EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0117

2012/117/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Frar 2012 li tistabbilixxi lista tal-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm

ĠU L 52, 24.2.2012, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/04/2016; Revokat u sostitwit bi 32016D0413

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/117/oj

24.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 52/28


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Frar 2012

li tistabbilixxi lista tal-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm

(2012/117/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas finanzjarju u ġuridiku tal-programm Galileo twaqqaf mir-Regolament (KE) Nru 683/2008. Skont dan ir-Regolament, l-Unjoni Ewropea hija sid il-beni kollha, fiżiċi jew mhumiex, maħluqa jew żviluppati fil-qafas tal-programmi, u s-sistema li toħroġ mill-programm Galileo tinkludi kostellazzjoni ta’ satelliti u netwerk globali ta’ stazzjonjiet terrestri.

(2)

Ġestjoni integrata tar-riskji għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo timplika li min imexxi l-programm irid jieħu ċerti deċiżjonijiet ewlenin, jiġifieri deċiżjonijiet b’impatt kbir fuq l-ispejjeż, l-iskeda, ir-rendiment u/jew ir-riskji, fil-ħin propizju, u jaġixxi b’mod trasparenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ deċiżjonijiet ewlenin li għad irid jittieħdu u l-implimentazzjoni tagħhom. Fost dawn id-deċiżjonijiet hemm dawk marbuta mat-twaqqif tal-infrastrutturi terrestri fil-qafas tal-fażi tal-iżvilupp u tal-validazzjoni u tal-fażi tal-implimentazzjoni tal-programm.

(3)

In-netwerk globali tal-istazzjonijiet terrestri tas-sistema tal-programm Galileo tinkludi, minn naħa, sitt ċentri u stazzjon, u min-naħa l-oħra, erba’ serji ta’ stazzjonijiet imsejħa “remoti”.

(4)

Is-sitt ċentri u l-istazzjon terrestri huma: iż-żewġ ċentri, reċiprokament superfluwi, li jikkontrollaw it-tħaddim ġenerali tas-sistema (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ċentri tal-kontroll” jew “GCCs”); iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, li jieħu ħsieb is-sigurtà tas-sistema u tas-servizzi pprovduti u li huwa maqsum fi tnejn minħabba raġunijiet ta’ kontinwità tas-servizzi (minn hawn ’il quddiem “iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo” jew “GSMC”); iċ-ċentru tas-servizzi li jiżgura l-interazzjoni bejn is-sistema, minn naħa, u l-utenti tas-servizz miftuħ, tas-servizz kummerċjali u tas-servizz ta’ ħarsien tal-ħajja, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem “iċ-ċentru tas-servizzi GNSS” jew “GSC”); iċ-ċentru li jikkontrolla l-ġenerazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa għat-tħaddim tas-servizz tat-tiftix u s-salvataġġ u li jiżgura l-interazzjoni bejn is-sistema u l-organizzazzjoni Cospas-Sarsat (minn hawn ’il quddiem “iċ-ċentru tas-servizzi SAR”); iċ-ċentru li, f’isem min imexxi l-programm u indipendentement mill-utent, jevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti u jikkomunika lill-utenti informazzjoni dwar il-ħin u l-ġeodeżija (minn hawn ’il quddiem “iċ-ċentru tar-rendiment Galileo”); l-istazzjon li jippermetti l-verifika tal-kwalità tas-sinjali emessi mis-satelliti fl-orbita immedjatament wara li jiġu llanċjati (minn hawn ’il quddiem “l-istazzjon tat-test fl-orbita”).

