Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012B0545

    2012/545/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima II — Il-Kunsill

    ĠU L 286, 17.10.2012, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/545/oj

    17.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 286/22


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2012

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima II — Il-Kunsill

    (2012/545/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropeja għas-sena finanzjarja 2010 — (COM(2011) 473 — C7-0258/2011) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fis-sena 2010,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu awditjati (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 31/2008 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill (6),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (7),

    wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0095/2012),

    1.

    Jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta’ kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2010;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti u r-riżervi tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni u r-Riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Martin SCHULZ

    Is-Segretarju Ġenerali

    Klaus WELLE


    (1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

    (2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

    (3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

    (4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).

    (7)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


    Top

    17.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 286/23


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2012

    li tinkludi il-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima II — Il-Kunsill

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2010 (COM(2011) 473 — C7-0258/2011) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fis-sena 2010,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu awditjati (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 31/2008 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill (6),

    wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (7),

    wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0095/2012),

    1.

    Jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta’ kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2010, skont is-setgħa tal-Parlament li juża ż-żewġ skadenzi tal-kalendarju tal-għoti ta’ kwittanza sabiex, f’dan il-każ, jilħaq ftehim eventwali mal-Presidenza fil-kariga;

    2.

    Jieħu nota tal-fatt li, fir-rapport annwali tagħha tal-2010, il-Qorti tal-Awdituri stmat li, abbażi tax-xogħol tal-awditjar tagħha, il-ħlasijiet tas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 għan-nefqa amministrattiva u nefqiet oħra tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa, meta meqjusa flimkien, minn żbalji materjali; jenfasizza li r-rata ta’ żball l-aktar probabbli hija valutata, fis-settur “nefqa amministrattiva”, li b’mod ġenerali kienet 0,4 % (paragrafi 7.9 u 7.10);

    3.

    Jirrikonoxxi li rċieva għadd ta’ dokumenti għall-proċedura ta’ kwittanza 2010 (id-dikjarazzjonijiet finanzjarji finali tal-2010 li jinkludu l-kontijiet, rapport dwar l-attività finanzjarja u sommarju tal-awditjar intern għall-2010); għadu qed jistenna d-dokumenti meħtieġa kollha għal kwittanza (inkluż l-awditjar intern sħiħ tal-2010);

    4.

    Jawspika li l-Parlament jirċievi r-Rapport Annwali ta’ Attività sħiħ; jinsisti li r-Rapport Annwali ta’ Attività jipprovdi wkoll tabella eżawrjenti tat-total tar-riżorsi umani għad-dispożizzjoni tal-Kunsill, imqassma skont il-kategorija, il-grad, is-sess, il-parteċipazzjoni fit-taħriġ professjonali u ċ-ċittadinanza;

    5.

    Jenfasizza li fir-rapport annwali tagħha għall-2010, il-Qorti tal-Awdituri kkritikat il-finanzjament tal-proġett tal-bini “Residence Palace” minħabba xi antiċipi (paragrafu 7.19); jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li matul il-perjodu 2008-2010, is-somma totali tal-antiċipi mħallsa mill-Kunsill laħqet is-somma ta’ EUR 235 000 000; jinnota li t-total tħallas minn linji baġitarji mhux użati biżżejjed; jinnota li “mhux użati biżżejjed” huwa t-terminu politikament korrett għal “ibbaġitjar żejjed”; jenfasizza li fl-2010, il-Kunsill żied il-linja baġitarja “Akkwist ta’ proprjetà immobbli” b’EUR 40 000 000;

    6.

    Jinnota l-ispjegazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatt li l-approprjazzjonijiet saru disponibbli permezz ta’ trasferimenti baġitarji awtorizzati mill-awtorità tal-baġit skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 22 u 24 tar-Regolament Finanzjarju;

    7.

    Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li din il-proċedura tagħmel ħsara lill-prinċipju baġitarju tal-preċiżjoni, minkejja l-iffrankar miksub fil-ħlas tal-kera;

    8.

