Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1331

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 tal- 14 ta’ Diċembru 2011 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU L 336, 20.12.2011, p. 6–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/03/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1331/oj

    20.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/6


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1331/2011

    tal-14 ta’ Diċembru 2011

    li jimponi dazju definittiv anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   MIŻURI PROVVIŻORJI

    (1)

    Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 627/2011 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

    (2)

    Il-proċediment inbeda bħala riżultat ta’ lment li tressaq fis-16 ta’ Awwissu 2010 (“l-ilment”) mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi Mingħajr Saldaturi tal-Azzar li ma Jissaddadx tal-Unjoni Ewropea (“il-Kumitat tad-Difiża”) f’isem żewġ gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni (“l-ilmentaturi”) li jirrappreżentaw proporzjon maġġuri, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni kollha ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx fl-Unjoni.

    (3)

    Ta’ min ifakkar li, kif stabbilit fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-PI (“il-perjodu kkunsidrat”).

    B.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

    (4)

    Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li bis-saħħa tagħhom ġie deċiż li jkunu imposti l-miżuri provviżorji (“żvelar provviżorju”), bosta partijiet interessati għamlu s-sottomissjonijiet bil-miktub fejn ippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw l-opportunità li jagħmlu dan. Il-Kummissjoni kompliet tfittex l-informazzjoni li qieset li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha.

    Eżami individwali

    (5)

    Fir-rigward tat-tliet talbiet għal eżami individwali, ġie deċiż definittivament li ma setgħux jintlaqgħu peress li kienu jrendu l-investigazzjoni ta’ piż ikbar milli hemm bżonn u jipprevjenu t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni. Kif jingħad fil-premessa (6) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kienet għażlet kampjun rappreżentattiv, li jkopri 25 % tal-importazzjonijiet totali rreġistrati fl-Eurostat matul il-PI u ‘l fuq minn 38 % tal-volum totali tal-esportaturi li kkooperaw fil-PI. Kif indikat fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, tnejn mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun jikkostitwixxu gruppi kbar. Id-daqs tal-gruppi jammontaw għal piż partikolari għall-investigazzjoni preżenti f’termini kemm tal-isforz investigattiv kif ukoll tal-analiżi. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma kienx possibbli li jintlaqgħu t-talbiet għal eżami individwali minn produtturi esportaturi addizzjonali.

    C.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    1.   Il-prodott ikkonċernat

    (6)

    Ta’ min ifakkar li, kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx (ħlief dawk il-pajpijiet u tubi b’tagħmir imwaħħal magħhom li jkunu adatti biex jgħaddu l-gassijiet u l-likwidi minnhom għall-użu fi bċejjeċ tal-ajru ċivili), li joriġinaw mir-RPĊ, li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 7304 11 00, 7304 22 00, 7304 24 00, ex 7304 41 00, 7304 49 10, ex 7304 49 93, ex 7304 49 95, ex 7304 49 99 u ex 7304 90 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

    (7)

    Billi ma kien hemm l-ebda kumment fir-rigward tal-prodott ikkonċernat wara l-iżvelar provviżorju, il-premessi (15) sa (19) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    2.   Prodott simili

    (8)

    Billi ma kien hemm l-ebda kumment, il-premessa (20) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    D.   DUMPING

    1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq

    (9)

    Wara l-iżvelar provviżorju, xi partijiet ikkontestaw xi wħud mis-sejbiet marbuta mad-determinazzjoni tal-MET kif stipulati fil-premessi (21) sa (43) tar-Regolament provviżorju.

    (10)

    Waħda mill-partijiet sostniet li l-Kummissjoni ma żvelatx id-differenza bejn il-prezz tal-materja prima tas-suq tal-UE u dak tas-suq tar-RPĊ. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li kemm l-iżvelar tal-MET, kif ukoll ir-Regolament provviżorju, jiżvelaw id-differenza nominali fil-prezz bejn il-prezzijiet tal-materja prima tal-UE, tal-Istati Uniti u tar-RPĊ. Kif intqal fil-premessa (27) tar-Regolament provviżorju, din id-differenza, bħala medja u skont il-grad tal-azzar, tammonta għal madwar 30 %. Rigward is-sorsi ta’ informazzjoni li ffurmaw il-bażi għal dan it-tqabbil, il-Kummissjoni użat id-dejta disponibbli mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u l-produtturi esportaturi fir-RPĊ. Din id-dejta kienet iċċekkjata billi tqabblet ma’ xi sorsi disponibbli pubblikament (3).

    (11)

    Ġie sostnut ukoll li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda tqabbil tal-prezzijiet tal-ħadid mhux maħdum importat fir-RPĊ mal-prezzijiet tas-suq internazzjonali. Similarment, ġie sostnut ukoll li ma kienet ipprovduta l-ebda dejta dwar l-impatt tal-ħadid mhux maħdum fuq l-ispiża tal-materja prima (billetti, ingotti, staneg tondi) mixtrija mill-produtturi tal-prodott ikkonċernat. Ir-referenza għall-ħadid mhux maħdum fil-premessa (28) tar-Regolament provviżorju saret fil-kuntest tal-vantaġġ komparattiv biex tiġi analizzata raġuni possibbli għall-prezzijiet baxxi tal-billetti, l-ingotti u l-istaneg tondi fir-RPĊ. Il-ħadid mhux maħdum flimkien man-nikil u l-kromju huma l-iktar li jgħollu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-billetti, l-ingotti u l-istaneg tondi tal-azzar li ma jissaddadx. Iżda, minħabba l-fatt li l-prezzijiet tal-ħadid mhux maħdum, tan-nikil u tal-kromju huma ġeneralment ibbażati fuq il-prezzijiet tas-suq internazzjonali, l-impatt tagħhom fuq id-differenza fil-prezz bejn il-billetti, l-ingotti u l-istaneg tondi tal-UE u tar-RPĊ u finalment tal-pajpijiet u t-tubi tal-azzar li ma jissaddadx jista’ jkun biss wieħed limitat. Għalhekk, is-sejbiet li wasslu għar-rifjut tal-kriterju 1 tat-talba għal MET ma kinux ibbażati fuq il-prezzijiet tal-ħadid mhux maħdum iżda fuq id-differenza fil-prezz bejn il-materji primi, jiġifieri l-billetti, l-ingotti u l-istaneg tondi, li jintużaw direttament fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat; din id-differenza fil-prezz flimkien mal-indħil stabbilit tal-Istat (taxxa tal-esportazzjoni u l-ebda rifużjoni tal-VAT) wasslu għall-konklużjoni li l-kriterju 1 għall-għoti ta’ MET ma ġiex sodisfatt.

