Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 32011R0821

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 821/2011 tas- 16 ta’ Awwissu 2011 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika

    ĠU L 209, 17.8.2011, p. 24-38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statutul juridic al documentului care nu mai este în vigoare, Data încetării: 12/01/2012; Imħassar b' 32012D0024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/821/oj

    17.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 209/24


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 821/2011

    tas-16 ta’ Awwissu 2011

    li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett tad-dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Bidu

    (1)

    Fl-4 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (minn hawn ’il quddiem l-USA jew il-pajjiż ikkonċernat).

    (2)

    Il-proċedura nbdiet bħala riżultat ta’ lment ippreżentat fit-22 ta’ Ottubru 2010 minn Ineos Oxide Ltd (“l-ilmentatur”) li jirrappreżenta proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 25% tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni tal-aċetat tal-vinil. L-ilment fih evidenza prima facie tad-dumping tat-tali prodott u ta' dannu materjali li jirriżulta minnu, li tqies biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu ta' proċediment.

    2.   Il-Partijiet ikkonċernati mill-proċediment

    (3)

    Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-kwerelant, lil produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, lill-importaturi, lill-operaturi tas-suq, lill-utenti, lill-fornituri u lill-assoċjazzjonijiet magħrufin li huma kkonċernati, u lir-rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità sabiex jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż tal-inizjazzjoni.

    (4)

    Il-partijiet interessati kollha, li wrew li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu u li talbu smigħ, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    (5)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-erba’ produtturi esportaturi magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat. Tliet produtturi esportaturi bħal dawn ipprovdew tweġiba għall-kwestjonarju. Ir-raba’ produttur esportatur irrifjuta li jikkoopera fl-investigazzjoni u ġie sussegwentement informat li se jiġi trattat bħala kumpanija li ma kkooperatx skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (6)

    Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lill-ilmentatur u lill-produttur l-ieħor tal-Unjoni msemmi fl-ilment.

    (7)

    Minħabba n-numru apparentement kbir ta’ importaturi mhux relatati li huma potenzjalment ikkonċernati minn din l-investigazzjoni, kien previst teħid ta’ kampjuni fl-avviż tal-inizjazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk kienx neċessarju t-teħid ta’ kampjuni u, jekk iva, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati kienu mitluba jidentifikaw ruħhom mal-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-avviż tal-inizjazzjoni. Madankollu, minħabba li żewġ importaturi biss identifikaw ruħhom sal-iskadenza stabbilita mill-avviż tal-inizjazzjoni, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx neċessarju. Żewġ importaturi fl-Unjoni wieġbu kif dovut għall-kwestjonarju u fil-każ ta' wieħed minnhom saret żjara ta’ verifika fuq il-post..

    (8)

    Min-naħa l-oħra, numru ta’ partijiet interessati identifikaw ruħhom bħala utenti. Kwestjonarju mħejji speċifikament għall-utenti ntbagħat lil partijiet bħal dawn. Tnax-il kumpanija wieġbu għall-kwestjonarju u twettqu żjarat ta’ verifika fuq il-post fil-każ ta’ tnejn minnhom.

    (9)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għad-determinazzjoni provviżorja tad-dumping, id-dannu li rriżulta u l-interess tal-Unjoni u wettqet verifiki fuq il-post fil-każ tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Il-produtturi tal-Unjoni

    Ineos Oxide Ltd, ir-Renju Unit

    Wacker Chemie AG, il-Ġermanja

    (b)

    Il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat

    Celanese Ltd.

    The Dow Chemical Company

    LyondellBasell Industries, Acetyls, LLC

    (c)

    Il-kumpaniji mhux relatati fil-pajjiż ikkonċernat

    Terminal, l-Istati Uniti [isem il-parti u l-post eżatt huma kunfidenzjali]

    (d)

    Il-kumpaniji relatati u mhux relatati fl-Unjoni

    Celanese Chemicals Europe GmbH, il-Ġermanja

    Lyondell Chemie Nederland B.V., il-Pajjiżi l-Baxxi

    Terminal, l-Unjoni [isem il-parti u l-post eżatt huma kunfidenzjali]

    (e)

    Il-kumpaniji relatati la fl-Unjoni u lanqas fl-Istati Uniti tal-Amerika

    Dow Europe GmbH, l-Isvizzera

    (f)

    L-Importaturi

    Gantrade Ltd, ir-Renju Unit

    (g)

    L-utenti

    Vinavil, Mapei, l-Italja

    Synthomer, ir-Renju Unit

    3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

    (10)

    L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2009 sat-30 ta’ Settembru 2010 (il-perjodu ta’ investigazzjoni jew PI). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-aħħar tal-PI (il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat).

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    1.   Il-prodott ikkonċernat

    (11)

    Il-prodott ikkonċernat huwa definit bħala aċetat tal-vinil li joriġina fl-Istati Uniti tal-Amerika li attwalment jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 2915 32 00.

    (12)

    L-aċetat tal-vinil (minn hawn ’il quddiem VAM jew il-prodott ikkonċernat) huwa prodott kimiku ta' bażi derivat mill-aċidu aċetiku.

    (13)

    L-aċetat tal-vinil għandu varjetà wiesgħa ta’ applikazzjonijiet. Il-maġġoranza tal-aċetat tal-vinil prodott jintuża bħala fattur produttiv f’żewġ prodotti downstream: l-aċetat tal-polivinil u l-alkoħol tal-polivinil. Dawn il-prodotti downstream huma polimeru importanti f’diversi industriji. Il-polimeri ta’ aċetat tal-vinil jintużaw komunement fil-produzzjoni taż-żebgħa, tal-adeżivi, tal-kisi u tal-finituri tat-tessuti.

    (14)

    L-investigazzjoni wriet li hemm biss tip wieħed tal-prodott ikkonċernat..

    2.   Il-prodott simili

    (15)

    L-investigazzjoni wriet li l-aċetat tal-vinil prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni u l-aċetat tal-vinil prodott fil-pajjiż ikkonċernat u esportat lill-Unjoni kellhom l-istess karatteristiċi u użi bażiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi. Għalhekk, dawn il-prodotti huma provviżorjament meqjusin bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    C.   DUMPING

    1.   Il-valur normali

    (16)

    Għad-determinazzjoni tal-valur normali, l-ewwel ġie stabbilit li l-bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti tal-produtturi esportaturi rispettivi fil-pajjiż ikkonċernat kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum totali tat-tali bejgħ irrappreżentax mill-anqas 5% tal-volum totali tal-bejgħ tal-esportazzjoni tiegħu tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku.

    (17)

    Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur jistax jitqies li sar fil-kors ordinarju tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ domestiku profittabbli lill-klijenti indipendenti matul il-PI.

    (18)

    It-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku tqiesu bħala profittabbli fejn il-kost tal-unità kien ugwali għall-kost tal-produzzjoni, jew ogħla minnha. Għaldaqstant ġie stabbilit il-kost tal-produzzjoni fuq is-suq domestiku matul il-PI.

    (19)

    Fil-każ fejn 80% tal-volum tal-bejgħ fis-suq domestiku kien ogħla mill-kostijiet u l-prezz tal-bejgħ medju peżat kien ugwali għall-kost tal-produzzjoni medja peżata jew ogħla minnu, il-valur normali kien ikkalkulat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiċi kollha, irrispettivament minn jekk humiex profitabbli jew le. Madankollu, fejn il-volum tal-bejgħ profitabbli rrappreżenta 80% jew inqas tal-volum totali ta' bejgħ, jew fejn il-prezz tal-bejgħ medju peżat kien inqas mill-kost tal-produzzjoni medju peżat, il-valur normali kien fuq il-prezz medju peżat tal-bejgħ domestiku profitabbli biss.

