This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0082
2012/82/EU: Commission Implementing Decision of 10 February 2012 as regards the renewal of the authorisation for continued marketing of products containing, consisting of, or produced from genetically modified soybean 40-3-2 (MON-Ø4Ø32-6) pursuant to Regulation (EC) No 1829/2003 of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2012) 700) Text with EEA relevance
2012/82/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Frar 2012 fir-rigward tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li għandhom fihom, li jikkonsistu minn jew li huma magħmulin mis-sojja modifikata 40-3-2 (MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2012) 700) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2012/82/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Frar 2012 fir-rigward tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li għandhom fihom, li jikkonsistu minn jew li huma magħmulin mis-sojja modifikata 40-3-2 (MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2012) 700) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 40, 14.2.2012, pp. 14–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 12/02/2022: This act has been changed. Current consolidated version:
16/02/2021
|
14.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 40/14 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-10 ta’ Frar 2012
fir-rigward tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li għandhom fihom, li jikkonsistu minn jew li huma magħmulin mis-sojja modifikata 40-3-2 (MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2012) 700)
(It-testi bl-Olandiż u l-Franċiż biss huma awtentiċi)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/82/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 7(3), 11(3), 19(3) u 23(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/281/KE tat-3 ta’ April 1996 dwar it-tpoġġija fis-suq tal-fażola tas-soya modifikata ġenetikament (Glycine max L.) b’aktar tolleranza għall-erbiċida glyphosate, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) ir-Renju Unit ta l-kunsens tiegħu għat-tqegħid fis-suq tas-sojja ġenetikament modifikata 40-3-2. |
|
(2) |
Ikel magħmul mis-sojja ġenetikament modifikata 40-3-2, inklużi addittivi tal-ikel, materjali tal-għalf u addittivi tal-għalf magħmulin mis-sojja ġenetikament modifikata 40-3-2, tqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(3) |
L-Artikoli 8(1) u 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jippermettu li l-prodotti li tqiegħdu fis-suq skont il-liġi qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ikomplu jitqiegħdu fis-suq, sakemm issir notifika lill-Kummissjoni. |
|
(4) |
L-Artikoli 8(4) u 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jirrikjedu li l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti jippreżentaw applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni f’ċerti limiti ta’ żmien. |
|
(5) |
Fis-16 ta’ April 2007, Monsanto Europe S.A., ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni biex ikomplu jiġu kummerċjalizzati l-addittivi tal-ikel, il-materjali tal-għalf u l-addittivi tal-għalf magħmulin mis-sojja 40-3-2, li ġew notifikati qabel skont l-Artikoli 8(1)(b) u 20(1)(b) tar-Regolament. |
|
(6) |
Fit-18 ta’ April 2007, Monsanto Europe S.A., ippreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ ikel li għandu fih is-sojja 40-3-2, jikkonsisti minnha jew li hu magħmul minnha, għalf li għandu fih jew li jikkonsisti mis-sojja 40-3-2 u prodotti minbarra ikel u għalf li għandhom fihom jew li jikkonsistu mis-sojja 40-3-2 minbarra għall-kultivazzjoni li ġew notifikati preċedentement skont l-Artikoli 8(1)(a) u 20(1)(a) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Fl-1 ta’ Diċembru 2010, l-Awtorità dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) tat żewġ opinjonijiet favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u kkonkludiet li l-informazzjoni l-ġdida li ngħatat fl-applikazzjonijiet u fir-reviżjoni tal-letteratura ppubblikata mill-valutazzjoni xjentifika preċedenti tas-sojja 40-3-2 (3) ma tirrikjedix bidliet fl-opinjonijiet xjentifiċi preċedenti dwar is-sojja 40-3-2 u tenniet il-konklużjonijiet li s-sojja 40-3-2 hija sikura daqs il-kontroparti mhux ġenetikament modifikata tagħha, fir-rigward tal-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ambjent. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li mhux probabbli li t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li għandhom fihom is-sojja 40-3-2, jikkonsistu minnha jew li huma magħmulin minnha, kif deskritt fl-applikazzjonijiet (“il-prodotti”), ikollu xi effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew fuq l-ambjent fil-kuntest tal-użi previsti għaliha (4). |