    (12)

    Waħda mill-partijiet baqgħet issostni għal bosta drabi l-istess pretensjoni relatata mal-aspetti proċedurali għad-determinazzjoni ta’ MET. Il-pretensjoni kienet relatata mal-konsultazzjonijiet mal-Kumitat Konsultattiv tal-Istati Membri, jiġifieri l-informazzjoni trażmessa lil dak il-kumitat matul l-investigazzjoni attwali. Il-kwistjoni ġiet spjegata f’żewġ ittri mibgħuta lill-parti u kienet suġġetta għal bosta skambji mal-Uffiċjal tas-Seduta. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li skont l-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku skambji ta’ informazzjoni relatati mal-konsultazzjonijiet li jkunu saru mal-Kumitat Konsultattiv tal-Istati Membri ma għandhomx ikunu żvelati ħlief kif stipulat speċifikatament dwar dan fir-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ ma jippermettu l-ebda għoti ta’ aċċess lill-partijiet għall-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

    (13)

    L-istess parti għamlet ċerti pretensjonijiet relatati l-iktar mal-kwistjoni tad-distorsjonijiet tas-suq tal-materja prima. Hija sostniet li l-billetti tal-azzar li ma jissaddadx mixtrija mis-suq domestiku tar-RPĊ kienu jammontaw biss għal porzjon żgħir tax-xiri ta’ materja prima matul il-PI. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota l-ewwel u qabel kollox li l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma jistabbilixxi l-ebda limitu fir-rigward tal-proporzjon ta’ materja prima mixtrija li tkun affettwata minn distorsjonijiet. L-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jistipula li l-ispejjeż ta’ inputs maġġuri jridu jiġu riflessi sostanzjalment fil-valuri tas-suq. Iżda iktar importanti minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li d-distorsjonijiet fis-suq tal-materja prima fir-RPĊ kienu jikkonċernaw il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx u mhux billetti biss. Il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi huma billetti, ingotti u staneg tal-azzar li ma jissaddadx li jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Dawk il-materji prima kollettivament jaqgħu taħt il-Kodiċi HS 7218 10 (ingotti u forom ewlenin oħra ta’ azzar li ma jissaddadx). Huma kollha suġġetti għal taxxa tal-esportazzjoni ta’ 15 % u mhuma suġġetti għal ebda rifużjoni tas-17 % VAT meta jiġu esportati. Huwa f’dan ir-rigward li ġew stabbiliti d-distorsjonijiet li wasslu għall-konklużjoni li l-kriterju 1 tal-valutazzjoni ta’ MET ma ġiex sodisfatt mill-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi tar-RPĊ fil-kampjun. Għall-kumpanija kkonċernata, il-materja prima użata għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mixtri mis-suq domestiku tar-RPĊ tammonta għal parti sostanzjali – madwar 30 % tax-xiri. Barra minn dan, ta’ min jinnota li parti ewlenija oħra tiġi importata minn kumpaniji relatati.

    Anke meta wieħed jiffoka speċifikament fuq ix-xiri minn fornituri mhux relatati, xorta għandek 56 % mixtrija domestikament. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li sostniet il-parti, ma kien hemm l-ebda misrappreżentanza ta’ fatti fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ MET, la fil-komunikazzjoni ma’ dik il-parti u lanqas fil-proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien infurmat bl-argumenti kollha li ntbagħtu. Għaldaqstant, il-pretensjoni għandha tiġi miċħuda.

    (14)

    Waħda mill-kumpaniji sostniet li d-deċiżjoni li jiġi miċħud il-MET għandha tkun individwali u speċifika għall-kumpaniji filwaqt li fil-każ preżenti l-istituzzjonijiet estendew is-sejbiet ġenerali fil-livell ta’ pajjiż għall-produtturi individwali. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat; fil-fatt l-analiżi li saret mill-istituzzjonijiet saret b’mod individwali għal kull produttur fil-kampjun. Huwa minnu li l-istituzzjonijiet waslu għall-istess konklużjoni għat-tlieta li huma imma dan seħħ minħabba l-fatt li hemm indħil mill-Istat fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull waħda minnhom, kif spjegat fir-Regolament provviżorju.

    (15)

    B’rigward għal dan ta’ hawn fuq, is-sejba li l-pretensjonijiet kollha ta’ MET għandhom jiġu miċħuda, kif stabbilit fil-premessi (21) sa (43) tar-Regolament provviżorju, hija b’dan ikkonfermata.

    2.   Valur normali

    (a)   Pajjiż analogu

    (16)

    Waħda mill-partijiet sostniet li l-Istati Uniti kellhom jintużaw bħala pajjiż analogu. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li r-raġunijiet għad-deċiżjoni li ma jintużawx l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu ġew spjegati fid-dettall fil-premessi (46) sa (48) tar-Regolament provviżorju. Minħabba l-fatt li l-parti ma ssostanzjatx il-pretensjoni tagħha u ma pprovdiet l-ebda argumenti addizzjonali li setgħu jalteraw is-sejbiet fir-rigward tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu possibbli, il-pretensjoni trid tiġi miċħuda.

    (17)

    Fl-istess ħin irid jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kompliet fl-isforzi tagħha biex issib kooperazzjoni minn pajjiż analogu xieraq. Wara l-isforzi msemmija fil-premessa (47) tar-Regolament provviżorju il-Kummissjoni kkuntattjat għadd ta’ produtturi fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Malasja, fil-Messiku, fl-Afrika t’Isfel, fil-Korea t’Isfel, fit-Tajwan u fl-Ukraina. B’kollox 46 kumpanija ġew ikkuntattjati, imma ma setgħet tinstab l-ebda kooperazzjoni.

    (18)

    Meta jiġi kkunsidrat dan kollu, il-konklużjoni provviżorja li l-valur normali għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat dovutament jekk ikun hemm bżonn biex jinkludu profitt raġonevoli, kif stabbilit fil-premessa (51) tar-Regolament provviżorju, huwa b’dan ikkonfermat.

    (b)   Id-determinazzjoni ta’ valur normali

    (19)

    Kif ġie spjegat fid-dettall fil-premessi (49) sa (51) tar-Regolament provviżorju, il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat dovutament jekk ikun hemm bżonn biex jinkludu profitt raġonevoli, tat-tipi ta’ prodott li jixbhuh l-iktar, bl-istess dijametru, grad ta’ azzar u tip ta’ prodott (eż. irfinuti bil-kesħa jew bis-sħana).

    (20)

    Il-kummenti tal-partijiet relatati mal-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni kif ukoll dawk li jikkonċernaw l-aġġustamenti (bħal-livell ta’ perċezzjoni tal-kummerċ u tal-kwalità) ġew indirizzati fil-premessi (45) u (46) iktar ‘l isfel.

    (21)

    Waħda mill-kumpaniji sostniet li l-valur normali jista’ jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-hollows tal-azzar li ma jissaddadx fl-Istati Uniti mill-UE jew fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni. Din il-pretensjoni ma kinitx sostanzjata iktar minn hekk. Il-kumpanija ma ppreżentat l-ebda argumenti fir-rigward ta’ kif dan il-kalkolu jkun aktar adatt għad-determinazzjoni tal-valur normali mill-metodu użat fir-Regolament provviżorju. B’mod partikolari ma ġiex sostanzjat l-għala jkun iktar adatt li l-valur normali jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-hollows minflok ma jkun ibbażat fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għall-prodott simili.

    (22)

    Barra minn hekk, ma ġiex sostanzjat l-għala għandhom jitqiesu l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Istati Uniti. Din l-alternattiva ma tidhirx li hi adatta b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-produtturi Amerikani kollha li kkooperaw jiddependu fuq importazzjonijiet mill-kumpaniji ewlenin tagħhom fl-UE kif diġà ssemma fil-premessa (48) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, l-ispiża għolja tal-ipproċessar fl-Istati Uniti kif intqal fil-premessa (48) tar-Regolament provviżorju – li hija r-raġuni l-għala l-Istati Uniti tqiesu li ma kinux xierqa bħala pajjiż analogu – tagħmel il-metodu suġġerit inadatt.

    (23)

    Fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti lejn l-UE, din il-kwistjoni ġiet ittrattata espliċitament fil-premessa (49) tar-Regolament provviżorju. Tqies li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti jkunu influwenzati mill-ispejjeż ta’ produzzjoni għoljin u li l-volumi ta’ dawn l-esportazzjonijiet kienu limitati ħafna.