    2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (20)

    L-investigazzjoni wriet li l-aċetat tal-vinil kien esportat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni jew (i) permezz tal-kumpaniji tal-kummerċ relatati li jinsabu fl-Unjoni; jew (ii) għal produttur esportatur wieħed, permezz ta' kumpanija kummerċjali relatata barra l-Unjoni.

    (21)

    Fiż-żewġ każijiet li huma, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu stabbiliti abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, aġġustati kif dovut għall-ispejjeż imġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u l-profitti.

    3.   Paragun

    (22)

    Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi rispettivi kienu paragunati ma' dawk tal-fabbrika.

    (23)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ingħata konċessjoni dovuta fil-forma ta' aġġustament għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-ħżin, l-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-kreditu, ir-ribassi, il-kummissjonijiet, id-dazji tal-importazzjoni saru fejn applikabbli u ġustifikati.

    4.   Marġini tad-dumping

    (24)

    Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġini tad-dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw fl-Istati Uniti tal-Amerika ġie stabbilit abbażi ta’ paragun tal-valur normali medju peżat ma' prezz tal-esportazzjoni medju peżat.

    (25)

    Sabiex jiġi determinat il-marġini tad-dumping għal produtturi esportaturi li ma kkooperawx, l-ewwel ġie stabbilit il-livell ta' nuqqas ta' kooperazzjoni. Għal dan il-għan, il-volum ta’ esportazzjonijiet lill-Unjoni rrapportat mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ġie paragunat mal-istatistika tal-importazzjoni tal-Eurostat ekwivalenti.

    (26)

    Minħabba li l-livell ta’ kooperazzjoni fl-Istati Uniti tal-Amerika kien għoli (aktar minn 90%) ġie meqjus provviżorjament xieraq li jiġi stabbilit il-marġini tad-dumping residwu għal kwalunkwe produttur esportatur li ma kkooperax f'dan il-pajjiż fil-livell tal-ogħla dazju impost fuq esportatur li kkoopera. Din il-kwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid sussegwentement fl-istadju definittiv.

    (27)

    Abbażi tal-metodoloġija msemmija hawn fuq, il-marġini tad-dumping provviżorji, espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma dawk li ġejjin:

    Kumpanija

    Marġini ta’ Dumping Provviżorju

    Celanese Ltd.

    12,1 %

    LyondellBasell Acetyls, LLC

    13,0 %

    The Dow Chemical Company

    13,8 %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    13,8 %

    D.   DANNU

    1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni

    (28)

    L-ilment tressaq minn Ineos Oxide Ltd minn hawn ’il quddiem "l-Ilmentatur", produttur ta’ aċetat tal-vinil fl-Unjoni, li jirrappreżenta proprozjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Produttur ieħor tal-Unjoni, it-tieni wieħed, Wacker GmbH, sostna l-inizjazzjoni tal-proċediment. Hekk, l-ilment ġie sostnut mill-produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw aktar minn 25% tal-produzzjoni totali tal-aċetat tal-vinil prodott mill-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-proċediment kien inizjat skont id-dispożizzjoni tal-artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

    (29)

    It-tielet produttur li jinsab fl-Unjoni (Celanese Europe GmbH) instab li huwa relatat ma’ produttur esportatur li jinsab fil-pajjiż ikkonċernat. Skont l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni ġie stabbilit, provviżorjament, li dan il-produttur kien ikkontrollat kompletament minn Celanese Corporation, ibbażata fl-USA, li għandha rwol deċiżiv fl-operazzjonijiet prinċipali tan-negozju Ewropej bħall-ippjanar tan-negozju, il-kontroll tal-produzzjoni, l-attivitajiet tax-xiri u l-bejgħ.

    (30)

    Minħabba dak imsemmi hawn fuq, kien meqjus li r-relazzjoni ta’ Celanese Europe GmbH fil-grupp kienet tali li tikkawża mġiba li tkun differenti minn dik ta’ produtturi oħra mhux relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 4 (2) tar-Regolament bażiku. Kien meqjus ukoll li permezz ta’ din ir-relazzjoni l-kumpanija tista’ tkun protetta mill-konsegwenzi negattivi tad-dumping li jikkawża dannu. Barra minn hekk, jekk tiġi inkluża kumpanija bħal din fis-sejbiet dwar id-dannu jkun hemm distorsjoni tad-dejta aggregata dwar il-kostituzzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (31)

    Abbażi ta’ dan, ġie provviżorjament stabbilit li Celanese Europe GmbH għandha tkun eskluża mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (32)

    Għaldaqstant, iż-żewġ produtturi Ineos Oxide Ltd u Wacker GmbH jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u jirrappreżentaw 100% tal-produzzjoni tal-Unjoni. Minn hawn ’il quddiem dawn se jissejħu l-“industrija tal-Unjoni”.

    2.   Determinazzjoni tas-suq rilevanti tal-Unjoni

    (33)

    Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni kif definita fil-premessi (28) et seq. sofrietx dannu materjali, ġie eżaminat sa liema punt il-produzzjoni magħluqa tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat kellha tingħata kunsiderazzjoni fl-analiżi.

    (34)

    Tabilħaqq, il-prodott ikkonċernat jinbiegħ mill-industrija tal-Unjoni kemm (a) lis-suq ħieles kif ukoll (b) lis-suq magħluq (fi ħdan l-istess grupp tal-kumpanija). Fis-suq magħluq, il-prodott ikkonċernat jintuża bħala materja prima għall-manifattura ta’ diversi prodotti użati fiż-żebgħa, l-adeżivi, il-kisjiet, eċċ.

    (35)

    F’dan il-kuntest, il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat għall-użu bħala materja prima għall-manifattura ta’ prodotti oħra għall-kumpaniji fl-istess grupp għandu jitqies bħala “użu magħluq”, mill-anqas safejn iseħħu kwalunkwe miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-bejgħ ma jsirx għall-prezzijiet tas-suq jew (ii) il-klijent ma għandux għażla ħielsa tal-fornitur fl-istess grupp ta’ kumpaniji. Matul l-investigazzjoni nstab, b'mod provviżorju, li l-bejgħ lil entitajiet relatati li jixtru l-prodott ikkonċernat bħala materja prima għall-manifattura ta' prodott differenti kellu jitqies bħala bejgħ magħluq; instab li skont il-politika kummerċjali tal-kumpaniji, dawn l-entitajiet relatati ma kellhomx għażla ħielsa tal-fornitur.

    (36)

    Din id-distinzjoni hija rilevanti għall-analiżi tad-dannu. L-aċetat tal-vinil destinat għall-użu magħluq ma nstabx li huwa direttament f'kompetizzjoni mal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat. B’kuntrast, il-produzzjoni destinata għall-bejgħ fis-suq ħieles instabet li hija f’kompetizzjoni diretta ma' dawk l-importazzjonijiet, minħabba li dan il-bejgħ sar taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, li jimplika għażla ħielsa ta' fornitur. Dan iġġustifika d-divrenzjar bejn is-suq magħluq u dak ħieles fl-analiżi għal ċerti indikaturi tad-dannu.

    (37)

    F'dan ir-rigward, instab li l-indikaturi ekonomiċi li ġejjin marbuta mal-industrija tal-Unjoni setgħu jiġu eżaminati sew b'referenza għall-attività totali, i.e. inkluż l-użu magħluq tal-industrija tal-Unjoni, il-produzzjoni, il-kapaċità, l-użu tal-kapaċità, l-investimenti, l-istokks, l-impjiegi, il-produttività, is-salarji u l-kobor tal-marġini tad-dumping. Dan minħabba li dawk l-indikaturi jiġu affettwati irrispettivament minn jekk il-prodott jiġix trasferit downstream fil-kumpanija jew fi grupp ta' kumpaniji għal aktar ipproċessar jew jekk jinbiegħx fis-suq ħieles.

