EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0794

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 794/2011 tat- 8 ta’ Awwissu 2011 li japprova emendi fl-ispeċifikazzjonijiet inizjali ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Parmigiano Reggiano (DPO)]

ĠU L 204, 9.8.2011, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/794/oj

9.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 794/2011

tat-8 ta’ Awwissu 2011

li japprova emendi fl-ispeċifikazzjonijiet inizjali ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Parmigiano Reggiano (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba mressqa mill-Italja għall-approvazzjoni tal-emendi fl-ispeċifikazzjonijiet inizjali tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Belġju, id-Danimarka, u l-“Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-ġobon”, li għandha l-uffiċċju ċentrali tagħha f’Basel (l-Isvizzera), iddikkjaraw oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. L-oġġezzjonijiet tal-Belġju u tad-Danimarka tqiesu eliġibbli abbażi tal-punti (a), u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(3), ta’ dak ir-Regolament. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-“Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-ġobon” tqieset ineliġibbli, għax intbagħtet wara l-iskadenza stipulata.

(3)

Bl-ittri tat-30 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jibdew il-konsultazzjoni xierqa.

(4)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tad-Danimarka kienet dwar l-assenza ta’ ġustifikazzjoni relatata mal-obbligu tat-tqattigħ, it-tħakkik u l-kundizzjonament tal-ġobon tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” fi ħdan iż-żona ġeografika delimitata. Permezz tal-kjarifikazzjonijiet mibgħuta mill-Italja skont dawn il-konsultazzjonijiet, id-Danimarka rtirat l-oġġezzjoni tagħha.

(5)

Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Belġju kienet ukoll dwar l-assenza ta’ ġustifikazzjoni relatata mal-obbligu tat-tqattigħ, t-tħakkik u l-kundizzjonament tal-ġobon tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano” fi ħdan iż-żona ġeografika delimitata.

(6)

Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn il-Belġju u l-Italja fi żmien sitt xhur, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5) u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(7)

Fil-punt 3.6 tad-dokument uniku, l-Italja enfasizzat illi “dan l-obbligu jiġi spjegat permezz tal-isparizzjoni jew l-inviżibbiltà, fuq il-ġobon maħkuk, jew mqatta’ f’biċċiet, tal-marka tal-identifikazzjoni tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” li tinsab fuq il-ġobna sħiħa, u minħabba l-ħtieġa li jiġi garantit l-oriġini tal-prodott qabel ma jiġi ppakkjat. Hekk ukoll ġej mill-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-operazzjoni ta’ kundizzjonament f’biċċiet isseħħ malajr kemm jista’ jkun wara li l-ġobna titqatta’, permezz ta’ metodi li jippermettu li ma jkunx hemm riskji ta’ deidrazzjoni jew ossidazzjoni, u għalhekk, tat-telf tal-karaterristiċi organolettiċi oriġinali tal-“Parmigiano Reggiano”. B’mod partikulari, il-qsim tal-ġobna oriġinali jneħħi l-protezzjoni li tagħti l-qoxra, imnixxfa sew, u b’hekk tiżolaha kompletament mill-effetti ambjentali.”

(8)

Il-Kummissjoni tqis din il-ġustifikazzjoni hija tali li tiggarantixxi l-oriġini tal-prodott ikkunsidrat, filwaqt li tiżgura kontroll ottimali u tippreserva l-kwalità fiżika u organolettika, u ma turi ebda nuqqas ta’ valutazzjoni mil-parti tal-partijiet kompetenti Taljani.

(9)

Il-Belġju, barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni tagħha ta’ oġġezzjoni invokat il-punt (c) tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Skont dan l-Artikolu, jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni “(…) [li] juru li r-reġistrazzjoni tal-isem propost jikkawża periklu […] għall-eżistenza ta’ prodotti li kienu jinsabu fuq is-suq b’mod legali għal tal-anqas ħames snin mid-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2)”.

(10)

Il-Belġju ma bagħatx fatturi konkreti dwar il-periklu potenzjali li l-intrapriżi Belġjani setgħu jsofru wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet inizjali.

(11)

Madankollu huwa magħruf sew li effettivament jeżistu entitajiet ’il barra miż-żona ġeografika delimitata li huma kkonċernati mit-tqattigħ u/jew il-kundizzjonament tal-ġobon li jġib id-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”. L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 jawtorizza f’dan ir-rigward dispożizzjoni għal perjodu tranżizzjonali ta’ mhux aktar minn ħames snin, meta dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tkun ġiet iddikjarata ammissibbli għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tal-isem propost jipperikola l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom fis-suq b’mod legali għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament imsemmi. Meta jitqiesu, notevolment, l-obbligi kuntrattwali matul l-implimentazzjoni u l-adattament progressiv meħtieġ tas-suq wara emendi fid-denominazzjoni inizjali “Parmigiano Reggiano”, jidher li jkun xieraq, f’dan il-każ, li jiġi previst perjodu tranżizzjonali ta’ sena għal vantaġġ ta’ operaturi mhux stabbiliti fiż-żona ġeografika delimitata fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”, sakemm jipproċedu legalment l-operazzjonijiet tat-tqattigħ u l-kundizzjonament tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” barra miż-żona ġeografika delimitata matul tal-anqas ħames snin qabel id-data tas-16 ta' April 2009. It-tul ta’ dan il-perjodu tranżizzjonali huwa l-istess bħal dak mogħti lill-Italja għal vantaġġ tal-operaturi li jagħmlu t-tqattigħ u l-ippakkjar fit-territorju tagħhom, iżda barra miż-żona ġeografika delimitata.

(12)

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-emendi għandhom jiġu approvati u jiġi introdott perjodu tranżizzjonali ta’ sena.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u d-Denominazzjonijiet Protetti tal-Oriġini,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi fl-ispeċifikazzjoni inizjali, ippublikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' April 2009 dwar id-denominazzjoni li tidher fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament huma approvati.

Artikolu 2

Perjodu tranżizzjonali ta’ sena qed jingħata lill-operaturi li mhumiex stabbiliti fi ħdan iż-żona ġeografika delimitata fir-rigward tal-ispecikazzjonijiet tad-denominazzjoni “Parmigiano Reggiano”, u li pproċedew legalment fit-tqattigħ u l-kundizzjonament tal-ġobon li jġib id-denominazzjoni “Parmegiano Reggiano” barra miż-żona ġeografika delimitata msemmija matul tal-anqas ħames snin qabel id-data tas-16 ta' April 2009.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU C 87, 16.4.2009, p. 14.


ANNESS

Prodotti tal-Anness I tat-Trattat maħsubin għall-ikel mill-bniedem:

Klassi 1.3   Ġobnijiet

L-ITALJA

Parmigiano Reggiano (DPO)


Top