    (24)

    L-istess kumpanija pproponiet li l-valur normali jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ importazzjoni reali tal-hollows tal-azzar li ma jissaddadx mill-prodotturi tal-Unjoin. Madankollu, il-produttur tal-UE li jimporta l-hollows mill-Indja lejn l-UE, kif imsemmi fl-ilment, ma jikkooperax f’din l-investigazzjoni. Barra minn hekk ebda wieħed mill-prodotturi tal-Unjoni fil-kampjun ma jimporta hollows mill-ebda pajjiż li mhux fl-UE. Għalhekk, il-metodoloġija proposta ma tistax tintuża.

    (25)

    Meta jiġi kkunsidrat dan kollu, id-determinazzjoni tal-valur normali kif stabbilit fil-premessi (49) sa (51) tar-Regolament provviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

    3.   Prezz ta’ esportazzjoni

    (26)

    Waħda mill-partijiet tenniet il-pretensjoni tagħha li għandha titqies id-data tal-ordni minflok id-data tal-irċevuta bħala d-data tal-bejgħ biex jiġi żgurat tqabbil ġust. Din il-pretensjoni saret b’referenza għall-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Kif ġie spjegat diġà lill-parti kkonċernata waqt is-seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta li saret fil-11 ta’ Marzu 2011, id-dispożizzjoni kkonċernata tirreferi speċifikament għall-konverżjonijiet tal-munita, jiġifieri r-rati ta’ kambju applikabbli meta t-tqabbil tal-prezz ikun jeħtieġ konverżjoni tal-munita. Għaldaqstant, ir-referenza għad-dati tal-ordnijiet għax-xiri tikkonċerna l-konverżjonijiet tal-munita fil-qafas tat-tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali u ma għandux x’jaqsam mal-fatturat u l-volum tal-bejgħ tal-esportazzjoni lejn l-UE matul il-PI.

    (27)

    Fil-każijiet kollha, il-prodott ikkonċernat kien esportat lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, u għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni effettivament imħallsa jew pagabbli. Għalhekk, il-premessa (52) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

    4.   Tqabbil

    (28)

    Kif intqal fil-premessa (20) hawn fuq, il-kummenti tal-partijiet relatati mal-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni kif ukoll dawk li jikkonċernaw l-aġġġustamenti (bħal-livell ta’ perċezzjoni tal-kummerċ u tal-kwalità) ġew indirizzati fil-premessi (45) u (46) iktar ‘l isfel.

    (29)

    Waħda mill-partijiet ikkontestat il-metodu ta’ tqabbil tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali bbażat fuq tliet parametri speċifiċi (id-dijametru, il-grad tal-azzar u t-tip tal-prodott (eż. irfinuti bil-kesħa jew bis-sħana)). Il-parti sostniet li t-tqabbiliet kellhom isiru fil-livell ta’ iktar dettall, jiġifieri kellhom jitqiesu parametri oħra wkoll, l-iktar il-ħxuna tal-parti mad-dawra, it-tul u l-ittestjar.

    (30)

    Is-servizzi tal-Kummissjoni fil-fatt ġabru l-informazzjoni fir-rigward ta’ għadd ta’ parametri inkluż it-tul, il-ħxuna tal-parti mad-dawra u l-ittestjar.

    (31)

    Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping normalment jiġi stabbilit fuq bażi ta’ tqabbil bejn il-valur medju normali differenzjat u b’medja differenzjata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kollha. L-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku jitlob li l-kalkoli tad-dumping għandhom ikunu bbażati fuq “it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kollha lejn il-Komunità” imma jridu jkunu “suġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw it-tqabbil ġust.” Il-kumpanija semmiet l-hekk imsejjaħ numru tal-kontroll tal-prodott u l-parametri li fih. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li n-numru tal-kontroll tal-prodott huwa għodda użata fl-investigazzjoni sabiex jiġu strutturati u organizzati l-ammonti sostanzjali ta’ dejta dettaljata sew mibgħuta mill-kumpaniji. Dan huwa ta’ għajnuna biex issir analiżi iktar dettaljata tal-karatteristiki differenti tal-prodott fi ħdan il-kategorija tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. It-tqabbil kien ibbażat fuq l-iktar karatteristiki pertinenti sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust.

    (32)

    Wara l-pretensjoni tal-kumpanija, il-Kummissjoni spjegat f’ittra li l-ħxuna tal-parti mad-dawra ta’ pajp tkun marbuta b’mod proporzjonali mat-toqol tiegħu u b’hekk kienet koperta indirettament fit-tqabbil. Karatteristiki oħra, bħall-ittestjar, għandhom effetti minuri fuq it-tqabbil. Pereżempju, kważi l-prodotti kollha kkonċernati huma suġġetti għal applikazzjonijiet ta’ ttestjar standard.

    (33)

    Ta’ min jenfasizza li, kuntrarjament għall-pretensjonijiet ta’ dik il-parti, il-Kummissjoni ma warrbet l-ebda informazzjoni. Madankollu, mhix ħaġa rari li ċerti parametri użati fin-numru tal-kontroll tal-prodott ikollhom piż inqas u li ċerti parametri speċifiċi jiffurmaw bażi aħjar għal tqabbil ġust minn oħrajn. L-ebda pajpijiet ma twarrbu mit-tqabbil fuq il-bażi ta’ differenzi fiżiċi jew għal kwalunkwe raġuni oħra u lanqas ma nħolqu tipi ta’ prodotti ġodda. Anzi, il-bejgħ kollu ġie inkluż fit-tqabbil, irrispettivament mid-dijametru jew it-tul tal-pajp.

    (34)

    Il-kumpanija sostniet ukoll li l-approċċ użat mill-Kummissjoni ma ħallihiex tippreżenta pretensjoni għal aġġustamenti minħabba karatteristiki fiżiċi. Din il-pretensjoni, għal darba oħra kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni għamlet it-tqabbil fuq il-bażi ta’ tliet parametri u mhux iktar u diġà ġiet indirizzata hawn fuq fil-premessi (31) et seq.

    (35)

    Fir-rigward tal-parti proċedurali tal-kwistjoni tat-tqabbil, li tqajmet ukoll mill-istess parti, ta’ min jinnota li l-kumpanija kellha kull opportunità li tikkummenta fuq il-kalkoli li saru fil-każ individwali tagħha. Id-dettalji kollha ta’ dawk il-kalkoli ġew żvelati dakinhar tal-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju. Il-kumpanija kkummentat fuq il-kwistjoni tal-parametri użati fit-tqabbil f’ittra tal-11 ta’ Lulju 2011 fejn talbet kjarifiki ulterjuri. Is-servizzi tal-Kummissjoni pprovdew tweġiba fid-19 ta’ Lulju 2011. Il-kumpanija mbagħad tenniet l-argumenti tagħha f’ittra tad-29 ta’ Lulju 2011. Filwaqt li l-kumpanija ma qablitx mal-bażi għat-tqabbil, hija sostniet repetutament li l-parametri bħall-ħxuna tal-parti mad-dawra, it-tul u l-ittestjar kellhom impatt fuq il-prezzijiet. Kif intqal fuq, il-Kummissjoni tagħraf li dawn il-parametri kellhom xi impatt fuq il-prezzijiet. Madankollu, instab li jkun aktar xieraq, li l-kalkoli jkunu bbażati fuq it-3 parametri l-iktar importanti peress li dan iwassal għall-ogħla livell ta’ tqabbil u fl-istess ħin għall-possibilità li jinstab bejgħ li jaqbel għat-tranżazzjonijiet kollha.