    (38)

    Fir-rigward tal-profittabilità, il-fluss tal-flus, ir-redditu fuq l-investiment u l-kapaċità għaż-żieda fil-kapital, l-analiżi twettqet fil-livell tas-suq ħieles biss minħabba l-fatt li l-prezzijiet fis-swieq magħluqin mhumiex rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet normali tas-suq għandu effett fuq l-affidabilità ta’ dawk l-indikaturi.

    (39)

    L-indikaturi ekonomiċi l-oħra relatati mal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri l-konsum, il-bejgħ, l-ishma tas-suq u l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġew analizzati u evalwati l-aktar b’referenza għas-sitwazzjoni li tipprevali fis-suq ħieles, b’mod partikolari fejn jeżistu kundizzjonijiet tas-suq miżurabbli u fejn it-tranżazzjonijiet isiru taħt kundizzjonijiet tas-suq normali li jimplika għażla ħielsa tal-fornitur.

    (40)

    Għal dawk l-indikaturi, is-suq magħluq madankollu kien ġie kkunsidrat ukoll u tqabbel mad-dejta tas-suq ħieles sabiex ikun stabbilit jekk is-sitwazzjoni tas-suq magħluq kinitx x'aktarx se ġġib bidla f'dak li nstab abbażi tal-analiżi tas-suq ħieles waħdu.

    3.   Konsum tal-Unjoni

    (41)

    Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit billi ġie miżjud il-volum totali tal-importazzjoni ta’ aċetat tal-vinil ibbażat fuq Eurostat, kontraverifikat kontra d-dejta verifikata pprovduta mill-produtturi esportaturi għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, mal-volum totali tal-bejgħ fuq is-suq tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produttur l-ieħor li jinsab fl-Unjoni.

    (42)

    Minħabba n-numru żgħir ta’ fornituri u l-bżonn li tiġi protetta d-dejta tan-negozju kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, l-iżvilupp tal-konsum huwa indiċjat.

    Tabella 1

    Il-konsum tal-Unjoni

    Indiċi 2007 = 100

    2007

    2008

    2009

    PI

    Konsum totali

    100

    90

    87

    99

    Suq magħluq

    100

    96

    100

    104

    Suq ħieles

    100

    88

    82

    97

    (43)

    Fil-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, il-konsum fuq is-suq totali tal-Unjoni u fuq is-suq ħieles naqas ftit b’1 % u 3 % rispettivament. Għall-kuntrarju, ġiet reġistrata żieda ta’ 4 % fuq is-suq magħluq matul l-istess perjodu.

    4.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    4.1.   Il-volum u s-sehem tas-suq

    (44)

    L-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, fil-volum u s-sehem tas-suq, kienet dik li ġejja:

    Tabella 2

    Importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerika

    Volumi tal-importazzjonijiet (MT)

    2007

    2008

    2009

    PI

    L-Istati Uniti tal-Amerika

    103 192

    146 800

    133 763

    152 445

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    142

    130

    148

    Sehem tas-suq fis-suq totali

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    159

    150

    149

    Sehem tas-suq fis-suq ħieles

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    162

    157

    152

    Sors: Eurostat u informazzjoni miksuba mill-partijiet interessati permezz tat-tweġibiet għall-kwestjonarji.

    (45)

    Matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, l-importazzjonijiet lejn is-suq totali tal-Unjoni (is-suq magħluq u dak ħieles) mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu bi 48 %. Dan wassal għal żieda fis-sehem tas-suq matul l-istess perjodu ta’ 49 %. Is-sehem tas-suq fis-suq ħieles żdied bi 52 %.

    4.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

    (46)

    Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, żviluppaw kif ġej:

    Tabella 3

    Prezz tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-Amerika

    Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/MT)

    2007

    2008

    2009

    PI

    L-Istati Uniti tal-Amerika

    774

    814

    541

    573

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    105

    70

    74

    Sors: Eurostat

    (47)

    Filwaqt li kien hemm żieda żgħira fil-PI, il-prezzijiet totali medji tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat naqsu b’26% bejn l-2007 u l-PI.

    (48)

    Paragun tal-prezzijiet tal-bejgħ fuq is-suq tal-Unjoni sar bejn il-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni fuq is-suq ħieles u l-prezzijiet medji tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat. Il-prezzijiet tal-bejgħ rilevanti tal-industrija tal-Unjoni ġew aġġustati fejn neċessarju għal-livell ex works, jiġifieri minbarra l-imposti fuq il-merkanzija fl-Unjoni u wara t-tnaqqis tal-iskontijiet u r-ribassi.

    (49)

    Dawn il-prezzijiet ġew ipparagunati mal-prezzijiet li nżammu għal firxa ta skontijiet mill-produtturi esportaturi tal-USA li kkooperaw u aġġustati fejn neċessarju għall-prezz tal-fruntiera tal-Unjoni CIF aġġustat għall-ispejjeż tal-approvazzjoni doganali u l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni.

    (50)

    Il-paragun wera li tul il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-esportaturi kollha li kkooperaw kienu nbiegħu l-Unjoni bi prezzijiet orħos minn dawk tal-industrija tal-Unjoni. Il-livell medju tad-dumping, meta espress bħala perċentwali tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, kien 17,9%, abbażi tad-dejta vverifikata mressqa mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. Dan il-livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet kien kombinat ma’ żvilupp negattiv tal-prezzijiet u tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet.

    5.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    (51)

    It-tabella li ġejja turi l-iżviluppi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra.

    Tabella 4

    Volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    Volumi tal-importazzjonijiet (MT)

    2007

    2008

    2009

    PI

    L-Istati Uniti tal-Amerika

    103 192

    146 800

    133 763

    152 445

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    142

    130

    148

    L-Arabja Sawdija

    0

    0

    0

    73 156

    Oħrajn

    88 138

    52 414

    15 937

    8 198

    Indiċi 2007 = 100

    100

    59

    18

    9

    Sehem tas-suq fis-suq totali

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    66

    21

    9

    Sehem tas-suq fis-suq ħieles

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    68

    22

    10

    Sors: Eurostat

    (52)

    Fil-bidu tal-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat kienu f’kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra inklużi t-Tajwan, l-Ukraina u r-Russja. Fl-aħħar tal-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, l-importazzjonijiet minn dawn is-sorsi tradizzjonali kienu naqsu għal kważi xejn.

    (53)

    Pajjiż esportatur ġdid, l-Arabja Sawdija, li daħal fis-suq tal-Unjoni matul il-PI, esporta madwar 73 000 tunnellata fil-PI. L-impatt ta’ dan l-iżvilupp fuq l-industrija tal-Unjoni huwa diskuss fil-premessi (91) et seq.

    6.   Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    6.1.   Ġenerali

    (54)

    Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet iddampjati fuq l-industrija tal-Unjoni inkludiet evalwazzjoni tal-fatturi kollha ekonomiċi u l-indiċijiet relatati mal-istat tal-industrija tal-Unjoni mill-2007 sa tmiem il-PI.

    (55)

    L-indikaturi makroekonomiċi (il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapital, il-volumi tal-bejgħ, is-sehem tas-suq, l-impjiegi, il-produttività, is-salarji u l-kobor tal-marġini tad-dumping) kif ukoll l-indikaturi mikroekonomiċi (l-istokks, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, u r-redditu fuq l-investiment, il-kapaċità għaż-żieda fil-kapital u l-investimenti, il-kostijiet tal-produzzjoni) ġew valutati fil-livell tal-industrija sħiħa tal-Unjoni. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-informazzjoni derivata mill-kwestjonarji verifikati sottomessi mill-industrija tal-Unjoni.