    Jinnota t-tweġiba tal-Kunsill li l-ammonti għal-linji baġitarji għall-ispejjeż tal-interpretazzjoni u tal-ivvjaġġar tad-delegazzjonijiet għandhom ikunu aktar konformi mal-konsum reali u jitlob li jsir ippjanar baġitarju aħjar sabiex jiġu evitati l-prattiki attwali fil-futur;

    9.

    Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri fit-talba tal-Parlament biex twettaq valutazzjoni fil-fond tas-sistemi superviżorji u ta’ kontroll fil-Kunsill, simili għall-valutazzjonijiet li wettqet fil-Qorti tal-Ġustizzja, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data waqt it-tħejjija tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2010;

    10.

    Jiddeplora d-diffikultajiet li nstabu fil-proċeduri ta’ kwittanza għas-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009, li kienu dovuti għan-nuqqas ta’ rieda tal-Kunsill li jieħu sehem fi djalogu miftuħ u formali mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kumitat; ifakkar li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2009 għar-raġunijiet li ġew speċifikati fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (8) u tal-25 ta’ Ottubru 2011 (9);

    11.

    Itenni l-fehma tiegħu li l-kontribwenti Ewropej għandhom kull dritt jistennew li l-baġit tal-Unjoni kollu kemm hu, inklużi l-fondi kollha ġestiti b’mod awtonomu mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji indipendenti tagħha, għandu jkun soġġett għal skrutinju pubbliku sħiħ;

    12.

    Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill jemmen li - unikament fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea - mhuwiex responsabbli għall-użu tiegħu tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu;

    13.

    Jinnota li d-difett fl-argument tal-Kunsill skont liema l-għoti tal-kwittanza lill-Kummissjoni għandu jkun interpretat bħala l-għoti tal-kwittanza lill-baġit tal-Unjoni kollu kemm hu, inklużi partijiet tal-baġit użati mill-Kunsill, jidher mill-adeżjoni inkonsistenti tiegħu għall-pożizzjoni li l-Kummissjoni m’għandux ikollha s-setgħa li tissorvelja u tiġġestixxi l-baġit tiegħu; jemmen li l-unika riżoluzzjoni loġika ta’ dan il-kunflitt hija li l-Kunsill jew jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-kontroll tal-finanzi tiegħu, inkella li jieħu sehem bis-sħiħ fi proċedura ta’ kwittanza standard li neċessarjament trid issegwi mutatis mutandis il-proċeduri kollha mill-istituzzjonijiet kollha l-oħra tal-Unjoni Ewropea;

    14.

    Itenni l-fatt li l-Parlament għadu qed jistenna t-tweġiba tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet u t-talba għal dokumenti msemmija fiż-żewġ riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq; jistieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jipprovdi lill-kumitat responsabbli tal-Parlament għall-proċedura ta’ kwittanza tweġibiet bil-miktub komprensivi għall-mistoqsijiet li ġejjin:

    (a)

    Rigward id-dibattiti ta’ kwittanza tal-Kunsill preċedenti fil-kumitat kompetenti tal-Parlament, il-Kunsill ma attendiex dawn il-laqgħat regolarment; madankollu, jitqies tal-ikbar importanza li l-Kunsill jattendi sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri tal-kumitat li jirreferu għall-kwittanza tal-Kunsill. Il-Kunsill jaqbel li jattendi dibattiti futuri dwar il-kwittanza lill-Kunsill fil-kumitat responsabbli tal-Parlament għall-proċedura ta’ kwittanza?

    (b)

    Il-Kunsill għaliex ibiddel il-preżentazzjoni/format tal-awditjar intern kull sena? L-awditjar intern għaliex hu daqshekk qasir, ġeneriku u ftit li xejn preċiż kull sena? Mill-kwittanza tal-2010 ’l quddiem il-Kunsill jista’ jippreżenta l-awditjar intern f’lingwa(i) oħra minbarra l-Franċiż?