    (36)

    Il-kumpanija sostniet li ma tħallietx tippreżenta l-pretensjonijiet tagħha għal aġġustament. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. L-opportunitajiet biex il-pretensjonijiet ikunu ppreżentati kienu jeżistu tul il-proċediment kollu inkluż fil-mument tal-iżvelar tas-sejbiet provviżorji meta l-kumpanija saret taf bis-sħiħ bid-dettalji kollha tal-kalkoli.

    (37)

    Waħda mill-partijiet sostniet li l-applikazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ dijametri iżgħar għad-dijametri ikbar ma tirriflettix l-ispejjeż reali, għax l-ispejjeż għal dijametru ikbar kienu ħafna ogħla. Madankollu, il-parti ma pprovdiet l-ebda alternattiva u lanqas ma ssostanzjat il-pretensjoni tagħha. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li ma ġie ppreżentat l-ebda metodu alternattiv, il-metodu użat huwa meqjus bħala dak l-iktar raġonevoli.

    (38)

    Waħda mill-kumpaniji sostniet li l-għadd ta’ aġġustamenti (il-fatt li l-Kummissjoni użat tliet parametri u mhux iktar, il-perċezzjoni tal-kwalità u l-livell tal-aġġustamenti tan-negozju) jissuġġerixxi li l-prodotti tal-produtturi tal-Unjoni ma tantx huma komparabbli mal-prodotti importati tar-RPĊ. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li s-sempliċi fatt li l-istituzzjonijiet jagħmlu xi aġġustamenti huwa parti inerenti ta’ kull kalkolu ta’ dumping. Dawk l-aġġustamenti huma previsti fir-Regolament bażiku u għalhekk ma jikkompromettux il-komparabilità bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. Fil-fatt il-proporzjon għoli ta’ tqabbil jikkonferma li l-prodott ikkonċernat u l-prodott simili huma komparabbli għal kollox.

    (39)

    B’rigward għal dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet tal-premessi (53) u (54) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.   Marġnijiet ta’ dumping

    (40)

    Waħda mill-partijiet sostniet li minħabba varjazzjoni kbira fil-prezz tan-nikil, il-marġni tad-dumping kellu jkun ikkalkulat fuq bażi ta’ kull kwart tas-sena. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li fil-każ preżenti t-tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali mhux tqabbil bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż, imma biss bejn il-prezzijiet tal-bejgħ medji differenzjati (il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-UE). Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet tan-nikil kienet żieda fil-prezzijiet tas-suq dinji u għalhekk ma kienx fenomenu iżolat tar-RPĊ. Iż-żieda taffettwa mhux aktar minn tliet xhur tal-PI, filwaqt li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat seħħ matul il-PI kollu. Barra minn hekk, bdil fil-prezzijiet tal-materja prima jrid jitqies bħala parti normali tal-operazzjonijiet tan-negozju. Il-prezzijiet dejjem jiżdiedu tan-nikil għandhom jaffettwaw kemm lill-produtturi tal-Unjoni kif ukoll dawk tar-RPĊ, peress li n-nikil huwa kkwotat fil-London Metal Exchange. Kwalunkwe differenzi jkunu dovuti għad-distorsjoni tal-prezzijiet fil-materja prima fir-RPĊ u għalhek għandhom jitqiesu fil-kalkolu. Għaldaqstant, il-pretensjoni trid tiġi miċħuda u t-tqabbil ibbażat fuq il-prezzijiet medji annwali tar-RPĊ tal-esportazzjoni bi prezzijiet tal-UE medji annwali, aġġustati dovutament biex jinkludu marġni ta’ profitt raġonevoli. Din il-pretensjoni għalhekk ġiet miċħuda.

    (41)

    Wieħed mill-produtturi tar-RPĊ għamel pretensjoni sostanzjata li l-komputazzjoni tal-aġġustamenti fil-kalkolu ta’ dumping individwali tiegħu ma kienx preċiż. Il-Kummissjoni aċċettat din il-pretensjoni u għamlet kalkolu ġdid, li rriżulta f’marġni tad-dumping ta’ 83,7 %. Minbarra din il-bidla, is-sejbiet fil-premessi (55) sa (61) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati. Il-marġni tad-dumping riveduti huma kif ġejjin:

     

    Marġni tad-dumping definittivi

    Changshu Walsin Specialty Steel, Co. Ltd., Haiyu

    83,7  %

    Shanghai Jinchang Stainless Steel Tube Manufacturing, Co. Ltd., Situan

    62,6  %

    Wenzhou Jiangnan Steel Pipe Manufacturing, Co. Ltd., Yongzhong

    67,1  %

    Il-medja differenzjata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u elenkati fl-Anness I

    71,5  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    83,7  %

    E.   ĦSARA

    1.   L-industrija tal-Unjoni

    (42)

    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u r-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, ma waslu l-ebda pretensjonijiet wara l-iżvelar provviżorju. Għalhekk, il-premessi (62) u (63) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    2.   Il-konsum tal-Unjoni

    (43)

    Fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, ma waslu l-ebda pretensjonijiet. Għalhekk, il-premessi (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    (44)

    Rigward is-sejbiet provviżorji relatati mal-volum, is-sehem mis-suq u l-evoluzzjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet iddampjati, ma ntbagħtu l-ebda pretensjonijiet mill-partijiet interessati. Għalhekk, il-premessi (67) sa (69) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    Twaqqigħ tal-prezz

    (45)

    Fir-rigward tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz permezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, kemm il-produtturi esportaturi tar-RPĊ kif ukoll l-industrija tal-Unjoni talbu informazzjoni ulterjuri li tikkonċerna l-metodu ta’ determinazzjoni ta’ ċerti aġġustamenti (bħall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni, il-livell tal-kummerċ u l-perċezzjoni tal-kwalità fis-suq) li kienu ġew applikati fil-kalkolu. Il-Kummissjoni akkomodat dawn it-talbiet billi żvelat kif dawn l-aġġustamenti ġew determinati filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-kunfidenzjalità.

    (46)

    Wara l-kummenti ta’ produttur tar-RPĊ, saret korrezzjoni minuri fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, bħal fil-kalkolu provviżorju l-livell tal-aġġustament tan-negozju inkluda wkoll parti tal-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni li fl-istess ħin kien kopert minn aġġustament separat għall-ispejjeż kollha ta’ wara l-importazzjoni. Il-korrezzjoni rriżultat f’bidla ta’ inqas minn punt perċentwali fil-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u l-livell tat-tneħħija tal-ħsara (għar-reviżjoni tal-livell tat-tneħħija tal-ħsara ara l-premessi (82) u (83) hawn taħt) meta mqabbla mal-istadju provviżorju.

    (47)

    Minbarra l-bidliet ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (70) u (71) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    (48)

    Wara l-iżvelar provviżorju, xi produtturi esportaturi tar-RPĊ sostnew li ċerti indikaturi għandhom ikunu esklużi mill-analiżi tal-ħsara. Huma qalu li l-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità waqgħu bl-istess rata tal-konsum tal-Unjoni, u allegaw li għal din ir-raġuni dawk l-indikaturi ma għandhomx jitqiesu bħala fatturi fl-analiżi tal-ħsara materjali. Saret pretensjoni simili fir-rigward tal-waqgħa fil-bejgħ tal-Unjoni li allegatament seħħet b’rata komparabbli mat-tnaqqis tal-konsum.