    (56)

    Għandu jiġi nnutat li l-ilmentatur, il-faċilitajiet tiegħu tal-produzzjoni akkwistahom biss fl-2007; għaldaqstant, id-dejta għal ċerti indikaturi tad-dannu (il-profittabilità, is-salarji, l-investimenti, id-dħul mill-investiment, il-fluss tal-flus) ma setgħux jinkisbu għall-2007. Għalhekk, għal dawk l-indikaturi l-analiżi tkopri l-perjodu 2008 sal-PI. Għall-bqija tal-indikaturi, iċ-ċifri għall-2007 kienu disponibbli. Għalhekk, għal indikaturi bħal dawn, l-analiżi tkopri l-perjodu sħiħ li qed jiġi kkunsidrat (mill-2007 sal-PI).

    (57)

    Il-kwerelant huwa ffukat fuq il-kunsinna tal-prodott ikkonċernat kollu kemm hu lis-suq ħieles filwaqt li l-produttur l-ieħor tal-Unjoni huwa ffukat l-aktar fuq is-suq magħluq bi frazzjoni żgħira destinata għas-suq ħieles. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li d-dejta għall-analiżi tad-dannu hija derivata l-aktar minn żewġ sorsi biss, fejn wieħed minnhom huwa ffukat l-aktar fuq is-suq magħluq, u b'kunsiderazzjoni li nstab li saret distinzjoni bejn is-suq totali u s-suq ħieles għal numru ta' indikaturi ta' dannu, id-dejta relatata mal-industrija tal-Unjoni kellha tiġi indiċjata sabiex tiġi preservata l-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

    6.2.   Indikaturi makroekonomiċi

    6.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

    (58)

    It-tabella hawn taħt tindika l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, tal-kapaċità tal-produzzjoni u tal-użu tal-kapaċità tal-industrija totali tal-Unjoni:

    Tabella 5

    Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità totali tal-Unjoni

    (Indiċi 2007 = 100)

    2007

    2008

    2009

    PI

    Produzzjoni totali

    100

    105

    102

    92

    Kapaċità tal-produzzjoni totali

    100

    121

    126

    143

    Użu tal-kapaċità totali

    100

    87

    81

    64

    (59)

    Kif muri fit-tabella hawn fuq, matul il-perjodu kkunsidrat, il-produzzjoni totali tal-Unjoni naqset bi 8 %.

    (60)

    Matul l-istess perjodu, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet bi 43%. Madankollu, din iż-żieda fil-kapaċità ma kenitx marbuta mal-istabbiliment ta’ linji tal-produzzjoni ġodda iżda mat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-kapaċità eżistenti.

    (61)

    Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ fatturi, jiġifieri t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni u ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni matul l-istess perjodu wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-kapaċità b' 36% matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat.

    6.2.2.   Volumi tal-bejgħ u sehem tas-suq

    (62)

    Iċ-ċifri hawn taħt jippreżentaw il-volum tal-bejgħ, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ unità medji tal-industrija tal-Unjoni maqsumin bejn is-suq totali, magħluq u ħieles.

    Tabella 6

    Volumi tal-bejgħ u sehem tas-suq

    (Indiċi 2007 = 100)

    2007

    2008

    2009

    PI

    Bejgħ totali

    100

    99

    96

    88

    Sehem tas-suq (%)

    100

    110

    111

    88

    Bejgħ tas-suq magħluq

    100

    111

    109

    113

    Sehem tas-suq (%)

    100

    115

    108

    109

    Bejgħ tas-suq ħieles

    100

    89

    86

    67

    Sehem tas-suq (%)

    100

    102

    104

    69

    (63)

    Il-volum totali tal-bejgħ naqas bi 12 % fil-perjodu li qed jiġi kkunsidrat. Dan it-tnaqqis kien ferm ogħla fis-suq ħieles fejn waqa’ bi 33 % bejn l-2007 u l-PI. Is-suq magħluq segwa x-xejra opposta u l-volum tal-bejgħ żdied bi 13 % fl-istess perjodu.

    (64)

    It-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ kien rifless fis-sehem tas-suq li ra tnaqqis ta’ 11 % għas-suq sħiħ u tnaqqis ta’ 31 % fis-suq ħieles bejn l-2007 u l-PI. Għal darb’oħra, is-suq magħluq segwa x-xejra opposta u ra żieda ta’ 9 % matul l-istess perjodu.

    6.2.3.   Impjiegi, produttività u salarji

    Tabella 7

    Impjiegi, produttività u salarji

    (Indiċi 2007 = 100)

    2007

    2008

    2009

    PI

    Numru Totali ta’ impjegati

    100

    96

    98

    100

    Produttività Totali (unità/impjegat)

    100

    109

    104

    92

    Salarji Totali Annwali

    0

    100

    95

    88

    (65)

    L-impjiegi totali baqgħu stabbli bejn l-2007 u l-PI. Għandu jkun innotat li l-produzzjoni ta’ aċetat tal-vinil ma tinvolvix xogħol intensiv u ċ-ċifri tal-impjiegi għalhekk mhumiex marbutin mill-qrib maċ-ċifri tal-produzzjoni. L-impjiegi għalhekk mhumiex ta' importanza sinifikanti bħala indikatur f’dan is-settur.

    (66)

    Matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat l-produttività totali għal kull impjegat naqset bi 8% bejn l-2007 u l-PI. Dan segwa t-tnaqqis fil-produzzjoni u ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni kif spjegat fil-premessa (58) et seq.

    6.2.4.   Kobor tal-marġini effettiv tad-dumping

    (67)

    Il-marġini tad-dumping huma speċifikati hawn fuq fit-taqsima dwar dumping. Il-marġini kollha stabbiliti kienu ogħla mil-livell de minimis. Barra minn hekk, minħabba l-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet iddampjati, l-impatt tal-marġini attwali tad-dumping ma jistax jitqies negliġibbli.

    6.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

    6.3.1.   Kummenti ġenerali

    (68)

    L-analiżi tal-indikaturi mikroekonomiċi (l-istokks, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, u redditu fuq l-investiment, il-kapaċità għaż-żieda fil-kapital u l-investimenti, il-kostijiet tal-produzzjoni) twettqet fil-livell tal-industrija sħiħa tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessi (28) et seq.

    (69)

    Mill-indikaturi msemmija hawn fuq, il-valutazzjoni tal-profittabilità, is-salarji, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, u l-fluss tal-flus kellha tiffoka fuq is-suq ħieles, jiġifieri li għandha tirrifletti l-aktar id-dejta provduta mill-Ilmentatur. Meta jitqies dan t'hawn fuq, l-iżvilupp tal-indikaturi tal-profitt u l-fluss tal-flus, ma setax jingħata fil-format ta' indiċi minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

    (70)

    Barra minn dan, kif spjegat fil-premessa (56), l-ilmentatur ma setax jipprovdi dejta għall-2007 dwar ċerti indikaturi tad-dannu; għaldaqstant, l-analiżi ta' dawk l-indikaturi twettqet għall-perjodu tal-2008 sal-PI.

