzjoni fir-reġjun. L-Istati Partijiet ser jagħmlu preżentazzjonijiet sabiex jikkondividu l-esperjenzi u l-lezzjonijiet miksuba. L-attività ser tiġi organizzata mill-Fergħa tal-Assistenza u l-Protezzjoni.

     

    Proġett reġjonali ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fit-tul fil-qasam tal-assistenza u l-protezzjoni: L-objettiv ewlieni ta' din l-attività ser ikun li tiġi żviluppata sistema ta' rispons għall-emerġenzi nazzjonali/reġjonali kontra l-armi kimiċi, it-taħriġ tal-istrutturi ta' dawk li jagħtu l-ewwel rispons u l-ispeċjalisti involuti f'dan il-qasam u li jingħataw għajnuna biex jistabbilixxu l-grupp ta' rispons nazzjonali/reġjonali tagħhom.

    Dan il-grupp ta' rispons ser ikun parti minn netwerk reġjonali li jista' jagħti l-ewwel rispons għal xenarju ta' emerġenza. Ser jiġi implimentat proġett wieħed tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fuq perijodu twil għall-Istati Partijiet Afrikani fis-subreġjuni Afrikani tan-Nofsinhar u Ċentrali (bil-Franċiż għall-Afrika Ċentrali; bl-Ingliż għall-Afrika tan-Nofsinhar).


    Top