    (49)

    F’dan il-kuntest ta’ min l-ewwel nett jinnota li skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, “il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li b’xi mod jaffettwaw l-istat tal-industrija” għandhom jiġu eżaminati f’analiżi ta’ ħsara. Fir-rigward tal-effetti potenzjali ta’ kwalunkwe fattur ieħor, ħlief l-importazzjonijiet iddampjati, li setgħu kkontribwew għall-ħsara, dawn huma ttrattati fil-Kapitolu F. Kawżalità, b’mod partikolari taħt il-punt li jikkonċerna l-effetti ta’ kwalunkwe fattur ieħor (ara l-premessi (59) sa (69) hawn taħt).

    (50)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (72) sa (89) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    5.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

    (51)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (90) sa (92) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    F.   KAWŻALITÀ

    1.   Effetti tal-importazzjonijiet iddampjati u tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku

    (52)

    Xi partijiet tennew il-pretensjonijiet tagħhom li ressqu matul l-istadju provviżjorju jiġifieri li parti sostanzjali tal-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni għandha tiġi attribwita għal fatturi li mhumiex l-importazzjonijiet iddampjati.

    (53)

    F’dan il-kuntest, wara l-iżvelar provviżorju, xi produtturi esportaturi tar-RPĊ allegaw b’mod partikolari li parti sostanzjali tat-telf tal-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq kien dovut għal domanda dejjem tonqos minħabba l-kriżi ekonomika iktar milli minħabba l-importazzjonijiet iddampjati mir-RPĊ. Huma allegaw ukoll li t-tnaqqis komparabbli fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tar-RPĊ u tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu meqjus (b’9 % u 8 % rispettivament) indika wkoll li l-prezzijiet neżlin tal-industrija tal-Unjoni kien dovut purament għad-domanda iktar baxxa tas-suq u mhux għall-effett tal-importazzjonijiet iddampjati.

    (54)

    L-ewwel nett, ta’ min jinnota li huwa rikonoxxut fil-premessi (103) sa (106) tar-Regolament provviżorju li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u l-kontrazzjoni fid-domanda li rriżultat kellha effett negattiv fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni u li għalhekk setgħet ikkontribwiet għall-ħsara li sostniet l-industrija tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jnaqqasx l-effett dannuż tal-importazzjonijiet tar-RPĊ bi prezz baxx u ddampjati li żiedu konsiderevolment sehemhom mis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

    (55)

    Kif spjegat fil-premessi (104) u (105) tar-Regolament provviżorju, l-effett tal-importazzjonijiet iddampjati huwa fil-fatt ferm iktar ta’ detriment f’perjodu fejn id-domanda qiegħda tonqos milli waqt snin ta’ tkabbir rapidu. L-importazzjonijiet tar-RPĊ jidhru li waqqgħu kontinwament il-prezzijiet tal-Unjoni matul il-perjodu meqjus. Barra minn hekk, matul il-PI it-twaqqigħ tal-prezz kien ta’ bejn 21 % u 32 %, u l-importazzjonijiet tar-RPĊ rrappreżentaw iktar minn 18 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni, b’riżultat ta’ kisba sostanzjali ta’ 7,9 punti perċentwali matul il-perjodu meqjus. Għalhekk, filwaqt li l-importazzjonijiet tar-RPĊ tefgħu pressjoni evidenti fuq il-prezz li ma ppermettietx lill-industrija tal-Unjoni toffri prezzijiet li jkopru l-ispejjeż (aħseb u ara prezzijiet li jagħmlu profitt), il-volum u s-sehem mis-suq ikbar ta’ dawk l-importazzjonijiet ukoll għamluha impossibbli għall-industrija tal-Unjoni li jimmiraw lejn volumi ta’ produzzjoni, utilizzazzjoni tal-kapaċità u bejgħ ikbar partikolarment fir-rigward tal-prodotti iktar tat-tip tal-materja prima li jinbigħu l-iktar permezz tad-distributuri.

    (56)

    It-tieni, il-konklużjonijiet ibbażati unikament fuq ċerti indikaturi ta’ ħsara bħall-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, jew il-prezzijiet tal-bejgħ biss, ixekklu l-analiżi ta’ dan il-każ. Pereżempju, it-telf fil-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq kienu kkombinati inter alia ma’ deterjorament kbir fil-profittabilità u kienu dovuti, fil-parti l-kbira, għall-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet iddampjati. F’dak li jirrigwarda speċifikatament il-kwistjoni tas-sehem mis-suq, l-industrija tal-Unjoni tilfet 3,6 punti perċentwali għall-importazzjonijiet tar-RPĊ matul il-perjodu meqjus. Finalment, għal darba oħra minħabba r-rata tat-twaqqigħ fil-prezz u ż-żieda fl-importazzjonijiet tar-RPĊ kemm f’termini assoluti u kemm f’termini relattivi, bl-ebda mod ma jista’ jiġi konkluż li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ma kienx relatat mal-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet iddampjati.

    (57)

    Fid-dawl ta’ li ntqal fuq, in-ness kawżali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u l-ħsara materjali li nstabet hija b’dan ikkonfermata fuq il-bażi tal-eżistenza kkombinata tal-volum sostanzjali u l-pressjoni fuq il-prezzijiet li tefgħu l-importazzjonijiet tar-RPĊ fuq l-industrija tal-Unjoni.

    (58)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (94) sa (96) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    2.   Effetti ta’ kwalunkwe fattur ieħor

    (59)

    Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra lejn l-Unjoni, xi produtturi esportaturi tar-RPĊ sostnew li 1,0 mit-3,6 punti perċentwali tat-telf mis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kellhom ikunu attribwiti għall-importazzjonijiet mill-Ġappun u mill-Indja. Madankollu, il-fatti juru li l-importazzjonijiet tar-RPĊ kisbu sehem mis-suq b’dannu kemm għall-importazzjonijiet l-oħra u kemm għall-industrija tal-Unjoni. Iż-żieda fis-sehem mis-suq tar-RPĊ ta’ 7,9 punti perċentwali jistgħu jinqasmu fit-telf ta’ 3,6 punti perċentwali mis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u t-telf ta’ 4,3 punti perċentwali mis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet l-oħra.

    (60)

    L-istess produtturi esportaturi tar-RPĊ sostnew li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet ta’ xi pajjiżi terzi partikolari oħra, jiġifieri l-Ukraina, l-Indja u l-Istati Uniti, naqsu drastikament ukoll u dan seta’ kien il-kaġun li saret ħsara lill-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota, madankollu, li kumplessivament, il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha ħlief ir-RPĊ effettivament żdiedu b’34 % matul il-perjodu meqjus. Kif diġà ntqal fil-premessa (100) tar-Regolament provviżorju, il-prezz medju ta’ importazzjoni mill-Istati Uniti kien ferm ogħla mill-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni. Kif ġie enfasizzat ukoll fl-istess premessa, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Ukraina naqsu filwaqt li l-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet Amerikani u Indjani baqgħu bażikament stabbli. Madankolli, fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat dwar dawk l-importazzjonijiet, ma jistax jiġi konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kien ikollhom rwol sinifikanti fid-deterjorament tal-istat tal-industrija tal-Unjoni u b’hekk tinkiser ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet tar-RPĊ ddampjati u l-ħsara.

    (61)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (97) sa (102) tar-Regolament provviżorju, dawn is-sejbiet huma b’dan ikkonfermati.