    6.3.2.   Ħażniet

    (71)

    Iċ-ċifri hawn taħt jirrappreżentaw l-evoluzzjoni tal-ħażniet tal-industrija tal-Unjoni matul kull wieħed mill-perjodi kkonċernati:

    Tabella 8

    Ħażniet

    Indiċi 2007 = 100

    2007

    2008

    2009

    PI

    Ħażniet totali

    100

    86

    49

    69

    (72)

    Il-ħażniet naqsu b'31 % matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat. Madankollu, dan l-indikatur ma għandux jitqies bħala rilevanti f’dan is-settur, għaliex il-produtturi ta’ aċetat tal-vinil jipproduċu skont l-ordnijiet u normalment iżommu ħażniet limitati. Fil-fatt, il-ħażniet jikkorrispondu biss għal ftit ġimgħat ta’ provvista.

    6.3.3.   Prezzijiet tal-bejgħ

    (73)

    It-tabella li ġejja tirrappreżenta l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni maqsuma bejn is-suq totali, magħluq u ħieles.

    Tabella 9

    Prezzijiet tal-bejgħ

    Indiċi 2007 = 100

    2007

    2008

    2009

    PI

    Prezz tal-bejgħ ta’ unità medju tas-suq totali

    100

    107

    74

    84

    Prezz tal-bejgħ ta’ unità medju fuq is-suq magħluq

    100

    115

    82

    92

    Prezz tal-bejgħ ta’ unità medju fuq is-suq ħieles

    100

    102

    69

    77

    (74)

    Il-prezzijiet tal-bejgħ għas-suq totali tal-Unjoni naqsu b’16 % fil-perjodu li qed jiġi kkunsidrat. Il-prezzijiet tal-bejgħ waqgħu fiż-żewġt iswieq, anki jekk it-tnaqqis kien iktar sinifikanti fis-suq ħieles (– 23 %) milli fis-suq magħluq (– 8 %).

    6.3.4.   Profitabilità, fluss tal-flus, redditu fuq l-investiment, kapaċità għaż-żieda fil-kapital u investimenti

    (75)

    Il-profittabilità għall-prodott simili fuq is-suq ħieles kienet stabbilita permezz tal-espressjoni tal-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili mill-industrija tal-Unjoni, bħala l-perċentwal tad-dħul tat-tali bejgħ.

    (76)

    Tul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabilità fis-suq ħieles naqset. Tul il-PI, kull xahar ġie rrappurtat it-telf. Dan kien l-effett ta’ żieda b’saħħitha kemm fil-volumi tal-bejgħ kif ukoll fil-prezzijiet tal-bejgħ.

    (77)

    It-tabella hawn taħt turi li l-industrija tal-Unjoni żiedet l-investimenti tagħha fil-prodott ikkonċernat, anki meta kienet qed tiffaċċja tnaqqis fil-profittabilità. L-investimenti saru l-aktar fit-titjib u l-manutenzjoni tat-teknoloġija u l-proċess tal-produzzjoni sabiex titjib l-effiċjenza.

    Tabella 10

    Investimenti

    Indiċi 2008 = 100

    2007

    2008

    2009

    PI

    Investimenti Totali

    Mhux applikabbli

    100

    129

    127

    (78)

    L-investimenti żdiedu b’27 % matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat.

    (79)

    Minkejja ż-żieda fl-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti (ROI) tal-prodott ikkonċernat ma laħaqx ir-redditu mistenni u naqas bejn l-2008 u l-PI.

    (80)

    Ġie osservat tnaqqis ukoll fil-fluss tal-flus bejn l-2008 u l-PI u dan juri deterjorament kostanti tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni sabiex tiġġenera l-flus u bħala konsegwenza, dgħajfien tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    (81)

    Għaldaqstant, meta kabbret l-investimenti tagħha, l-industrija baqgħet turi l-abilità li żżid il-kapital; madankollu, din l-abilità hija mhedda minn tnaqqis fil-bejgħ u minn diffikulatjiet dejjem ikbar fil-ġenerazzjoni tal-fluss tal-flus.

    7.   Konklużjoni dwar dannu

    (82)

    L-analiżi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni turi xejra ta’ tnaqqis għall-indikaturi kollha ewlenin ta’ dannu. Meta mqabbla ma' konsum relattivament stabbli, il-produzzjoni inġenerali naqset bi 8% fil-perjodu kkunsidrat. Tul l-istess perjodu, l-industrija tal-Unjoni tilfet 11% tas-sehem sħiħ tas-suq u 33% tas-suq ħieles. L-użu tal-kapaċità naqas b'36%. Fl-istess perjodu, l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu bi 48%.

    (83)

    Tul il-perjodu kkunsidrat, il-volum globali tal-bejgħ tal-industrija tal-unjoni naqas bi 12%. Meta wieħed iħares lejn it-tendenzi marbuta mas-suq ħieles, li ra tnaqqis ta' 33% tul il-perjodu kkunsidrat, setgħet tiġi osservata tendenza qawwija ’l isfel fil-volumi tal-bejgħ.

    (84)

    It-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien akkumpanjat b'dipressjoni ġenerali ta' 16 % fil-prezzijiet. Kif kien il-każ għall-volum tal-bejgħ, is-sitwazzjoni terġa' kienet agħar fis-suq ħieles fejn ġiet irreġistrata dipressjoni ta' 23 % fil-prezzijiet. It-telf fil-volum tal-bejgħ flimkien mat-tnaqqis fil-prezzijiet kellhom effet fuq il-livelli tal-profitt u wasslu għal telf f'kull xahar tal-PI.

    (85)

    L-uniċi indikaturi li rreġistraw tendenza pożittiva kienu l-investimenti li żdiedu b'27 %, flimkien mal-abilità li jiżdied il-kapital. Madankollu, l-investimenti ma laħqux il-miri ta' redditu mistenni u bejn l-2008 u l-PI naqsu.

    (86)

    Fid-dawl ta' dan t'hawn fuq, l-investigazzjoni kkonfermat li jekk din is-sitwazzjoni tkompli, it-telf li kien evidenti matul l-investigazzjoni probabbli jwassal għal twaqqif ta’ kwalunkwe produzzjoni mdaqqsa tal-Industrija tal-Unjoni tal-aċetat tal-vinil destinat għas-suq ħieles.

    (87)

    Minħabba ċ-ċirkostanzi mressqa hawn fuq, tul il-PI l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali.

    E.   IL-KAWŻALITÀ

    1.   Introduzzjoni

    (88)

    Skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku ġie eżaminat jekk id-dannu materjali sofrut mill-industrija tal-Unjoni kienx ikkawżat mill-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat. Barra minn hekk, fatturi magħrufin minbarra l-importazzjonijiet iddampjati, li setgħu kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe dannu kkawżat minn dawk il-fatturi ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet iddampjati.

    2.   Impatt tal-importazzjonijiet mill-USA

    2.1.   Ġenerali

    (89)

    Hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet iddampjati bejn l-2007 u l-PI, flimkien ma’ telf parallel tas-sehem tas-suq mill-industrija tal-Unjoni matul l-istess perjodu. L-investigazzjoni stabbiliet ukoll l-eżistenza tal-effetti negattivi fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet iddampjati li kontinwament iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industriji tal-Unjoni u bħala konsegwenza naqqsu l-profittabilità tagħhom.

    (90)

    Ċerti partijiet iddikjaraw li ż-żieda fl-importazzjonijiet kienet sempliċement qed tissostitwixxi l-importazzjonijiet li saru preċedentement minn pajjiżi oħra importaturi u/jew minħabba d-domanda dejjem tiżdied fuq is-suq tal-UE. Madankollu, la ċ-ċifri tal-importazzjoni (ara t-tabella 2), u lanqas iċ-ċifri tal-konsum (ara t-tabella 1) ma jistgħu jikkonfermaw din id-dikjarazzjoni. F’dan il-kuntest jiġi mfakkar kif muri fil-premessa (43) li l-konsum kien pjuttost stabbli u anki naqas ftit fil-perjodu li qed jiġi kkunsidrat filwaqt li l-importazzjonijiet mill-USA żdiedu bi 48%.