|
(8) |
Fl-opinjonijiet tagħha, l-EFSA qieset il-mistoqsijiet speċifiċi kollha u t-tħassib li tqajjem mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 6(4) u 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(9) |
Fl-opinjonijiet tagħha, l-EFSA kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ ambjentali, li jikkonsisti minn pjan ta’ sorveljanza ġenerali, imressaq mill-applikant huwa konformi mal-użu maħsub tal-prodotti. |
|
(10) |
Wara li jitqiesu dawk il-kunsiderazzjonijiet, għandha tiġġedded l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-prodotti. |
|
(11) |
Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għal kull OĠM kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (5). |
|
(12) |
Fuq il-bażi tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA, l-ebda rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettjar għajr dawk stipulati fl-Artikolu 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nruo1829/2003, ma jidhru li huma meħtieġa għall-ikel u l-għalf li għandhom fihom is-sojja 40-3-2, jikkonsistu minnha jew li huma magħmulin minnha. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-użu tal-prodotti fil-limiti tal-awtorizzazzjoni stipulata b’din id-Deċiżjoni, it-tikkettjar tal-għalf li għandu fih jew li jikkonsisti minn OĠM u prodotti għajr ikel u għalf li għadhom fihom jew li jikkonsistu minn OĠM, li għalihom intalab tiġdid tal-awtorizzazzjoni, għandu jkun ikkumplementat b’indikazzjoni ċara li l-prodotti kkonċernati ma għandhomx jintużaw għall-kultivazzjoni. |
|
(13) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (6), jistipula rekwiżiti tat-tikkettar fl-Artikolu 4(6) għal prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn OĠM. Ir-rekwiżiti tattraċċabbiltà għall-prodotti li għandhom fihom jew li jikkonsistu minn OĠM huma stipulati fil-paragrafi 1 sa 5 tal-Artikolu 4, u fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament għall-ikel u l-għalf magħmulin minn OĠM huma stipulati. |
|
(14) |
Id-detentur tal-awtorizazzzjoni għandu jippreżenta rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stipulati fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Dawk ir-riżultati għandhom ikunu preżentati skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għall-għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-opinjonijiet tal-EFSA ma jiġġustifikawx l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u/jew kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu u l-immaniġġjar, inklużi r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel u l-għalf, jew kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjent u/jew żoni ġeografiċi partikolari, kif stipulat fil-punt (e) tal-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(15) |
L-informazzjoni rilevanti kollha dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(16) |
Għall-finijiet taċ-ċarezza u l-konsistenza, id-Deċiżjoni Nru 96/281/KE għandha għalhekk tkun imħassra u sostitwita minn din id-Deċiżjoni. |
|
(17) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata permezz tal-Biosafety Clearing-House lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (8). |
|
(18) |
L-applikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni. |
|
(19) |
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-organiżmu ġenetikament modifikat u l-identifikatur uniku
Is-sojja ġenetikament modifikata 40-3-2, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Annes għal din id-Deċiżjoni, hija assenjata l-identifikatur uniku MON-Ø4Ø32-6, kif inhu stipulat fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.
Artikolu 2
L-awtorizzazzjoni
Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-finijiet tal-Artikoli 4(2) u 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
ikel u ingredjenti tal-ikel li għandhom fihom is-sojja MON-Ø4Ø32-6, li jikkonsistu minnha, jew li huma magħmulin minnha; |
|
(b) |
għalf li għandu fih is-sojja MON-Ø4Ø32-6, li jikkonsistiminnha, jew li huwa magħmul minnha; |
|
(c) |
prodotti għajr ikel u għalf li għandhom fihom jew li jikkonsistu mis-sojja MON-Ø4Ø32-6 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra ħlief għall-kultivazzjoni. |
Artikolu 3
It-tikkettjar
1. Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettjar stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “sojja”.
2. Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw, il-prodotti li fihom jew li huma magħmulin mis-sojja MON-Ø4Ø32-6 li jissemmew fl-Artikolu 2(b) u (c).