    (62)

    Fir-rigward tal-effett tat-tnaqqis fir-ritmu eknomiku, ir-raġunijiet l-għala t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku ma jistax jitqies bħala element li jikser ir-rabta kawżali huma analizzati fil-premessi (52) sa (58) hawn fuq. Peress li l-ebda wieħed mill-kummenti mibgħuta ma indikaw oppożizzjoni, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (103) sa (106) tar-Regolament provviżorju huma b’dan miżmuma.

    (63)

    Rigward ir-rendiment tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward is-sejbiet fil-premessi (107) u (108) tar-Regolament provviżorju, dawn is-sejbiet huma b’dan ikkonfermati.

    (64)

    Għadd ta’ produtturi esportaturi tar-RPĊ sostnew li ż-żieda ta’ 18 % fl-unità tal-ispiża tal-produzzjoni deskritta fil-premessa (109) tar-Regolament provviżorju kellha rwol importanti fid-deterjorament tal-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni iktar milli kellhom l-importazzjonijiet iddampjati, u talbu analiżi iktar dettaljata tal-effett ta’ dik iż-żieda fl-ispiża għal kull unità.

    (65)

    Il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni u sabet li ż-żieda fl-ispiża għal kull unità tal-produzzjoni tista’ tiġi attribwita għal: spejjeż ogħla tal-manifattura b’riżultat tal-prezzijiet ogħla tal-materja prima, kif ukoll għal spejjeż fissi bħax-xogħol dirett, id-diprezzament, l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura u l-ispejjeż tal-SG&A u anke għall-waqgħa mgħaġġla fil-produzzjoni.

    (66)

    Peress li ċ-ċaqliq fl-ispiża tal-materja prima huwa fil-parti l-kbira kopert mill-mekkaniżmu tal-iffissar tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni – l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu tas-“suppliment tal-prezz tal-liga” jorbot direttament il-prezzijiet tal-kwotazzjoni tal-iktar materji primi importanti bħan-nikil, il-molibdenu u l-kromju – l-impatt tiegħu fuq il-profittabilità x’aktarx li ma jkunx sinifikanti. Madankollu, l-elementi l-oħra, relatati mal-produzzjoni insuffiċjenti u l-volumi tal-bejgħ kellhom effett dirett fuq il-livelli ta’ profittabilità. Peress li l-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu jkunu ogħla b’mod sinifikanti fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet iddampjati, ma jistax jiġi konkluż li ż-żieda fl-ispiża għal kull unità tal-produzzjoni fiha nfisha hija fattur ewlieni li jwassal għall-ħsara iktar milli l-importazzjonijiet iddampjati, minħabba li hija marbuta inevitabbilment mal-volum miżjud ta’ importazzjonijiet iddampjati.

    (67)

    Xi produtturi esportaturi tar-RPĊ sostnew ukoll li n-nuqqas tal-industrija tal-Unjoni biex tirristruttura minkejja t-tnaqqis kontinwu fil-konsum seta’ kien fattur importanti li wassal għall-ħsara stabbilita.

    (68)

    F’dan ir-rigward ta’ min jinnota l-ewwel li l-industrija tal-Unjoni mhux biss kellha tlaħħaq mal-effett tat-tnaqqis kontinwu fil-konsum innifsu imma wkoll mal-impatt tal-importazzjonijiet iddampjati f’perjodu fejn il-konsum kien qed jonqos. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni (i) żammet il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha bl-istennija li n-natura tal-kriżi tkun waħda temporanja u li jkun hemm irkupru minnha ‘l quddiem, u ma tistax tiġi mistennija li tadatta l-kapaċità minħabba l-volumi dejjem jikbru tal-importazzjonijiet tar-RPĊ bi prezzijiet stranament baxxi u ddampjati, (ii) żviluppat kontinwament it-taħlita tal-prodott tagħha b’enfasi fuq prodotti speċjalizzati b’valur ogħla fejn il-kompetizzjoni tar-RPĊ hija inqas prominenti u (iii) naqqset il-forza tax-xogħol tagħha bi 8 % u naqqset l-ispiża medja tax-xogħol għal kull impjegat bi 2 % fil-perjodu kkunsidrat (jekk dawn it-tnaqqisiet jingħaddu biss fil-perjodu ta’ kriżi, jiġifieri bejn l-2008 u l-PI, huma jammontaw għal sa 19 u 11-il punt perċentwali, rispettivament). Dawn l-elementi kollha juru li l-industrija tal-Unjoni kienet attiva ferm biex tieħu miżuri f’tentattiv ta’ reazzjoni għall-effetti negattivi li jiġu mill-ħsara li sofriet. Madankollu, il-passi ta’ hawn fuq ma kinux biżżejjed biex ipattu għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet iddampjati f’perjodu ta’ domanda baxxa.

    (69)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (109) u (110) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (70)

    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-partijiet interessati ma juri li l-impatt ta’ fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet iddampjati mir-RPĊ huwa tali li jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u l-ħsara materjali stabbilita. Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, il-konklużjoni hi li l-importazzjonijiet iddampjati mir-RPĊ ħolqu ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    (71)

    Għalhekk, il-konklużjonijiet dwar il-kawżalità fir-Regolament provviżorju, kif miġbura fil-qosor fil-premessi (111) sa (113) tiegħu, huma b’dan ikkonfermati.

    G.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    (72)

    Fid-dawl tal-kummenti tal-partijiet, il-Kummissjoni kompliet l-analiżi tagħha rigward l-interess tal-Unjoni.

    1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

    (73)

    Rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, ma waslu l-ebda kummenti jew informazzjoni oħra. Is-sejbiet fil-premessi minn (116) sa (120) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati fl-Unjoni

    (74)

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kummenti oħra dwar dan il-punt, il-premessi minn (121) sa (123) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    3.   Interess tal-utenti

    (75)

    Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, kumpanija utenti li ma kinitx ikkooperat bagħtet xi kummenti rigward l-interess tal-Unjoni. Bażikament, l-utent sostna li l-impatt tal-miżuri anti-dumping se jkun sinifikanti fuq il-kumpanija. Huwa stqarr li t-tubi tal-azzar li ma jissaddadx huma komponent kritiku għal bosta prodotti li jiġu wara fil-katina tal-produzzjoni inklużi dawk immanifatturati minn dak l-utent (eż skambjaturi tas-sħana), u li kien hemm ukoll tħassib addizzjonali tas-sigurtà tal-provvista minħabba d-dewmien li ġarrbet il-kumpanija fir-rigward ta’ ċerti kunsinni li saru mill-produtturi tal-Unjoni.

    (76)

    Madankollu, peress li dan l-utent jixtri biss 5 % tal-pajpijiet tal-azzar li ma jissaddadx tiegħu miċ-Ċina, l-impatt possibbli fuq din il-kumpanija jidher li jkun limitat, kemm f’termini ta’ spejjeż u kemm bħala sigurtà tal-provvista.

    (77)

    F’dak li jirrigwarda l-impatt allegat tal-ispejjeż, b’mod partikolari, il-kumpanija naqset milli tissustanzja l-pretensjoni tagħha b’dejta reali. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li, kif stabbilit fil-premessi (124) u (125) tar-Regolament provviżorju, l-impatt tal-ispejjeż fuq l-uniku utent li kkoopera għal kollox tqies li hu insinifikanti, kemm fir-rigward tal-kumpanija kollha u kemm għat-taqsima tagħha li tuża tubi tal-azzar li ma jissaddadx.