    (c)

    Twettaq awditjar estern? Jekk hu l-każ, jista’ jarah il-Kumitat tal-Parlament responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza? Jekk ma jeżistix awditjar estern, il-Kunsill għaliex għażel li ma jwettaqx wieħed?

    (d)

    S’issa, l-attività tal-Kunsill implikat kofinanzjament mal-Kummissjoni, li ra żieda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. X’sistemi ta’ kontroll u awditjar ġew stabbiliti biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa? Peress li t-Trattat ta’ Lisbona żied il-kofinanzjament mal-Kummissjoni, il-Kunsill x’jifhem bi “tweġiba għall-mistoqsijiet xierqa”?

    (e)

    fir-Rapport Annwali tal-2009 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri sabet li fi tnejn minn kull sitt proċeduri ta’ akkwist pubbliku li ġew awditjati, il-Kunsill ma rrispettax ir-regoli tar-Regolament Finanzjarju għall-pubblikazzjoni tar-riżultat tal-proċedura. Il-Kunsill eżamina iktar eżempji ta’ akkwisti pubbliċi simili? Il-proċedura interna ġiet konformi sabiex jiġu evitati każijiet simili fil-futur?

    (f)

    Il-persunal tar-Rappreżentati Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE): Indika l-persunal (il-persunal kollu, l-organigramma u oħrajn) — għadd ta’ postijiet, grad — għar-RSUE fil-Kunsill għall-2009. B’liema mod u meta se jiġu allokati l-postijiet tal-persunal tar-RSUE bejn il-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)? X’kien il-baġit tal-ivvjaġġar għal kull wieħed mir-RSUE? Kemm mill-persunal tar-RSUE ġew trasferiti fl-1 ta’ Jannar 2011 għas-SEAE? Kemm se jibqgħu mal-Kunsill u għaliex?

    (g)

    Il-Kunsill jenfasizza l-mistoqsijiet baġitarji dwar il-konsegwenzi tat-Trattat ta’ Lisbona fil-punt 2.2 fir-rapport ta’ attività finanzjarja - 11327/2010, FIN 278. Il-Kunsill solva l-problemi relatati man-nefqiet tas-Sur Solana? Liema parti tan-nefqiet taqa’ taħt il-baġit tal-Kunsill u liema parti taqa’ taħt il-baġit tal-Kummissjoni?

    (h)

    X’kienu n-nefqiet operattivi, in-nefqiet amministrattivi, tal-persunal, tal-bini, eċċ. previsti mill-Kunsill għall-2009 sabiex jiġi stabbilit ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP)?

    (i)

    Ir-RGħ/VP bdiet il-mandat tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2009. L-ispejjeż kif tqassmu bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni (għall-persunal, l-ivvjaġġar, eċċ.)? Il-Kunsill kif ipprepara l-baġit għar-RGħ/VP għall-2010? Liema linji baġitarji u ammonti kienu riżervati għall-attivitajiet tagħha?

    (j)

    L-ispazju tal-uffiċċji li se jsir disponibbli fil-proċess tat-trasferiment tal-persunal lis-SEAE kif ser jaffettwa l-pjanijiet tal-Kunsill għall-bini? Saru xi arranġamenti għall-użu sussegwenti ta’ spazju ta’ uffiċċji bħal dan? X’inhi l-ispiża antiċipata għat-trasferiment? Is-sejħiet għal offerti għat-trasferiment (jekk kien hemm) meta ġew ippubblikati?

    (k)

    X’kienet in-nefqa amministrattiva u operattiva relatata mal-kompiti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)/il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), li kienu tal-inqas parzjalment iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni fl-2009? X’kien l-ammont totali tan-nefqa tal-PESK fl-2009? Il-Kunsill jista’ jidentifika tal-inqas il-missjonijiet ewlenin u l-ispiża tagħhom fl-2009?

    (l)

    X’kienet l-ispiża tal-laqgħat għall-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill dwar il-PESK/PSDK fi Brussell u postijiet oħra u fejn saru dawn il-laqgħat?