(5)

L-għażla ta’ fejn jiġu stabbiliti dawn iċ-ċentri u l-istazzjonijiet għandha tqis il-preżenza possibbli ta’ installazzjonijiet u tagħmir eżistenti adatti għall-kompiti assenjati, u għandha tirrispetta l-ħtiġijiet tas-sigurtà ta’ kull ċentru u stazzjon, il-limiti tekniċi u finanzjarji tat-tħaddim u l-eżiġenzi tas-sigurtà nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

(6)

L-erba’ serji ta’ stazzjonijiet imsejħa “remoti” huma: l-istazzjonijiet tat-telekomandar u tat-telemetrija li, minħabba l-“uplinks” u d-“downlinks”, għandhom rwol ta’ relay bejn is-satelliti u ż-żewġ ċentri tal-kontroll (minn hawn ’il quddiem “l-istazzjonijiet TTC”); l-istazzjonijiet tal-kejl Galileo li, biex jippermettu l-provvista tas-servizzi, minn naħa jwettqu kejl tal-“psewdo” distanza, u min-naħa l-oħra jiġbru s-sinjali mibgħuta mis-satelliti biex jissorveljaw il-kwalità tagħhom (minn hawn ’il quddiem “l-istazzjonijiet GSS”); l-istazzjonijiet tal-upload tas-satelliti, li jittrażmettu lis-satelliti d-dejta meħtieġa għall-provvista tas-servizzi (minn hawn ’il quddiem, “l-istazzjonijiet ULS”); l-istazzjonijiet li jiżguraw il-ġbir tad-dejta meħtieġa għat-twassil tas-servizz tat-tiftix u s-salvataġġ (minn hawn ’il quddiem “l-istazzjonijiet SaR”).

(7)

L-għażla tan-numru u ta’ fejn jiġu stabbiliti dawn l-istazzjonijiet remoti għandha tqis il-limiti ġeografiċi u tekniċi marbuta mal-aħjar tqassim tagħhom madwar il-pjaneta, il-preżenza eventwali ta’ installazzjonijiet u tagħmir eżistenti adatti għall-kompiti assenjati, u r-rispett tal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta’ kull stazzjon, u l-eżiġenzi tas-sigurtà nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Billi din l-għażla hija soġġetta għall-bdil skont il-progress li jsir fil-programmi, il-bżonnijiet tagħhom u l-iżvilupp tar-rekwiżiti politiċi jew loġistiċi, in-numru u l-post tal-istazzjonijiet remoti li għad iridu jitwaqqfu, jistgħu ikunu indikattivi biss għalissa.

(8)

Jaqbel għalhekk li jiġu stabbiliti l-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-elementi tan-netwerk globali tal-istazzjonijiet terrestri tas-sistema li tirriżulta mill-programm Galileo.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet ta’ żvilupp u ta’ implimentazzjoni tal-programm stipulat fl-Artikoli 3(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.


ANNESS

L-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet ta’ żvilupp u ta’ implimentazzjoni tal-programm stipulat fl-Artikoli 3(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008.

Data

Stadju tad-deċiżjoni ewlenija

Miżuri

2009-2016

Implimentazzjoni taċ-ċentri terrestri

 

2009-2014

Twaqqif taż-żewġ ċentri tal-kontroll (GCC)

Jitwaqqaf ċentru tal-kontroll progressivament f’Oberpfaffenhoffen (il-Ġermanja). It-twaqqif jibda fl-2009 u jitlesta fl-2014.

 

 

Jitwaqqaf ċentru tal-kontroll progressivament f’Fucino (l-Italja). It-twaqqif jibda fl-2009 u jitlesta fl-2014.

2013-2015

Twaqqif taċ-ċentru tas-sigurtà Galileo (GSMC)

Iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo, f’żewġ partijiet, għandu jitwaqqaf progressivament fi Franza u r-Renju Unit. It-twaqqif għandu jibda fl-2013 u jitlesta fl-2015. Għandhom jiġu ffirmati protokolli dwar dan it-twaqqif ma’ Franza u r-Renju Unit matul is-sena 2012.

2011-2016

Twaqqif ta’ ċentru tas-servizzi GNSS (GSC)

Iċ-ċentru tas-servizzi GNSS jitwaqqaf progressivament f’Madrid (Spanja). It-twaqqif għandu jibda fl-2011 u għandu jkun tlesta sal-2016. Se jiġi ffirmat protokoll dwar it-twaqqif ma’ Spanja fis-17 ta’ Marzu 2011.