    (78)

    Fir-rigward tal-kwistjoni li qajjem l-utent rigward is-sigurtà tal-provvista, ta’ min ifakkar li hemm għadd kbir ta’ pajjiżi terzi barra r-RPĊ li qed ikomplu jesportaw it-tubi tal-azzar li ma jissaddadx lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, hekk kif l-industrija tal-Unjoni tibqa’ l-iktar fornitur importanti tal-prodott, li din tkompli teżisti huwa kritiku għall-industrija utenti.

    (79)

    Għalkemm fl-istadju provviżorju kien ikkunsidrat ukoll li l-miżuri anti-dumping seta’ kellhom impatt aktar serju fuq dawk l-utenti li jużaw kwantitajiet sostanzjali ta’ tubi tal-azzar importat mir-RPĊ għall-manifatturazzjoni tal-prodotti li jiġu wara fil-katina tal-produzzjoni (ara l-premessa (126) tar-Regolament provviżorju), minħabba li ma kien hemm la ebda pretensjoni sostanzjata u lanqas ebda informazzjoni ġdida wara l-iżvelar provviżorju, jista’ jiġi konkluż li l-benefiċċji essenzjali lill-industrija tal-Unjoni mill-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping jidhru li jegħlbu l-impatti negattivi mistennija fuq dawn l-utenti. Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward tal-interess tal-utenti kif stabbilit fil-premessi (124) sa (130) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (80)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal fuq, ġie konkluż definittivament li b’mod ġenerali ma jeżistu l-ebda raġunijiet konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ. Għalhekk, il-konklużjonijiet fil-premessi (131) u (132) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

    H.   MIŻURI DEFINITTIVI

    1.   Livell ta’ tneħħija tal-ħsara

    (81)

    L-ilmentaturi stqarrew li l-profitt fil-mira ta’ 5 %, kif stabbilit fl-istadju provviżorju, kien eċċessivament baxx u tennew il-fehma li l-livell ta’ 12 % ikun iġġustifikat, fid-dawl tal-fatt li l-industrija kkonċernata hija intensiva fil-kapital u teħtieġ titjib tekniku permanenti u aġġornamenti fl-innovazzjoni u għaldaqstant investimenti sostanzjali. L-ilmentaturi sostnew li dan il-livell ta’ profittabilità jkun meħtieġ biex jiġġenera biżżejjed redditu fuq il-kapital u jippermetti dawk l-investimenti. Madankollu, il-pretensjoni ta’ hawn fuq ma kinitx sostanzjata b’mod konvinċenti b’ċifri reali. Għalhekk, il-konklużjoni hi li l-marġni ta’ profitt ta’ 5 % stabbilit fl-istadju provviżorju għandu jinżamm.

    (82)

    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell tat-tneħħija tal-ħsara, kif diġà ntqal fil-premessa (45) hawn fuq, il-korrezzjoni żgħira fir-rigward tal-aġġustament għal-livell tal-kummerċ li affettwat il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz applikat ukoll fil-kalkolu tal-livell tat-tneħħija tal-ħsara.

    (83)

    Il-bidla ta’ hawn fuq wasslet għal reviżjoni minuri tal-livell tat-tneħħija tal-ħsara. Minħabba f’hekk, il-livell tat-tneħħija tal-ħsara qiegħed xi mkien bejn it-48,3 % u l-71,9 % kif jidher mit-tabella ta’ hawn taħt:

    Kumpanija/kumpaniji

    Livell ta’ tneħħija tal-ħsara

    Changshu Walsin Specialty Steel, Co. Ltd., Haiyu

    71,9  %

    Shanghai Jinchang Stainless Steel Tube Manufacturing, Co. Ltd., Situan

    48,3  %

    Wenzhou Jiangnan Steel Pipe Manufacturing, Co. Ltd., Yongzhong

    48,6  %

    Il-medja differenzjata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u elenkati fl-Anness I

    56,9  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    71,9  %

    (84)

    Produttur esportatur tar-RPĊ sostna li minħabba l-ħsara li nħolqot mill-kriżi ekonomika, il-marġni ta’ ħsara għandu jkun ibbażat fuq it-twaqqigħ tal-prezz u mhux fuq il-bejgħ taħt il-prezz filwaqt li sostna wkoll li dan il-metodu kien dak segwit f’għadd ta’ proċedimenti anti-dumping (4). Madankollu, fl-investigazzjonijiet kollha msemmija mill-produttur esportatur, kien hemm raġunijiet partikolari li jirrigwardaw l-industrija jew is-settur ekonomiku (bħat-theddida li jinħoloq monopolju, żieda sostanzjali fil-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni f’suq matur, in-nuqqas fit-tul tal-profitti tal-industrija fuq skala globali) li appoġġjaw l-applikazzjoni eċċezzjonali ta’ din il-metodoloġija partikolari. F’din l-investigazzjoni dan ma kienx il-każ, peress li l-kriżi ekonomika affettwat l-ekonomija globali kollha, u għalhekk ma tistax titqies bħala speċifika għall-industrija li tipproduċi l-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx.

    2.   Miżuri definittivi

    (85)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u b’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq il-prodott ikkonċernat fil-livell tal-inqas wieħed mill-marġni misjuba tad-dumping u tal-ħsara, skont ir-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, peress li l-livelli tat-tneħħija tal-ħsara huma aktar baxxi mill-marġni tad-dumping stabbiliti, il-miżuri definittivi għandhom ikunu bbażati fuq il-livelli tat-tneħħija tal-ħsara.

    (86)

    Fuq il-bażi ta’ dan li ntqal fuq, ir-rati tad-dazju, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Kumpanija/kumpaniji

    Rata ta’ dazji anti-dumping definittivi

    Changshu Walsin Specialty Steel, Co. Ltd., Haiyu

    71,9  %

    Shanghai Jinchang Stainless Steel Tube Manufacturing, Co. Ltd., Situan

    48,3  %

    Wenzhou Jiangnan Steel Pipe Manufacturing, Co. Ltd., Yongzhong

    48,6  %

    Il-medja differenzjata tal-kampjun għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u elenkati fl-Anness I

    56,9  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    71,9  %

    (87)

    Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta’ kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul l-investigazzjoni fir-rigward tal-kumpaniji kkonċernati. Dawn ir-rati tad-dazju (b’kuntrast mad-dazju nazzjonali applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) għalhekk huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodotti li joriġinaw fir-RPĊ u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati prodotti minn kull kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux igawdu minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

    (88)

    Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ evażjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa kkunsidrat li huma meħtieġa miżuri speċjali f’dan il-każ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II ma’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn din il-fattura għandhom ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping residwu applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha.

    (89)

    Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati aktar baxxi tad-dazju individwali tiżdied b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bћala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, u sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni kontra l-evażjoni. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija tar-rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju nazzjonali.

    (90)

    Kull talba għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ dazju anti-dumping għal kumpanija individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (5) minnufih flimkien mat-tagħrif rilevanti kollu, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u b’esportazzjoni assoċjat ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

    (91)

    Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzali u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-intenzjoni li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx li joriġinaw mir-RPĊ. Huma ngħataw ukoll perjodu ta’ żmien li matulu setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar finali.

    (92)

    Il-kummenti mibgħuta mill-partijiet interessati kienu kkunsidrati sew, u, fejn kien xieraq, is-sejbiet kienu mmodifikati skonthom. L-ebda wieħed mill-kummenti ma kienu tali li jbiddlu is-sejbiet tal-investigazzjoni.