    (m)

    X’kienet in-nefqa amministrattiva relatata mal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet militari tal-PESK/PSDK? X’sehem tal-ammont totali tan-nefqa li rriżultat mill-operazzjonijiet militari tħallas mill-baġit tal-Unjoni?

    (n)

    X’kienet in-nefqa amministrattiva implimentata għall-operazzjoni tal-mekkaniżmu “ATHENA”, kemm kienu meħtieġa karigi għal dak il-mekkaniżmu, u xi wħud mill-karigi involuti se jiġu trasferiti lis-SEAE? Dawk li jkollhom il-kariga għal min ikunu qed jaħdmu?

    (o)

    Hemm rata baxxa ta’ okkupazzjoni ta’ karigi fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Kunsill (91 % fl-2009, 90 % fl-2008). Din ir-rata konsistentement baxxa għandha xi riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK)? Is-SĠK jista’ jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu bir-rata ta’ okkupazzjoni attwali? Ir-rati iktar baxxi ta’ okkupazzjoni huma speċifiċi għal xi servizzi partikolari? Liema huma r-raġunijiet tad-diskrepanza persistenti?

    (p)

    X’inhu l-għadd totali ta’ karigi assenjati għall-kompitu ta’ “koordinazzjoni tal-politika” u l-appoġġ amministrattiv (kif definit fir-rapporti annwali tal-iskrining tal-persunal tal-Kummissjoni)? X’inhu l-perċentwal ta’ dawn il-karigi b’relazzjoni mal-għadd totali ta’ karigi?

    (q)

    Biex jinkisbu l-objettivi amministrattivi fl-2009 l-Kunsill żied it-teleworking mal-proċeduri ta’ xogħol tiegħu. Il-Kunsill kif jista’ juri l-effiċjenza ta’ din il-proċedura ta’ xogħol? Barra minn hekk, jitlob lill-Kunsill jirrapporta dwar iktar miżuri li ttieħdu f’dan ir-rigward u partikolarment dawk għat-titjib tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja kif ukoll l-impatt tagħhom;

    (r)

    Il-Kunsill żied il-karigi tiegħu bi 15 (8 AD u 7 AST) biex ikopri r-rekwiżiti tal-persunal tal-unità tal-lingwa Irlandiża. Kemm-il membru tal-persunal jaħdem b’lingwi oħra (membri tal-persunal għal kull lingwa)? Hemm diġà persunal impjegat għal u mill-pajjiżi applikanti? Jekk iva — kemm-il kariga hemm (separati skont il-pajjiż u l-lingwa)?

    (s)

    Il-“Grupp ta’ Riflessjoni” ġie stabbilit fl-14 ta’ Dicembru 2007, u l-membri tiegħu nħatru fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 2008. Liema kienu r-raġunijiet għaliex il-finanzjament meħtieġ ma setax jiġi previst u inkluż fil-Baġit tal-2009? Hu strettament newtrali għall-baġit li trasferiment fil-Baġit tal-2009 mir-riżerva ta’ kontinġenza għal pożizzjoni baġitarja li tiffinanzja struttura konċepita fl-2007? Il-Kunsill alloka EUR 1 060 000 għall-“Grupp ta’ Riflessjoni”. Kemm-il kariga tista’ tiġi allokata għal dan il-grupp?

    (t)

    In-nefqiet li jirrigwardaw l-ivvjaġġar tad-delegazzjonijiet għadhom jidhru problematiċi, (ara n-nota tal-Kunsill tal-15 ta’ Ġunju 2010, SGS10 8254, inċiż II, paġna 4). Għaliex dawn in-nefqiet jidhru f’daqshekk linji baġitarji differenti?

    (u)

    L-awditjar intern għaliex għadu jsib li hu meħtieġ li jiżdiedu “l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati u l-ispejjeż tal-interpretazzjoni”, wara kritika kbira fl-aħħar żewġ riżoluzzjonijiet mill-Parlament dwar il-kwittanza tal-Kunsill?