    3.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

    3.1.   Impatti tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    3.1.1.   Impatti tal-importazzjoni mill-Arabja Sawdija

    (91)

    Ċerti partijiet interessati stqarru li l-importazzjonijiet ta’ VAM mill-Arabja Sawdija huma l-kawża tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

    (92)

    L-Arabja Sawdija hija fil-fatt kif iddikjarat fil-premessa (53) hawn fuq, it-tieni l-akbar esportatur ta' VAM lejn l-Unjoni wara l-USA. L-importazzjonijiet mill-Arabja Sawdija daħlu fis-suq biss matul il-PI.

    (93)

    Iċ-ċifri tal-Eurostat ippreżentati fit-tabella 11 hawn taħt juru l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Arabja Sawdija u pajjiżi terzi oħra.

    Tabella 11

    Il-prezz tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    EURO/MT

    2007

    2008

    2009

    PI

    L-Arabja Sawdija

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    Mhux applikabbli

    636

    (Indiċi IP = 100)

    0

    0

    0

    100

    Oħrajn

    878

    919

    473

    633

    (Indiċi 2007 = 100)

    100

    105

    54

    72

    (94)

    It-tabella turi li l-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-Arabja Sawdija għal 636 EUR huwa paragunabbli ma’ dawk tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra li kienu bħala medja ta’ 633 EUR, filwaqt li kienu 11% ogħla mill-prezz medju tal-USA ta’ 573 EUR.

    (95)

    Il-fatt li l-operaturi tal-Arabja Sawdija qed joperaw fl-istess segment tal-prezz bħal importaturi oħra b’differenzjali tal-prezz sinifikanti paragunat mal-esportazzjonijiet tal-USA juri li l-produtturi esportaturi tal-Arabja Sawdija jaġixxu b’mod differenti mill-USA f’termini ta’ stabbiliment ta’ prezzijiet u f’termini tal-impatt possibbli fuq il-produttur tal-Unjoni.

    (96)

    Fuq din il-bażi, jista’ jiġi konkluż provviżorjament li l-importazzjonijiet mill-Arabja Sawdija ma jiksrux il-kawżalità bejn l-importazzjonijiet iddampjati mill-USA u d-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni.

    3.2.   Impatt tal-kriżi ekonomika

    (97)

    Ċerti partijiet interessati stqarru li t-tnaqqis fil-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għandu jiġi attribwit għat-tnaqqis fil-konsum. Dawn il-partijiet stqarru wkoll li x-xejra ta’ tnaqqis fil-prezzijiet medji tal-bejgħ kienet ikkawżata mill-kriżi ekonomika dinjija.

    (98)

    Partijiet oħra argumentaw li matul il-kriżi ekonomika, il-produtturi kollha petrokimiċi, inklużi l-produtturi tal-VAM, sofrew telf serju u li għalhekk it-telf sofrut mill-industrija tal-Unjoni ma għandux jiġi attribwit għall-importazzjonijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat.

    (99)

    Madankollu, l-investigazzjoni preżenti, kif imsemmi fil-premessi (41) sa (43) uriet li t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni fuq is-suq ħieles kien negliġibbli matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat. Għalhekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika f’termini ta’ tnaqqis fil-konsum ma setax ikun responsabbli għat-tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-bejgħ kif muri fil-premessi (62) sa (64).

    (100)

    L-analiżi taċ-ċifri tal-profittabilità tas-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni wriet li n-negozju tal-VAM sofra telf partikolari meta paragunat ma' prodotti kimiċi simili oħra li jiġu manifatturati. Barra minn hekk, il-profittabilità ta’ dawk il-prodotti l-oħra rkuprat wara l-kriżi, filwaqt li n-negozju tal-VAM kompla jiddeterjora. Dan iwassal għall-konklużjoni provviżorja li filwaqt li n-negozju tal-VAM kien l-aktar probabbli li ġie affettwat mill-kriżi ekonomika, għandu jiġi distint minn setturi oħra petrokimiċi, minħabba t-telf persistenti sofrut mill-Ilmentatur li kompla wara l-kriżi li kien marbut direttament mal-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-USA. Din id-dikjarazzjoni għalhekk qed tiġi provviżorjament miċħuda.

    (101)

    Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, huwa konkluż provviżorjament li l-kriżi ekonomika ma kkontribbwietx għad-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni sal-punt li tikser il-kawżalità bejn id-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonjiet iddampjati mill-USA.

    3.3.   Dannu kkawżat mill-ilmentatur stess

    (102)

    Ħafna partijiet interessati argumentaw li l-Ilmentatur kien ikkontribwixxa għas-sitwazzjoni prekarja tiegħu stess billi bena kapaċità tal-produzzjoni addizzjonali matul ir-riċessjoni. Ġie allegat li kwalunkwe tnaqqis fil-bejgħ u l-profitti għalhekk kien ikkawżat mill-kombinazzjoni tar-riċessjoni u deċiżjoni tan-negozju ħażina min-naħa tal-Ilmentatur.

    (103)

    Diversi partijiet interessati barra minn hekk argumentaw li t-teknoloġija użata fl-impjant tal-Ilmentatur hija l-kawża ewlenija tad-dannu. Matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat, l-Ilmentatur sofra ħafna qtugħ tal-produzzjoni u sitwazzjonijiet ta’ force majeure u ġie argumentat li t-tnaqqis fil-bejgħ tal-Ilmentatur għandu jiġi attribwit għal diversi drabi ta’ waqfien u mhux lill-importazzjonijiet iddampjati mill-USA. Argumenti simili ngħataw fir-rigward tal-profittabilità tal-Ilmentatur.

    (104)

    Fil-każ tad-dikjarazzjoni li l-Ilmentatur ma kellux jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku dinji, huwa mfakkar li l-Ilmentatur ma kisibx kwalunkwe kapaċità ġdida iżda sempliċement espanda l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu permezz tal-ottimizzazzjoni tal-proċessi eżistenti. Din għandha titqies deċiżjoni tan-negozju raġonevoli f’suq fejn il-konsum totali huwa stabbli iżda l-bejgħ qed jaqa’ minħabba l-kompetizzjoni ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx. Din id-dikjarazzjoni għalhekk qed tiġi provviżorjament miċħuda.

    (105)

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li huwa l-waqfien tal-produzzjoni minħabba problemi tekniċi tal-ilmentatur stess li wassal għad-dannu sofrut mill-ilmentatur, l-investigazzjoni wriet li l-proċess tal-produzzjoni għall-VAM jeħtieġ manutenzjoni ċiklika u għeluq tal-impjant f’intervalli regolari u pjanati. Għalhekk, il-waqfien ta' tlieta minn ħamsa għandu jitqies bħala parti mill-operat regolari ta’ impjant tal-VAM.

    (106)

    Barra minn hekk, instab li t-tliet każijiet ta' waqfien tal-produzzjoni kienu bbażati fuq deċiżjonijiet konxji tal-Ilmentatur biex iwaqqaf il-produzzjoni fi żminijiet meta l-pressjoni fuq il-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet iddampjati kienet tant qawwija li l-Ilmentatur ma kienx fil-pożizzjoni li jipproduċi b’livelli tal-prezz sostenibbli. Matul dan il-waqfien, l-Ilmentatur kellu livelli ta’ ħażniet suffiċjenti biex jipproduċi l-volumi baxxi mitluba li jew kien sar ftehim ta’ kuntratt għalihom jew inkella nkisbu permezz ta’ bejgħ immedjat. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-livelli tal-ħażniet, kif iddikjarat fil-premessa (72), jikkonferma li saru kunsinni kostanti matul il-perjodu li qed jiġi kkunsidrat.