    (93)

    Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju anti-dumping, il-livell ta’ dazju fil-pajjiż kollu għandu japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma jikkooperawx iżda wkoll għal dawk il-produtturi li ma jkollhom l-ebda esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PI.

    (94)

    Sabiex jiġi żgurat l-istess trattament bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament, id-dazju medju differenzjat impost fuq dawn il-kumpaniji tal-aħħar għandu jiġi stipulat biex jiġi applikat għal kwalunkwe esportaturi ġodda li nkella jkollhom dritt għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku peress li dan l-Artikolu ma japplikax fejn ikun sar it-teħid tal-kampjuni.

    3.   Ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

    (95)

    Minħabba d-daqs tal-marġni tad-dumping misjuba u minħabba l-livell tal-ħsara kkawżat lill-industrija tal-Unjoni (id-dazju definittiv impost minn dan ir-Regolament li ġie ffissat f’livell ogħla mid-dazju provviżorju impost mir-Regolament provviżorju), huwa meqjus li hemm bżonn li l-ammonti miksuba permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, impost mir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b’mod definittiv,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx (ħlief dawk il-pajpijiet u tubi b’tagħmir imwaħħal magħhom li jkunu adatti biex jgħaddu l-gassijiet u l-likwidi minnhom għall-użu fi bċejjeċ tal-ajru ċivili), li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 7304 11 00, 7304 22 00, 7304 24 00, ex 7304 41 00, 7304 49 10, ex 7304 49 93, ex 7304 49 95, ex 7304 49 99 u ex 7304 90 00 (kodiċijiet TARIC 7304410090, 7304499390, 7304499590, 7304499990 u 7304900091), u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ).

    2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

    Kumpanija/kumpaniji

    Rata ta’ dazji anti-dumping definittivi

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Changshu Walsin Specialty Steel, Co. Ltd., Haiyu

    71,9  %

    B120

    Shanghai Jinchang Stainless Steel Tube Manufacturing, Co. Ltd., Situan

    48,3  %

    B118

    Wenzhou Jiangnan Steel Pipe Manufacturing, Co. Ltd., Yongzhong

    48,6  %

    B119

    Il-kumpaniji elenkati fl-Anness I

    56,9  %

     

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    71,9  %

    B999

    3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    L-ammonti miġbura permezz ta’ dazji anti-dumping provviżorji skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 627/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx (ħlief dawk il-pajpijiet u tubi b’tagħmir imwaħħal magħhom li jkunu adatti biex jgħaddu l-gassijiet u l-likwidi minnhom għall-użu fi bċejjeċ tal-ajru ċivili), li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċijiet NM 7304 11 00, 7304 22 00, 7304 24 00, ex 7304 41 00, 7304 49 10, ex 7304 49 93, ex 7304 49 95, ex 7304 49 99 u ex 7304 90 00 u li joriġinaw mir-RPĊ, għandhom jinġabru b’mod definittiv.

    Artikolu 3

    Meta kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li:

    ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) waqt il-perjodu tal-investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010),

    ma jkun relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

    li effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

    il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk suġġetti għar-rata tad-dazju medja differenzjata ta’ 56,9 %.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul f’Ġinevra, l-14 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. NOGAJ


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 169, 29.6.2011, p. 1.

    (3)  inter alia, www.meps.co.uk.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2376/94 tas-27 ta’ Settembru 1994 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ riċevituri tat-televixins bil-kulur li joriġinaw mill-Malasja, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea, Singapor u t-Tajlandja (ĠU L 255, 1.10.1994, p. 50). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 129/91 tal-11 ta’ Jannar 1991 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ riċevituri tat-televixins bil-kulur bi skrin żgħir li joriġinaw minn Ħong Kong u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 14, 19.1.1991, p. 31). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/392/KEE tal-21 ta’ Ġunju 1991 li taċċetta l-impenji mogħtija b’konnessjoni mal-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet tas-siment tal-asbestos li joriġinaw fit-Turkija, u li jtemmu l-investigazzjoni (ĠU L 209, 31.7.1991, p. 37). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2686/92 tas-16 ta’ Settembru 1992 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ mikroċirkwiti magħrufa bħala DRAMs (dynamic random access memories) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 272, 17.9.1992, p. 13). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1331/2007 tat-13 ta’ Novembru 2007 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ disiandiamide li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 296, 15.11.2007, p. 1).

    (5)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 04/092, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.


    ANNESS I

    PRODUTTURI ESPORTATURI TAR-RPĊ LI MA KINUX FIL-KAMPJUN

    Isem

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Baofeng Steel Group, Co. Ltd., Lishui,

    B236

    Changzhou City Lianyi Special Stainless Steel Tube, Co. Ltd., Changzhou,

    B237

    Huadi Steel Group, Co. Ltd., Wenzhou,

    B238

    Huzhou Fengtai Stainless Steel Pipes, Co. Ltd., Huzhou,

    B239

    Huzhou Gaolin Stainless Steel Tube Manufacture, Co. Ltd., Huzhou,

    B240

    Huzhou Zhongli Stainless Steel Pipe, Co. Ltd., Huzhou,

    B241

    Jiangsu Wujin Stainless Steel Pipe Group, Co. Ltd., Beijing,

    B242

    Jiangyin Huachang Stainless Steel Pipe, Co. Ltd., Jiangyin

    B243

    Lixue Group, Co. Ltd., Ruian,

    B244

    Shanghai Crystal Palace Pipe, Co. Ltd., Shanghai,

    B245

    Shanghai Baoluo Stainless Steel Tube, Co. Ltd., Shanghai,

    B246

    Shanghai Shangshang Stainless Steel Pipe, Co. Ltd., Shanghai,

    B247

    Shanghai Tianbao Stainless Steel, Co. Ltd., Shanghai,

    B248

    Shanghai Tianyang Steel Tube, Co. Ltd., Shanghai,

    B249

    Wenzhou Xindeda Stainless Steel Material, Co. Ltd., Wenzhou,

    B250

    Wenzhou Baorui Steel, Co. Ltd., Wenzhou,

    B251

    Zhejiang Conform Stainless Steel Tube, Co. Ltd., Jixing,

    B252

    Zhejiang Easter Steel Pipe, Co. Ltd., Jiaxing,

    B253

    Zhejiang Five - Star Steel Tube Manufacturing, Co. Ltd., Wenzhou,

    B254

    Zhejiang Guobang Steel, Co. Ltd., Lishui,

    B255

    Zhejiang Hengyuan Steel, Co. Ltd., Lishui,

    B256

    Zhejiang Jiashang Stainless Steel, Co. Ltd., Jiaxing City,

    B257

    Zhejiang Jinxin Stainless Steel Manufacture, Co. Ltd., Xiping Town,

    B258

    Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals, Co. Ltd., Huzhou,

    B259

    Zhejiang Kanglong Steel, Co. Ltd., Lishui,

    B260

    Zhejiang Qiangli Stainless Steel Manufacture, Co. Ltd., Xiping Town,

    B261

    Zhejiang Tianbao Industrial, Co. Ltd., Wenzhou,

    B262

    Zhejiang Tsingshan Steel Pipe, Co. Ltd., Lishui,

    B263

    Zhejiang Yida Special Steel, Co. Ltd., Xiping Town.

    B264


    ANNESS II

    Fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3), għandu jkun hemm dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

    (1)

    l-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali;

    (2)

    id-dikjarazzjoni li ġejja:

    “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li (l-volum) tal-pajpijiet u t-tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u s-sede rreġistrata) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.

    Data u firma”.


    Top