    (v)

    Il-Kunsill reġa’ uża r-rata aktar baxxa ta’ nfiq fl-interpretazzjoni biex jiġi pprovdut finanzjament żejjed għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegazzjonijiet; b’riżultat ta’ dan, l-impenji attwali tal-2009 għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar kienu jammontaw għal ammont ħafna inqas mill-baġit inizjali, u inqas minn nofs l-ammont disponibbli wara t-trasferiment (EUR 36 100 000 inizjalment u EUR 48 100 000 disponibbli wara t-trasferiment meta mqabbla ma’ EUR 22 700 000 impenjati). X’kienu r-raġunijiet għal dan it-trasferiment ta’ EUR 12 000 000 (ara r-rapport tal-attività finanzjarja — 11327/2010, FIN 278 — punt 3.3.2, inċiż VI)? Għaliex it-trasferiment mill-interpretazzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati hu stmat bħala EUR 12 000 000 mill-Kunsill fil-paġna 12 u EUR 10 558 362 fil-paġna 13? Għalxiex intuża l-ammont li kien fadal mit-trasferiment mill-interpretazzjoni (l-ammont totali trasferit mill-interpretazzjoni hu ta’ EUR 17 798 362)? Barra minn hekk, jitlob lill-Kunsill jispjega l-ammont kbir ta’ ordnijiet ta’ rkupru li saru qabel l-2009 u li ġew riportati għall-2009 (EUR 12 300 000) kif ukoll l-irkupru li sar mid-dikjarazzjonijiet relatati mal-2007 (EUR 6 300 000);

    (w)

    Fl-2009 l-Kunsill, kif kien għamel fl-2008, reġa’ alloka ammont konsiderevoli tal-baġit tiegħu għall-binjiet, partikolarment, biex b’hekk iktar milli rdoppja l-allokazzjonijiet inizjali għall-akkwist tal-Bini Residence Palace (reġa’ alloka EUR 17 800 000 minbarra EUR 15 000 000 ippjanati fil-baġit għall-2009). X’inhuma r-raġunijiet għal dan? Is-SĠK jista’ jipprovdi ċifri konkreti tat-tfaddil li nkiseb b’riżultat ta’ dan? X’kienet in-nefqa ppjanata inizjalment għall-bini Residence Palace? Il-Kunsill hu tal-fehma li l-ispiża prevista inizjalment se tkun eżatta jew tista’ tkun ogħla milli stmat? X’inhuma l-passi previsti għall-finanzjament tal-bini?

    (x)

    L-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill — approprjazzjonijiet riportati: Il-Kunsill jista’ jippreżenta l-ammont stmat u s-suġġett tal-fatturi li ma waslux sa Ġunju 2010 għas-sena 2009 u għalhekk ġew riportati?

    (y)

    Ir-riport għall-2010 tal-approprjazzjonijiet tad-dħul allokat dovut fl-2009 ammonta għal EUR 31 800 000. Dan hu madwar 70 % tad-dħul allokat għall-2009. X’inhuma r-raġunijiet għal dan il-proporzjon kbir ta’ riport? X’ser jiġri jew x’ġara rigward dan id-dħul fl-2010?

    (z)

    Xi tfisser “dotazzjoni teknika ta’ EUR 25 000 000 għat-tnedija tal-Kunsill Ewropew 2010”? (ara r-rapport dwar l-attività finanzjarja — 11327/2010, FIN 278 — punt 3.1, inċiż IV);

    (aa)

    X’inhu l-livell ta’ kunfidenzjalità tal-baġit tal-Kunsill speċifikat bid-diversi linji baġitarji?

    (ab)

    Il-Kunsill jista’ jindika l-miżuri speċifiċi li ttieħdu biex tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-Kunsill, partikolarment rigward il-punti li tqajmu fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta’ Novembru 2009 (10), li takkumpanja d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2007?