Artikolu 4
Monitoraġġ tal-effetti ambjentali
1. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ tal-effetti ambjentali, kif inhu stipulat fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.
2. Id-detentur tal-awtorizzazzzjoni għandu jippreżenta rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stipulati fil-pjan ta’ monitoraġġ, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni 2009/770/KE.
Artikolu 5
Ir-reġistru tal-Komunità
L-informazzjoni stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
Artikolu 6
Detentur tal-awtorizzazzjoni
Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Monsanto Europe S.A., fil-Belġju, li jirrappreżenta lil Monsanto Company, fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Artikolu 7
Revoka
Id-Deċiżjoni 96/281/KEE għandha tiġi revokata mit-13 ta’ Frar 2012.
Artikolu 8
Il-validità
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 9
Id-destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Monsanto Europe S.A., Avenue de Tervuren 270-272, B-1150 Brussell — il-Belġju.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2012.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 107, 30.4.1996, p. 10.
(3) Valutazzjoni tas-sikurezza tas-sojja 40-3-2 imwettqa mill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Ikel u l-Proċessi Ġodda fir-Renju Unit — http://www.foodstandards.gov.uk/multimedia/webpage/acnfp_report_1994.
(4) http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2010-01260
http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2010-01259
(6) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.
ANNESS
(a) L-applikant u d-Detentur tal-Awtorizzazzjoni
|
Isem |
: |
Monsanto Europe S.A. |
|
Indirizz |
: |
Avenue de Tervuren/Tervurenlaan 270-272, 1150 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË |
F’isem Monsanto Company, 800 N. Lindbergh Boulevard, St. Louis, Missouri 63167, UNITED STATES OF AMERICA.
(b) Deżinjazzjoni u speċifikazzjoni tal-prodotti
|
(1) |
Ikel u ingredjenti tal-ikel li għandhom fihom is-sojja MON-Ø4Ø32-6, li jikkonsistu minnha, jew li huma magħmulin minnha; |
|
(2) |
Għalf li għandu fih is-sojja MON-Ø4Ø32-6, li hu magħmul minnha, jew li huwa magħmul minnha; |
|
(3) |
Prodotti għajr ikel u għalf li għandhom fihom jew li jikkonsistu mis-sojja MON-Ø4Ø32-6 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra ħlief għall-kultivazzjoni. |
Is-sojja MON-Ø4Ø32-6 ġenetikament modifikata, kif deskritta fl-applikazzjonijiet, tesprimi l-proteina CP4 EPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċida glifosat.
(c) It-tikkettjar
|
(1) |
Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettjar stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, “isem l-organiżmu” għandu jkun “sojja”. |
|
(2) |
Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta ta’, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li għandhom fihom jew li jikkonsistu mis-sojja MON-Ø4Ø32-6, li jissemmew fl-Artikolu 2(b) u (c). |
(d) Il-metodu tad-detezzjoni
|
— |
Metodu fil-ħin reali speċifiku għall-avveniment ibbażat fuq il-PCR għall-kwantifikazzjoni tas-sojja MON-Ø4Ø32-6 |
|
— |
Ivvalidat mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fuq http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/statusofdoss.htm |
|
— |
Materjal ta’ referenza: ERM®-BF410 aċċessibbli permezz taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) fuq https://irmm.jrc.ec.europa.eu/rmcatalogue |
(e) Identifikatur uniku
MON-Ø4Ø32-6
(f) Informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II mal-Protokoll ta’ Kartagena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
Biosafety Clearing-House, Numru tar-Reġistru: ara [għandu jitlesta meta jiġi notifikat]
(g) Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq, l-użu jew l-immaniġġjar tal-prodotti
Mhux meħtieġa.
(h) Il-pjan ta’ monitoraġġ
Il-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, li jikkonforma mal-Anness VII għad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)
[Ħolqa: pjan ippubblikat fuq l-Internet]
(i) Rekwiżiti ta’ monitoraġġ għal wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem
Mhux meħtieġa.
Nota: Il-ħoloq għad-dokumenti rilevanti jista’ jkun li jkollhom jinbidlu tul iż-żmien. Dawk il-modifiki se jsiru disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati.