Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1292

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1292/2011 tad- 9 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 718/2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA)

    ĠU L 329, 13.12.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1292/oj

    13.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1292/2011

    tad-9 ta’ Diċembru 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 718/2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (1) (“ir-Regolament IPA”) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (2) jipprovdi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament IPA.

    (2)

    Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż operattivi għandhom jiġu allinjati mal-ftehimiet ta’ qafas li ġew konklużi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

    (3)

    Fid-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-komponent transkonfinali, il-klawżola ta’ deroga għan-nefqa eliġibbli rigward l-ispejjeż operattivi għandha tiġi allinjata ma’ dik tal-assistenza ta’ tranżizzjoni u l-komponent tal-bini tal-istituzzjonijiet.

    (4)

    Fid-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-komponenti tal-iżvilupp tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali, l-Artikolu 160 u l-Artikolu 188 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-pre-finanzjmanet għall-komponenti tal-iżvilupp tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-pre-finanzjament imħallas mill-Kummissjoni lill-pajjiżi li jibbenefikaw mill-komponenti tal-iżvilupp tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali għandu jiżdied u dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-pre-finanzjament għall-komponent tal-iżvilupp reġjonali.

    (5)

    Id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-IPA,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 718/2007 huwa emendat kif ġej:

    1.

    Fl-Artikolu 34(3), il-punt (e) jinbidel b’dan li ġej:

    “(e)

    spejjeż operattivi, ħlief fejn ġie provdut mod ieħor fi ftehimiet ta’ qafas ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali;”

    2.

    Fl-Artikolu 89(3), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Spejjeż operattivi, inklużi spejjeż ta’ kiri, relatati esklussivament mal-perjodu tal-kofinanzjament tal-ħidma, jistgħu jkunu kkunsidrati eliġibbli każ b’każ.”

    3.

    Fl-Artikolu 160, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “3.   Barra mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42, pagamenti għall-pre-finanzjament għandhom jammontaw għal 30 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għat-tliet snin l-aktar riċenti tal-programm ikkonċernat, u għandhom isiru ladarba jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 42(1). Fejn meħtieġ, fir-rigward tad-disponibilità tal-impenn baġitarju, il-pre-finanzjament jista’ jsir f’żewġ pagamenti.”

    4.

    Fl-Artikolu 160, il-paragrafu 4 għandu jitħassar.

    5.

    Fl-Artikolu 188, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Għall-iskopijiet ta’ dan il-komponent, il-pagamenti ta’ pre-finanzjament jistgħu jammontaw għal 30 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għat-tliet snin l-aktar riċenti tal-programm ikkonċernat. Soġġett għad-disponibilità ta’ approprjazzjonijiet baġitarji, il-pre-finanzjament jista’ jitħallas f’żewġ kambjali jew iżjed.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

    (2)  ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.


    Top