    (107)

    Għal dawn ir-raġunijiet, instab li l-impatt ġenerali tal-waqfien tal-produzzjoni tal-Ilmentatur ma kienx tali li jikser il-kawżalità. Għalhekk, l-argumenti mqajma mill-partijiet interessati fir-rigward tad-dannu kkawżat mill-Ilmentatur stess ġew miċħuda.

    3.4.   Aċċess għall-materja prima: Il-vantaġġ kompetittiv naturali tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

    (108)

    Ħafna partijiet interessati argumentaw li d-dipendenza tal-Ilmentatur fuq provvisti esterni ta’ materja prima, minflok l-importazzjonijiet iddampjati għandha titqies bħala waħda mis-sorsi ewlenin tal-problemi tiegħu. Ġie allegat ukoll li l-esportaturi tal-USA għandhom vantaġġ kompetittiv naturali għaliex dawn għandhom aċċess għal materja prima irħas, jiġifieri l-etilene u l-aċidu aċetiku.

    (109)

    F’termini tal-problemi allegati tas-sorsi ta’ materja prima disponibbli lill-Ilmentatur, l-argument li tqajjem hawn fuq ma setax jiġi sostnut għaliex instab li l-Ilmentatur jibbenefika wkoll minn materjali ta' kanali preferenzjali li jiġu mill-impjant fuq il-post tal-fornitur tiegħu stess kif ukoll minn kumpanija assoċjata. Għaldaqstant, il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija kienu paragunabbli ma' dawk disponibbli għas-suq tal-pajjiż ikkonċernat.

    (110)

    Minn dan jirriżulta li filwaqt li l-prezzijiet ġenerali tal-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-VAM setgħu tabilħaqq kienu inqas fl-USA milli fis-suq tal-Unjoni, dan ma kellux impatt fuq il-kostijiet tal-Ilmentatur.

    (111)

    Il-fatt li d-differenza fil-prezzijiet tal-materja prima setgħet kellha biss impatt parzjali fuq il-problemi esperjenzati mill-Ilmentatur kien appoġġjat ulterjurament mill-fatt li ċifri ta’ profittabilità aħjar b’mod sinifikanti ġew irreġistrati għal prodotti oħra manifatturati mill-Ilmentatur li fihom l-istess materja prima.

    (112)

    Għal dawn ir-raġunijiet, huwa konkluż provviżorjament li l-impatt tal-prezzijiet tal-materja prima ma kienx tali li jikser il-kawżalità bejn l-importazzjonijiet iddampjati mill-USA u d-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni.

    4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (113)

    Ġie konkluż li hemm kawżalità bejn id-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet iddampjati mill-USA. Kawżi oħra possibbli tad-dannu, jiġifieri l-impatt tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħrajn, l-impatt tal-kriżi ekonomika, il-vantaġġ kompetittiv naturali tal-produtturi esportaturi fuq il-materja prima u d-dannu maħluq minnhom stess, kienu analizzati u l-ebda waħda minn dawn ma kellha impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, hekk li tkissret ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet iddampjati mill-USA u d-dannu materjali li sofriet l-industrija tal-Unjoni.

    (114)

    Abbażi tal-analiżi msemmija hawn fuq tal-effetti tal-fatturi kollha magħrufa fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ġie għalhekk konkluż provviżorjament li hemm kawżalità bejn l-importazzjonijiet iddampjati mill-USA u d-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni matul il-PI.

    F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

    (115)

    L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu materjali minħabba l-effetti tal-importazzjonijiet iddampjati li waqqgħu l-prezzijiet tagħha kif elaborat fil-premessa (48) et seq.

    (116)

    L-industrija tal-Unjoni qed tinvesti biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha u gradwalment qed tissimplifika l-proċess tal-produzzjoni tagħha. Jista’ jkun mistenni li l-miżuri għandhom jipprevjenu li jkun hemm iżjed kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet iddampjati bi prezzijiet baxxi u bħala konsegwenza għandhom jippermettu l-irkupru tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (117)

    Mill-banda l-oħra, jekk ma jiġux imposti miżuri, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-profittabilità kurrenti tal-industrija tal-Unjoni, kif analizzati fl-investigazzjoni preżenti fil-premessi (54) et seq., mhumiex b’saħħithom biżżejjed biex jirreżistu l-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet iddampjati. Il-konsegwenza probabbli se twassal għal twaqqif jew tnaqqis sinifikanti tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għas-suq ħieles.

    (118)

    Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, huwa mistenni li l-industrija tal-Unjoni għandha tibbenefika mill-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji.

    2.   L-interess tal-importaturi

    (119)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ importaturi mhux relatati magħrufa li identifikaw ruħhom sal-iskadenza stabbilita fl-Avviż tal-Inizjazzjoni.

    (120)

    L-investigazzjoni wriet li parti rilevanti tad-dħul totali tiegħu huwa relatat mal-prodott ikkonċernat.

    (121)

    L-impatt tad-dazji fuq il-profittabilità tal-importatur ġie analizzat. L-analiżi wriet li l-profitt u l-marġini kummerċjali magħmul fuq l-importazzjonijiet tagħha huma tali li l-impożizzjoni tal-miżuri jistgħu tabilħaqq iwasslu għal tnaqqis fil-profittabilità tagħha. Riżultat ta' dan, mill-perspettiva tal-kostijiet, kieku kellhom jiġu imposti l-miżuri, dawn ma hemmx dubju li jkollhom impatt fuq in-negozju tal-importatur. Madankollu, l-importatur ikkonferma li hu se jkun f'qagħda li jgħaddi tal-inqas parti miż-żieda fil-kostijiet fuq il-konsumaturi tiegħu, u dan fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq, fejn id-domanda mistennija tibqa' kostanti. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li huwa possibbli għall-importatur biex issa jibda jixtri l-prodott minn produtturi li mhumiex suġġett għad-dazju, bħalma huma l-esportaturi Tajwaniżi jew il-produtturi tal-Unjoni.

    (122)

    Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-effett fuq l-importaturi tal-impożizzjoni tal-miżuri jkun limitat.

    3.   L-interess tal-utenti

    (123)

    L-utenti wrew interess qawwi f’dan il-każ. Fl-investigazzjoni kkooperaw 12-il utent; minn dawn, tnejn ġew verifikati abbażi tal-volum tal-importazzjonijiet tagħhom mill-pajjiż ikkonċernat. Dawn il-kumpaniji jinsabu mal-Unjoni kollha u huma preżenti fis-settur tal-applikazzjonijiet industrijali bħal kisi, żebgħa u adeżivi.

    (124)

    L-importazzjonijiet tal-utenti li kkooperaw jammontaw għal terz tal-importazzjonijiet totali mill-USA bbażati fuq iċ-ċifri tal-Eurostat. L-investigazzjoni wriet li 30% tax-xiri tal-VAM tal-utenti li kkooperaw joriġinaw mill-USA u 57% joriġinaw mill-UE.

    (125)

    L-investigazzjoni wriet li l-VAM irrappreżenta, bħala medja, madwar terz tal-kost tal-produzzjoni taż-żewġ utenti verifikati.

    (126)

    Ċerti utenti argumentaw li l-impożizzjoni tal-miżuri żżid il-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom u li jkun diffiċli sabiex jittrasferixxu dik iż-żieda fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom minħabba l-kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet fis-suq. Allegatament, din id-diffikultà tista’ tirriżulta jew fi tnaqqis tas-sehem tas-suq tal-utenti għall-vantaġġ tal-kompetituri tagħhom li jinsabu barra mill-Unjoni, jew f’bidla mill-proċess tal-produzzjoni kurrenti tagħhom għal oħrajn li ma jinvolvux il-prodott ikkonċernat. Allegatament, il-konsegwenza finali tal-miżuri għandha tkun tnaqqis importanti tal-marġini ta’ profitt tal-utenti.