    (ac)

    Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jagħti lill-Kumitat tal-Parlament responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza d-dokumenti li ġejjin:

    il-lista sħiħa tat-trasferimenti baġitarji li jirrigwardaw il-baġit tal-2009 tal-Kunsill;

    dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-ispejjeż tal-Kunsill għall-missjonijiet imwettqa mir-RSUE,

    id-dikjarazzjoni tal-Istati Membri għall-2007 (ara r-rapport dwar l-attività finanzjarja — 11327/2010, FIN 278 — punt 3.2.2, inċiż II); kif ukoll

    ir-rapport tal-“Grupp ta’ Riflessjoni” sabiex ikun jista’ jifhem għaliex rapport bħal dan jiswa EUR 1 060 000 (ara r-rapport dwar l-attività finanzjarja — 11327/2010, FIN 278 — punt 2);

    15.

    Jinnota r-risposta tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2011 għall-ittra tal-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, fejn il-Kummissjoni ddikjarat bħala xieraq li l-Parlament ikompli bl-għoti, bil-posponiment jew bir-rifjut tal-kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra bħalma kien qiegħed isir sa issa;

    16.

    Ifakkar li, fil-31 ta’ Jannar 2012, il-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bagħat ittra lill-Presidenza attwali tal-Kunsill, fejn jenfasizza x-xewqa tiegħu li jistabbilixxi d-djalogu politiku u jikkomunika mistoqsijiet addizzjonali mill-Kumitat tal-Parlament rigward il-kwittanza tal-Kunsill; għaldaqstant, jittama li l-Kunsill jagħti lill-kumitat kompetenti għall-proċedura ta’ kwittanza tweġiba għall-kwestjonarju — mehmuż mal-ittra tal-President - qabel id-dibattitu fil-plenarja;

    17.

    Madankollu, jiddispjaċih li l-Kunsill irrifjuta jattendi kull laqgħa uffiċjali tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b’rabta mal-kwittanza tiegħu;

    18.

    Jenfasizza d-dritt tal-Parlament, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li jagħti kwittanza, skont il-proċedura prevista mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u l-fini tagħha, li tikkonsisti fit-tressiq tal-implimentazzjoni tal-baġit kollu tal-Unjoni Ewropea għall-kontroll u l-iskrutinju parlamentari mingħajr eċċezzjoni, u li jagħti kwittanza b’mod awtonomu mhux biss fir-rigward tat-taqsima tal-baġit implimentata mill-Kummissjoni, iżda wkoll fir-rigward tat-taqsimiet tal-baġit implimentati mill-istituzzjonijiet l-oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament Finanzjarju;

    19.

    Jinnota li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għalkollox fir-rigward taċ-ċittadini Ewropej għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni jinsisti li dan ifisser li l-Kunsill irid jipparteċipa bis-sħiħ u b’bona fide fil-proċess annwali tal-kwittanza:

    billi jwieġeb fid-dettall għall-kwestjonarju annwali mħejji mill-Kumitat parlamentari rilevanti;

    billi jwieġeb fid-dettall għall-kwestjonarju annwali mħejji mill-Kumitat parlamentari rilevanti;

    billi jkun rappreżentat fil-laqgħat rilevanti kollha tal-Kumitat meta l-kwittanza tkun qed tiġi diskussa;

    20.

    Jemmen li l-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill hija ta’ importanza fundamentali fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kunsill jipprovdi t-tweġibiet għall-kwestjonarju pendenti mressaq mill-Parlament;

    21.

    Jitlob lill-Kunsill jiddiskuti l-kwittanza annwali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni waqt parti pubblika tal-laqgħa tal-Kunsill.


    (1)  ĠU L 64, 12.3.2010.

    (2)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 1.

    (3)  ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1.

    (4)  ĠU C 332, 14.11.2011, p. 134.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).

    (7)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (8)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.

    (9)  ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.

    (10)  ĠU L 19, 23.1.2010, p. 9.

    Top