2012-2014

Twaqqif ta’ ċentru tas-servizzi SaR

Iċ-ċentru tas-servizzi SaR għandu jitwaqqaf progressivament f’Toulouse (Franza). It-twaqqif għandu jibda fl-2012 u jitlesta fl-2014. Għandu jiġi ffirmat protokoll dwaru ma’ Franza.

2013-2014

Twaqqif ta’ ċentru tar-rendiment Galileo

Iċ-ċentru tar-rendiment Galileo għandu jitwaqqaf progressivament fi Stat Membru f’post li għadu jrid jiġi determinat. It-twaqqif għandu jibda fl-2013 u jitlesta fl-2014. Għandu jiġi ffirmat protokoll dwaru mal-Istat Membru kkonċernat.

2010

Twaqqif ta’ stazzjon tat-test fl-orbita

L-istazzjon tat-test fl-orbita twaqqaf fl-2010 f’Redu (il-Belġju). It-twaqqif huwa parti integrali mill-kuntratt konkluż fil-25 ta’ Ottubru 2010 bejn il-Kummissjoni u s-Soċjetà Spaceopal għall-għoti tal-lott “Operazzjonijiet” tax-xogħlijiet tal-fażi tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo.

2009-2014

Twaqqif tal-istazzjonijiet terrestri remoti

 

2010-2014

Twaqqif tal-istazzjonijiet TTC

Twaqqfu xi stazzjonijiet TTC fl-2010 u l-2011 f’Kiruna (l-Isvezja) u Kourou (Franza).

Għandhom jitwaqqfu xi stazzjonijiet TTC, bejn l-2012 u l-2014, f’Tahiti (il-Polineżja Franċiża), Réunion (Franza), Nouméa (il-Kaledonja Ġdida).

It-twaqqif ta’ dawn l-istazzjonijiet TTC se jkun is-suġġett ta’ kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizz.

2009-2014

Twaqqif tal-istazzjonijiet GSS

Twaqqfu xi stazzjonijiet GSS, bejn l-2009 u l-2011, f’Fucino (l-Italja), Svalbard (in-Norveġja), Redu (il-Belġju), Réunion (Franza), Kourou (Franza), Nouméa (il-Kaledonja Ġdida), Troll (in-Norveġja), Papeete (il-Polineżja Franċiża).

Għandhom jitwaqqfu xi stazzjonijiet GSS, bejn l-2012 u l-2014 f’Kiruna (l-Isvezja), Jan Mayen (in-Norveġja), Açores (il-Portugall), Canaries (Spanja), Madère (il-Portugall), Kerguelen, Terre Adélie, Saint Pierre u Miquelon, Wallis, Ascension, Diego Garcia, Malouines.

It-twaqqif ta’ dawn l-istazzjonijiet GSS se jkun is-suġġett ta’ kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizz.

2009-2011

Twaqqif tal-istazzjonijiet ULS

Twaqqfu xi stazzjonijiet ULS, bejn l-2009 u l-2011, f’Tahiti (il-Polineżja Franċiża), Kourou (Franza), Réunion (Franza), il-Kaledonja Ġdida, Svalbard (in-Norveġja).

It-twaqqif ta’ dawn l-istazzjonijiet ULS se jkun is-suġġett ta’ kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizz.

2012-2013

Twaqqif tal-istazzjonijiet SaR

Għandhom jitwaqqfu xi stazzjonijiet SaR, fl-2012 u l-2013, fi Svalbard (in-Norveġja), Toulouse (Franza), Makarios (Ċipru), Maspalomas (Spanja).

It-twaqqif ta’ dawn l-istazzjonijiet SaR se jkun is-suġġett ta’ kuntratti konklużi bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-fornituri tas-servizzi għall-istazzjonjiet ta’ Svalbard u Maspalomas, ta’ protokoll ta’ ftehim bejn il-Kummissjoni u Ċipru għall-istazzjon ta’ Makarios u ta’ kuntratt bejn il-Kummissjoni u l-fornitur tas-servizzi għall-istazzjon ta’ Toulouse.


Top