    (127)

    Tnejn minn dawn l-utenti allegaw li t-tnaqqis fil-marġini ta' profitt għandu jwassal għal anqas investimenti fil-produzzjoni tagħhom u li, bħala konsegwenza, jiġu affettwati l-impjiegi.

    (128)

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar it-tnaqqis fil-marġini ta’ profitt, b’kunsiderazzjoni tal-livelli ta’ profittabilità b'saħħithom tal-utenti, huwa mistenni li jekk l-utenti ma jkunux jistgħu jittrasferixxu ż-żieda fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom, l-impożizzjoni tad-dazji għandha tnaqqas il-marġini ta’ profitti tagħhom bi ftit biss. Għalhekk, huwa probabbli li l-investimenti fil-produzzjoni ma jiġux imfixkla u li ma jkunx hemm effett ħażin sinifikanti fuq l-impjiegi. Fid-dawl ta’ dak ta' hawn fuq, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

    (129)

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat se jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-utenti tal-Unjoni għaliex dawn se jżidu il-kostijiet tal-produzzjoni tagħhom u jiffavorixxu l-importazzjonijiet ta’ prodotti downstream minn pajjiżi terzi oħra, jiġi mfakkar li d-dazji ma għandhomx l-intenzjoni li jwaqqfu l-importazzjonijiet u li l-livell ta’ miżuri mhuwiex tali li jipprevjeni lill-utenti milli jagħmlu akkwisti mill-USA. L-iskop tad-dazji anti-dumping huwa li jistabbilixxi mill-ġdid kundizzjonijiet indaqs fis-suq tal-Unjoni għall-prodott ikkonċernat. Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq u b’kunsiderazzjoni li terz wieħed biss tal-konsum ta’ VAM tal-utenti joriġina mill-USA, din id-dikjarazzjoni hija miċħuda.

    (130)

    Barra minn dak imsemmi hawn fuq, għandu jiġi enfasizzat ukoll li ħafna utenti rrapportaw li minħabba n-numru skars ta' sorsi ta' VAM, provvista suffiċjenti ta' VAM li joriġina mill-Unjoni hija prijorità. F’dan ir-rigward, jiġi mfakkar li l-investigazzjoni wriet li hemm probabilità li l-industrija tal-Unjoni tista’ twaqqaf il-provvista ta' VAM lis-suq ħieles jekk ma jiġux imposti l-miżuri. Fir-rigward tad-diversità tal-provvista, l-impożizzjoni tal-miżuri għalhekk tkun ukoll fl-interess tal-utenti tal-Unjoni.

    (131)

    Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, huwa konkluż provviżorjament li kwalunkwe effetti negattivi tal-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-utenti jkunu limitati.

    4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (132)

    Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, huwa konkluż provviżorjament li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar l-interess tal-Unjoni, ma jistax jiġi konkluż b’mod ċar li l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil li joriġinaw fil-USA ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    G.   PROPOSTA GĦAL MIŻURI ANTI-DUMPING PROVVIŻORJI

    (133)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping provviżorji għandhom jiġu imposti sabiex jipprevjenu milli jiġi kkawżat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni bl-importazzjonijiet iddampjati.

    1.   Livell ta’ eliminazzjoni ta’ dannu

    (134)

    Sabiex jiġi determinat il-livell ta' dawn il-miżuri, għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-marġini tad-dumping li nstabu u l-ammont ta' dazju neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu sofrut mill-industrija tal-Unjoni.

    (135)

    Meta jiġi kkalkulat l-ammont ta’ dazju neċessarju sabiex jitneħħew l-effetti tad-dumping li jikkawżaw dannu, huwa kkunsidrat li kwalunkwe miżuri għandhom jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tkopri il-kostijiet tal-produzzjoni tagħha u tikseb profitt qabel it-taxxa li jista' raġonevolment jinkiseb minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas tal-importazzjonijiet iddampjati, fuq il-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni.

    (136)

    Għalhekk, il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ġie kkalkulat abbażi ta’ paragun tal-prezz medju tal-importazzjonijiet iddampjati u l-prezz indikattiv tal-industrija tal-Unjoni. Il-prezz indikattiv ġie stabbilit permezz taż-żieda ta’ marġini ta’ profitt indikattiv mal-kostijiet tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Il-marġini ta’ profitt indikattiv ġie stabbilit provviżorjament fil-livell ta’ 9,9%. Dan il-marġini ta’ profitt ġie stabbilit b’referenza għall-profittabilità bbażata fuq ir-redditu medju (imkejjel bħala EBITDA/bejgħ) li l-kumpaniji petrokimiċi li joperaw f’settur simili għall-VAM iġġeneraw matul il-perjodu 2007-2009.

    (137)

    Il-marġini ta' bejgħ taħt il-prezz li rriżulta huma ogħla minn 30 %.

    2.   Miżuri provviżorji

    (138)

    Fid-dawl ta’ dak imsemmi qabel, u skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus li l-miżuri anti-dumping provviżorji għandhom jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat fil-livell l-aktar baxx tal-marġini tad-dumping u ta' dannu b'konformità mar-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tiġi stabbilita kif xieraq għal-livell tal-marġini tad-dumping misjub.

    (139)

    Ir-rati tad-dazju anti-dumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzoni preżenti. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazji (għall-kuntrarju tad-dazju mal-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati mmanifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

    (140)

    Kwalunkwe pretensjoni dwar l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju anti-dumping ta' kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta' entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ ġodda) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (3) minnufih bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjati ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Il-Kummissjoni, jekk xieraq, għandha, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, temenda r-Regolament kif xieraq billi taġġorna l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali.

    (141)

    Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, ir-rati ta’ dazju anti-dumping proposti, espressi fuq il-fruntiera tal-Unjoni CIF, huma provviżorjament dawk li ġejjin:

    Kumpanija

    Marġini tad-dumping

    Marġini tad-dannu

    Rati tad-Dazju Provviżorji

    Celanese Ltd.

    12,1 %

    38,4 %

    12,1 %

    LyondellBasell Acetyls, LLC

    13 %

    65,8 %

    13 %

    The Dow Chemical Company

    13,8 %

    66,2 %

    13,8 %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    13,8 %

    66,2 %

    13,8 %

    H.   DIVULGAZZJONI

    (142)

    Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi ffissat perjodu li fih il-partijiet interessati li identifikaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-avviż tal-inizjazzjoni jistgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ. Barra minn hekk, għandu jingħad li s-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping li saret għall-fini ta' dan ir-Regolament huma provviżorji u jistgħu jerġgħu jiġu kkunsidrati għall-fini ta' kwalunkwe sejbiet definittivi,

    ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju anti-dumping provviżorju qed jiġi impost fuq l-importazzjonijiet ta’ aċetat tal-vinil, li fil-preżent jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2915 32 00 u li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika.

    2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej.

    Kumpanija

    Dazju Anti-Dumping

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Celanese Ltd.

    12,1 %

    B233

    LyondellBasell Acetyls, LLC

    13 %

    B234

    The Dow Chemical Company

    13,8 %

    B235

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    13,8 %

    B999

    3.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-provvista ta' sigurtà ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

    4.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

    Artikolu 2

    Mingħajr ħsara għall-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 il-partijiet interessati jistgħu jitolbu d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u japplikaw għal smigħ orali mill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 23.

    (3)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, 1049 Brussels, Belgium.


    Sus